Language of document : ECLI:EU:C:2010:341

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fil‑15 ta’ Ġunju 2010 (1)

Kawża C‑108/09

Ker‑Optika Bt.

vs

ÀNTSZ Dél‑dunántúli Regionális Intézete

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Baranya Megyei Bíróság (l‑Ungerija)]

“Moviment liberu tal‑merkanzija – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Metodi ta’ bejgħ – Kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt bl‑internet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l‑bejgħ ta’ lentijiet tal‑kuntatt biss lill‑ħwienet speċjalizzati f’apparat mediku”





I –    Introduzzjoni

1.        Fil‑kawża preżenti, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija mistiedna tiċċara l‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/31/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑18 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas‑servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni, partikolarment il‑kummerċ elettroniku, fis‑suq intern (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku”) (2) u wara tapplika għal darb’ oħra l‑ġurisprudenza tagħha Keck u Mithouard (3), billi tiddeċiedi dwar il‑kwistjoni jekk projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ lentijiet tal‑kuntatt bl‑internet hijiex kompatibbli mad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar il‑moviment liberu tal‑merkanzija.

II – Il‑kuntest ġuridiku

A –    Id‑dritt primarju tal‑Unjoni

2.        L‑Artikolu 28 KE jipprovdi li “[r]estrizzjonijiet kwantitattivi fuq l‑importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l‑Istati Membri”.

3.        L‑Artikolu 30 KE jipprovdi li “[i]d‑disposizzjonijiet ta’ l‑Artikoli 28 u 29 inklużi ma għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l‑importazzjoni, esportazzjoni jew transitu meta dawn ikunu ġġustifikati abbażi ta’ moralità pubblika, ordni pubbliku, sigurtà pubblika, il‑protezzjoni tas‑saħħa u l‑ħajja ta’ persuni jew ta’ annimali, jew il‑preservazzjoni tal‑pjanti, il‑protezzjoni tal‑patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il‑protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu dawn il‑projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m’għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal‑kummerċ bejn l‑Istati Membri”.

B –    Id‑dritt sekondarju tal‑Unjoni

4.        L‑Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 98/34/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑22 ta’ Ġunju 1998 (4), jistabbilixxi proċedura għall‑għoti ta’ informazzjoni fil‑qasam tal‑istandards u tar‑Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid‑Direttiva 98/48/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑20 ta’ Lulju 1998 (5), (iktar ’il quddiem “id‑Direttiva 98/34”), tiddefinixxi s‑servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni, kif għandhom jinftiehmu fis‑sens tal‑imsemmija direttivi, kif ġej:

“‘servizz’: kull servizz tas‑Soċjetà ta’ l‑Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill‑bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it‑talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall‑għanijiet ta’ din id‑definizzjoni:

–        ‘mill‑bogħod’; tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l‑partijiet ikunu preżenti simultanjament,

–        ‘b’mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil‑bidu s‑servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid‑destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall‑ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l‑ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir‑radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro‑manjetiċi,

–        ‘fuq it‑talba individwali ta’ riċevitur tas‑servizzi’; tfisser illi s‑servizz jiġi pprovdut permezz tat‑trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

Lista indikattiva tas‑servizzi mhux koperti b’din id‑definizzjoni hija mogħtija fl‑Anness V.

[…]”

5.        Il‑premessa 18 tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku tispeċifika, b’mod partikolari (6), li “attivitajiet li min‑natura propja tagħhom ma jistgħux jiġu mwettqa mill‑bogħod b’mezzi elettroniċi, bħal ma huwa l‑awditjar statutorju tal‑kontijiet ta’ kumpanija jew parir mediku li jinħtieġ eżami fiżiku ta’ pazjent mhumiex servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni”.

6.        Il‑premessa 21 tipprovdi li “il‑qasam kordinat ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online u ma tikkonċernax il‑ħtiġijiet legali ta’ Stati Membri li jirrigwardaw oġġetti bħal ma huma normi ta’ sigurtà, obbligu ta’ tikkettjar, jew responsabbiltà għal oġġetti, jew il‑ħtiġijiet ta’ Stati Membri li jirrigwardaw il‑kunsinna jew it‑trasport ta’ oġġetti, inkluża d‑distribuzzjoni ta’ prodotti mediċi”.

7.        L‑Artikolu 1(3) tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku jipprovdi li “[d]in id‑Direttiva tikkumplementa l‑liġi tal‑Komunità applikabbli għal servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni mingħajr preġudizzju għall‑livell ta’ protezzjoni ta’, partikolarment, interessi tas‑saħħa pubblika u tal‑konsumatur, kif stabbiliti b’atti tal‑Komunità u leġislazzjoni nazzjonali li timplimentahom sal‑limiti li ma jirrestrinġix il‑libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni.”

8.        L‑Artikolu 2(a) tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku jiddefinixxi s‑servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni bħala “servizzi fil‑qofol ta’ dak li jfisser l‑Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 98/34/KE kif emendata bid‑Direttiva 98/48/KE”.

9.        L‑Artikolu 2(h) tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku jiddefinixxi l‑qasam ikkoordinat bħala l‑“ħtiġijiet stipulati fis‑sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni jew għas‑servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.”

10.      L‑Artikolu 2(h)(i) jipprovdi li “[i]l‑qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s‑servizz għandu jkun konformi fir‑rigward ta’:

–        il‑bidu ta’ l‑attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, bħal ma huma l‑ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

–        il‑prattika ta’ l‑attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l‑imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il‑kwalità jew kontenut tas‑servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir‑responsabbiltà ta’ min jipprovdi s‑servizz;”

11.      L‑Artikolu 2(h)(ii) ikompli billi jipprovdi: “[i]l‑qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma:

–        ħtiġijiet applikabbli għal merkanzija bħala tali,

–        ħtiġijiet applikabbli għal kunsinna ta’ merkanzija,

–        ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi.”

12.      L‑Artikolu 4(1) tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku jistipula li “[l]‑Istati Membri għandhom jassiguraw li l‑bidu u l‑prattika ta’ l‑attività ta’ dak li jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni ma jkunux jistgħu jsiru suġġetti għal awtorizzazzjoni bil‑quddiem jew [għal] […] ħtiġijiet oħra li jkollhom effett ekwivalenti”, qabel ma jispeċifika, fl‑Artikolu 4(2), li “l‑paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal skemi ta’ awtorizzazzjoni li ma humiex speċifikament u esklussivament immirati lejn servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni”.

C –    Il‑leġiżlazzjoni u r‑regolamenti Ungeriżi

13.      L‑Artikolu 1(3) tal‑Liġi CVIII. tal‑2001 dwar is‑servizzi ta’ kummerċ elettroniku u s‑servizzi marbuta mas‑soċjetà tal‑informazzjoni (A elektronikus kereskedelmi szolgáltatások, valamint az információs társadalommal összefùggő szolgáltatásokról szóló 2001. évi CVIII. Törvény, iktar ’il quddiem il‑“Liġi CVIII. tal‑2001”) jipprovdi li “l‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑liġi preżenti ma jestendix għas‑servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni mogħtija u użati fi proċedura ġudizzjarja jew fi kwalunkwe proċedura amministrattiva oħra, u jibqa’ bla ħsara għall‑applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet intiżi li jipproteġu d‑data personali”. L‑Artikolu 1(4) ikompli: “il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑liġi preżenti ma jestendix għal komunikazzjonijiet magħmula permezz ta’ servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni minn persuna għal finijiet li mhumiex marbuta mat‑twettiq ta’ attività ekonomika jew professjonali, jew ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku, u lanqas għal manifestazzjonijiet ta’ rieda kuntrattwali mwettqa b’dan il‑mod”.

14.      L‑Artikolu 3(1) ta’ din l‑istess liġi jipprovdi li “[l]‑ebda awtorizzazzjoni minn qabel u lanqas ebda deċiżjoni amministrattiva li għandha effett simili ma hija neċessarja għat‑tnedija jew għat‑twettiq ta’ attività ta’ provvista ta’ servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni”.

15.      L‑Artikolu 1 tar‑Regolament 7/2004 (XI.23.) tal‑Ministeru tas‑saħħa pubblika dwar ir‑rekwiżiti professjonali fil‑qasam tal‑kummerċjalizzazzjoni, tat‑tiswija u tas‑self ta’ apparat mediku (A gyógyászati segédeszközök forgalmazásának, javításának, kölcsönzésének szakmai követelményeiről szóló 7/2004 (XI. 23.) Egészségügyi Minisztériumi rendelet, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament 7/2004”) jipprovdi li “r‑regolament preżenti huwa, bla ħsara għal dak li jirrigwarda l‑apparat mediku elenkat fl‑Anness 1, applikabbli għat‑twettiq ta’ attivitajiet li jikkonsistu fil‑kummerċjalizzazzjoni, fit‑tiswija u fil‑kiri ta’ kwalunkwe apparat mediku, u fil‑kunsinna ta’ tali apparat, kif ukoll fil‑manifattura ta’ apparat mediku adattat għall‑ħtiġijiet individwali. […] Il‑kummerċjalizzazzjoni, it‑tiswija u l‑kiri ta’ apparat mediku rregolat b’dan ir‑regolament għandhom ikunu kkunsidrati servizzi ta’ saħħa”.

16.      L‑Artikolu 2 tal‑istess regolament jipprovdi li “għall‑finijiet tal‑applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament:

a)      apparat mediku jfisser apparat tekniku mediku jew ta’ kura miżmum minn persuna li, b’mod temporanju jew permanenti jsofri minn deterjorament fl‑istat ta’ saħħa, minn diżabbiltà jew minn invalidità,

[…]”.

17.      Skont l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament 7/2004, “il‑kummerċjalizzazzjoni, it‑tiswija u l‑kiri ta’ apparat mediku jistgħu jsiru […] f’ħanut speċjalizzat, sakemm tinkiseb l‑awtorizzazzjoni għall‑operazzjoni skont il‑leġiżlazzjoni speċjali u sakemm ikunu sodisfatti r‑rekwiżiti previsti fil‑punti I.1 u I.2 tal‑Anness 2 ta’ dan ir‑regolament ”.

18.      L‑Artikolu 4(5) tar‑Regolament 7/2004 jirregola l‑kunsinna fil‑post ta’ abitazzjoni kif ġej:

“Tista’ ssir il‑kunsinna fil‑post ta’ abitazzjoni ta’:

a)      apparat mediku standard u msewwi,

b)      apparat mediku użat għall‑finijiet ta’ prova u/jew ta’ adattazzjoni, jew żviluppat skont il‑ħtiġijiet individwali biss sabiex tkun tista’ ssir prova u familjarizzazzjoni, għall‑finijiet ta’ konsum finali”.

19.      L‑Anness I tal‑imsemmi regolament jipprovdi espressament li:

“l‑apparat mediku li ġej ma jaqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament:

[…]”

–      l‑oġġetti ottiċi standard, b’eċċezzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt;

[…].”

20.      Barra minn hekk, l‑Anness 2 tar‑Regolament 7/2004 jagħmel riferiment għal tnejn mir‑rekwiżiti speċjali msemmija fl‑Artikolu 3(1). Il‑punt I.1(d) ta’ dan l‑anness jipprovdi, fost ir‑rekwiżiti materjali li għandhom jiġu sodisfatti, li “għall‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt u ta’ nuċċalijiet li jiġu adattati skont il‑ħtiġijiet individwali, jeħtieġ ħanut ta’ superfiċje minima ta’ 18m2 jew ħanut separat mill‑workshop”. Min‑naħa tiegħu, il‑punt I.2(ċ) ta’ dan l‑anness jelenka wieħed mir‑rekwiżiti ratione personae, għaliex jeżiġi li sabiex persuna tkun tista’ tinnegozja fil‑lentijiet tal‑kuntatt, hija għandha “teżerċità l‑professjoni ta’ ottometrist jew ta’ tabib oftalmologu kwalifikat fil‑qasam tal‑lentijiet tal‑kuntatt”.

III – Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21.      Ker‑Optika Bt. (iktar ’il quddiem “Ker‑Optika” jew “ir‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali”) hija soċjetà in akkomandita sempliċi rregolata mid‑dritt Ungeriż li, fost attivitajiet oħra, tikkummerċjalizza lentijiet tal‑kuntatt permezz tas‑sit internet tagħha.

22.      Fid‑29 ta’ Awwissu 2008, Ker‑Optika kienet is‑suġġett ta’ deċiżjoni amministrattiva, adottata mill‑ÀNTSZ Pécsi, Sellyei, Siklósi Kistérségi Intézete, il‑fergħa lokali tal‑ÀNTSZ, fi kliem ieħor, is‑servizzi tal‑Istat għas‑saħħa pubblika u l‑affarjiet sanitarji, li ma ħallithiex tikkumerċjalizza l‑lentijiet tal‑kuntatt bl‑internet.

23.      Ker‑Optika ppreżentat ilment quddiem l‑ÀNTSZ Dél‑dunántúli Regionális Intézete, id‑Direttorat reġjonali tas‑servizzi msemmija iktar ’il fuq, li permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2008, ċaħad l‑ilment u kkonferma d‑deċiżjoni ta’ projbizzjoni adottata mill‑fergħa lokali kontra Ker‑Optika, filwaqt li bbaża d‑deċiżjoni tiegħu fuq l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament 7/2004. Għalhekk, ir‑Regolament 7/2004 jipprekludi l‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt permezz ta’ mezzi elettroniċi, għaliex, għall‑kuntrarju, huwa jeżiġi li l‑lentijiet tal‑kuntatt jinbiegħu f’ħanut tan‑nuċċalijiet speċjalizzat, li jissodisfa kemm ir‑rekwiżiti ratione materiae kif ukoll dawk ratione personae li għalihom jagħmel riferiment l‑Artikolu 3(1) tal‑imsemmi regolament.

24.      Peress li ma qablitx ma’ din l‑interpretazzjoni li kellha l‑effett li tipprojbixxi parti min‑negozju tagħha, Ker‑Optika ppreżentat rikors quddiem il‑Baranya Megyei Bíróság (tribunal tat‑territorju ta’ Baranya) bil‑għan li tiġi annullata d‑deċiżjoni tad‑Direttorat ġenerali tas‑servizzi tal‑Istat għas‑saħħa pubblika u l‑affarjiet sanitarji.

25.      Quddiem il‑qorti tar‑rinviju, ir‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali sostniet li, minn naħa, il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt kienet servizz tas‑soċjetà tal‑informazzjoni u li, f’dan ir‑rigward, id‑deċiżjoni kontenzjuża kienet għalhekk tmur kontra l‑Artikolu 3(1) tal‑Liġi CVIII. tal‑2001, li jipprovdi li l‑ebda awtorizzazzjoni minn qabel jew ebda deċiżjoni amministrattiva li għandha effett simili ma hija neċessarja għat‑tnedija jew għat‑twettiq ta’ attività ta’ provvista ta’ servizz tas‑soċjetà tal‑informazzjoni. Min‑naħa l‑oħra, peress li r‑Regolament 7/2004 jawtorizza l‑kunsinna ta’ apparat mediku fil‑post ta’ abitazzjoni, kellha tiġi permessa l‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt bl‑internet.

26.      Min‑naħa tagħha, il‑konvenuta fil‑kawża prinċipali invokat id‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku, b’mod partikolari l‑premessa 18 tagħha. Hija ssostni li l‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt hija attività li ma tistax titwettaq mill‑bogħod għaliex hija simili għal parir mediku li jeħtieġ l‑eżami fiżiku tal‑pazjent, u għalhekk taqa’ barra mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmija direttiva. Minħabba dan il‑fatt, id‑dispożizzjonijiet tal‑Liġi CVIII. tal‑2001, li tittrasponi fid‑dritt Ungeriż id‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku, ma jistgħux jiġu applikati għall‑attività inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.

27.      Peress li ltaqgħet ma diffikultà ta’ interpretazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑Baranya Megyei Bíróság iddeċieda li jissospendi l‑proċeduri u, b’deċiżjoni ta’ rinviju tal‑10 ta’ Frar 2009, skont l‑Artikolu 234 KE għamel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, it‑tliet domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt tikkostitwixxi parir mediku li jeħtieġ eżami fiżiku tal‑pazjent, b’mod li ma taqax taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva [dwar il‑kummerċ elettroniku]?

2)      Jekk il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt ma tikkostitwixxix parir mediku li jeħtieġ eżami fiżiku tal‑pazjent, l‑Artikolu 30 tat‑Trattat KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li jmorru kontra d‑dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li jipprevedu li l‑lentijiet tal‑kuntatt jistgħu jinbiegħu fi ħwienet speċjalizzati fl‑apparat mediku biss?

3)      Il‑leġiżlazzjoni Ungeriża li tawtorizza l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt fi ħwienet speċjalizzati fl‑apparat mediku biss, tmur kontra l‑prinċipju ta’ moviment liberu tal‑merkanzija previst fl‑Artikolu 28 tat‑Trattat KE?”

28.      Qabel xejn, il‑qorti tar‑rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk l‑attività inkwistjoni fil‑kawża prinċipali taqax taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku u huwa biss fil‑każ fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi fin‑negattiv li tqajjem domanda ta’ interpretazzjoni tad‑dritt primarju tal‑Unjoni. Huwa b’mod partikolari fil‑kuntest ta’ din l‑aħħar sitwazzjoni li tista’ tqum il‑problema tal‑applikazzjoni tal‑ġurisprudenza Keck u Mithouard.

IV – Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

29.      Osservazzjonijiet bil‑miktub ġew ippreżentati mill‑Gvernijiet ta’ Spanja, tal‑Greċja, tal‑Ungerija, tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u tar‑Repubblika Ċeka kif ukoll mill‑Kummissjoni Ewropea.

30.      L‑osservazzjonijiet orali tal‑Gvernijiet ta’ Spanja, tal‑Greċja, tal‑Ungerija, tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u tar‑Repubblika Ċeka kif ukoll tal‑Kummissjoni Ewropea nstemgħu fis‑seduta tal‑15 ta’ April 2010.

V –    Fuq l‑ewwel domanda preliminari

31.      Meta tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt hijiex parir mediku li jeħtieġ il‑preżenza fiżika tal‑pazjent, il‑qorti tar‑rinviju tfittex li, qabel xejn, issir taf jekk l‑attività inkwistjoni hijiex koperta mid‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku, u għaldaqstant jekk, il‑kompatibbiltà tar‑Regolament 7/2004 mad‑dritt tal‑Unjoni għandhiex tiġi evalwata fid‑dawl tal‑imsemmija direttiva.

32.      Ir‑Regolament 7/2004 inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jirriżerva l‑possibbiltà ta’ kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt – li fid‑dritt Ungeriż huma kkunsidrati bħala apparat mediku – għal ħwienet speċjalizzati, b’superfiċje minima ta’ 18m2 (jew li għandhom ħanut separat mill‑workshop) u għal persuni li jeżerċitaw il‑professjoni ta’ ottometrist jew tabib oftamologu. Għaldaqstant, il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn it‑tip ta’ prodotti bl‑internet hija pprojbita. Madankollu, il‑qorti tar‑rinviju tfakkar li l‑kunsinna fil‑post ta’ abitazzjoni għal skopijiet ta’ konsum finali ta’ apparat mediku kopert mill‑imsemmi regolament, u għalhekk inklużi l‑lentijiet tal‑kuntatt, hija awtorizzata, bla ħsara għall‑osservanza tar‑rekwiżiti imposti mir‑Regolament 7/2004 (7).

33.      Anki qabel ma nidħol iktar fil‑fond fil‑kwistjoni dwar jekk il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt hijiex assimilabbli għal parir mediku li jirrikjedi l‑preżenza fiżika tal‑pazjent, naħseb li l‑għan tal‑ewwel domanda, li għandha tinqara flimkien mat‑tieni u mat‑tielet domandi, huwa li jiġi ddeterminat jekk il‑kompatibbiltà mad‑dritt tal‑Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l‑konsegwenza li teskludi mill‑bejgħ bl‑internet kategorija partikolari ta’ merkanzija għandhiex tkun analizzata biss fid‑dawl tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku.

34.      Id‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku hija intiża li tikkontribwixxi għall‑funzjonament tajjeb tas‑suq intern billi toħloq, f’dan il‑qasam, qafas ġuridiku intiż li jiżgura l‑moviment liberu tas‑servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni bejn l‑Istati Membri. Hekk kif jindika t‑titolu tagħha, id‑direttiva tirrigwarda biss “ċerti” aspetti ġuridiċi tas‑servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni u, kif jispeċifika l‑Artikolu 1(2) tagħha, id‑direttiva għandha biss l‑għan li tarmonizza “ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni li jirrigwardaw is‑suq intern, l‑istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir‑responsabbiltà ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill‑qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri”.

35.      B’hekk, anki jekk fl‑immaġinazzjoni kollettiva d‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku hija dik li bis‑saħħa tagħha l‑kummerċ elettroniku intrakommunitarju seta’ jiżviluppa, id‑direttiva nnifisha tillimita ruħha li tirregola ċerti stadji ta’ dan il‑kummerċ, li permezz tagħhom dan il‑kummerċ jitwettaq, billi tipprovdi qafas ġuridiku fil‑konfront tagħhom, iżda ma tkoprix ir‑rekwiżiti li jirrigwardaw il‑moviment liberu tal‑merkanzija li eventwalment jikkaġunha. Barra minn hekk, f’din id‑direttiva l‑enfasi titpoġġa fuq il‑kunċett ta’ “servizz” u mhux ta’ “merkanzija”.

36.      Fi kliem ieħor, ikun żbaljat li jiġi kkunsidrat li d‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku għandha l‑għan ta’ liberalizzazzjoni ġenerali tal‑kummerċ elettroniku tal‑merkanzija. Fil‑fatt, minn ebda waħda mid‑dispożizzjonijiet tagħha ma jista’ jiġi dedott li l‑Istati Membri għandhom obbligu ġenerali li, b’mod ġenerali u sistematiku, jawtorizzaw il‑bejgħ bl‑internet ta’ kull tip ta’ merkanzija. Barra minn hekk, naħseb li l‑opinjoni tiegħi hija kkonfermata mill‑analiżi tal‑qasam ikkordinat mid‑direttiva.

37.      Fil‑fatt, anki li kieku l‑Qorti tal‑Ġustizzja kellha xorta waħda tiddeċiedi li testendi l‑analiżi tagħha tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku, fil‑fehma tiegħi, xorta waħda jifdal minn tal‑inqas żewġ raġunijiet li jistgħu jiġġustifkaw il‑fatt li l‑kompatibbiltà tar‑Regolament 7/2004 mad‑dritt tal‑Unjoni ma tistax tiġi evalwata fid‑dawl tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku. Minn naħa, dan jista’ jiġi dedott mid‑definizzjoni li din id‑direttiva tagħti tal‑qasam ikkordinat. Min‑naħa l‑oħra, naħseb li l‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt ma tistax tiġi kklassifikata, fl‑aspetti kollha tagħha, bħala “servizz tas‑soċjetà tal‑informatika” fis‑sens tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku.

38.      L‑ewwel nett, fir‑rigward tal‑qasam ikkordinat, l‑għan imfittex mid‑direttiva, imsemmi fil‑punt 34 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, ma jippermettix li jiġi ddikjarat li projbizzjoni ta’ bejgħ bl‑internet tista’ tiġi eżaminata fid‑dawl tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku.

39.      Barra minn hekk, meta r‑Regolament 7/2004 jiddefinixxi, b’mod partikolari, il‑kundizzjonijiet li fihom il‑lentijiet tal‑kuntatt jistgħu jinbiegħu u jitqassmu lill‑konsumaturi finali, u meta, b’mod inċidentali, jipprojbixxi l‑bejgħ bl‑internet u, għaldaqstant, il‑kunsinna fil‑post ta’ abitazzjoni li, bħala prinċipju, tikkaratterizza dan il‑metodu ta’ tqegħid fis‑suq, meta din ma sseħħx skont ir‑rekwiżiti imposti mir‑Regolament 7/2004 (jiġifieri biss għall‑finijiet ta’ prova, adattazzjoni jew familjarizzazzjoni), tali regolament tabilħaqq jorganizza l‑metodi tal‑kunsinna tagħhom f’sens ġenerali. Fi kwalunkwe każ, ma naħsibx li l‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt, kif irregolata mill‑imsemmi regolament, tagħmel parti mill‑qasam ikkordinat mid‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku.

40.      Fil‑fatt, anki jekk, inizjalment il‑premessa 18 tipprovdi li “Servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni jifirxu fuq medda aktar kbira ta’ attivitajiet ekonomiċi li jseħħu on‑line” u li “dawn l‑attivitajiet jistgħu, partikolarment, jikkonsistu fil‑bejgħ ta’ oġġetti online”, dan huwa biss sabiex jiġi kkwalifikat immedjatament li “attivitajiet bħal ma huma l‑kunsinna ta’ merkanzija jew il‑provvediment ta’ servizzi offline ma humiex koperti”. Fir‑rigward tal‑premessa 21, din tipprovdi b’mod ċar li “l‑qasam kordinat ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online u ma tikkonċernax il‑ħtiġijiet legali ta’ Stati Membri li jirrigwardaw oġġetti bħal ma huma normi ta’ sigurtà, obbligu ta’ tikkettjar, jew responsabbiltà għal oġġetti, jew il‑ħtiġijiet ta’ Stati Membri li jirrigwardaw il‑kunsinna jew it‑trasport ta’ oġġetti, inkluża d‑distribuzzjoni ta’ prodotti mediċi”.

41.      Kif jirrilevaw il‑Gvernijiet tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u tar‑Repubblika Ċeka fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom, id‑definizzjoni tal‑qasam ikkordinat ipprovduta mill‑Artikolu 2(h)(ii) tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku tfakkar din l‑esklużjoni ġenerali mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑direttiva tal‑eżiġenzi applikabbli għall‑prodotti nfushom u għall‑kunsinna tagħhom. Madankollu, hija tfakkar ukoll li peress li d‑direttiva “[t]kopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online”, hija għandha għalhekk l‑għan li tirregola ċerti aspetti tal‑kummerċ li eventwalment isir online, iżda mhux li tirregola l‑kwistjoni dwar jekk dawn it‑tip ta’ attivitajiet jew tranżazzjonijiet għandhomx jinfetħu għall‑kummerċ bl‑internet. Għalhekk, id‑direttiva ma tipprovdix iċ‑ċirkustanzi li taħthom jista’ jiġi validament ipprojbit il‑bejgħ bl‑internet ta’ kategorija ta’ merkanzija.

42.      It‑tieni nett, u minbarra l‑analiżi tad‑dispożizzjonijiet dwar il‑qasam ikkordinat, ir‑riferiment għall‑kunċett ta’ “servizz tas‑soċjetà tal‑informazzjoni” huwa fattur ieħor li jippermettili nikkonkludi li d‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku mhijiex rilevanti għall‑kawża prinċipali.

43.      L‑imsemmija direttiva mhijiex intiża li tapplika għas‑servizzi kollha, iżda biss għal dik il‑kategorija partikolari li tikkostitwixxi s‑servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni. Għalkemm, skont il‑leġiżlazzjoni Ungeriża, il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt tikkostitwixxi servizz tas‑saħħa – li, fi kwalunkwe każ, hija biss klassifikazzjoni purament nazzjonali – ma naħsibx li d‑definizzjoni ta’ servizz tas‑soċjetà tal‑informazzjoni mogħtija mil‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni tista’ tiġi effettivament applikata għal din l‑attività partikolari.

44.      Fil‑fatt, il‑kliem “servizz tas‑soċjetà tal‑informazzjoni” fis‑sens tad‑Direttiva 98/34, għandu jinftiehem bħala “kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill‑bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it‑talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi” (8). Id‑definizzjoni mogħtija tipprovdi wkoll li “ ‘mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil‑bidu s‑servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid‑destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall‑ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l‑ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir‑radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro‑manjetiċi”.

45.      Għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostni l‑Gvern Ungeriż, jiena naħseb li l‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt, fiha nnifisha, tista’ ċertament issir mill‑bogħod jew bl‑internet. Din il‑konstatazzjoni neċessarjament teħtieġ li tiġi aċċettata d‑disassoċjazzjoni bejn il‑fażi tal‑parir mediku, li huma eventwalment meħtieġa qabel il‑kunsinna tal‑lentijiet tal‑kuntatt, u l‑bejgħ innifsu ta’ dawn il‑lentijiet.

46.      Madankollu, għall‑kuntrarju ta’ dak li ssostni l‑Kummissjoni Ewropea, anki jekk il‑parir mediku jiġi disassoċjat mill‑bejgħ tal‑lentijiet tal‑kuntatt, ma naħsibx li huwa possibbli li l‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt tista’ tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi, fiha nnifisha u għal kull wieħed mill‑istadji tagħha, servizz “kompletament mibgħut, imwassal u riċevut” taħt il‑kundizzjonijiet previsti mid‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku. Għalkemm l‑ordni tal‑lentijiet, l‑aċċettazzjoni tagħhom u l‑formazzjoni tal‑kuntratt ta’ xiri online li jirriżulta minn dan kollu jistgħu eventwalment jintbagħtu b’mezzi elettroniċi, xorta waħda jibqa’ l‑fatt li t‑trasport tal‑lentijiet tal‑kuntatt lill‑konsumatur finali jikkonsisti f’operazzjoni li mhijiex elettronika, iżda fiżika. Huwa f’dan l‑istadju tal‑argument li d‑distinzjoni li l‑premessa 18 tad‑direttiva tagħmel bejn is‑servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni u l‑attivitajiet imwettqa minnhom tikseb is‑sinjifikat kollu tagħha.

47.      Finalment, infakkar li fil‑kawża li tat lok għas‑sentenza Dynamic Medien (9) fir‑rigward tal‑projbizzjoni, fil‑Ġermanja, ta’ bejgħ bl‑internet ta’ vidjogrammi li, għall‑kuntrarju ta’ dak li kienet teżiġi l‑leġiżlazzjoni Ġermaniża, ma kinux is‑suġġett ta’ kontroll u klassifikazzjoni magħmul minn awtorità nazzjonali kompetenti għall‑finijiet tal‑protezzjoni tal‑minuri, kont għamilt riferiment għal ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li tgħid li meta regoli nazzjonali adottati f’settur ikunu s‑suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil‑livell tal‑Unjoni Ewropea, huma għandhom jiġu evalwati fid‑dawl ta’ din il‑miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid‑dawl tad‑dritt primarju (10). Minn dan, jiena kont ikkonkludejt li anki jekk jiġi aċċettat li, minn ċerti aspetti, il‑bejgħ ta’ vidjogrammi seta’ jaqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku, wieħed xorta waħda seta’ jistaqsi liema regoli tad‑direttiva setgħu jitqiesu li jwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il‑protezzjoni tal‑minuri, li kien jippermetti li l‑verifika tal‑projbizzjoni msemmija iktar ’il fuq mad‑dispożizzjonijiet rilevanti tat‑Trattat tiġi eskluża (11). Barra minn hekk, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kienet segwiet dan l‑approċċ (12).

48.      Dak li kien wassalni biex nikkonkludi f’dan is‑sens, jiġifieri li ċerti aspetti tal‑attività inkwistjoni setgħu jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku, kien li, l‑ewwel u qabel kollox, il‑leġiżlazzjoni nazzjonali kienet taċċetta l‑prinċipju ta’ bejgħ ta’ vidjogrammi bl‑internet. Is‑sitwazzjoni fil‑kawża li qed nitrattaw illum hija ferm differenti.

49.      B’hekk, biex jiġi aċċettat li ċerti aspetti tal‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt huma koperti mid‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku, xorta waħda hemm bżonn li l‑bejgħ bl‑internet tal‑lentijiet tal‑kuntatt ikun awtorizzat minn qabel. Issa, hekk kif ippruvajt nuri, fl‑imsemmija direttiva wieħed ċertament isib diffikultà biex jidentifika r‑regoli li jarmonizzaw id‑dispożizzjonijiet nazzjonali, fatt li jippermetti li l‑istħarriġ tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, dwar il‑kompatibbiltà mad‑dritt tal‑Unjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li, nfakkar, li għandha l‑konsegwenza li tipprojbixxi l‑bejgħ bl‑internet tal‑lentijiet tal‑kuntatt, jkun ibbażat biss fuq id‑dispożizzjonijiet tagħha.

50.      Barra minn hekk, l‑istess konstatazzjoni tapplika fir‑rigward tad‑Direttiva tal‑Kunsill 93/42/KEE, tal‑4 ta’ Ġunju 1993, dwar mezzi mediċi (13), li minnhom jagħmlu parti l‑lentijiet tal‑kuntatt, għaliex din ma tiffissa ebda rekwiżit dwar il‑modalitajiet ta’ tqegħid fis‑suq, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ kunsinna tagħhom.

51.      Għaldaqstant, nipproponi li r‑risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja għall‑ewwel domanda magħmula mill‑qorti tar‑rinviju, hekk kif interpretata mill‑ġdid fil‑punt 33 tal‑konklużjonijiet preżenti tkun li “l‑kompatibbiltà mad‑dritt tal‑Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l‑konsegwenza li tipprojbixxi l‑bejgħ bl‑internet tal‑lentijiet tal‑kuntatt ma tistax tiġi evalwata fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku. Għalhekk, il‑kwistjoni dwar jekk il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt hijiex parir mediku li tirrikjedi l‑preżenza fiżika tal‑pazjent, fis‑sens tal‑premessa 18 tal‑imsemmija direttiva, mhijiex rilevanti”.

52.      B’hekk, fin‑nuqqas ta’ kwalunkwe miżura ta’ armonizzazzjoni rilevanti sabiex tissolva l‑kwistjoni fil‑kawża prinċipali, għandha ssir evalwazzjoni tar‑Regolament 7/2004 fid‑dawl tad‑dritt primarju tal‑Unjoni (14), li hija preċiżament is‑suġġett taż‑żewġ domandi preliminari li ġejjin.

VI – Fuq it‑tieni u t‑tielet domandi preliminari

A –    Rimarka preliminari

53.      Preliminarjament, jekk tiġi kkunsidrata l‑ordni loġika tad‑domandi magħmula mill‑qorti tar‑rinviju, għandu, qabel xejn, jiġi deċiż jekk il‑kompatibbiltà mad‑dritt tal‑Unjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex tkun evalwata fid‑dawl tal‑Artikolu 28 KE, u wara jiġi evalwat jekk l‑imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tkun eventwalment iġġustifikata abbażi tal‑Artikolu 30 KE.

B –    Analiżi ġuridika

1.      Rimarki preliminari

54.      Meta miżura nazzjonali, bħala prinċipju, tirrigwarda kemm il‑moviment liberu tal‑merkanzija kif ukoll il‑provvista libera tas‑servizzi l‑Qorti tal‑Ġustizzja teżaminaha biss fid‑dawl ta’ waħda minn dawn iż‑żewġ libertajiet fundamentali jekk jirriżulta li waħda minn dawn hija kompletament sekondarja meta mqabbla mal‑oħra u li tista’ tiġi assoċjata magħha (15).

55.      Il‑Gvern Ungeriż isostni li l‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt, kif irrilevat il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza LPO (16), mhijiex attività kummerċjali bħall‑oħrajn u ma tistax tiġi kkunsidrata indipendentament mis‑servizzi ta’ saħħa mogħtija fil‑mument li sseħħ tali kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, mis‑sentenza Dollond u Aitchison (17) huwa jiddeduċi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà aċċettat li s‑servizzi relatati mal‑lentijiet tal‑kuntatt ma jistgħux jiġu disassoċjati minn dawn tal‑aħħar.

56.      Madankollu, jiena nibqa’ konvint li ż‑żewġ attivitajiet, jiġifieri l‑bejgħ ta’ lentijiet tal‑kuntatt, minn naħa, u l‑parir mediku li eventwalment isegwi tali kummerċjalizzazzjoni, min‑naħa l‑oħra, jistgħu effettivament jiġu disassoċjati.

57.      Ma naħsibx li r‑riferiment għas‑sentenza Dollond u Aitchison hija rilevanti minħabba d‑differenza sostanzjali fin‑natura tad‑domanda li l‑Qorti tal‑Ġustizzja kellha tikkunsidra f’dak il‑każ meta mqabbla ma dik inkwistjoni llum. Fil‑fatt, fl‑imsemmija sentenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi fuq il‑metodi ta’ kalkolu tal‑VAT għal servizz mogħti minn intrapriża Kommunitarja li kien jikkonsisti fil‑fornitura ta’ lentijiet tal‑kuntatt u ta’ servizzi li, b’mod partikolari, kienu jikkonsistu f’eżamijiet tal‑vista. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma ntalbitx tiddeċiedi dwar il‑ħtieġa li ż‑żewġ attivitajiet jiġu kkunsidrati flimkien, b’mod sistematiku. Għaldaqstant, u għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostni l‑Gvern Ungeriż, f’dik is‑sentenza hija ma ntrabtitx għall‑futur li l‑imsemmija attivitajiet ma jistgħux ikunu disassoċjati.

58.      Barra minn hekk, fis‑seduta, il‑Gvern Ungeriż kien mistieden jispeċifika l‑kundizzjonijiet li bihom jingħata, bħala prinċipju, is‑servizz tas‑saħħa ‑ irrapreżentat, skont l‑imsemmi Gvern, mill‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt. Issa, għalkemm huwa paċifiku li preskrizzjoni medika għandha tinkiseb qabel il‑bejgħ, is‑servizzi l‑oħra tas‑saħħa mhumiex neċessarjament konkomitanti mal‑bejgħ, u l‑protokoll mediku li eventwalment jakkumpanjah ivarja sostanzjalmanent skont l‑istadji ta’ bejgħ previsti.

59.      Ladarba tiġi aċċettata d‑disassoċjazzjoni ta’ dawn l‑attivitajiet, jidher b’mod ċar li l‑kompatibbiltà tar‑Regolament 7/2004 mad‑dritt tal‑Unjoni għandha tiġi eżaminata fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar il‑moviment liberu tal‑merkanzija. Barra minn hekk, il‑Gvern Ungeriż ma jidhirx li jikkuntesta l‑eżistenza ta’ restrizzjonijiet għall‑bejgħ tal‑lentijiet tal‑kuntatt lill‑pazjenti (18). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li meta l‑Qorti tal‑Ġustizza evalwat il‑kompatibbiltà ta’ miżura li tipprojbixxi l‑bejgħ ta’ vidjogrammi b’korrispondenza (19), jew, iktar simili ma’ dan il‑każ, il‑bejgħ ta’ prodotti mediċinali bl‑internet (20), hija bbażat ruħha fuq il‑moviment liberu tal‑merkanzija.

2.      Dwar l‑eżistenza ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l‑importazzjoni

60.      Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk il‑projbizzjoni tal‑bejgħ tal‑lentijiet tal‑kuntatt li tirriżulta mil‑leġizlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tmurx kontra l‑Artikolu 28 KE.

61.      Ir‑Regolament 7/2004 ma jimponix rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mil‑lentijiet tal‑kuntatt (21), iżda jindika biss li l‑bejgħ għandu jsir f’ħanut speċjalizzat, li josserva l‑eżiġenzi dwar is‑superfiċje minima u l‑persunal kwalifikat, jew eventwalment permezz ta’ kunsinna fil‑post ta’ abitazzjoni għall‑finijiet ta’ prova jew ta’ adattazzjoni, iżda bl‑ebda mod permezz tal‑internet. Għalhekk huwa tabilħaqq jistabbilixxi l‑metodi speċifiċi ta’ bejgħ ta’ din it‑tip ta’ merkanzija.

62.      Issa, skont il‑formola użata fis‑sentenza Keck u Mithourard (22) “l‑applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ għal prodotti minn Stati Membri oħra, mhijiex tali li tostakola, direttament jew indirettament, effettivament jew potenzjalment, il‑kummerċ bejn l‑Istati Membri […] sakemm tali dispożizzjonijiet huma applikabbli għan‑negozjanti kollha kkonċernati li joperaw fit‑territorju nazzjonali, u sakemm jaffettwaw bl‑istess mod, fid‑dritt u fil‑fatt, il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk minn Stati Membri oħra.” Huwa biss f’dawn iċ‑ċirkustanzi li l‑miżura nazzjonali tkun tista tevita l‑projbizzjoni prevista fl‑Artikolu 28 KE.

63.      Fir‑rigward tal‑ewwel rekwiżit, mhuwiex kontestabbli li l‑miżura nazzjonali inkwistjoni effettivament tapplika bl‑istess mod għall‑operaturi kollha kkonċernati li joperaw fit‑territorju Ungeriż, għaliex kull wieħed mill‑operaturi li jixtieq jintervjeni fis‑suq Ungeriż tal‑lentijiet tal‑kuntatt irid jikkonforma ruħhu mar‑rekwiżiti tar‑Regolament 7/2004.

64.      Min‑naħa l‑oħra, jidhirli li r‑rekwiżiti imposti mid‑dritt Ungeriż għall‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt jaffettwaw b’mod iktar sinjifikattiv il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti minn Stati Membri oħra.

65.      Ċertament, xejn ma jipprojbixxi lill‑operaturi stabbiliti fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor milli jiftħu ħanut speċjalizzat li josserva r‑rekwiżiti imposti mir‑Regolament 7/2004 bil‑għan li jikkummerċjalizzaw il‑lentijiet tal‑kuntatt. Madankollu, in‑natura iktar obbligatorja u oneruża ta’ tali kummerċ hija evidenti. L‑interess fil‑bejgħ online huwa preċiżament li l‑internet joffri lill‑operaturi vetrina li għandha viżibbiltà transkonfinali, mingħajr il‑bżonn li l‑operatur ibati l‑ispejjeż u l‑obbligi marbuta mal‑pussess ta’ ħanut “reali”. Il‑bejgħ online huwa metodu ta’ bejgħ alternattiv għall‑kummerċ kif nifhmuh tradizzjonalment, u jikkostitwixxi metodu addizzjonali għall‑operaturi nazzjonali li jilħqu klijentela li, mill‑perspettiva ġeografika, mhijiex limitata għall‑popolazzjoni biswit il‑ħanut fiżiku.

66.      B’hekk, u fir‑rigward tal‑projbizzjoni Ġermaniża ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali bl‑internet, il‑Qorti tal‑Ġustizza diġà ddeċidiet li “projbizzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali toħloq iktar diffikultà lill‑ispiżeriji li jinsabu barra l‑Ġermanja milli lil dawk li jinsabu fit‑territorju Ġermaniż. Għal dawn tal‑aħħar, ftit jista’ jiġi kkontestat li din il‑projbizzjoni ċċaħħadhom minn [mezz] addizzjonali jew alternattiv li jilħqu s‑suq Ġermaniż tal‑konsumaturi finali tal‑prodotti mediċinali, iżda xorta jibqa’ l‑fatt li huma għandhom il‑possibbiltà li jbiegħu l‑prodotti mediċinali fil‑ħwienet tagħhom. Min‑naħa l‑oħra, l‑internet huwa mezz iktar importanti għall‑ispiżeriji li mhumiex stabbiliti fit‑territorju Ġermaniż biex jilħqu direttament l‑imsemmi suq. Projbizzjoni li tolqot iktar lill‑ispiżeriji stabbiliti barra mit‑territorju [nazzjonali] tista’ tkun ta’ natura li tostakola iktar l‑aċċess għas‑suq tal‑prodotti ġejjin minn Stati Membri oħra milli dak tal‑prodotti nazzjonali” (23). Għalhekk jidher li l‑Qorti tal‑Ġustizzja aċċettat b’mod ċar li l‑projbizzjoni ta’ bejgħ bl‑internet ta’ kategorija ta’ merkanzija tippenalizza iktar lill‑operaturi ekonomiċi li ma jinstabux fit‑territorju nazzjonali. Fil‑fehma tiegħi, dan ir‑raġunar jista’ tabilħaqq jiġi adottat fil‑kawża preżenti, peress li l‑leġiżlazzjoni Ungeriża mhux biss teżiġi li l‑bejgħ tal‑lentijiet tal‑kuntatt isir esklussivament f’ħanut fiżiku, iżda li, barra minn hekk, dan tal‑aħħar irid jissodisfa l‑kriterji ta’ superfiċje u ta’ persunal kwalifikat.

67.      Barra minn hekk, fis‑seduta l‑Gvern Ungeriż ammetta li l‑prodotti Ungeriżi li jistgħu jiġu kkumerċjalizzati fi ħwienet speċjalizzati f’apparat mediku, u b’mod iktar partikolari f’lentijiet tal‑kuntatt, tirrappreżenta kwantità tassew negliġibbli, mingħajr madankollu ma kien f’pożizzjoni li jipprovdi data numerika. Għalhekk huwa evidenti li l‑projbizzjoni tolqot essenzjalment il‑prodotti minn Stati Membri oħra tal‑Unjoni.

68.      Fl‑aħħar nett, u fir‑rigward tat‑tieni rekwiżit kumulattiv impost mir‑Regolament 7/2004, jiġifieri r‑rekwiżit ratione personae, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà kkonkludiet li leġiżlazzjoni li tirriżerva l‑bejgħ ta’ lentijiet tal‑kuntatt għal persunal speċjalizzat jista’ jkollha effett fuq il‑kummerċ intrakommunitarju (24).

69.      Għaldaqstant, projbizzjoni nazzjonali ta’ bejgħ bl‑internet ta’ lentijiet tal‑kuntatt, bħal dik prevista mir‑Regolament 7/2004, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis‑sens tal‑Artikolu 28 KE.

3.      Dwar il‑possibbiltà li l‑miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva tiġi ġġustifikata abbażi tal‑Artikolu 30 KE

70.      Il‑projbizzjoni, imposta mill‑Artikolu 28 KE, ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva madankollu mhijiex assoluta, għaliex dawn il‑miżuri jistgħu jiġu ġġustifikati minħabba li huma neċessarji sabiex jiġu sodisfatti raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl‑Artikolu 30 KE, jew eżiġenzi imperattivi. Il‑Gvern Ungeriż jargumenta li r‑Regolament 7/2004 huwa intiż li jilħaq għan ta’ interess ġenerali, li huwa dak tal‑protezzjoni tas‑saħħa pubblika.

71.      Fil‑fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal‑protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ħajja tal‑persuni. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja fakkret diversi drabi li “s‑saħħa u l‑ħajja tal‑persuni jokkupaw l‑ewwel post fost l‑oġġetti u l‑interessi protetti mit‑Trattat” (25).

72.      Għalkemm huwa minnu li jista’ jingħad li t‑Trattati ma tawx lill‑Unjoni kompetenza sħiħa u kompleta f’dan il‑qasam, u li s’issa dan għadu sostanzjalment maqsum bejn l‑Unjoni u l‑Istati Membri tagħha, kif jixhed l‑Artikolu 152 KE, huwa dawn tal‑aħħar li għandhom jiddeċiedu l‑livell ta’ protezzjoni tas‑saħħa pubblika li huma jixtiequ joffru u l‑mezzi li għandhom jiġu implementati biex dan jintlaħaq (26). Huwa effettivament paċifiku li l‑livelli jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, li jimplika li l‑Istati Membri għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni. B’hekk, ir‑Regolament 7/2004 ma jistax jiġi kkunsidrat li mhuwiex iġġustifikat, peress li mhuwiex proporzjonat fir‑rigward tal‑Artikolu 30 KE, biss minħabba l‑fatt li fi Stati Membri oħra tal‑Unjoni l‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt ma tirrikjedix la preskrizzjoni medika, la negozju speċjalizzat u lanqas persunal kwalifikat (27). Madankollu, din il‑kompetenza mħollija lill‑Istati Membri għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat (28).

73.      B’hekk, għandha tiġi analizzata l‑proporzjonalità per se tas‑sistema adottata fir‑rigward tal‑għan mfittex ta’ protezzjoni tas‑saħħa pubblika.

74.      Skont il‑Gvern Ungeriż, ir‑Regolament 7/2004 jfittex għan leġittimu ta’ protezzjoni tas‑saħħa pubblika li jikkonsisti fil‑protezzjoni tal‑interessi tal‑pazjenti. Fid‑dawl tal‑fatt li l‑lentijiet tal‑kuntatt huma apparat mediku partikolarment invażiv f’kuntatt dirett mal‑membrana tal‑għajn, huwa importanti ħafna li jiġi evitat in‑nuqqas ta’ teħid bis‑serjetà tal‑att ta’ bejgħ tal‑lentijiet tal‑kuntatt biex jiġi evitat b’mod aħjar it‑tibdil fil‑vista u l‑mard oftalmiku li jistgħu jkunu kkawżati minn użu ħażin tal‑lentijiet tal‑kuntatt u li jistgħu jagħtu lok għal ħsara irriparabbli fil‑vista. Din hija r‑raġuni għaliex il‑kundizzjonijiet ta’ bejgħ tal‑lentijiet tal‑kuntatt huma strettament irregolati, u għaliex il‑preżenza tal‑pazjent hija neċessarja f’kull stadju ta’ dan il‑bejgħ. Il‑pazjent għandu jkun f’kuntatt ma’ professjonist li jista’ jagħtih parir u jsegwih tul l‑esperzjenza kollha tiegħu mal‑lentijiet tal‑kuntatt, jiġifieri mill‑mument tal‑preskrizzjoni, sussegwentement fil‑bejgħ, iżda wkoll fil‑prova u fl‑aġġustament. Il‑monitoraġġ magħmul f’kull waħda mill‑visti tal‑pazjent jeħtieġ l‑eżistenza ta’ negozju speċjalizzat b’superfiċje minima ta’ 18m2, jew ħanut separat mill‑workshop, dejjem skont il‑Gvern Ungeriż, ir‑rekwiżit ta’ superfiċje minima jiggarantixxi li l‑ħanut ikollu l‑apparat u l‑ispazju meħtieġ biex ikunu jistgħu jsiru l‑eżamijiet, iżda wkoll l‑ispazju biżżejjed għall‑preżentazzjoni tal‑prodotti u tal‑istruzzjonijiet għall‑użu. Kull kuntatt tal‑professjonist mal‑pazjent għandu jagħti l‑opportunità għall‑verifika, jekk jeħtieġ, tal‑istat ta’ vista ta’ dan tal‑aħħar permezz taż‑żamma ta’ eżamijiet, u sabiex dan jingħata pariri u informazzjoni. B’hekk, peress li mhuwiex possibbli li ssir id‑dispensa tal‑preżenza tal‑pazjent, fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, il‑Gvern Ungeriż jeskludi li l‑eżamijiet u l‑provi jistgħu jsiru mill‑bogħod (29). Fl‑aħħar nett, il‑Gvern Ungeriż jikkunsidra li r‑Regolament 7/2004 huwa neċessarju u proporzjonali. L‑għan imfittex mir‑Repubblika tal‑Ungerija, jiġifieri l‑preżervazzjoni tas‑saħħa tal‑għajnejn, jista’ jintlaħaq biss billi tiġi ggarantita l‑preżenza tal‑pazjent f’kull stadju tal‑fornitura medika tal‑lentijiet tal‑kuntatt u l‑kuntatt sistematiku tiegħu ma’ persuna kwalifikata. Ir‑rekwiżiti tal‑imsemmi regolament għandhom il‑kapaċità meħtieġa biex jintlaħaq dan il‑għan, konformament mar‑rekwiżiti tad‑dritt tal‑Unjoni.

75.      Għalkemm il‑preokkupazzjonijiet tal‑Gvern Ungeriż fir‑rigward tas‑saħħa tal‑għajnejn huma ċertament ta’ min ifaħħarhom, ma nistax inżomm lili nnifsi milli naħseb li teżisti ċerta inkoerenza, jekk mhux saħansitra kontradizzjoni, fil‑leġiżlazzjoni nazzjonali, fir‑rigward ta’ din il‑kwistjoni.

76.      Fir‑rigward tar‑rekwiżit ratione personae, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva d‑dritt ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali lill‑persuni kwalifikati hija kompatibbli mad‑dritt tal‑Unjoni, u ġġustifikat dan, b’mod partikolari, bil‑fatt li dawn it‑tip ta’ persuni jistgħu jikkontrollaw l‑awtentiċità tal‑preskrizzjonijiet b’mod iktar sodisfaċenti (30). Ċertu paralleliżmu jista’ jinġibed mal‑kawża preżenti sa fejn l‑Istat Ungeriż jissuġġetta l‑kunsinna ta’ lentijiet tal‑kuntatt għall‑pussess ta’ preskrizzjoni medika. Minkejja dan il‑fatt, ma tistax ma tiġix irrilevata d‑differenza fin‑natura bejn iż‑żewġ kategoriji ta’ merkanzija kkonċernati, fis‑sens li l‑lentijiet tal‑kuntatt mhumiex ikkunsidrati bħala prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni, iżda bħala apparat mediku. F’kull każ, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà aċċettat, minn tal‑inqas indirettament, il‑kompatibbiltà mad‑dritt tal‑Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi l‑preżenza, f’kull ħanut, ta’ impjegati jew assoċjati kwalifikati li jeżaminaw l‑għajnejn (31).

77.      Id‑dritt li r‑Repubblika tal‑Ungerija għandha li żżomm fis‑seħħ leġiżlazzjoni li tissuġġetta l‑kunsinna ta’ lentijiet tal‑kuntatt għal preskrizzjoni medika ma jistax jiġi kkuntestat. Madankollu, il‑fatt li l‑kawża preżenti tirrigwarda apparat mediku – u mhux prodotti mediċinali – għandu l‑effett li jnaqqas l‑intensità tal‑obbligu ta’ informazzjoni u ta’ parir professjonali fid‑dawl tad‑differenza f’termini ta’ riskju. Fil‑fatt, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li “b’differenza mill‑prodotti tal‑ottika, il‑prodotti mediċinali preskritti jew użati għal raġunijiet terapewtiċi jistgħu madankollu jkunu ta’ perikolu għas‑saħħa jekk dawn jittieħdu mingħajr bżonn jew b’mod mhux korrett, mingħajr ma l‑konsumatur ikun konxju minn dan meta jeħodhom” (32). Għaldaqstant, il‑parallelliżmu mal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fuq il‑prodotti mediċinali jieqaf hawn.

78.      It‑tħassib dwar il‑protezzjoni u l‑preżervazzjoni tas‑saħħa pubblika muri mill‑Gvern Ungeriż huwa ċertament leġittimu. Dan tal‑aħħar jidentifika konsegwenzi gravi marbuta ma’ użu ħażin tal‑lentijiet tal‑kuntatt. Madanakollu, ma jistax jiġi miċħud li r‑rekwiżit ratione materiae impost mir‑Regolament 7/2004 jdgħajjef l‑argument tal‑Gvern Ungeriż.

79.      Fil‑fehma tiegħi, in‑natura mhux proporzjonali tal‑miżura għandha, b’mod partikolari, titfittex f’dan ir‑rekwiżit ratione materiae li għandu bħala konsegwenza li jċaħħad lill‑persuni kwalifikati li joperaw fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor milli jkollhom aċċess għas‑suq Ungeriż u milli jbiegħu hemmhekk il‑merkanzija tagħhom.

80.      Fil‑fatt, il‑projbizzjoni b’mod assolut tal‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt bl‑internet ma tiħux inkunsiderazzjoni l‑ipoteżi fejn tali kummerċjalizzazzjoni ssir minn persunal kwalifikat eventwalment stabbiliti fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor (33).

81.      Jekk ir‑rabta bejn is‑superfiċje minima ta’ 18m2 u l‑kwalità tal‑informazzjoni jew tal‑monitoraġġ ma tidhirx evidenti, hekk kif ġustament irrilevaw kemm il‑Gvernijiet tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u tar‑Repubblika Ċeka kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom, għandu jistqarr li din hija inqas u inqas evidenti fid‑dawl tal‑fatt li l‑kunsinna tal‑lentijiet tal‑kuntatt fil‑post ta’ abitazzjoni hija awtorizzata. Fil‑fatt, teżisti kontradizzjoni intrinsika fir‑Regolament 7/2004. Filwaqt li jeżiġi ħanut b’superfiċje minima suffiċjenti biex tilqa’ l‑materjal meħtieġ u biex ikunu jistgħu jsiru l‑eżamijiet, dan ir‑regolament jawtorizza l‑kunsinna tal‑lentijiet tal‑kuntatt fil‑post ta’ abitazzjoni għal finijiet ta’ prova u ta’ adattazzjoni. Naħseb li din hija l‑prova li d‑diversi attivitajiet, li l‑Gvern Ungeriż jisforza li juri li għandhom natura disassoċjabbli, jistgħu effettivament jiġu kkunsidrati b’mod indipendenti.

82.      Fir‑rigward tal‑kunsinna fil‑post ta’ abitazzjoni, jidher li l‑Gvern Ungeriż jitlaq mill‑premessa li tgħid li l‑kummerċjalizzazzjoni bl‑internet twassal għall‑kunsinna ta’ lentijiet tal‑kuntatt li tista’ ssir biss minn kurjer jew pustier u mhux minn professjonist. Issa, sa fejn fir‑risposta tiegħu għad‑domanda bil‑miktub magħmula mill‑imħallef relatur il‑Gvern Ungeriż jidher li jargumenta li l‑kunsinna fil‑post ta’ abitazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt għall‑finijiet ta’ prova jew adattazzjoni ssir minn persuni kwalifikati fl‑Ungerija, xejn ma jżomm lil wieħed milli jimmaġina sistema ta’ bejgħ bl‑internet fejn il‑kunsinna ssir wkoll minn persuni kwalifikati.

83.      Barra minn hekk, u bħala konsegwenza ta’ dak li diġà ntqal fil‑punt 77 tal‑konklużjonijiet preżenti, il‑leġiżlazzjoni Ungeriża tista’ ġustament tiġi kkritikata talli ma tagħmel ebda distinzjoni fir‑rigward tal‑obbligu ta’ preżenza konkomitanti tal‑pazjent u tal‑professjonist fil‑ħanut speċjalizzat. Għalkemm wieħed jista’ jaċċetta li l‑informazzjoni u l‑pariri huma ta’ importanza kbira fil‑mument tal‑ewwel preskrizzjoni u malli jsir l‑ewwel użu tal‑lentijiet tal‑kuntatt, ix‑xerrejja li ilhom jużaw dan l‑apparat mediku għal ċertu żmien ma għandhomx l‑istess bżonnijiet. Huwa f’dan is‑sens li wieħed jista’ jikkonċepixxi, pereżempju meta jsir it‑tiġdid, obbligu ta’ informazzjoni u ta’ parir ta’ intensità inqas qawwija. Għalhekk, mhuwiex evidenti li min jopera bl‑internet la huwa f’pożizzjoni li jikkontrolla l‑awtentiċità tal‑preskrizzjonijiet, jekk ikun hemm bżonn, u lanqas li jagħti informazzjoni u pariri suffiċjenti permezz tal‑mezzi opportuni bħalma huma, pereżempju, twissija fuq is‑sit internet li eventwalment tfakkar dwar il‑bżonn li jittieħed parir f’każ ta’ problemi jew l‑inklużjoni ta’ noti ta’ spjegazzjoni fil‑pakkett.

84.      In‑nuqqas ta’ distinzjoni huwa wkoll ikkonfermat mill‑fatt li l‑Gvern Ungeriż jidher li ma jagħmel ebda distinzjoni la bejn il‑lentijiet tal‑kuntatt imsejħa “riġidi” u l‑lentijiet tal‑kuntatt imsejħa “rotob”, u lanqas bejn il‑lentijiet tal‑kuntatt li jikkoreġu difett fil‑vista u dawk li jagħtu biss kulur lill‑ħabba tal‑għajn. L‑intervent tal‑professjonist biex il‑lentijiet tal‑kuntatt riġidi jiġu adattati għall‑għajnejn tal‑pazjent tista’ tiġi kkunsidrata bħala operazzjoni delikata minħabba li, skont dak li qal il‑Gvern Ungeriż waqt is‑seduta, il‑professjonist jintervjeni fuq il‑prodott. Il‑kunsinna tal‑lentijiet tal‑kuntatt riġidi jistħoqqilha monitoraġġ partikolari li jikkonsisti fil‑proċess ta’ adattazzjoni u ta’ verifika. Għall‑kuntrarju, dan il‑proċess huwa ħafna inqas evidenti fil‑każ li jiġu preskritti lentijiet tal‑kuntatt rotob. Barra minn hekk, ċerti lentijiet jistgħu jkollhom biss għan kosmetiku, u għalkemm għandhom jingħataw istruzzjonijiet dwar il‑manutenzjoni, il‑monitoraġġ tal‑użu tagħhom huwa ħafna inqas obbligatorju meta mqabbel mal‑lentijiet tal‑kuntatt li jkollhom għan terapewtiku.

85.      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jidhirli li huwa kemm huwa leġittimu l‑għan imfittex mir‑Regolament 7/2004, l‑għan ta’ protezzjoni tas‑saħħa pubblika jista’ jintlaħaq permezz ta’ mezzi inqas restrittivi għall‑moviment liberu tal‑merkanzija.

86.      Għaldaqstant, nipproponi li r‑risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja għat‑tieni u t‑tielet domanda, kif imfassla mill‑ġdid, għandha tkun li “l‑Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, għall‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt, il‑pussess ta’ ħanut speċjalizzat f’apparat mediku ta’ superfiċje minima ta’ 18 m2 jew ta’ ħanut separat mill‑workshop, kif ukoll il‑preżenza ta’ persunal kwalifikat, u li għandha l‑konsegwenza li tipprojbixxi l‑bejgħ bl‑internet, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l‑importazzjoni. L‑Artikoli 28 u 30 KE għandhom jiġu interpretati fis‑sens li din il‑leġiżlazzjoni mhijiex iġġustifikata minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ħajja tal‑persuni, sa fejn l‑istess għan jista’ jinkiseb permezz ta’ miżuri inqas restrittivi”.

VII – Konklużjoni

87.      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li r‑risposta għad‑domandi magħmula mill‑Baranya Megyei Bíróság tkun li:

“1)      Il‑kompatibbiltà mad‑dritt tal‑Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l‑konsegwenza li tipprojbixxi l‑bejgħ bl‑internet tal‑lentijiet tal‑kuntatt ma tistax tiġi evalwata fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2000/31/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑18 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas‑servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni, partikolarment il‑kummerċ elettroniku, fis‑suq intern. Għalhekk, mhijiex rilevanti l‑kwistjoni dwar jekk il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt hijiex parir mediku li tirrikjedi l‑preżenza fiżika tal‑pazjent fis‑sens tal‑premessa 18 tal‑imsemmija direttiva.

2)      L‑Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, għall‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt, il‑pussess ta’ ħanut speċjalizzat f’apparat mediku ta’ superfiċje minima ta’ 18 m2 jew ta’ ħanut separat mill‑workshop, kif ukoll il‑preżenza ta’ persunal kwalifikat, u li għandha l‑konsegwenza li tipprojbixxi l‑bejgħ bl‑internet, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l‑importazzjoni.

3)      L‑Artikoli 28 u 30 KE għandhom jiġu interpretati fis‑sens li din il‑leġiżlazzjoni mhijiex iġġustifikata minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ħajja tal‑persuni, sa fejn l‑istess għan jista’ jinkiseb permezz ta’ miżuri anqas restrittivi”.


1 Lingwa oriġinali: il‑Franċiż.


2–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 25 p. 399.


3–      Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097).


4–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337.


5–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8.


6 Ara l‑punt 1 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


7–      Fir‑risposta tiegħu għad‑domanda bil‑miktub, il‑Gvern Ungeriż speċifika li “l‑kunsinna tal‑[lentijiet tal‑kuntatt] fil‑post ta’ abitazzjoni għall‑finijiet ta’ konsum finali tista’ ssir biss għall‑iskop biex tkun tista’ ssir prova u familjarizzazzjoni”, li jwassal wieħed biex jaħseb li l‑kunsinna tista’ ssir biss minn persuni kwalifikati (ara l‑punt 7 tar‑risposta għad‑domanda magħmula lill‑Gvern Ungeriż).


8–      Ara l‑punt 4 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


9–      Sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, Ġabra p. I‑505).


10 – Ara l‑punt 21 tal‑konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża li tat lok għas‑sentenza Dynamic Medien, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll is‑sentenzi, tat‑23 ta’ Novembru 1989, Parfümerie‑Fabrik 4711 (150/88, Ġabra p. 3891, punt 28); tat‑12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage (C‑37/92, Ġabra p. I‑4947, punt 9); tat‑13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler (C‑324/99, Ġabra p. I‑9897, punt 32); tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Linhart u Biffl (C‑99/01, Ġabra p. I‑9375, punt 18), u tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, Ġabra p. I‑14887, punt 64).


11      Ara l‑punt 24 tal‑konkluzjonijiet tiegħi, iċċitati iktar ’il fuq.


12 – Ara l‑punti 22 u 23 tas‑sentenza Dynamic Medien, iċċitata iktar ’il fuq


13–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti: Kapitolu 13 Vol. 12, p. 82.


14–      Sentenza Dynamic Medien, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23).


15–      Sentenzi tal‑26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et (C‑20/03, Ġabra p. I‑4133, punt 35); tal‑24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C‑275/92, Ġabra p. I‑1039, punt 22), kif ukoll, tas‑25 ta’ Marzu 2004, Karner (C‑71/02, Ġabra p. I‑3025, punt 46).


16–      Sentenza tal‑25 ta’ Mejju 1993, LPO (C‑271/92, Ġabra p. I‑2899, punt 11).


17–      Sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Dollond & Aitchison (C‑491/04, Ġabra p. I‑2129, punt 35).


18 – Ara l‑punt 34 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub ippreżentati mill‑Gvern Ungeriż.


19 – Ara s‑sentenza Dynamic Medien, iċċitata iktar ’il fuq (punti 26 et seq).


20 – Sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punti 64 et seq).


21–      Fis‑sens tal‑ġurisprudenza Cassis de Dijon, b’mod partikolari [ara s‑sentenzi, tal‑20 ta’ Frar 1979, Rewe‑Zentral (120/78, Ġabra 1979 p. 649), u Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15)].


22 – Sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq (punt 16).


23 – Sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74).


24 – Sentenza LPO, iċċitata iktar ’il fuq (punt 8).


25–      Sentenzi, tas‑7 ta’ Marzu 1989, Schumacher, (215/87, Ġabra p. 617, punt 17); tas‑16 ta’ April 1991, Eurim‑Pharm (C‑347/89, Ġabra p. I‑1747, punt 26); tat‑8 ta’ April 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑62/90, Ġabra p. I‑2575, punt 10); tal‑10 ta’ Novembru 1994, Ortscheit (C‑320/93, Ġabra p. I‑5243, punt 16); Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punt 103); tal‑11 ta’ Settembru  2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑141/07, Ġabra p. I‑6935, punt 46), kif ukoll tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑72/07, Ġabra p. I‑4171, punt 19).


26 – Sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 18 u 19).


27 – Sentenza, tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).


28 – Sentenza, tal‑1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et (C‑108/96, Ġabra p. I‑837, punt 24), kif ukoll s‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23).


29 – Ara l‑punt 46 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub ippreżentati mill‑Gvern Ungeriż.


30 – Sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punt 119).


31 – Sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, tal‑21 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑140/03, Ġabra p. I‑3177, punt 35).


32 – Sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60).


33 – Barra minn hekk, hija din l‑ipoteżi li kienet tressqet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kawża Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, li f’dak il‑każ kienet tirrigwarda l‑ispiżjara.