Language of document : ECLI:EU:C:2015:597

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Settembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 24(2) – Benefiċċji tal-assistenza soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 4 u 70 – Benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus – Ċittadini ta’ Stat Membru li qegħdin ifittxu impjieg residenti fi Stat Membru ieħor – Esklużjoni – Żamma tal-istatus ta’ ħaddiem”

Fil-Kawża C‑67/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundessozialgericht (Qorti Federali li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, il-Ġermanja), b’deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

Jobcenter Berlin Neukölln

vs

Nazifa Alimanovic,

Sonita Alimanovic,

Valentina Alimanovic,

Valentino Alimanovic,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot u C. Vajda, Presidenti tal-Awla, E. Levits, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Berger (Relatur), E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Nazifa Alimanovic, Sonita Alimanovic, Valentina Alimanovic u Valentino Alimanovic, minn D. Mende u E. Steffen, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, A. Joyce u E. McPhillips, bħala aġenti, assistiti minn G. Gilmore, BL,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, K. Sparrman, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn L. Swedenborg, E. Karlsson u F. Sjövall, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn J. Coppel, QC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE u 45(2) TFUE, tal-Artikoli 4 u 70 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010, tad-9 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 338, p 35), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), kif ukoll tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Jobcenter Berlin Neukölln (iċ-ċentru għall-impjieg ta’ Berlin Neukölln, iktar ’il quddiem iċ-“ċentru għall-impjieg”) u Nazifa Alimanovic u t-tliet ulied tagħha Sonita, Valentina u Valentino Alimanovic (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“familja Alimanovic”) dwar l-annullament minn din l-aġenzija tal-għoti ta’ benefiċċji għall-assigurazzjoni bażika (“Grundsicherung”) previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Soċjali u Medika, iffirmata f’Pariġi fil-11 ta’ Diċembru 1953 mill-membri tal-Kunsill tal-Ewropa u fis-seħħ fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mill-1956 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-Assistenza”), jistabbilixxi prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ġej:

“Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti timpenja ruħha li ċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti l-oħra jibbenefikaw, li jirrisjedu regolarment fuq kull parti tat-territorju tagħha li għalih tapplika din il-Konvenzjoni u li ma għandhomx riżorsi biżżejjed, għall-assistenza soċjali u medika prevista mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-parti tat-territorju kkunsidrat daqs kemm ikollhom dritt it-ċittadini tagħha stess u bl-istess kundizzjonijiet.”

4        Skont l-Artikolu 16(b) tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza, “kull Parti Kontraenti għandha tinnotifika kull liġi ġdida jew kull regolament ġdid mhux kopert mill-Anness I lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Ma’ din in-notifika, il-Parti Kontraenti tista’ tagħmel xi riżervi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi l-ġdida jew ir-regolament il-ġdid għaċ-ċittadini ta’ Partijiet Kontraenti oħrajn”. Ir-riżerva magħmula mill-Gvern Ġermaniż, fid-19 ta’ Diċembru 2011, skont din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“Il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandux jagħti liċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti l-oħra, bl-istess mod bħaċ-ċittadini tiegħu stess u taħt l-istess kundizzjonijiet, il-benefiċċji previsti fil-Ktieb II tal-Kodiċi Ġermaniż tas-Sigurtà Soċjali [(Sozialgesetzbuch Zweites Buch, iktar ’il quddiem il-“Ktieb II”)] – Protezzjoni soċjali bażika għall-persuni li qed ifittxu xogħol, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ rispettivament.”

5        Konformement mal-Artikolu 16(ċ) tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza, din ir-riżerva ġiet ikkomunikata lill-partijiet l-oħrajn għal din il-Konvenzjoni.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 883/2004

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Trattament ugwali” jipprovdi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

7        L-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Disposizzjonijiet Ġenerali”, jinsab fil-Kapitolu 9 tat-Titolu III tiegħu, u jirrigwarda l-“[b]enefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”. Dan l-artikolu jipprevedi:

“1.      Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.      Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus” tfisser il-benefiċċji li:

a)      huma maħsuba biex jagħtu jew:

i)      protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

jew

ii)      protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

u

b)      meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

c)      huma elenkati fl-Anness X.

3.      L-Artikolu 7 [u] l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.      Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

8        L-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji mogħtija fi flus”, jipprevedi, f’dak li jikkonċerna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-benefiċċji li ġejjin:

“[…]

b)      Benefiċċji li jkopru spejjeż ta’ sussistenza taħt id-dispożizzjoni bażika għal min ikun qed ifittex impjieg sakemm, fir-rigward ta’ dawn il-benefiċċji, il-ħtiġiet ta’ eliġibbiltà għal suppliment temporanju wara li jkunu rċivew il-benefiċċju tal-qgħad (l-Artikolu 24(1) tal-[Ktieb II]) ma jkunux ġew sodisfatti.”

 Id-Direttiva 2004/38

9        Skont il-premessi 10, 16 u 21 tad-Direttiva 2004/38:

“(10) Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(16)      Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta’ l-għajnuna soċjali. L-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta’ għajnuna soċjali u jipproċiedi għat-tkeċċija tiegħu. Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

[…]

(21)      Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall-istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti minn dawn l-istess persuni.”

10      L-Artikolu 7(1) u (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; […]

[…]

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a)      il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

b)      il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

ċ)      il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

d)      il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.”

11      Skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”:

“1.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż [mhux raġonevoli] fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

F’każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Din il-verika m’għandhiex titwettaq sistematikament.

3.      Miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

a)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew

b)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

12      L-Artikolu 24 tal-istess direttiva, intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

 Id-dritt Ġermaniż

 Il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali

13      L-Artikolu 19a(1), li jinsab fil-Ktieb I tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, jipprevedi ż-żewġ tipi prinċipali ta’ benefiċċji għall-assigurazzjoni bażika għal persuni li qegħdin ifittxu xogħol kif ġej:

“Taħt id-dritt għall-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol jistgħu jintalbu:

1.      benefiċċji li jinvolvu d-dħul f’xogħol,

2.      benefiċċji li jinvolvu li jiġi żgurat l-għajxien.”

14      L-Artikolu 1 tal-Ktieb II, intitolat “Funzjoni u għan tal-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

“(1)      L-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol hija intiża li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem.

[…]

(3)      L-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol tinvolvi benefiċċji

1.      intiżi li jtemmu jew li jnaqqsu l-istat ta’ bżonn, b’mod partikolari billi jinstab ix-xogħol u

2.      intiżi li jiżguraw l-għajxien.”

15      L-Artikolu 7 tal-Ktieb II, intitolat “Benefiċjarji” jipprevedi:

“(1)      Il-benefiċċji skont dan il-ktieb huma intiżi għall-persuni li

1.      laħqu l-età ta’ 15-il sena u għadhom ma laħqux il-limitu tal-età msemmi fl-Artikolu 7a,

2.      huma kapaċi jaħdmu,

3.      jinsabu fil-bżonn u

4.      jirrisjedu abitwalment fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (benefiċjarji li kapaċi jaħdmu).

Huma esklużi

1.      il-barranin, nisa u rġiel, li ma humiex impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li ma għandhomx id-dritt għall-moviment liberu skont l-Artikolu 2(3) tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni [(Freizügigkeitsgesetz/EU, iktar ’il quddiem il-‘liġi dwar il-moviment liberu’)], u l-membri tal-familja tagħhom, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom,

2.      il-barranin, nisa u rġiel, li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss minħabba li qegħdin ifittxu xogħol, u l-membri tal-familja tagħhom,

[…]

Il-punt 1 tat-tieni sentenza ma japplikax għall-barranin, nisa u rġiel, li jirrisjedu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħt permess ta’ residenza maħruġ skont it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar id dritt ta’ residenza [(Aufenthaltgesetz)]. Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ residenza jibqgħu japplikaw.

[…]”

16      L-Artikolu 8(1) tal-Ktieb II, intitolat “Kapaċità li taħdem”, huwa fformulat kif ġej:

“Hija kapaċi li taħdem kull persuna li, fil-futur prevedibbli, ma hijiex inkapaċi, minħabba mard jew diżabbiltà, li teżerċita attività professjonali tal-inqas tliet sigħat kuljum fil-kundizzjonijiet abitwali tas-suq tax-xogħol.”

17      L-Artikolu 9(1) tal-Ktieb II jipprovdi:

“Hija fil-bżonn kull persuna li ma tistax tiżgura l-għajxien tagħha, jew li tiżgurah b’mod suffiċjenti, abbażi tad-dħul jew tal-patrimonju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u ma tirċevix l-għajnuna neċessarja minn persuni oħra, b’mod partikolari mill-membri tal-familja tagħha jew minn korpi oħra ta’ benefiċċji soċjali.”

18      L-Artikolu 20 tal-Ktieb II jistabbilixxi dispożizzjonijiet komplementari fuq il-bżonnijiet bażiċi għall-għajxien. L-Artikolu 21 tal-Ktieb II jipprevedi regoli dwar il-bżonnijiet addizzjonali u l-Artikolu 22 tal-Ktieb II jitratta l-bżonnijiet tal-akkomodazzjoni u l-provvista ta’ tisħin. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 28 sa 30 tal-Ktieb II jirrigwardaw il-benefiċċji ta’ taħriġ u parteċipazzjoni.

19      L-Artikolu 1 tal-Ktieb XII tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (iktar ’il quddiem il-“Ktieb XII”) li jitratta l-għajnuna soċjali, huwa fformulat kif ġej:

“Il-funzjoni tal-għajnuna soċjali hija dik li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem. […]”

20      L-Artikolu 21 tal-Ktieb XII jipprevedi li:

“Il-benefiċċji għall-għajxien ma jingħatawx lill-persuni li huma koperti mill-benefiċċji skont [il-Ktieb II] sa fejn dawn ikunu kapaċi jaħdmu jew minħabba r-rabta familjari tagħhom. […]”

 Il-liġi dwar il-moviment liberu

21      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi dwar il-moviment liberu, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, huwa ppreċiżat fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi:

“Din il-liġi tirregola d-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (ċittadini tal-Unjoni) u tal-membri tal-familja tagħhom.”

22      L-Artikolu 2 tal-liġi dwar il-moviment liberu jipprovdi, għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ dħul u residenza:

“(1)      Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju federali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

(2)      Għandhom jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni:

1.      iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu jixtiequ jirrisjedu bħala ħaddiema, sabiex ifittxu impjieg jew biex jieħdu taħriġ professjonali.

[…]

5.      iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali, b’mod konformi għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4,

6.      il-membri tal-familja, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4,

[…]

(3)      Għall-impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom, id-dritt previst fil-paragrafu 1 huwa bla ħsara

1.      għal inkapaċità temporanja għax-xogħol wara marda jew aċċident,

2.      għall-qgħad involontarju kkonfermat mill-aġenzija għall-impjieg kompetenti jew għat-tmiem ta’ attività indipendenti wara ċirkustanzi indipendenti mill-volontà tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu, wara perijodu ta’ iktar minn sena ta’ attività,

3.      għall-formazzjoni professjonali meta teżisti rabta bejn l-formazzjoni u l-attività professjonali preċedenti; ir-rabta ma hijiex meħtieġa jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni tilef l-impjieg tiegħu involontarjament.

Id-dritt li jirriżulta mill-paragrafu 1 għandu jinżamm għal sitt xhur f’każ ta’ qgħad involontarju kkonfermat mill-aġenzija għax-xogħol kompetenti wara perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn sena.

[…]”

23      L-Artikolu 3 tal-liġi dwar il-moviment liberu, dwar il-membri tal-familja, jipprovdi:

“(1)      Il-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni msemmija fil-punti 1 sa 5 tal-Artikolu 2(2) jibbenefikaw mid-dritt abbażi tal-Artikolu 2(1) meta jakkumpanjaw l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jew meta jingħaqdu miegħu. Għall-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni msemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 2(2), dan japplika b’mod konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4.

(2)      Huma membri tal-familja

1.      il-konjuġi, is-sieħeb u l-ġenituri fil-linja dixxendenti tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 5 u 7 tal-Artikolu 2(2), jew tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom, li għadhom ma laħqux il‑21 sena.

2.      il-ġenituri fil-linja axxendenti jew dixxendenti tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 5 u 7 tal-Artikolu 2(2), jew tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom, li l-għajxien tagħhom huwa ggarantit minn dawn il-persuni jew mill-konjuġi jew mis-sieħeb tagħhom.

[…]”

24      L-Artikolu 5 tal-liġi dwar il-moviment liberu, intitolat “Karti ta’ residenza u ċ-ċertifikat relatat mad-dritt ta’ residenza permanenti”, jipprevedi:

“(1)      Ċertifikat ta’ dritt ta’ residenza għandu jingħata ex officio u immedjatament liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li huma awtorizzati jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju.

[…]

(3)      L-uffiċċju tal-barranin kompetenti jista’ jeżiġi li l-kundizzjonijiet tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2(1) jintwerew b’mod kredibbli fi żmien tliet xhur li jsegwu d-dħul fit-territorju Federali. L-indikazzjonijiet u l-provi neċessarji għall-ġustifikazzjoni jistgħu jiġu rċevuti, waqt ir-reġistrazzjoni amministrattiva, mill-awtorità ta’ reġistrazzjoni kompetenti, li għandha tibgħat l-indikazzjonijiet u l-provi lill-uffiċċju tal-barranin kompetenti. […]

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Nazifa Alimanovic, imwielda fl-1966, u l-ulied tagħha Sonita, Valentina u Valentino, imwielda, rispettivament, fl-1994, fl-1998 u fl-1999, huma kollha ta’ nazzjonalità Svediża. N. Alimanovic twieldet il-Bożnija filwaqt li l-ulied tagħha twieldu kollha l-Ġermanja.

26      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, mingħajr ma huma speċifikati la d-data ta’ tluq eżatta u lanqas ir-raġuni tal-assenza, li l-familja Alimanovic telqet mill-Ġermanja fl-1999 lejn l-Isvezja u li huma rritornaw fl-ewwel Stat Membru f’Ġunju 2010.

27      Fl-1 ta’ Lulju 2010, il-membri tal-familja Alimanovic irċevew ċertifikat ta’ residenza għal perijodu llimitat (“Unbefristete Freizügigkeitsbescheinigung”) skont l-Artikolu 5 tal-liġi dwar il-moviment liberu. Wara l-wasla tagħha fil-Ġermanja, N. Alimanovic u bintha Sonita, li huma kapaċi jaħdmu fis-sens tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, kellhom, bejn Ġunju 2010 u Mejju 2011, impjiegi għal perijodu qasir jew kellhom opportunitajiet ta’ xogħol għal inqas minn sena.

28      Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Diċembru 2011 u l-31 ta’ Mejju 2012, N. Alimanovic ingħatat, għall-ulied tagħha Valentina u Valentino, allowance tal-familja u, bħal bintha Sonita, benefiċċji għall-assigurazzjoni bażika skont il-Ktieb II, jiġifieri benefiċċji tal-għajxien għall-persuni qiegħda għal żmien twil, imsejħa “Arbeitslosengeld II”, kif ukoll benefiċċji soċjali għall-persuni li mhux kapaċi jaħdmu, b’dawn iż-żewġ benefiċjarji tal-aħħar ikunu ż-żewġ ulied l-oħrajn, Valentina u Valentino (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“benefiċċji inkwistjoni”).

29      Fid-dawl tal-għoti tal-benefiċċji inkwistjoni matul dan il-perijodu, iċ-ċentru għall-impjieg ikkunsidra li r-regola ta’ esklużjoni li tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg, prevista fit-tieni sentenza tal-punt 2 tal-Artikolu 7(1) tal-Ktieb II, ma kinitx applikabbli għall-familja Alimanovic sa fejn, peress li l-membri tagħha kienu ċittadini Svediżi, din ir-regola kellha tiġi injorata skont il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza. Fil-fatt, f’sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti Federali li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali kienet iddeċidiet li l-obbligu għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li ċ-ċittadini tal-partijiet kontraenti l-oħrajn, li jirrisjedu regolarment fuq kull parti tat-territorju tagħha u li ma għandhomx riżorsi biżżejjed, għandhom jibbenefikaw minn benefiċċji ta’ għajnuna, daqskemm ikollhom dritt it-ċittadini tagħha stess, kienet tkopri wkoll l-għoti ta’ dħul minimu għall-għajxien skont l-Artikoli 19 et seq tal-Ktieb II.

30      Madankollu, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 48(1) tal-Ktieb X tal-Kodiċi Soċjali, hemm lok li att amministrattiv jiġi invalidat b’effett fil-futur meta jkun hemm bidla sinjifikattiva fis-sitwazzjoni fattwali u legali li kienet teżisti matul l-adozzjoni ta’ tali att. Fir-rigward tal-għoti ta’ benefiċċji fuq il-bażi tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza, saret emenda f’Mejju 2012, wara r-riżerva mibgħuta fid-19 ta’ Diċembru 2011 mill-Gvern Ġermaniż fir-rigward ta’ din il-konvenzjoni. Kien abbażi ta’ dan li ċ-ċentru għall-impjieg irtira d-deċiżjoni ta’ għoti tal-benefiċċji kollha inkwistjoni għal Mejju 2012.

31      Fuq rikors tal-familja Alimanovic, il-Qorti li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Berlin (Sozialgericht Berlin) annullat din id-deċiżjoni u, inter alia, iddeċidiet li N. Alimanovic u bintha Sonita kellhom dritt għall-benefiċċji inkwistjoni li kienu jikkonċernawhom, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni kontra ċittadini tal-Unjoni fil-konfront taċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, moqri flimkien mal-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament li jikkonċerna l-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li kienet quddiemha.

32      Fil-kuntest tal-appell tagħha mressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, iċ-ċentru għall-impjieg issottometta, b’mod partikolari, li l-benefiċċji intiżi li jiżguraw riżorsi għall-għajxien skont il-Ktieb II jikkostitwixxu “dritt ta’ għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, li jippermettu b’hekk esklużjoni ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg minn dawn il-benefiċċji.

33      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika b’mod partikolari li, skont il-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Berlin, li hija marbuta bihom, N. Alimanovic u bintha Sonita ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom iktar minn dritt ta’ residenza bħala ħaddiema skont l-Artikolu 2 tal-liġi dwar il-moviment liberu. Fil-fatt, minn Ġunju 2010, huma kellhom biss impjiegi għal perijodu qasir jew kellhom opportunitajiet ta’ xogħol għal inqas minn sena u, wara Mejju 2011, huma ma eżerċitaw ebda attività oħra, la bħala impjegati u lanqas għal rashom.

34      Billi tirreferi għas-sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344), din il-qorti tikkunsidra li mit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tal-liġi dwar il-moviment liberu, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, jirriżulta li la N. Alimanovic u lanqas bintha Sonita ma kellhom iktar il-kwalità ta’ impjegati jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u li huma kellhom, minħabba dan, jiġu kkunsidrati bħala persuni li qegħdin ifittxu impjieg, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(2) tal-liġi dwar il-moviment liberu.

35      Huwa għalhekk, abbażi tat-tieni sentenza tal-punt 2 tal-Artikolu 7(1) tal-Ktieb II, li teskludi mill-benefiċċji previsti minn din il-leġiżlazzjoni kemm il-persuni li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss mill-fatt li jkunu qegħdin ifittxu impjieg, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, li b’mod partikolari N. Alimanovic u bintha Sonita ġew esklużi mill-benefiċċju tal-għajxien għal persuni qiegħda għal żmien twil.

36      Il-qorti tar-rinviju tagħmel għalhekk, minn naħa, id-domanda dwar jekk din id-dispożizzjoni tal-Ktieb II tiksirx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

37      Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk l-imsemmija dispożizzjoni tal-Ktieb II tistax tiġi kkunsidrata bħala traspożizzjoni legali fid-dritt intern tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jew jekk, f’każ ta’ inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din hijiex kuntrarja għall-Artikolu 45(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 18 TFUE.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Federali li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, japplika wkoll – bl-eċċezzjoni tal-esklużjoni tal-esportazzjoni tal-benefiċċji prevista fl-Artikolu 70(4) tal-imsemmi regolament – għall-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, restrizzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 permezz ta’ dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/CE li bis-saħħa tagħhom l-aċċess għal dawn il-benefiċċji ma jeżisti taħt l-ebda cirkustanza meta dritt ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor jirriżulta unikament mill-għan ta’ tfittxija ta’ xogħol, huma possibbli u f’dak il-każ sa liema estent?

3)      L-Artikolu 45(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 18 TFUE, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tirrifjuta, mingħajr eċċezzjoni, għat-tul tad-dritt ta’ residenza unikament għall-finijiet ta’ tfittxija ta’ xogħol u indipendentement minn rabta mal-Istat Membru ospitanti, liċ-ċittadini tal-Unjoni li bħala persuni li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, benefiċċju soċjali li jservi sabiex jiġu ggarantiti l-mezzi tal-għajxien u li fl-istess waqt jiffaċilita wkoll l-aċċess għas-suq tax-xogħol?”

39      B’ittra tas-26 ta’ Novembru 2014, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja ttrażmetta s-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358) lill-qorti tar-rinviju, u talabha tindika jekk, fid-dawl tal-ewwel punt tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, hija xtaqitx iżżomm l-ewwel domanda preliminari. B’digriet tal-11 ta’ Frar 2015, il-Qorti Federali li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ddeċidiet li hija ma xtaqitx iżżomm l-ewwel domanda preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-klassifikazzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni

40      Għandu jitfakkar li mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-dritt ta’ residenza ta’ N. Alimanovic u ta’ bintha Sonita jirriżulta mill-kwalità tagħhom ta’ persuni li qegħdin ifittxu impjieg u li hija kienet marbuta bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-qorti tal-mertu f’dan ir-rigward.

41      Bit-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kompatibbiltà, minn naħa, mal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, mal-Artikoli 18 TFUE u 45(2) TFUE, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi minn ċerti benefiċċji liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li għandhom il-kwalità ta’ persuni li qegħdin ifittxu impjieg, minkejja li dawn il-benefiċċji huma ggarantiti liċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni.

42      Peress li n-natura tal-benefiċċji inkwistjoni bħala benefiċċji tal-assistenza soċjali jew bħala miżuri intiżi li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol hija determinanti sabiex tiġi identifikata r-regola li magħha għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tagħhom, huwa importanti li wieħed jipproċedi għall-klassifikazzjoni tagħhom.

43      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju stess ikklassifikat il-benefiċċji inkwistjoni bħala “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”, fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004. Hija tenfasizza f’dan ir-rigward li l-imsemmija benefiċċji huma intiżi sabiex jiżguraw riżorsi għall-għajxien lil persuni li ma jkunux jistgħu jiżguraw l-għajxien tagħhom u li huma jkunu s-suġġett ta’ finanzjament mhux kontributtiv permezz tat-taxxa. Peress li l-imsemmija benefiċċji huma barra minn hekk imsemmija fl-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 70(2) tal-imsemmi regolament, anki jekk huma jagħmlu parti minn skema li tipprevedi barra minn hekk benefiċċji intiżi sabiex jiffaċilitaw it-tfittxija ta’ impjieg.

44      Madankollu, għandu jingħad ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali benefiċċji jaqgħu wkoll fil-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, dan il-kunċett jirreferi għall-iskemi kollha ta’ għajnuna stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom individwu li ma għandux biżżejjed riżorsi biex jaffronta l-bżonnijiet elementari tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li għalhekk, minħabba dan, jirriskja li jsir, matul ir-residenza tiegħu, piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat (sentenza Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 63).

45      F’dan il-każ, barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-funzjoni predominanti tal-benefiċċji inkwistjoni hija preċiżament li jiggarantixxu l-minimu tal-mezzi tal-għajxien neċessarji sabiex jgħixu ħajja konformi mad-dinjità umana.

46      Għalhekk, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-imsemmija benefiċċji ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala benefiċċji ta’ natura finanzjarja li huma intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol fi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 45), iżda għandhom jitqiesu li huma “għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 sa 71 tal-konklużjonijiet tiegħu.

47      Konsegwentement, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

 Fuq it-tieni domanda

48      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi minn ċerti “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”, fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, u li jikkostitwixxu wkoll “assistenza soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li qegħdin ifittxu impjieg fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, filwaqt li dawn il-benefiċċji jkunu ggarantiti liċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji tal-assistenza soċjali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ċittadin tal-Unjoni jista’ biss jinvoka ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tkun tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 (sentenza Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 69).

50      Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li persuni li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38 ikunu jistgħu jinvokaw dritt għal benefiċċji tal-assistenza soċjali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali, dan ikun imur kontra wieħed mill-għanijiet tal-imsemmija direttiva, imsemmi fil-premessa 10 tagħha, li huwa intiż biex jevita li ċ-ċittadini tal-Unjoni ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn isiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti (sentenza Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 74).

51      Sabiex jiġi ddeterminat jekk benefiċċji tal-assistenza soċjali, bħall-benefiċċji inkwistjoni, jistgħux jiġu miċħuda abbażi tad-deroga tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, għandha konsegwentement tiġi vverifikata, preliminarjament, l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imfakkar fl-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva u, b’hekk, il-legalità tar-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

52      Għandu jiġi kkonstatat li żewġ dispożizzjonijiet biss tad-Direttiva 2004/38 jistgħu jagħtu lil persuni li qegħdin ifittxu impjieg li jsibu ruħhom fis-sitwazzjoni ta’ N. Alimanovic u ta’ bintha Sonita dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti skont din id-direttiva, jiġifieri l-Artikoli 7(3)(ċ) u 14(4)(b) tagħha.

53      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li, jekk il-ħaddiem isib ruħu involontarjament bla xogħol wara li jlesti kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ inqas minn sena jew wara li jispiċċa involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u jkun irreġistrat bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg mal-uffiċċju tal-impjieg rilevanti, huwa jżomm l-istatus ta’ ħaddiem għal perijodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur. Matul dan l-istess perijodu, iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 u jista’, barra minn hekk, jipprevalixxi ruħu mill-prinċipju ta’ trattament ugwali, stabbilit fl-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva.

54      B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 32), li ċittadini tal-Unjoni li jkunu żammew l-istatus ta’ ħaddiema abbażi tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, għandhom dritt għal benefiċċji tal-assistenza soċjali, bħall-benefiċċji inkwistjoni, matul l-imsemmi perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur.

55      Madankollu, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex ikkontestat li N. Alimanovic u bintha Sonita, li żammew l-istatus tagħhom ta’ ħaddiema għal mill-inqas sitt xhur wara t-tmien tal-aħħar impjieg tagħhom, ma kellhomx iktar l-imsemmi status meta l-benefiċċji inkwistjoni ġew miċħuda lilhom.

56      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 jistax jagħti dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38 lil ċittadini tal-Unjoni li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni bħal N. Alimanovic u bintha Sonita, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li ċittadin tal-Unjoni li jidħol fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex ifittex impjieg hemmhekk ma jistax jitkeċċa mill-imsemmi Stat Membru sakemm ikun jista’ jipprovdi evidenza li qiegħed ikompli jfittex impjieg u li għandu ċans ġenwin li jsibu.

57      Anki jekk, skont il-qorti tar-rinviju, N. Alimanovic u bintha Sonita jistgħu jibbażaw id-dritt ta’ residenza tagħhom fuq l-imsemmija dispożizzjoni anki wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għal perijodu, kopert mill-Artikolu 14(4)(b) tagħha, li tagħtihom id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji tal-assistenza soċjali, għandu madankollu jiġi rrilevat li, f’tali każ, l-Istat Membru ospitanti jista’ jibbaża ruħu fuq id-deroga tal-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva sabiex ma jagħtix lill-imsemmi ċittadin il-benefiċċju tal-assistenza soċjali mitlub.

58      Fil-fatt, mir-riferenza magħmula mill-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għall-Artikolu 14(4)(b) tagħha, jirriżulta espressament li l-Istat Membru ospitanti jista’ jiċħad kull benefiċċju tal-assistenza soċjali lil ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika minn dritt ta’ residenza abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar biss.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2004/38 teħtieġ li l-Istat Membru jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali ta’ persuna kkonċernata meta jkun se jadotta miżura ta’ tkeċċija jew jikkonstata li din il-persuna tikkostitwixxi piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali fil-kuntest tar-residenza tagħha (sentenza Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 64, 69 u 78), tali eżami individwali ma huwiex neċessarju madankollu f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali.

60      Fil-fatt, id-Direttiva 2004/38, li tistabbilixxi sistema gradwali taż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem li hija intiża sabiex tissoda d-dritt ta’ residenza u l-aċċess għall-benefiċċji soċjali, tieħu inkunsiderazzjoni hija stess il-fatturi differenti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni individwali ta’ kull min jitlob benefiċċju soċjali u, b’mod partikolari, il-perijodu tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

61      Issa, billi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità, il-kriterju msemmi kemm fl-Artikolu 7(1) tal-Ktieb II, moqri flimkien mal-Artikolu 2(3) tal-liġi dwar il-moviment liberu, kif ukoll l-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri perijodu ta’ sitt xhur wara l-waqfa ta’ attività professjonali li matulu jinżamm id-dritt għall-għajnuna soċjali, huwa, konsegwentement, ta’ natura li jiggarantixxi livell għoli ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza fil-kuntest tal-għoti ta’ benefiċċji tal-assistenza soċjali għall-assigurazzjoni bażika, filwaqt li jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62      Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżami individwali intiż li jwassal għal evalwazzjoni globali tal-piż li l-għoti ta’ benefiċċju jkun jirrappreżenta b’mod konkret fuq is-sistema nazzjonali ta’ assistenza soċjali fl-intier tagħha inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-għajnuna mogħtija lil persuna waħda li tkun qiegħda titlob il-benefiċċju tista’ diffiċilment tiġi kklassifikata bħala “piż [mhux raġonevoli]” għal Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2004/38, li jista’ jkun ta’ piż fuq l-Istat Membru kkonċernat mhux wara li tkun tressqet talba individwali quddiemu, iżda neċessarjament meta jingħaddu t-talbiet individwali kollha li jkunu tressqu quddiemu.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi minn ċerti “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”, fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, u li jikkostitwixxu wkoll “assistenza soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jsibu ruħhom fis-sitwazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tal-imsemmija direttiva, minkejja li dawn il-benefiċċji jkunu ggarantiti liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010, tad-9 ta’ Diċembru 2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi minn ċerti “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”, fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, u li jikkostitwixxu wkoll “assistenza soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jsibu ruħhom fis-sitwazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tal-imsemmija direttiva, minkejja li dawn il-benefiċċji jkunu ggarantiti liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.