Language of document : ECLI:EU:C:2017:395

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ppreżentati fit-18 ta’ Mejju 2017 (1)

MTKawża C-64/16

Associação Sindical dos Juízes Portugueses

vs

Tribunal de Contas

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (qorti amministrattiva suprema, il-Portugall)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Indipendenza ġudizzjarja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fl-amministrazzjoni pubblika – Miżuri ta’ awsterità baġitarja”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (qorti amministrattiva suprema, il-Portugall) ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Associação Sindical dos Juízes Portugueses (Assoċjazzjoni sindakali tal-imħallfin Portugiżi, iktar ’il quddiem l-“ASJP”) u t-Tribunal de Contas (qorti tal-awdituri, il-Portugall), dwar it-tnaqqis fis-salarji mħallsa lill-membri ta’ din il-qorti tal-aħħar, li rriżulta minn liġi li naqqset b’mod temporanju l-ammont tar-remunerazzjonijiet fis-settur pubbliku biex tiġġieled l-effetti tal-kriżi ekonomika fil-Portugall.

2.        Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, kif fil-fehma tagħha jirriżulta kemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (2) kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (3) u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.        Qabel nesponi l-motivi ta’ mertu li għalihom inqis li jeħtieġ li tingħata risposta negattiva għad-domanda magħmula hawnhekk, ser neżamina l-ilmenti dwar l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni manifesta ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja li ġew ifformulati f’din il-kawża.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-atti prinċipali tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jikkoreġu l-iżbilanċ eċċessiv tar-Repubblika Portugiża u li jagħtuha assistenza finanzjarja li huma msemmija f’din il-kawża huma dawn li ġejjin:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/288/UE, tat-2 ta’ Diċembru 2009, dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Portugall (4);

–        ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010, tal-11 ta’ Mejju 2010, li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (5);

–        il-Ftehim ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju, normalment magħruf bl-isem ta’ “Memorandum ta’ Qbil”, iffirmat fis-17 ta’ Mejju 2011 bejn il-Gvern Portugiż, il-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“FMI”) u l-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“BĊE”) (6);

–        id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE, tat-30 ta’ Mejju 2011, dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (7), emendata b’mod partikolari mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/409/UE, tal-10 ta’ Lulju 2012 (8), u mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/234/UE, tat-23 ta’ April 2014 (9); kif ukoll

–        ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2013, bl-għan li tirrimedja s-sitwazzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv tal-gvern fil-Portugall (10).

B.      Id-dritt Portugiż

1.      Il-Liġi Nru 75/2014

5.        Il-lei n° 75/2014, estabelece os mecanismos das reduções remuneratórias temporárias e as condições da sua reversão (Liġi Nru 75/2014, li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ tnaqqis temporanju fir-remunerazzjonijiet u l-kundizzjonijiet dwar ir-riversibbiltà tagħhom), tat-12 ta’ Settembru 2014 (11) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 75/2014”), għandha l-għan, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, li tiddetermina l-applikazzjoni, b’mod tranżitorju, tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis fir-remunerazzjonijiet fis-settur pubbliku u li tiddefinixxi l-prinċipji li għandha tosserva r-riversibbiltà tiegħu.

6.        L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, intitolat “Tnaqqis tar-remunerazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1 – Ir-remunerazzjoni totali grossa ta’ kull xahar tal-persuni msemmija fil-paragrafu 9, irrispettivament minn jekk dawn il-persuni jeżerċitawx funzjonijiet f’din id-data jew jekk jibdewx jeżerċitawhom, fi kwalunkwe kapaċità, għandha titnaqqas bil-mod li ġej, meta l-ammont tagħha jkun ogħla minn EUR 1 500.

a)      bi 3.5 % tal-valur totali tar-remunerazzjonijiet ogħla minn EUR 1 500 u inqas minn EUR 2 000;

b)      bi 3.5 % fuq EUR 2 000, miżjuda b’16 % fuq il-valur tar-remunerazzjoni totali li jaqbeż l-EUR 2 000, biex tintlaħaq rata globali li tvarja bejn 3.5 % u 10 % għar-remunerazzjonijiet ugwali għal jew ogħla minn EUR 2 000 u inqas minn jew ugwali għal EUR 4 165;

ċ)      b’10 % fuq il-valur totali tar-remunerazzjonijiet ogħla minn EUR 4 165.

[…]

9 – Din il-liġi tapplika għall-uffiċjali u persuni oħra elenkati hawn taħt:

a)      il-President tar-Repubblika;

b)      il-President tal-Assembleia da República [assemblea nazzjonali];

ċ)      il-Prim Ministru;

d)      id-deputati tal-Assembleia da República;

e)      il-membri tal-Gvern;

f)      l-imħallfin tat-Tribunal Constitucional [qorti kostituzzjonali], l-imħallfin tat-Tribunal de Contas [qorti tal-awdituri] u l-prokuratur ġenerali tar-Repubblika, kif ukoll il-membri tal-ġudikatura tal-qorti u tal-prosekutur pubbliku, il-membri tal-ġudikatura tal-qrati amministrattivi u fiskali u l-kummissarji tal-ġustizzja;

g)      ir-rappreżentanti tar-Repubblika għar-reġjuni awtonomi;

h)      id-deputati tal-assembleias legislativas das regiões autónomas [parlamenti tar-reġjuni awtonomi];

i)      il-membri tal-gvernijiet reġjonali;

j)      ir-rappreżentanti lokali eletti;

k)      il-membri ta’ korpi oħra previsti mill-Kostituzzjoni, mhux imsemmija fis-subparagrafi preċedenti u l-membri ta’ korpi ta’ tmexxija ta’ entitajiet amministrattivi indipendenti, b’mod partikolari dawk li jaħdmu għall-Assembleia da República;

l)      il-membri u l-ħaddiema tal-kabinetti, tal-korpi ta’ ġestjoni u tas-servizzi ta’ appoġġ, tal-uffiċjali u l-korpi msemmija fis-subparagrafi preċedenti, tal-president u tal-viċi president tal-kunsill superjuri tal-ġudikatura, tal-president u tal-viċi president tal-kunsill superjuri tal-qrati amministrattivi u fiskali, tal-president tas-Supremo Tribunal de Justiça [qorti suprema], tal-president u l-imħallfin tat-Tribunal Constitucional, tal-president tas-Supremo Tribunal Administrativo [qorti amministrattiva suprema], tal-president tat-Tribunal de Contas, tal-Provedor de Justiça [Ombudsman] u tal-prokuratur ġenerali tar-Repubblika;

m)      il-persunal tal-forzi armati u tal-gwardja nazzjonali Repubblikana (GNR), inklużi l-imħallfin militari u l-esperti militari tal-prosekutur pubbliku, kif ukoll ta’ forzi armati oħrajn;

n)      il-persunal maniġerjali tas-servizzi tal-presidenza tar-Repubblika u tal-Assembleia da República u ta’ servizzi ta’ appoġġ oħra lil korpi kostituzzjonali, ta’ servizzi u organi oħra tal-amministrazzjoni ċentrali, reġjonali u lokali tal-Istat, kif ukoll il-persunal li jeżerċita funzjonijiet simili għall-finijiet ta’ remunerazzjoni;

o)      l-amministraturi pubbliċi jew simili, il-membri ta’ korpi eżekuttivi, deċiżjonali, konsultattivi, ta’ kontroll jew kwalunkwe korp statutorju ieħor tal-istituti pubbliċi taħt skema ġenerali u speċjali, tal-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku li l-indipendenza tagħhom tirriżulta mill-involviment tagħhom fl-oqsma tar-regolazzjoni, tas-sorveljanza jew tal-kontroll, ta’ impriżi pubbliċi b’kapital esklużivament jew primarjament pubbliku, ta’ impriżi pubbliċi li huma operati minn impriża terza u ta’ entitajiet li jagħmlu parti mis-settur tal-impriżi reġjonali u muniċipali, ta’ fondazzjonijiet pubbliċi u ta’ kwalunkwe entità pubblika oħra;

p)      il-ħaddiema li jaħdmu fis-servizz pubbliku mal-presidenza tar-Repubblika, tal-Assembleia da República jew f’korpi kostituzzjonali oħra, kif ukoll dawk li jaħdmu fis-servizz pubbliku, ikunu liema jkunu l-modalitajiet tar-relazzjoni ta’ xogħol irregolati mid-dritt pubbliku, inklużi l-ħaddiema li għaddejjin minn klassifikazzjoni mill-ġdid jew fuq leave speċjali;

q)      il-ħaddiema ta’ istituzzjonijiet pubbliċi taħt skema speċjali u persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku indipendenti minħabba l-involviment tagħhom fl-oqsma tar-regolazzjoni, tas-sorveljanza jew tal-kontroll, inklużi [il-ħaddiema] ta’ entitajiet regolatorji indipendenti;

r)      il-ħaddiema ta’ impriżi pubbliċi b’kapital esklużivament jew primarjament pubbliku, ta’ impriżi pubbliċi u entitajiet li huma parti mis-settur tal-impriżi reġjonali u muniċipali;

s)      il-ħaddiema u l-maniġers ta’ fondazzjonijiet pubbliċi rregolati mid-dritt pubbliku u ta’ fondazzjonijiet pubbliċi rregolati mid-dritt privat u ta’ stabbilimenti pubbliċi li ma jaqgħux taħt is-subparagrafi preċedenti;

t)      il-persunal ta’ riżerva, li rtira kmieni jew li ngħata s-sensja, li ma huwiex fis-servizz, li jibbenefika minn benefiċċji indiċjati fuq is-salarji tal-persunal attiv.

[…]

15 – L-iskema prevista minn dan l-artikolu hija imperattiva u tipprevali fuq kull dispożizzjoni kuntrarja oħra, speċjali jew eċċezzjonali, kif ukoll fuq l-istrumenti ta’ regolazzjoni kollettiva tax-xogħol u kuntratti tax-xogħol, li ma jkunux jistgħu jinjorawha jew jemendawha.”

2.      Il-Liġi Nru 159-A/2015

7.        Il-lei Nru° 159-A/2015, Extinção da redução remuneratória na Administração Pública (Liġi Nru 159-A/2015, li ttemm it-tnaqqis tar-remunerazzjoni fl-amministrazzjoni pubblika), tat-30 ta’ Diċembru 2015 (12) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 159-A/2015”), temmet, b’effett gradwali mill-1 ta’ Jannar 2016, il-miżuri ta’ tnaqqis li jirriżultaw mil-Liġi Nru 75/2014.

8.        L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jiddikjara li “[t]-tnaqqis fir-remunerazzjoni prevista mil-Liġi Nru 75[/2014] se jkun eliminat b’mod progressiv matul is-sena 2016, kull tliet xhur, skont it-termini segwenti:

a)      riversibbiltà ta’ 40 % għar-remunerazzjonijiet imħallsa mill-1 ta’ Jannar 2016;

b)      riversibbiltà ta’ 60 % għar-remunerazzjonijiet imħallsa mill-1 ta’ April 2016;

ċ)      riversibbiltà ta’ 80 % għar-remunerazzjonijiet imħallsa mill-1 ta’ Lulju 2016;

d)      eliminazzjoni totali tat-tnaqqis fir-remunerazzjoni mill-1 ta’ Ottubru 2016”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.        L-azzjoni amministrattiva speċjali mressqa mill-ASJP, li taġixxi f’isem ċerti membri tagħha li huma mħallfin fit-Tribunal de Contas (qorti tal-awdituri), hija intiża biex jiġu annullati l-atti amministrattivi adottati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 75/2014, li stabbilixxiet tnaqqis tranżitorju tar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-persuni li jaħdmu fl-amministrazzjoni pubblika Portugiża elenkati f’dan l-artikolu, li l-membri tal-ġudikatura jagħmlu parti minnhom (13). L-imħallfin irrappreżentati minn din l-assoċjazzjoni jitolbu, barra minn hekk, il-ħlas lura tas-somom li nżammu mill-pagi tagħhom mix-xahar ta’ Ottubru 2014, flimkien mal-pagament ta’ interessi moratorji bir-rata legali, kif ukoll id-dikjarazzjoni li huma għandhom id-dritt jirċievu l-paga tagħhom mingħajr dan it-tnaqqis.

10.      Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-ASJP tgħid li l-miżuri ta’ tnaqqis tar-remunerazzjonijiet kontenzjużi jiksru l-“prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja” li huwa sanċit fl-Artikolu 203 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża (14) u li huwa stabbilit kemm fl-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta.

11.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, is-Supremo Tribunal Administrativo (qorti amministrattiva suprema) tafferma li, ladarba l-miżuri ta’ limitazzjoni tal-ispejjeż, applikati permezz tat-tnaqqis tal-pagi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu fil-kuntest tal-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv fil-Portugall – li hija rregolata u kkontrollata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – segwit minn assistenza finanzjarja – mogħtija u rregolata minn atti ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea –, ser ikun diffiċli li jiġi kkontestat li l-imsemmija miżuri ġew adottati fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni jew, għall-inqas, li huma ta’ oriġini Ewropea.

12.      Imbagħad, hija tindika li s-setgħa diskrezzjonali li għandu l-Istat Portugiż biex japplika linji gwida ta’ politika baġitarja, bi qbil mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, minkejja dan ma teħilsux mill-obbligu tiegħu li josserva, b’konformità mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dak tal-indipendenza ġudizzjarja.

13.      F’dan ir-rigward, hija tinnota li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni hija żgurata, fl-ewwel lok, mill-qrati nazzjonali, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u li dawn għandhom jimplementawha bl-indipendenza u l-imparzjalità li għandhom dritt għaliha ċ-ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fehma tagħha, kollox jindika li l-indipendenza tal-korpi ġudizzjarji hija żgurata wkoll mill-garanziji previsti fir-rigward tal-istatus tal-membri tagħhom, b’mod partikolari mil-lat tat-trattament ekonomiku, raġuni li għaliha qed jiġi kkontestat it-tnaqqis unilaterali u kontinwu tar-remunerazzjoni tal-mandanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

14.      Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2016, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2016, is-Supremo Tribunal Administrativo (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“Fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ eliminazzjoni tad-defiċit [żbilanċ] baġitarju eċċessiv, u tal-assistenza finanzjarja rregolata bid-dispożizzjonijiet [tad-dritt tal-Unjoni], il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, mill-Artikolu 47 tal-[Karta], u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Europea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-miżuri ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni li għalih huma suġġetti l-membri tal-ġudikatura fil-Portugall, fil-każ ta’ impożizzjoni unilaterali minn awtoritajiet jew korpi kostituzzjonali oħra u b’mod kontinwu, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 75/[/2014]?”

15.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-ASJP, mill-Gvern Portugiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tat-13 ta’ Frar 2017, kienu rrappreżentati l-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

16.      Qabel nieħu pożizzjoni dwar il-mertu tat-talba għal deċiżjoni preliminari, ninnota li tqajmu żewġ eċċezzjonijiet proċedurali f’din il-kawża, waħda bbażata fuq l-inammissibbiltà ta’ din it-talba, u l-oħra bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward tal-ordni li fih ġew invokati dawn l-eċċezzjonijiet, ninnota li fil-prinċipju, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi vverifikata fl-ewwel lok. Minkejja dan, f’dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li huwa xieraq li l-ewwel tiġi indirizzata l-ammissibbiltà tat-talba, peress li hawnhekk din tqajjem mistoqsijiet inqas kumplessi mill-eżami tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u billi dan l-eżami huwa iktar relatat mad-dispożizzjonijiet li qed tintalab l-interpretazzjoni tagħhom, imbagħad analiżi fil-mertu li, b’hekk, ser issegwi dan direttament.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

17.      Il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni fformulaw żewġ tipi ta’ lmenti li jistgħu jaffettwaw l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. L-ewwel wieħed huwa dwar il-motivazzjoni impreċiża tad-deċiżjoni tar-rinviju, filwaqt li t-tieni wieħed jikkonċerna l-fatt li l-miżuri nazzjonali kkontestati fil-kawża prinċipali diġà kienu tħassru fil-mument meta ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja.

1.      Fuq il-lakuni fid-deċiżjoni tar-rinviju

18.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, il-Kummissjoni tgħid, b’mod preliminari, li d-deċiżjoni tar-rinviju hija difettuża, b’mod partikolari minħabba li hija la tippreċiża liema ser tkun il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja biex abbażi tagħha jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domanda preliminari u lanqas ir-raġunijiet għall-għażla tal-imsemmija dispożizzjonijiet (15), u li minn dan ikun jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tagħti risposta għal din id-domanda.

19.      Madankollu, inqis li l-ilmenti mressqa hawnhekk fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni tar-rinviju jistgħu pjuttost jaffettwaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari iktar milli l-ġurisdizzjoni nnifisha tal-Qorti tal-Ġustizzja (16).

20.      Huwa minnu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li huwa essenzjali li l-qorti tar-rinviju tifformula d-domanda tagħha b’mod ċar u preċiż, ladarba din tikkostitwixxi l-uniku att li jservi bħala bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm għaliha kif ukoll għall-parteċipanti f’din il-proċedura (17). Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huma stabbiliti espressament fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħhom il-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni u li għandha tosserva bir-reqqa. B’mod partikolari, huwa indispensabbli li l-qrati nazzjonali, fid-deċiżjoni tar-rinviju stess, jesponu l-kuntest ġuridiku tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li mhux biss jispjegaw għal liema raġunijiet huma għażlu d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħhom, iżda wkoll liema hija r-rabta li huma jistabbilixxu bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-imsemmija tilwima (18).

21.      Madankollu, f’din il-kawża, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju hija partikolarment qasira, b’mod partikolari minn żewġ aspetti prinċipali, b’tali mod li huwa permess li wieħed jistaqsi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari li tinsab fiha.

22.      L-ewwel nett, fir-rigward tar-rabta tal-miżuri nazzjonali kontenzjużi mad-dispożizzjonijiet li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħhom skont id-domanda preliminari – jiġifieri t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta –, il-qorti tar-rinviju ftit hija espliċita, peress li hija tindika biss li fil-fehma tagħha, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta prinċipju ġenerali ta’ indipendenza ġudizzjarja li l-imsemmija miżuri setgħu kisru (19), mingħajr ma tipprovdi indikazzjonijiet preċiżi f’dan ir-rigward.

23.      It-tieni nett, id-domanda preliminari ssemmi l-“ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”, li minnha wkoll jirriżulta dan il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, iżda l-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jsemmu ebda deċiżjoni ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan is-sens. Il-qorti tar-rinviju ssemmi biss l-eżistenza ta’ “għadd ta’ sentenzi” mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċernaw il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-indipendenza tal-organu li jkun ressaq talba għal deċiżjoni preliminari, iżda mingħajr ma tikkwota ebda waħda mis-sentenzi li fil-fehma tagħha jkunu rilevanti. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet adegwati, fil-fehma tiegħi ma jkunx hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar dan l-aspett tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

24.      Minkejja l-lakuni nnotati tad-deċiżjoni tar-rinviju msemmija iktar ’il quddiem, jidhirli li fid-dawl tal-provi kollha pprovduti minn din id-deċiżjoni u ppreżentati fis-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja dan, għandha informazzjoni biżżejjed biex tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni eventwali tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta u, għalhekk, biex tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula (20).

2.      Fuq it-tħassir tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża qabel ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Portugiż argumenta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li ma kienx għad għandha skop meta ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba l-emendi leġiżlattivi li saru fl-ordinament ġuridiku intern Portugiż u li wasslu għar-rikostituzzjoni gradwali u totali, matul is-sena 2016, tad-drittijiet fil-qasam tar-remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Minn dan huwa kkonkluda li ma huwiex ser ikun hemm iktar lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħti risposta għad-domanda magħmula, minħabba li din tkun saret ipotetika (21).

26.      Waqt is-seduta, dan il-gvern ikkonferma li, skont il-Liġi Nru 159-A/2015, it-tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fl-amministrazzjoni pubblika li jirriżulta mil-Liġi Nru 75/2014 tħassar għalkollox, b’mod progressiv, bejn l-1 ta’ Jannar u l-1 ta’ Ottubru 2016 (22), iżda mingħajr effett retroattiv. Minn dan jirriżulta li t-telf invokat mill-mandanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li rriżulta mit-tnaqqis tar-remunerazzjoni tagħhom mix-xahar ta’ Ottubru 2014, ippersista fil-passat u sal-1 ta’ Ottubru 2016, data li fiha reġa’ ntlaħaq għalkollox il-livell normali tar-remunerazzjonijiet għall-persuni kollha li jaħdmu fis-settur pubbliku li kienu kkonċernati mill-imsemmi tnaqqis.

27.      Madankollu, il-Gvern Portugiż sostna li d-domanda preliminari kienet tikkonċerna l-effett ħażin fuq l-indipendenza ġudizzjarja li preżumibbilment kienet ġiet ikkawżata mil-Liġi Nru 75/2014, problema eventwali li diġà kienet ġiet irrimedjata fil-jum meta ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-5 ta’ Frar 2016, minħabba t-tħassir tal-effetti ta’ dan it-test mil-Liġi Nru 159-A/2015, adottata fit-30 ta’ Diċembru 2015 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016. Huwa żied jgħid li l-konsegwenzi tal-Liġi Nru 75/2014 li ppreċedew it-tħassir tagħha u li huma invokati mill-ASJP kienu biss ta’ natura finanzjarja, problema li fil-fehma tiegħu ma hijiex is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

28.      F’dan ir-rigward, infakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod effettiv għad-domandi li jkunu sarulha (23).

29.      Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tassumi li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma mistennija li jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (24). Għaldaqstant, meta t-tilwima fil-kawża prinċipali diġà ma kienx għad għandha skop fid-data li fiha l-qorti tar-rinviju tkun ressqet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din iddikjarat it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli (25), billi d-dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, fil-prinċipju, hija rriżervata għall-każijiet fejn l-inċident jew l-avveniment rilevanti jkun seħħ matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (26).

30.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inizjalment applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali jkunu tħassru jew twarrbu minħabba l-antikostituzzjonalità tagħhom (27). Madankollu, iċ-ċirkustanza li kellha sseħħ bidla imminenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ġiet meqjusa bħala irrilevanti għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari meta kien jirriżulta mill-informazzjoni inkluża fiha li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula kienet deċiżiva għall-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali (28).

31.      F’din il-kawża, inqis li mill-provi prodotti lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika.

32.      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Portugiż, it-tilwima li hija adita biha l-qorti tar-rinviju ma hijiex relatata mal-indipendenza ġudizzjarja bħala tali, billi l-prinċipju ta’ din l-indipendenza ġie invokat biss bħala motiv ta’ dritt, għall-finijiet li jinkiseb l-annullament tal-atti amministrattivi allegatament illegali li skonthom ir-remunerazzjonijiet tal-persuni rrappreżentati mill-ASJP ġew imnaqqsa kif ukoll il-ħlas lura tas-somom li nżammu indebitament mill-paga tagħhom skont il-Liġi Nru 75/2014.

33.      Barra minn hekk, peress li l-Liġi Nru 159-A/2015 li emendatha, ma temmitx għalkollox it-tnaqqis ikkontestat, la għall-passat u lanqas għall-futur immedjat, fil-jum meta tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari (29), jidher li f’din id-data kien għadu jeżisti obbligu għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi dwar is-suġġett ta’ dan ir-rikors, hekk kif din tal-aħħar tqis possibbli li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kisret id-dritt tal-Unjoni, u konsegwentement, li jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja.

34.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jien tal-fehma li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

35.      Insostenn tar-rikors tagħha, fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinvoka l-illegalità tal-atti amministrattivi kkontestati minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li dawn jimplementaw, jiġifieri l-Liġi Nru 75/2014, ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, u bħala li hija kuntrarja għall-“prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja” kif skont din il-parti jirriżulta kemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta. Il-qorti tar-rinviju tadotta dan l-approċċ konġunt tal-imsemmija dispożizzjonijiet mhux biss fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari, iżda wkoll fil-motivazzjoni li fuqha hija bbażata.

36.      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni invokati mill-Gvern Portugiż u mill-Kummissjoni, fil-fehma tiegħi jeħtieġ li fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, issir analiżi indipendenti minn dik li tikkonċerna l-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba li l-kriterji li jikkundizzjonaw l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u b’hekk il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni tagħhom, fil-fehma tiegħi huma distinti.

1.      Fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

37.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll f’dawk orali tagħhom, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni ma indikawx espressament ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ ma jkollhiex ġurisdizzjoni, fil-fehma tagħhom, biex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 TUE meqjus waħdu. Fil-fatt, huma żviluppaw argument twil favur l-idea li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx tikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, li jkun ifisser li ma huwiex ser ikun hemm lok li jiġi interpretat l-Artikolu 47 tal-Karta, u jidhirli li huma pproponew li jiġi segwit raġunament simili għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 19 TUE (30).

38.      Madankollu, jien tal-fehma li ma huwiex possibbli li wieħed jipproċedi b’estensjoni, lanqas b’analoġija, f’dan ir-rigward, fid-dawl tal-formulazzjoni speċifika tal-Artikolu 19 TUE, li hija differenti mill-kliem tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li ser nittratta iktar tard (31), iżda li nfakkar minn issa li dan jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta għall-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-finijiet li jiġu implementati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

39.      Mingħajr ma nippreġudika bl-ebda mod l-analiżi dwar il-mertu, li ser twassal sabiex jiġu ddefiniti l-kontenut u l-portata tal-Artikolu 19 TUE (32), f’dan l-istadju jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tassew il-ġurisdizzjoni, f’dan il-każ, biex tinterpreta l-imsemmi artikolu, minħabba l-applikabbiltà eventwali, f’kuntest bħal dawk tal-kawża prinċipali, tad-dispożizzjonijiet tiegħu, u iktar speċifikament tat-tieni subparagrafu tal-ewwel paragrafu tiegħu, li jissemma fid-domanda preliminari.

40.      Skont il-kliem tal-imsemmi tieni subparagrafu, “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva [protezzjoni ġudizzjarja effettiva] fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” (33). Huwa dan l-element tal-aħħar, proprju għal din id-dispożizzjoni, li jidhirli li huwa deċiżiv sabiex jiġi evalwat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex il-possibbiltà li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tiegħu f’din il-kawża.

41.      Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li timplika l-aċċess għal rimedji ġudizzjarji xierqa, li l-partijiet f’kawża għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minnha skont l-imsemmi subparagrafu, fil-fehma tiegħi, hija rikjesta mill-Istati Membri meta l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw l-attività ġudizzjarja tagħhom fil-kuntest ta’ oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, u b’hekk bħala qrati Ewropej. Madankollu, inqis li dan jista’ jkun il-każ tal-imħallfin ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huma jista’ jkollhom jiddeċiedu dwar tilwim li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tilwim li għalih il-possibbiltà li jintużaw tali rimedji ġudizzjarji għandha tkun iggarantita.

42.      Fil-fehma tiegħi, din il-konstatazzjoni hija biżżejjed biex wieħed iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, f’din il-kawża, sabiex tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fil-preżent, din il-ġurisdizzjoni għandha tintwera għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 47 tal-Karta, ladarba l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ dan l-istrument tal-aħħar ma humiex stabbiliti b’mod identiku għal dawk li japplikaw għall-imsemmi Artikolu 19, anki jekk ir-riżultat speċifiku li jwasslu għalih il-kriterji differenti jista’ jkun identiku.

2.      Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta

43.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fosthom id-“dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom l-għan li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (34). B’hekk, l-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma intiżi għall-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta ma’ dan il-kunċett (35). L-Artikolu 6(1) TUE, li jagħti valur vinkolanti lill-Karta, kif ukoll l-Artikolu 51(2) ta’ din tal-aħħar jippreċiżaw li d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti mit-Trattati. Konsegwentement, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (36).

44.      F’din il-kawża, kemm il-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li l-adozzjoni u l-applikazzjoni mir-Repubblika Portugiża tal-miżuri previsti fl-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 75/2014 jikkostitwixxu sitwazzjoni ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, ma humiex issodisfatti, u li l-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tinterpreta l-Artikolu 47 tal-Karta.

45.      Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li manifestament ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi dwar il-mertu tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari preċedenti li wkoll saru mill-qrati Portugiżi, minħabba li d-deċiżjoni tar-rinviju ma kien fiha ebda prova konkreta li kienet tippermetti li jitqies li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni f’dawn il-kawżi, li huma simili għal dawk applikabbli f’din it-tilwima fil-kawża prinċipali (37), kellhom l-għan li jimplementaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-imsemmi Artikolu 51 (38). Madankollu, b’differenza minn kawżi oħra, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija allegata hawnhekk ma tidhirx b’mod manifest, peress li l-qorti tar-rinviju pprovdiet indikazzjonijiet iktar espliċiti, għalkemm huma relattivament fil-qosor, dwar l-eżistenza ta’ tali implementazzjoni f’dan il-każ.

46.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tgħid li l-miżuri ta’ tnaqqis tar-remunerazzjonijiet, kif previsti fl-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 75/2014, kienu ġġustifikati mill-ħtiġijiet tal-konsolidazzjoni baġitarja, imbagħad telenka l-lista ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni relatati mas-sitwazzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv tal-Istat Portugiż u mal-assistenza finanzjarja li minnha bbenefika dan tal-aħħar (39). Madankollu, ma huwiex faċli li jiġu identifikati l-motivi għalfejn din il-qorti tqis li teżisti rabta diretta bejn il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dik id-dispożizzjoni jew l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li hija ma tantx tipprovdi informazzjoni dwar dan is-suġġett (40).

47.      Għaldaqstant, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax liema kien il-qafas regolatorju, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli dak iż-żmien, li fih ittieħdu l-miżuri nazzjonali kontenzjużi. B’mod partikolari, hija ma tindikax b’mod ċar id-distinzjoni, enfasizzata waqt is-seduta mill-Gvern Portugiż, minn naħa bejn il-fażi meta l-Istat Portugiż kien suġġett għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-korrezzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv, u, min-naħa l-oħra, il-fażi meta l-iskema applikabbli kienet dik tal-obbligi li jirriżultaw mill-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-Unjoni.

48.      Madankollu, kif innota l-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża li tikkonċerna wkoll miżuri ta’ awsterità baġitarja adottati minn Stat Membru fil-kuntest ta’ impenji meħuda fil-konfront tal-Komunità Ewropea, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Karta humiex applikabbli fir-rigward tal-Artikolu 51 tagħha (41), jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija, iżda wkoll il-kontenut tal-atti tad-dritt tal-Unjoni li fihom jinsabu l-imsemmija impenji. F’dan ir-rigward, huwa żied jgħid, fil-fehma tiegħi ġustament, li ma huwiex rilevanti li dawn l-atti jħallu marġni ta’ manuvra lill-Istat ikkonċernat sabiex jiddeċiedi l-aħjar miżuri sabiex iwasslu għall-osservanza tal-imsemmija impenji, ladarba d-dispożizzjonijiet rilevanti jkollhom għanijiet suffiċjentement iddettaljati u preċiżi biex jikkostitwixxu leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika dwar il-qasam (42), kuntrarjament għal sempliċi rakkomandazzjonijiet meħuda mill-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikolu 126 TFUE, indirizzati lill-Istati Membri li l-iżbilanċ pubbliku tagħhom ikun ikkunsidrat bħala eċċessiv.

49.      F’din il-kawża, biex tiddistingwi r-rabta invokata bejn il-Liġi Nru 75/2014 u d-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ma tislitx elementi mill-formulazzjoni tal-imsemmija liġi. Din tal-aħħar fil-fatt ma tagħmel riferiment għal ebda att tad-dritt tal-Unjoni, kuntrarjament għall-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi li toriġina minnu, fejn hemm stabbilita rabta mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fi kwistjonijiet baġitarji (43).

50.      Għall-kuntrarju, bħall-ASJP, din il-qorti tibbaża b’mod partikolari fuq il-ftehim ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju konkluż mill-Istat Portugiż f’Mejju 2011 (44) u, fl-aħħar lok, fuq id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/409, tal-10 ta’ Lulju 2012, dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall, kif ukoll fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2013, bl-għan li tirrimedja s-sitwazzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv tal-gvern fil-Portugall.

51.      F’dan ir-rigward, infakkar li rakkomandazzjoni adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija att, li min-natura tiegħu, ma huwiex vinkolanti, għall-kuntrarju ta’ deċiżjoni (45). Barra minn hekk, bħall-Gvern Portugiż (46) u l-Kummissjoni, inqis li r-rakkomandazzjoni msemmija iktar ’il fuq, li hija bbażata b’mod partikolari fuq l-Artikolu 126(7) TFUE, ma ffissatx għanijiet speċifiċi u preċiżi biżżejjed biex wieħed iqis li l-Istat Portugiż abbażi tagħha kien implementa rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta.

52.      Għal dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/409, invokata mill-qorti tar-rinviju, ninnota li din ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/234, tat-23 ta’ April 2014, li b’hekk kienet applikabbli ratione temporis meta ttieħdu l-miżuri kontenzjużi, li rriżultaw mil-Liġi Nru 75/2014, adottata fit-12 ta’ Settembru 2014. L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar emenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344, li inizjalment kienet tipprevedi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lir-Repubblika Portugiża (47), b’konformità mar-Regolament Nru 407/2010. Madankollu, mill-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jirriżulta li l-Istat Portugiż fl-2014 kellu jadotta, “f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil”, miżuri speċifiċi, u mhux biss ta’ natura ġenerali (48), li b’mod partikolari jinvolvu, fil-kuntest tal-“istrateġija ta’ konsolidament tal-2015”, il-fatt li “[l]-Gvern [jiżviluppa] skala unika tal-pagi matul l-2014 bil-ħsieb li jimplimentaha fl-2015 u tkun immirata lejn ir-razzjonalizzazzjoni u l-konsistenza tal-politika ta’ rimunerazzjoni madwar il-karrieri kollha tas-settur pubbliku” (49). Il-marġni ta’ diskrezzjoni li naturalment kellu dan l-Istat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu fi kwistjonijiet baġitarji biex jiddetermina l-miżuri ta’ korrezzjoni ekonomiċi eżatti li huwa kien iqis l-iktar adegwati biex jilħaq l-għanijiet preċiżi assenjati b’dan il-mod, ma jistax iqajjem dubji dwar din l-analiżi (50).

53.      Anki jekk jista’ jkun hemm dubji serji minħabba l-kjarifika limitata pprovduta dwar dan is-suġġett mid-deċiżjoni tar-rinviju, jien inklinat inqis li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-settur pubbliku previsti fl-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 75/2014, li tinsab inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, u li l-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, għandha ġurisdizzjoni biex tagħti risposta għad-domanda preliminari anki sa fejn din tirrigwarda l-Artikolu 47 tal-Karta.

C.      Fuq il-mertu

1.      Fuq is-suġġett tad-domanda preliminari

54.      Insostenn tat-talbiet tagħha, l-ASJP ssostni li l-istatus legali tal-membri tal-ġudikatura ma jistax jiġi konfuż mar-regolament statutorju relatat mal-uffiċjali fis-servizz pubbliku inġenerali, li s-sitwazzjoni tagħhom tista’ tkun prekarja. Billi għamlet riferiment, fost l-oħrajn (51), għall-Karta Ewropea dwar l-Istatut tal-Imħallfin (52), adottata taħt l-awspiċji tal-Kunsill tal-Ewropa, hija tafferma li l-istabbiltà tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura, kif ukoll l-istabbiliment tagħha fuq livell adegwat biex jiġu protetti minn indħil intiż li jinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom, tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, li jikkostitwixxu garanziji tal-attività ġudizzjarja. Hija ssostni li l-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, b’mod partikolari fuq il-livell finanzjarju, li jirriżulta mill-Artikolu 19 TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludi atti li jnaqqsu r-remunerazzjonijiet adottati unilateralment mill-awtoritajiet eżekuttivi u leġiżlattivi ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

55.      Fuq il-bażi tal-istess raġunament, id-deċiżjoni tar-rinviju essenzjalment tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk jeżistix prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li skontu l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu obbligati josservaw l-indipendenza ġudizzjarja tal-imħallfin nazzjonali, u iktar speċifikament – fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali –, li jżommu r-remunerazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fuq livell stabbli u suffiċjenti biex ikunu jistgħu jerżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom liberament.

56.      Il-qorti tar-rinviju tqis li tali prinċipju u tali konsegwenzi jirriżultaw kemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta (53), dispożizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tinterpreta, fil-fehma tiegħi b’mod separat (54), fil-każ li tqis li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq din il-bażi doppja (55). Min-naħa tiegħi, bħall-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni, għar-raġunijiet mogħtija hawn taħt, ma nikkondividix l-opinjoni espressa fuq il-mertu mill-qorti tar-rinviju.

2.      Fuq l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

57.      Insostenn tal-argument li skontu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jiddikjara prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi l-indipendenza ġudizzjarja u jkun jipprekludi l-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju u l-ASJP jsostnu li l-imħallfin li jippresjedu fl-Istati Membri huma wkoll imħallfin Ewropej minn perspettiva funzjonali, ladarba dawn fl-ewwel lok jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari skont din id-dispożizzjoni.

58.      Huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva [protezzjoni ġudizzjarja effettiva] fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”(56) u li l-membri tal-ġudikatura tal-qrati nazzjonali inkarigati b’tali rikorsi jikkontribwixxu għall-imsemmija protezzjoni. Madankollu, l-interpretazzjoni tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirrikjedi li tiġi analizzata fid-dawl tal-kuntest li tinsab fih.

59.      Dwar dan is-suġġett, ninnota li l-Artikolu 19 TUE jinsab fit-Titolu III ta’ dan it-trattat, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet”, li jinkludi serje ta’ regoli ġenerali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom kull istituzzjoni tal-Unjoni – u b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imsemmija fl-imsemmi Artikolu 19 – għandha taġixxi fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lilha.

60.      Barra minn hekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 19 TUE, meqjusa flimkien, jidhirli li l-kunċett ta’ “protezzjoni ġudizzjarja effettiva” imsemmi hawn fuq huwa mfassal b’rabta stretta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-kompożizzjoni u l-kompetenzi tagħha huma s-suġġett ta’ dawn it-tliet paragrafi. B’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jagħti lil din l-istituzzjoni, li tinkludi kemm lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll lill-Qorti Ġenerali, il-missjoni li tiżgura r-rispett tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-trattati (57), filwaqt li huwa ppreċiżat li r-“regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali” stabbilita f’dan is-subparagrafu tagħti lok għal derogi (58).

61.      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-tieni subparagrafu ta’ dan l-istess paragrafu 1 huwa intiż biex jerġa’ jafferma l-obbligu għall-Istati Membri li “jipprovdu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (59). Għaldaqstant, l-imsemmi tieni subparagrafu ma jsemmix direttament il-qrati nazzjonali, iżda jfittex li jiggarantixxi li jeżistu possibbiltajiet ta’ rikors fl-Istati Membri biex kull parti fil-kawża tkun tista’ tibbenefika minn tali protezzjoni fl-oqsma kollha fejn japplika d-dritt tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa marbut mal-fatt li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea ma huwiex żgurat biss mill-qrati tagħha, iżda wkoll b’kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali b’konformità maż-żewġ subparagrafi tal-imsemmi paragrafu (60).

62.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 47 tal-Karta għal dak li jirrigwarda l-miżuri meħuda mill-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (61). Fil-fatt, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 47 jipprevedi espressament id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, fil-kundizzjonijiet stabbiliti hemmhekk, għal kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu ġew miksura. Mingħajr ma nixtieq niddeċiedi minn issa dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu tal-aħħar u dwar l-implikazzjonijiet eventwali fir-rigward tal-fatti tal-kawża prinċipali (62), nenfasizza li l-għan u l-kontenut tal-imsemmi Artikolu 47 huma differenti minn dawk tal-Artikolu 19 TUE.

63.      Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li huwa f’idejn l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jindika, filwaqt li josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mit-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 19(1), il-qrati kompetenti u li jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi biex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża huma intitolati għalihom skont id-dritt tal-Unjoni (63). Jidhirli li l-għan ta’ dan is-subparagrafu, li jipprevedi l-obbligu li l-Istati Membri jistabbilixxu rimedji ġudizzjarji li jippermettu li l-imsemmija drittijiet jitħarsu b’mod effettiv, fuq kollox għandu natura proċedurali.

64.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jien inqis, bħall-Gvern Portugiż (64), li l-kunċett ta’ “protezzjoni ġudizzjarja effettiva” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jistax jiġi konfuż mal-“prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja” li jissemma fid-domanda preliminari bħala wieħed li jirriżulta, allegatament, minn din id-dispożizzjoni” (65).

65.      Barra minn hekk, id-differenza li teżisti bejn id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li għandhom ikunu intitolati għalih il-partijiet fil-kawża tal-Istati Membri permezz ta’ rimedji ġudizzjarji adegwati, u d-dritt li l-kawża tagħhom tiġi deċiża minn membri tal-ġudikatura li jiddeċiedu b’mod għalkollox indipendenti, li huwa rikonoxxut ukoll fl-interess tal-imsemmija partijiet fil-kawża, jidhirli li hija evidenti fid-dawl tat-titolu kif ukoll tal-formulazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiddistingwu dawn iż-żewġ drittijiet (66). Id-distinzjoni, bl-istess mod, dehret ukoll biċ-ċar fil-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (67), peress li “[d]-dritt għal rimedju effettiv” quddiem qorti nazzjonali huwa previst fl-Artikolu 13 tagħha, filwaqt li “[d]-dritt għal proċediment ġust”, li jinkludi b’mod partikolari li “kulħadd huwa ntitolat għal smigħ […] minn tribunal indipendenti” jinsab fl-Artikolu 6 tagħha (68), anki jekk jeżistu ferm evidentement xi rabtiet materjali bejn dawn iż-żewġ artikoli (69). Jien ser nerġa’ nindirizza dawn l-elementi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta (70).

66.      Madankollu, l-obbligu li l-Istati Membri jipprevedu sistema ta’ “rimedji ġudizzjarji” li huwa stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fil-fehma tiegħi huwa relatat biss mad-dritt għal “protezzjoni ġudizzjarja effettiva”, kif jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, u mhux mad-dritt għal proċediment ġust quddiem qorti indipendenti, li l-kontenut tiegħu huwa sostanzjalment differenti.

67.      Konsegwentement, jien tal-fehma li l-imsemmi t-tieni subparagrafu għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jistabbilixxix prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li skontu l-indipendenza ġudizzjarja tal-imħallfin li jippresjedu fil-qrati kollha tal-Istati Membri għandha tkun iggarantita.

68.      Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja jirriżulta direttament mir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif tafferma l-qorti tar-rinviju, fi kwalunkwe każ jien inqis li la din id-dispożizzjoni u lanqas dan il-prinċipju (71) ma jistgħu jinftiehmu bħala li jipprekludu miżuri nazzjonali ta’ tnaqqis tar-remunerazzjonijiet bħal dawk ikkontestati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ladarba dawn bl-ebda mod ma jimmiraw speċifikament lejn l-imħallfin, iżda għall-kuntrarju għandhom portata ġenerali (72), peress li japplikaw għal grupp kbir ta’ persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku (73).

3.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta

69.      Il-qorti tar-rinviju, bħall-ASJP, tgħid li skont l-Artikolu 47 tal-Karta, il-qrati tal-Istati Membri għandhom jimplementaw b’indipendenza u imparzjalità l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li t-tnaqqis unilaterali tar-remunerazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ ppreġudika l-indipendenza tal-imħallfin ikkonċernati.

70.      F’dan ir-rigward, infakkar, kif spjega reċentement l-Avukat Ġenerali Wathelet (74), li t-titolu (75) u l-formulazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta jindikaw li din tal-aħħar tirrikonoxxi, minn naħa, id-dritt għal rimedju effettiv, li ġie stabbilit ukoll fl-Artikolu 13 tal-KEDB, u min-naħa l-oħra, id-dritt għal smigħ ġust li jinkludi d-dritt għal smigħ minn qorti indipendenti u imparzjali, li ġie stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

71.      Peress li l-kontenut ta’ dan l-Artikolu 47 kien ispirat direttament minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-KEDB (76), jeħtieġ, b’konformità mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li jiġi interpertat mhux biss filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet b’rabta ma’ din tal-aħħar, iżda wkoll fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) (77), b’tali mod li d-drittijiet iggarantiti mill-imsemmi Artikolu 47 bħala prinċipju jkollhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija lilhom mill-KEDB, iżda mingħajr ma din ir-regola tostakola l-fatt li d-dritt tal-Unjoni jikkonferixxi protezzjoni iktar estiża. Ġie nnotat, mill-bidu nett (78), li l-Artikolu 47 tal-Karta joffri, preċiżament, protezzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha huwa iktar wiesa’ minn dak tal-artikoli korrispondenti tal-KEDB (79).

72.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mal-KEDB u l-protokolli tagħha (80), jidhirli li l-“prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja”, li jissemma f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, iktar jaqa’ taħt id-“dritt [ta’ kull persuna] għal smigħ ġust […] minn qorti indipendenti u imparzjali”, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (81), milli taħt id-“dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti” kif previst fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu (82).

73.      Fil-fatt, kemm din il-qorti kif ukoll l-ASJP jgħidu li l-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja jista’ “jipprekludi l-miżuri ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni li għalih huma suġġetti l-membri tal-ġudikatura fil-Portugall, fil-każ [li ġew imposti b’mod] unilaterali minn awtoritajiet jew korpi kostituzzjonali oħra u b’mod kontinwu” (83).

74.      Madankollu, il-Qorti EDB qieset b’mod repetut li l-garanzija ta’ “tribunal indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (84), tirrikjedi li l-imħallfin igawdu minn indipendenza mhux biss fuq il-livell statutorju (85), iżda wkoll fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Dan il-kunċett għandu dimensjoni interna għall-ġudikatura (86), mhux rilevanti f’din il-kawża, kif ukoll dimensjoni esterna għalih, li skontha l-qrati għandhom ikunu jistgħu joperaw mingħajr ma jġarrbu influwenzi min-naħa tal-partijiet fit-tilwima (87) jew min-naħa ta’ awtoritajiet oħra tal-Istat (88), li fil-fehma tiegħi huwa l-uniku aspett invokat mill-ASJP. Nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ simili meta ddefinixxiet il-kriterji li jippermettu li tiġi kkaratterizzata l-indipendenza ta’ qorti nazzjonali (89).

75.      Fir-rigward tal-indipendenza tal-membri ta’ qorti fir-rigward tar-remunerazzjoni tagħhom, b’mod iktar speċifiku, il-Qorti EDB diġà aċċettat l-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ elementi, billi qieset li “[n]-nuqqas ta’ ħlas mill-Istat fi żmien xieraq tar-remunerazzjoni tal-imħallfin huwa inkompatibbli mal-ħtieġa li jiġi ggarantit li huma jkunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom b’indipendenza u imparzjalità, protetti minn kwalunkwe pressjoni esterna intiża li tinfluwenza d-deċiżjonijiet u l-aġir tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li enfasizzat, f’dan il-kuntest, in-“natura partikolarment sensittiva tal-kwistjoni tal-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (90).

76.      Din l-analiżi tibbaża fuq diversi strumenti legali tal-Kunsill tal-Ewropa, li jsemmu tali tħassib. Fil-fatt, l-Artikolu 6 tal-Karta Ewropea dwar l-Istatut tal-Imħallfin jiddikjara, b’mod mhux vinkolanti, li l-livell tar-remunerazzjoni tal-imħallfin għandu jiġi ffissat b’tali mod li ma jiġux esposti għal riskju ta’ pressjonijiet li jistgħu jdgħajfu l-indipendenza tagħhom, anki jekk dan il-livell jista’ jvarja minn imħallef għal ieħor skont fatturi oġġettivi, bħall-ispejjeż professjonali sostnuti (91). Bl-istess mod, rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri (92) ssuġġerew, minn naħa, li “[r]-remunerazzjoni tal-imħallfin [tkun] proporzjonali għar-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom, u ta’ livell suffiċjenti biex jiġu mħarsa minn kwalunkwe pressjoni esterna intiża li tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u, min-naħa l-oħra, li “[j]iġu introdotti dispożizzjonijiet legali speċifiċi għal protezzjoni minn tnaqqis fir-remunerazzjoni intiż b’mod speċifiku għall-imħallfin” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (93).

77.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jien tal-fehma li d-dritt li kull persuna li l-kawża tagħha tinstema’ minn qorti indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, jinkludi l-ħtieġa li l-indipendenza tal-membri ta’ din il-qorti tkun iggarantita billi jitħallsu, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-responsabbiltajiet li huma jassumu, remunerazzjoni suffiċjentement għolja u stabbli, sabiex dawn jiġu mħarsa mir-riskju li ndħil jew pressjonijiet esterni possibbli jaffettwaw in-newtralità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom jieħdu.

78.      Madankollu, għalkemm l-ammont tar-remunerazzjoni tal-imħallfin għandu jkun kompatibbli mal-importanza tal-funzjonijiet pubbliċi tagħhom, dan l-ammont, minkejja dan, ma għandux ikun maqtugħ mir-realtajiet ekonomiċi u soċjali, u b’mod partikolari mil-livell tal-għajxien medju, li jkun jeżisti fl-Istat fejn il-persuni kkonċernati jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom (94). Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, stabbiltà raġonevoli tad-dħul tagħhom tassumi li dan ma jvarjax maż-żmien b’mod li jkun jippreġudika l-indipendenza tal-ġudizzju, iżda mhux li jibqa’ ma jinbidilx.

79.      B’mod iktar partikolari, f’sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika fuq skala kbira, bħal dik esperjenzata fil-perijodu li ppreċeda l-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali (95), il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja ma jistax jinftiehem bħala li jrendi impossibbli l-moderazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, anki jekk tali operazzjoni evidentement ikollha tibqa’ fi proporzjonijiet raġonevoli biex jiġi evitat li jsiru vulnerabbli għal pressjonijiet li jistgħu jiġu eżerċitati fuqhom. Fil-fatt, kif jgħid il-Gvern Portugiż, jeħtieġ li jinstab bilanċ ġust bejn l-interess ġenerali tal-kollettività u l-interess partikolari tal-imħallfin, li huma fdati biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża.

80.      Barra minn hekk, kif diġà enfasizzajt (96), bħall-Gvern Portugiż (97) u l-Kummissjoni, il-miżuri ta’ tnaqqis kontenzjużi ma kinux jikkonċernaw biss lill-membri tal-ġudikatura, iżda wkoll għadd kbir ta’ persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku. Peress li l-imħallfin bl-ebda mod ma kienu previsti b’mod esklużiv u lanqas speċifiku, ma jistax jitqies li l-“awtoritajiet jew korpi kostituzzjonali oħra” imsemmija fid-domanda preliminari riedu jiddestabbilizzaw lill-membri tal-ġudikatura, u dan speċjalment peress li aġenti tal-awtoritajiet eżekuttivi kif ukoll dawk tal-awtoritajiet leġiżlattivi kienu suġġetti eżattament għall-istess miżuri ta’ awsterità skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 75/2014.

81.      Konsegwentement, inqis li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali bħal dawk ikkontestati fil-kawża prinċipali, ladarba dawn ma jippreġudikawx il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja li jinsab f’dan l-artikolu.

82.      L-interpretazzjoni kuntrarja jkollha bħala konsegwenza prattika, li fil-fehma tiegħi tkun ta’ dispjaċir, li l-Istati Membri ma jingħatawx il-possibbiltà, meta jkunu għaddejjin minn kriżi ekonomika serja, li jwettqu adattament neċessarju tal-ammont tar-remunerazzjoni tal-persuni li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku fis-sens wiesa’, sakemm dan l-adattament ma jkunx jikkonċerna biss lill-imħallfin u ma jkunx sproporzjonat.

V.      Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Supremo Tribunal Administrativo (qorti amministrattiva suprema, il-Portugall) bil-mod segwenti:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpertati fis-sens li ma jipprekludux miżuri ta’ tnaqqis iġġeneralizzat tar-remunerazzjonijiet fl-amministrazzjoni pubblika li jkunu suġġetti għalihom l-imħallfin skont leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Skont l-Artikolu 19 TUE:
“1. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.
2. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun komposta minn imħallef wieħed minn kull Stat Membru. Għandha tkun assistita minn avukati-ġenerali. […]
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi skond it-Trattati […].”


3      L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jipprovdi, fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tiegħu:
“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.”


4      ĠU 2010, L 125, p. 44 u r-rettifika, ĠU 2014, L 106, p. 46.


5      ĠU 2010, L 118, p. 1.


6      Dokument oriġinali bil-lingwa Ingliża aċċessibbli fuq l-indirizz elettroniku segwenti: https://www.imf.org/external/np/loi/2011/prt/051711.pdf.


7      ĠU 2011, L 159, p. 88.


8      ĠU 2012, L 192, p. 12.


9      ĠU 2014, L 125, p. 75.


10      Dokument oriġinali bil-lingwa Ingliża: Council recommendation with a view to bringing an end to the situation of an excessive government deficit in Portugal, 18 ta’ Ġunju 2013, 10562/13.


11      Diário da República, serje 1, Nru 176, tat-12 ta’ Settembru 2014, p. 4896. L-abbozz ta’ liġi Nru 239/XII li minnu toriġina l-Liġi Nru 75/2014, approvat mill-Kunsill tal-Ministri fit-3 ta’ Lulju 2014, huwa aċċessibbli fuq l-indirizz elettroniku segwenti: https://www.parlamento.pt/ActividadeParlamentar/Paginas/DetalheDiplomaAprovado.aspx?BID=18267.


12      Diário da República, serje 1, Nru 254, tat-30 ta’ Diċembru 2015, p. 10006-(4). It-test tal-Liġi Nru 159-A/2015 huwa aċċessibbli wkoll fuq l-indirizz elettroniku segwenti: http://www.parlamento.pt/ActividadeParlamentar/Paginas/DetalheDiplomaAprovado.aspx?BID=19068.


13      Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, ara l-lista li tinsab fl-imsemmi Artikolu 2(9)(f).


14      Skont l-imsemmi Artikolu 203, “ [i]l-qrati huma indipendenti u huma suġġetti biss għal-liġi”.


15      Il-Kummissjoni barra minn hekk issostni li l-qorti tar-rinviju ma tesponix il-motivi għalfejn il-membri tal-ġudikatura ser ikunu affettwati b’mod iktar partikolari minn miżura nazzjonali intiża għal firxa wiesgħa ta’ uffiċjali pubbliċi. Fil-fehma tiegħi, peress li dan l-argument ma jikkonċernax daqshekk ir-regoli ta’ proċedura iżda d-dritt tal-Unjoni fil-mertu, jien ser ninvokah f’dan il-kuntest tal-aħħar (ara l-punti 54 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).


16      L-assenza ta’ preċiżjonijiet suffiċjenti, fid-deċiżjoni tar-rinviju, fir-rigward tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża priniċipali jew fir-rigward tar-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad-domandi preliminari biex din tiġi deċiża, ġeneralment twassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara t-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli, għalkollox jew parzjalment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punti 44 sa 47; u tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punti 47 sa 53, kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ Settembru 2016, Google Ireland u Google Italy, C‑322/15, EU:C:2016:672, punti 15 et seq).


17      Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha tkun ċara biżżejjed, minn naħa, għall-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex din tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domanda preliminari, u min-naħa l-oħra, għall-partijiet ikkonċernati kollha msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-28 Stat Membru li għalihom hija intiża din id-deċiżjoni, wara t-traduzzjoni, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom.


18      Dawn ir-regoli ġew imfakkra b’mod repetut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha (ara, b’mod partikolari, is-siltiet tad-deċiżjonijiet imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minbarra l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk) kif ukoll fir-“rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari”, aġġornati fl-2016 (ĠU 2016, C 439, p. 1 sa 8, speċjalment il-punti 14 sa 18 u l-anness sommarju “[l]-elementi essenzjali ta’ talba għal deċiżjoni preliminari”). Ara wkoll, Gaudissart, M.-A., “Les recommandations de la Cour de justice aux juridictions nationales, relatives à l’introduction de procédures préjudicielles”, Journal de droit européen, 2017 Nru 2, p. 42 et seq.


19      Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, ara l-punti 11 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2015, Surgicare (C‑662/13, EU:C:2015:89, punti 16 sa 23), kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2015, Lisboagás GDL (C‑256/14, EU:C:2015:387, punti 24 sa 27).


21      Il-Gvern Portugiż ippreżenta dawn l-argumenti b’mod sussidjarju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.


22      Ara l-punti 7 u 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et (C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 28), kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus (C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 36).


24      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 38), kif ukoll id-digriet tat-3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank (C‑537/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:143, punt 32).


25      Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Frar 2015, Liivimaa Lihaveis (C‑175/13, mhux ippubblikat, EU:C:2015:80, punti 17 sa 21).


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punti 44 sa 48), kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2014, Da Silva (C‑189/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2043, punti 34 sa 37).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2010, Fluxys (C‑241/09, EU:C:2010:753, punti 32 sa 34), u tas-27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna (C‑492/11, EU:C:2013:428, punti 27 sa 32), kif ukoll id-digriet tat-3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank (C‑537/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:143, punti 34 sa 36).


28      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, EU:C:2010:4, punti 28 u 29).


29      Infakkar li t-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-5 ta’ Frar 2016 u li l-Liġi Nru 159-A/2015 ċertament daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016, iżda li l-effetti tagħha ma humiex retroattivi, u fl-ewwel lok kienu biss parzjali (ir-riversibbiltà tat-tnaqqis kienet ta’ 40 % għar-remunerazzjonijiet imħallsa mill-1 ta’ Jannar 2016, ta’ 60 % għal dawk imħallsa mill-1 ta’ April 2016 u ta’ 80 % għal dawk imħallsa mill-1 ta’ Lulju 2016 rispettivament), imbagħad kienu totali biss mill-1 ta’ Ottubru 2016 (ara l-punti 7 u 8 kif ukoll 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet). It-telf ta’ dħul allegat mill-mandanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’hekk ma kienx ġie kkumpensat bis-sħiħ fil-jum meta ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja.


30      Il-Gvern Portugiż iddeduċa mill-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 51 tal-Karta li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod manifest ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni kemm tal-Artikolu 19 TUE kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija bbażat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti risposta għad-domanda preliminari mill-angolu tal-Artikolu 19 TUE prinċipalment fuq il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma kinitx immotivat id-deċiżjoni tar-rinviju tagħha b’mod suffiċjenti fir-rigward tar-rabta li tista’ teżisti bejn id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (ilment li fil-fehma tiegħi pjuttost jaqa’ taħt il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li huwa eżaminat fil-punti 18 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).


31      Ara l-punti 43 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Filwaqt li nispeċifika, qabelxejn, li ser nissuġġerixxi li tiġi adottata interpretazzjoni tal-Artikolu 19 TUE li tikkontradixxi l-argument difiż mill-ASJP (ara l-punti 57 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).


33      Enfasi miżjuda minni.


34      Fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 17 sa 23), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b’mod partikolari, li, ladarba “[d]-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta [għandhom] jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali. L-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta” (punt 21). Ara wkoll, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373), punt 49)


35      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċettt ta’ “implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta jeħtieġ l-eżistenza ta’ rabta bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni, li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma meħuda inkunsiderazzjoni u l-effetti indiretti ta’ qasam fuq l-ieħor. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk din issegwix għanijiet oħrajn apparti dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk din tista’ taffettwa lil dan tal-aħħar indirettament, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwah (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punti 34 et seq, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et, C‑218/15, EU:C:2016:748, punti 14 et seq).


36      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punti 51 et seq.), kif ukoll id-digrieti tal-14 ta’ April 2016, Târșia (C‑328/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:273, punti 23 sa 24), u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Semeraro (C‑484/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:952, punt 43).


37      Jiġifieri dispożizzjonijiet ta’ liġijiet li jistabbilixxu tnaqqis fis-salarji fis-settur pubbliku sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż pubbliċi Portugiżi.


38      Ara d-digrieti tas-7 ta’ Marzu 2013, Sindicato dos Bancários do Norte et (C‑128/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:149, punt 12); tas-26 ta’ Ġunju 2014, Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins (C‑264/12, EU:C:2014:2036, punti 19 et seq), kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2014, Sindicato Nacional dos Profissionais de Seguros e Afins (C‑665/13, EU:C:2014:2327, punt 14).


39      Din il-lista tinkludi l-biċċa l-kbira tal-atti msemmija fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Il-qorti tar-rinviju ssemmi “Rapport dwar il-baġit tal-Istat tal-2011”, imħejji mill-ministeru tal-finanzi u tal-amministrazzjoni pubblika, li kien jirreferi għad-Deċiżjoni 2010/288 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma jippreċiża jekk dan l-element itteħidx inkunsiderazzjoni fix-xogħol preparatorju tal-Liġi Nru 75/2014, li tinsab inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali.


41      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Florescu et (C‑258/14, EU:C:2016:995, punti 61 et seq).


42      Fl-imsemmija kawża, kien ikkonċernat b’mod partikolari l-Memorandum ta’ Qbil konkluż fit-23 ta’ Ġunju 2009 bejn ir-Rumanija u l-Komunità Ewropea, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/459/KE, tas-6 ta’ Mejju 2009, li tagħti għajnuna finanzjarja tal-Komunità lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien (ĠU 2009, L 150, p. 8).


43      L-espożizzjoni tal-motivi li tippreċedi l-abbozz ta’ liġi Nru 239/XII tenfasizza li l-preżenza tar-Repubblika Portugiża fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-euro timponi fuqha l-osservanza ta’ kundizzjonijiet eżiġenti fi kwistjonijiet baġitarji, li jinsabu fit-Trattat FUE, fil-protokoll u fir-regolamenti li jimplementaw il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, kif ukoll fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Hija tinvoka wkoll il-possibbiltà ta’ sanzjonijiet finanzjarji kontra l-Istati Membri li jaqbżu l-limiti tal-iżbilanċ baġitarju ta’ riferiment. Barra minn hekk, issemmi l-programm ta’ aġġustament ekonomiku konkluż mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI. Hija żżid tgħid li, ladarba d-dixxiplina baġitarja, imposta mill-obbligi permanenti u kostanti li jorbtu lill-Portugall fil-kuntest tal-appartenenza għall-Unjoni Ewropea u għall-munita unika, teżiġi li jiġi limitat l-ammont tas-salarji tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, bħala element ċentrali tal-ispejjeż tal-Istat, l-imsemmi abbozz ta’ liġi għandu l-għan li jistabbilixxi mill-ġdid il-perċentwali u l-limiti tat-tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-seħħ mill-2011, filwaqt li jiddetermina r-riversibbiltà sħiħa tagħhom fi stadji, b’konformità mad-disponibbiltà tal-fondi baġitarja (ara p. 1 sa 4).


44      Nippreċiża li dan l-ewwel memorandum, li ġie emendat diversi drabi sussegwentement – kif jindikaw l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni –, kien jipprevedi programm fuq tliet snin li kellu jibqa’ għaddej “sa nofs l-2014” (ara l-premessa 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344).


45      B’konformità mar-raba’ u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 288 TFUE.


46      Dan il-gvern jirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza Nru 574, tal-14 ta’ Awwissu 2014, mogħtija, f’dan is-sens, mit-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali, il-Portugall). Din tal-aħħar madankollu tinnota li ċerti miżuri speċifiċi jistgħu jirriżultaw mid-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Kunsill fil-kuntest tal-programm ta’ assistenza ekonomika u finanzjarja tal-Unjoni fir-rigward tal-Istat Portugiż.


47      Skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 1, assistenza finanzjarja saret disponibbli għall-Istat Portugiż għal tliet snin u sitt ġimgħat, li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344. Wara l-iskadenza tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku, dan l-Istat kien is-suġġett ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm, bħalma semmiet il-Kummissjoni waqt is-seduta (dwar dan is-suġġett, ara https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-financial-assistance/which-eu-countries-have-received-assistance/financial-assistance-portugal_en).


48      Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn dawn il-miżuri li huma imposti fuq Stat Membru b’mod speċifiku u r-restrizzjonijiet baġitarji imposti fuq l-Istati Membri b’mod ġenerali, u b’mod partikolari fuq dawk li jinsabu fiż-żona tal-euro, speċjalment skont ir-regolamenti relatati mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir [ara, fost oħrajn, il-premessi 1 sa 5 u l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011, tat-8 ta’ Novembru 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU 2011, L 306, p. 33)].


49      Ara l-Artikolu 3(8)(h)(i) u (ii) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344 kif emendata mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/234, kif ukoll it-tielet inċiż tal-premessa 11 ta’ din tal-aħħar, li jsemmi li “[g]ħadd ta’ riformi ewlenin fl-amministrazzjoni pubblika jappoġġjaw rieżami tan-nefqa pubblika u jirfdu l-istrateġija ta’ konsolidazzjoni tal-2014”, fosthom “reviżjoni tal-iskala tal-pagi u l-iżvilupp ta’ skala unika tas-supplimenti tal-pagi”.


50      Inqis li, bl-adozzjoni tal-Liġi Nru 75/2014, l-Istat Portugiż ma ħax “inizjattiva awtonoma li ma hijiex limitata għall-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni awtorizzat u rregolat mid-dritt tal-Unjoni”, kif tafferma l-Kummissjoni, iżda aġixxa b’tali mod li josserva l-impenji ekonomiċi partikolari li huwa kien ħa biex jibbenefika mill-assistenza finanzjarja li kienet ingħatatlu.


51      L-ASJP tinvoka wkoll żewġ rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ sistemi ġudizzjarji Ewropej imfassla mill-Kummissjoni Ewropea għall-effikaċja tal-ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa (CEPEJ), aċċessibbli fuq l-indirizz elettroniku segwenti: http://www.coe.int/t/dghl/cooperation/cepej/series/default_fr.asp.


52      Il-Karta Ewropea dwar l-Istatut tal-Imħallfin, adottata mit-8 sal-10 ta’ Lulju 1998, tipprovdi, fl-Artikolu 6 tagħha, intitolat “Remunerazzjoni u protezzjoni soċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]:
“6.1. L-eżerċizzju professjonali ta’ funzjonijiet ġudizzjarji jwassal għal remunerazzjoni tal-imħallef li l-livell tagħha huwa ffissat b’tali mod li jħarishom minn pressjonijiet li jkollhom l-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom u b’mod iktar ġenerali, l-aġir ġudizzjarju tagħhom billi b’hekk ibiddlu l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom.
6.2. Ir-remunerazzjoni tista’ tvarja skont l-anzjanità, in-natura tal-funzjonijiet li jkunu ġew assenjati lill-imħallef professjonali jew sempliċement skont il-kobor tal-piżijiet imposti fuqhom, evalwati f’kundizzjonijiet trasparenti […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
L-espożizzjoni tal-motivi li ssegwi d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija karta tipprovdi indikazzjonijiet utli dwar il-kontenut tagħha (dokument aċċessibbli fuq l-indirizz elettroniku segwenti: https://wcd.coe.int/ViewDoc.jsp?p=&id=1766477&Site=COE&direct=true#).


53      Infakkar li minbarra l-imsemmija artikoli, id-domanda preliminari tiċċita “l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” li minnha jirriżulta wkoll il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, iżda li d-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmi ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan is-sens.


54      Anki jekk ma jistax jiġi eskluż li ċerti kunsiderazzjonijiet b’rabta mal-Artikolu 47 tal-Karta jistgħu jipprovdu kjarifika utli biex jiġi interpretat l-Artikolu 19 TUE, u viċe versa (ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:2, punti 38 sa 67).


55      U suġġett għall-fatt, naturalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun iddikjarata ammissibbli.


56      Enfasi miżjuda minni.


57      Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 19 TUE jiddeskrivi l-kompożizzjoni ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja u l-istatus tal-membri tagħha, filwaqt li l-paragrafu 3 jiddefinixxi l-oqsma ta’ kompetenza tagħha fir-rigward tat-tipi differenti ta’ rikorsi li jistgħu jiġu ppreżentati quddiemha.


58      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punti 39 u 40), dwar id-derogi eżistenti fi kwistjonijiet ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni


59      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 100 u 101), kif ukoll tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 49 u 50).


60      Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:21, punti 34, 116 u 121); sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 90 u 99), u tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 45), kif ukoll id-digriet tal-24 ta’ Jannar 2017, Beul vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑53/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:66, punti 18 u 19).


61      Ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 50). Ara wkoll, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373), punt 44)


62      Fuq dan is-suġġett, ara l-punti 69 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 102 et seq).


64      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll orali tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni ċara, sussidjarjament, dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.


65      Il-Gvern Portugiż ġustament jenfasizza li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li għandu l-għan li jiggarantixxi li kull dritt jew interess legalment protett ikun hemm jikkorrispondi miegħu rimedju proċedurali adegwat ta’ natura li jħarsu quddiem il-qrati, jinsab f’perspettiva għalkollox differenti minn dik tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, li jiggarantixxi l-imparzjalità tal-korp ġudizzjarju kontra indħil extraġudizzjarju u illeġittimu waqt li tkun għaddejja l-proċedura ġudizzjarja.


66      Fit-titolu tal-Artikolu 47 tal-Karta, issir distinzjoni bejn “[i]d-dritt għal rimedju effettiv”, li huwa s-suġġett tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u d-“[dritt] għal proċess imparzjali” li jinkludi d-dritt għal “qorti indipendenti” kif previst fit-tieni paragrafu tiegħu. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punti 54 et seq).


67      Konvenzjoni ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


68      Ninnota li teżisti l-istess distinzjoni fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża, peress li “[l]-aċċess għad-dritt u għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva” huwa s-suġġett tal-Artikolu 20 tagħha, filwaqt li l-indipendenza tal-qrati hija prevista fl-Artikolu 203 tagħha (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


69      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 26 ta’ Ottubru 2000, Kudła vs Il-Polonja (ECLI:CE:ECHR:2000:1026JUD003021096, §§ 150 sa 156).


70      Ara l-punti 69 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71      Fuq l-effetti konkreti tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja f’din il-kawża, ara wkoll il-punti 77 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72      Għall-kuntrarju, il-fatt li dawn il-miżuri għandhom biss natura temporanja (filwaqt li nfakkar li l-Liġi Nru 75/2014 beda jkollha effett mix-xahar ta’ Ottubru 2014, u li skont il-Liġi Nru 159-A/2015, it-tnaqqis tar-remunerazzjonijiet kontenzjuż ġie eliminat totalment mill-1 ta’ Ottubru 2016), kif isostni l-Gvern Portugiż, ma jidhirlix li huwa determinati, ladarba anki jekk ikun provviżorju, preġudizzju eventwali kkawżat lil prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jkun fih innifsu kuntrarju għal dan id-dritt, għalkemm il-gravità ta’ tali ksur tkun evidentement inqas milli tkun f’każ li l-preġudizzju jkun sar b’mod permanenti.


73      Ara l-lista twila ta’ persuni, li tinkludi b’mod partikolari kemm l-imħallfin li jippresjedu fil-qrati kif ukoll il-membri tal-ġudikatura tal-prosekutur pubbliku, li tinsab fl-Artikolu 2(9)(a) (“Il-President tar-Repubblika”), ittra (t), (“il-persunal ta’ riżerva, li rtira kmieni jew li ngħata s-sensja […]”) tal-Liġi Nru 75/2014, paragrafu ċċitat fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


74      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:2, punti 34 et seq). Ara wkoll, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373), punt 54)


75      Jiġifieri, “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”.


76      Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17 et seq), “l-ewwel paragrafu [tal-Artikolu 47 tal-Karta] huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB” u t-“tieni paragrafu jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB” (ara t-taqsima “Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 47”, l-ewwel u t-tielet paragrafi).


77      Il-fatt li għandu jsir riferiment unikament għall-Artikolu 47 tal-Karta meta s-sitwazzjoni inkwistjoni tkun koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata) ma jeskludix il-possibbiltà li dan l-artikolu jiġi interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 45 et seq), kif ukoll l-ispjegazzjonijiet ġurisprudenzjali mogħtija minn Lebrun, G., “De l’utilité de l’article 47 de la Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne”, Revue trimestrielle des droits de l’homme, 2016, Nru 106, speċjalment p. 439 sa 445.


78      Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, taqsima “Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 47”, it-tieni u r-raba’ paragrafi, kif ukoll it-taqsima “Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 52” fejn “l-Artikolu 47(2) u (3)” huwa ċċitat fost “[l]-Artikoli fejn is-sens huwa l-istess bħal dak fl-Artikoli korrispondenti tal-KEDB, iżda fejn l-ambitu huwa usa’”.


79      Fil-konklużjonijiet tiegħu b’rabta mal-kawża Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:2, punt 37), l-Avukat Ġenerali Wathelet jenfasizza li “l-Artikolu 47 tal-Karta għandu kamp ta’ applikazzjoni materjali iktar wiesa’. Minn naħa, huwa applikabbli meta ‘d-drittijiet u libertajiet […] garantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu vjolati’ (kemm jekk jidhru kif ukoll jekk ma jidhrux fil-Karta), filwaqt li l-Artikolu 13 tal-KEDB jeżiġi ksur tad-‘drittijiet u libertajiet rikonoxxuti fil-[KEDB]’. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jillimita d-dritt għal proċess imparzjali għall-kontestazzjonijiet dwar id-drittijiet u obbligi ta’ natura ċivili jew għall-mertu ta’ akkuża fil-kamp kriminali. Din ir-restrizzjoni ma tinsabx fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta” (ara wkoll il-punti 61 et seq tal-imsemmija konklużjonijiet).


80      L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, fit-taqsima “Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 52”, jipperċiżaw li, fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 52, “[i]r-referenza għall-KEDB tkopri kemm il-Konvenzjoni kif ukoll il-Protokolli tagħha. It-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test ta’ dawk l-istrumenti, iżda wkoll mill-każistika tal-Qorti [EDB] u mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea. L-aħħar sentenza tal-paragrafu [3] ġiet imfassla sabiex tippermetti lill-Unjoni tiggarantixxi protezzjoni aktar estensiva. Fi kwalunkwe każ, il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Karta qatt ma jista’ jkun inqas minn dak li huwa ggarantit mill-KEDB”.


81      Nippreċiża li d-dritt għal smigħ minn qorti indipendenti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta jestendi għat-tilwim ta’ natura amministrattiva, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, Dutheil de la Rochère, J., “Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne”, Jurisclasseur Europe, faxxikolu 160, 2010, punt 87). Għal dak li jirrigwarda t-tilwim li jikkonċerna membri tal-ġudikatura fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, ara Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2016, Baka vs L-Ungerija (ECLI:CE:ECHR:2016:0623JUD002026112, §§ 102 et seq).


82      Fuq id-“dritt għal rimedju effettiv” fis-sens tal-Artikolu 13 tal-KEDB, ara b’mod partikolari, Qorti EDB, 26 ta’ Ottubru 2000 (Kudła vs Il-Polonja, ECLI:CE:ECHR:2000:1026JUD003021096, § 157).


83      Ara l-formulazzjoni tad-domanda preliminari, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-ASJP, li tenfasizza li t-tnaqqis kontenzjuż ġie deċiż u impost mill-awtoritajiet eżekuttivi u leġiżlattivi, mingħajr ma ġie meqjus il-fatt li r-remunerazzjoni tal-imħallfin li jippresjedu fil-qorti tikkontribwixxi għall-indipendenza funzjonali tagħhom. Għall-kuntrarju, ma huwiex ikkontestat li l-mandanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu jeżerċitaw b’mod effettiv ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli fil-Portugall, filwaqt li huwa mfakkar li l-qorti tar-rinviju hija s-Supremo Tribunal Administrativo (qorti amministrattiva suprema).


84      Il-kundizzjonijiet ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati nazzjonali ċertament huma relatati ma’ xulxin, u kultant eżaminati b’mod konġunt (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 21 ta’ Ġunju 2016, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il-Portugall, ECLI:CE:ECHR:2016:0621JUD005539113, § 74), madankollu, dawn il-kunċetti jibqgħu separati, b’tali mod li ser nillimita l-osservazzjonijiet tiegħi għal dak tal-ewwel, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.


85      Il-mod kif jinħatru l-membri tal-qorti, it-tul tal-mandat tagħhom jew il-permanenza tagħhom, jittieħdu inkunsiderazzjoni fost affarijiet oħrajn (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 18 ta’ Lulju 2013, Maktouf u Damjanović vs Il-Bosnja-Ħerzegovina ECLI:CE:ECHR:2013:0718JUD000231208, § 49).


86      Dan l-ewwel aspett jeżiġi li kull imħallef jitħares minn istruzzjonijiet jew pressjonijiet li jkunu ġejjin mill-intern tal-ġudikatura, u b’mod partikolari li joħorġu minn kontropartijiet li fir-rigward tagħhom hemm relazzjoni ta’ subordinazzjoni amministrattiva jew ġerarkika (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 6 ta’ Ottubru 2011, Agrokompleks vs L-Ukraina, ECLI:CE:ECHR:2011:1006JUD002346503, § 137)


87      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 18 ta’ Lulju 2013, Maktouf u Damjanović vs Il-Bosnja-Ħerzegovina (ECLI:CE:ECHR:2013:0718JUD000231208, § 49).


88      Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-awtoritajiet leġiżlattivi, Qorti EDB, 3 ta’ Settembru 2013, M.C. et vs L-Italja (ECLI:CE:ECHR:2013:0903JUD000537611, § 59), kif ukoll, fir-rigward tal-awtorità eżekuttiva, Qorti EDB, 21 ta’ Ġunju 2016, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il-Portugall (ECLI:CE:ECHR:2016:0621JUD005539113, §§ 70 u 75).


89      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (C‑503/15, EU:C:2017:126, punti 37 et seq kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


90      Qorti EDB, 26 ta’ April 2016, Zoubko et vs L-Ukraina (ECLI:CE:ECHR:2006:0426JUD000395504, §§ 67 u 68), dwar is-suġġett tal-ksur allegat tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 anness mal-KEDB, li skontu “[k]ull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha”.


91      Dispożizzjonijiet iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


92      Ara r-rakkomandazzjoni Nru R(94)12 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar “l-indipendenza, l-effiċjenza u s-sehem tal-imħallfin”, adottata fit-13 ta’ Ottubru 1994, prinċipju III, paragrafu 1(b), kif ukoll ir-rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12, intitolata “L-imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltà”, adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-17 ta’ Novembru 2010, u l-anness tagħha, punti 53 sa 55.


93      Dwar dan l-aspett tal-aħħar, ara wkoll l-Opinjoni Nru 1 (2001) tal-Kunsill konsultattiv tal-imħallfin Ewropej (CCJE) għall-attenzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-regoli relatati mal-indipendenza u l-permanenza tal-imħallfin, tat-23 ta’ Novembru 2001, punt 62.


94      Bl-istess mod, skont ir-“Rapport dwar l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, Parti I: l-indipendenza ġudizzjarja”, tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi tal-Kunsill tal-Ewropa (il-Kummissjoni ta’ Venezja), tas-16 ta’ Marzu 2010, “[i]l-livell tar-remunerazzjoni għandu jiġi stabbilit filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni soċjali fil-pajjiż ikkunsidrat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 46).


95      F’dan ir-rigward, il-Gvern Portugiż jinnota li l-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi tikkostitwixxi għażla fundamentali, magħmula mill-korpi kompetenti tal-Istat Portugiż, li hija ġġustifikata mill-għanijiet tal-eliminazzjoni tal-iżbilanċ baġitarju eċċessiv u mill-ħtieġa, għal dan l-Istat, li josserva impenji internazzjonali li jirriżultaw mill-assistenza finanzjarja li kien ibbenefika minnha skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni.


96      Ara l-punt 68 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


97      Dan il-gvern enfasizza li l-miżuri kkontestati kellhom l-għan li, minn naħa, jiggarantixxu, fl-aħħar, l-interess ġenerali tal-kollettività, kif huwa stabbilit, fl-osservanza tal-Kostituzzjoni nazzjonali, mill-Istat Portugiż bħala leġiżlatur, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jqassmu b’mod ġust u bbilanċjat l-isforz impost minn dawn il-miżuri, li huwa sostnut mill-uffiċjali kollha tal-korpi tal-Istat, il-ħaddiema tal-amministrazzjoni pubblika u l-aġenti l-oħrajn tal-Istat.