Language of document : ECLI:EU:T:2011:71

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

3 ta’ Marzu 2011 (*)

“FEŻR – Tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja – Sussidju globali ta’ għajnuna għall-investiment lokali fil-Portugall – Rikors għal annullament – Spejjeż effettivament sostnuti – Klawżola ta’ arbitraġġ”

Fil-Kawża T‑387/07,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, S. Rodrigues u A. Gattini, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Guerra e Andrade u L. Flynn, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3772, tal-31 ta’ Lulju 2007, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fir-rigward tas-sussidju globali ta’ għajnuna għall-investiment lokali fil-Portugall skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (95) 1769, tat-28 ta’ Lulju 1995,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar il-kompiti tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu (ĠU L 185, p. 9), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2052/88”), jiddefinixxi r-regoli dwar l-implementazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali stabbilita fl-Artikoli 158 KE.

2        Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88, l-azzjoni Komunitarja hija intiża bħala suppliment għall-azzjonijiet nazzjonali korrispondenti jew bħala kontribuzzjoni għalihom. Din tinħoloq permezz ta’ kooperazzjoni stretta bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti – li jinkludu, fil-kuntest tal-modalitajiet stabbiliti mir-regoli istituzzjonali u l-prattiki eżistenzi proprji għal kull Stat Membru, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali – maħtura mill-Istat Membru fuq livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew mod ieħor, fejn il-partijiet kollha huma msieħba u jfittxu l-istess għan. Din il-kooperazzjoni tissejjaħ iktar ’il quddiem “partenarjat”. Dan il-partenarjat jirrigwarda l-preparazzjoni, il-finanzjament kif ukoll l-evalwazzjoni ex ante, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ex post tal-azzjonijiet.

3        Is-subparagrafu (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 2052/88 jistabbilixxi b’mod partikolari li, fir-rigward tal-fondi strutturali, l-għajnuna finanzjarja tista’ tieħu l-forma ta’ għoti ta’ sussidji globali amministrati, bħala regola ġenerali, minn intermedjarju magħżul mill-Istat Membru, bil-kunsens tal-Kummissjoni, u li għandu jiżgura t-tqassim tagħhom f’sussidji individwali mogħtija lill-benefiċjarji finali. Skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-forom ta’ għajnuna jistgħu jkunu biss dawk stabbiliti mill-Istat Membru jew mill-awtoritajiet kompetenti magħżula mill-Istat Membru u sottomessi lill-Kummissjoni minn dan l-Istat Membru jew minn kull korp ieħor magħżul minnu, jekk ikun il-każ, biex jagħmel dan.

4        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2052/88, il-kontribuzzjoni Komunitarja mogħtija mill-FEŻR hija ta’ massimu ta’ 75 % tal-ispiża totali tal-ispejjeż pubbliċi.

5        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti minn naħa waħda, u bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4253/88”), u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4254/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-FEŻR (ĠU L 374, p. 15), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 34, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4254/88”) jinkludu wkoll dispożizzjonijiet dwar il-fondi stutturali.

6        L-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 4253/88 jistabbilixxi li l-impenji rispettivi tal-imsieħba, meħuda fil-kuntest tal-kuntratt fi ħdan il-partenarjat, huma riflessi fid-deċiżjonijiet tal-għoti tal-għajnuna tal-Kummissjoni.

7        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 4253/88 tispeċifika li, fir-rigward tal-għoti tas-sussidji globali, l-intermedjarji magħżula mill-Istat Membru kkonċernat bil-kunsens tal-Kummissjoni għandhom jipprovdu garanziji ta’ solvenza adegwati u għandu jkollhom il-kapaċità amministrattiva meħtieġa sabiex jamministraw l-għajnuna prevista mill-Kummissjoni.

8        Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, il-ħlas tal-għajnuna finanzjarja jista’ jsir kemm permezz ta’ ħlas bil-quddiem, kif ukoll permezz ta’ ħlasijiet finali li jirreferu għall-ispejjeż effettivament sostnuti. It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi li l-ħlasijiet għandhom isiru lill-benefiċjarju finali mingħajr l-ebda tnaqqis jew tiżmim li jista’ jnaqqas l-ammont tal-għajnuna finanzjarja li għaliha huma għandhom dritt.

9        L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 jipprovdi għat-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-FEŻR jekk jiġu kkonstatati irregolaritajiet fl-implementazzjoni tal-azzjoni ssussidjata, u jispeċifika li kull ammont indebitament riċevut għandu jingħata lura lill-Kummissjoni u li l-ammonti mhux mogħtija lura jiżdidulhom l-interessi moratorji.

10      Ir-Regolamenti Nru 2052/88 u Nru 4253/88 tħassru bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31). L-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 jispeċifika b’mod partikolari li dan ir-regolament ma jaffettwax it-tkomplija jew it-tibdil, inkluż il-kanċellament totali jew parzjali, tal-għajnuna approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolamenti Nru 2052/88 u Nru 4253/88.

11      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 4254/88, il-Kummissjoni tista’ tħalli l-amministrazzjoni tas-sussidji globali f’idejn intermedjarji xierqa. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jirregola l-modalitajiet ta’ użu tas-sussidji globali li huma s-suġġett ta’ ftehim konkluż, bil-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat, bejn il-Kummissjoni u l-intermedjarju kkonċernat. Dawn il-modalitajiet jispeċifikaw b’mod partikolari t-tipi ta’ miżuri li għandhom jittieħdu, il-kriterji għall-għażla tal-benefiċjarji, il-kundizzjonijiet u r-rati tal-għoti tal-għajnuna tal-FEŻR u l-modalitajiet għas-sorveljanza tal-użu tas-sussidji globali.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Id-deċiżjoni li tingħata għajnuna Komunitarja

12      Permezz tad-Deċiżjoni C (95) 1769, tat-28 ta’ Lulju 1995, emendata ulterjorment bid-Deċiżjoni C (98) 2796, tat-12 ta’ Ottubru1998, u bid-Deċiżjoni C (99) 3694, tal-15 ta’ Novembru 1999 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-għoti”), indirizzata lir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni tat sussidju globali ta’ għajnuna għall-investiment lokali (iktar ’il quddiem is-“SGAIA”) lill-Caixa Geral de Depósitos SA (iktar ’il quddiem il-“Caixa”), korp intermedjarju responsabbli mill-amministrazzjoni tas-sussidju, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 1999, fir-rigward tal-assi prijoritarja “Tisħiħ tal-bażi ekonomika reġjonali” tal-qafas Komunitarju ta’ sostenn lill-Portugall. L-ammont tal-għajnuna mill-FEŻR lis-SGAIA kien ta’ massimu ta’ EUR 25 miljun.

13      Is-SGAIA kien jikkonsisti f’sussidju fuq ir-rati ta’ interessi ta’ self għal perijodu medju u twil li l-muniċipalitajiet jidħlu għalih sabiex iwettqu investimenti kofinanzjati skont il-programmi operazzjonali tal-qafas Komunitarju ta’ sostenn lill-Portugall għall-perijdou ta’ programmazzjoni bejn l-1994 u l-1999. Għall-finijiet ta’ din l-azzjoni, il-Kummissjoni ħallset l-ammont ta’ EUR 20 miljun bħala ħlas bil-quddiem.

14      L-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni tal-għoti jistabbilixxi li l-modalitajiet tal-għoti tas-SGAIA huma s-suġġett ta’ ftehim li għandu jiġi konkluż, bil-kunsens tal-Istat Membru, bejn il-Kummissjoni u l-Caixa. Skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni, il-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja huma indikati fil-pjan ta’ finanzjament tas-SGAIA u fil-ftehim anness ma’ din id-deċiżjoni.

15      L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti jistabbilixxi:

“Is-sostenn Komunitarju jirrigwarda l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet li jitwettqu taħt is-[SGAIA] li, fl-Istat Membru, huma s-suġġett ta’ impenji legalment vinkolanti u li għalihom ġew awtorizzati l-finanzi neċessarji mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999. Id-data finali għall-kopertura tal-ispejjeż għal dawn il-miżuri hija l-31 ta’ Diċembru 2001.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Skont l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tal-għoti, is-SGAIA kellu jiġi eżegwit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 30, 48, 52 u 59 tat-Trattat KE (li saru, wara emenda, l-Artikoli 12 KE, 28 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE), tad-direttivi Komunitarji li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u tar-regolamenti dwar il-fondi strutturali.

 Il-ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Caixa

17      Fil-15 ta’ Novembru 1995, ġie konkluż ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Caixa (iktar ’il quddiem il-“ftehim”) li fl-Artikolu 1(1) tiegħu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu tas-SGAIA, iddelegat mill-Kummissjoni lill-Caixa, bl-għan li tikkontribwixxi għas-sussidju tal-interessi ta’ self għal perijodu medju u twil mogħti mill-Caixa.

18      L-Artikolu 1(2) tal-ftehim jistabbilixxi li l-imsemmi ftehim ser jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 1999 għall-impenji, jiġifieri għall-kuntratti konklużi mal-benefiċjarji. Skont dan l-istess paragrafu, il-ħlasijiet, ir-rilaxxi jew l-iżbursar tas-self setgħu jitwettqu sal-31 ta’ Diċembru 2001 u l-għeluq tal-kontijiet, ir-rapport finali, iċ-ċertifikazzjoni finali u t-talba għall-ħlas tal-bilanċ lill-Kummissjoni kellhom jitwettqu sat-30 ta’ Ġunju 2002 l-iktar tard.

19      L-Artikolu 4(2) tal-ftehim jistabbilixxi li s-sussidji fuq ir-rata ta’ interessi kofinanzjati mill-FEŻR għandhom jingħataw għal perijodu massimu ta’ tmien snin.

20      L-Artikolu 7 tal-ftehim huwa intitolat “Impenji u ħlasijiet”. Skont il-paragrafu 2 tiegħu, iċ-ċertifikazzjoni finali tal-Caixa għall-waqfien tas-SGAIA, posposta għall-31 ta’ Diċembru 2001, għandha tinkludi, b’mod partikolari, it-talba għall-ħlas tal-bilanċ mill-Caixa lill-Kummissjoni u ċ-ċertifikazzjoni finali tal-ispejjeż ikkalkolati skont l-Artikolu 8(5) tal-ftehim u għandha tindika fid-dettall f’tabella speċifika s-sussidji globali effettivament imħallsa lill-benefiċjarji sal-31 ta’ Diċembru 2001 u s-sussidji globali li għadhom ma humiex dovuti, ikkalkolati u aġġornati fil-31 ta’ Diċembru 2001, fuq l-interessi fir-rigward tal-ammonti tas-self ikkontrattati li effettivament tqiegħdu għad-dispożizzjoni fil-kuntest tas-SGAIA. Skont il-paragrafi 3 u 4 tal-istess Artikolu 7, sabiex s-SGAIA jiġi eżegwit, il-Caixa għandu jiftaħ kont speċifiku sabiex fih jiddepożita l-ammonti mħallsa bil-quddiem.

21      L-Artikolu 8 tal-ftehim jirregola l-kalkolu tas-sussidji. Skont l-Artikolu 8(1) tal-ftehim, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha jiġu osservati, is-sussidji fuq l-interessi ffinanzjati mill-Kummissjoni għandhom jingħataw għal perijodu massimu li jikkorrispondi għall-ewwel tmien snin tas-self mogħti mill-Caixa lill-benefiċjarji.

22      L-Artikolu 8(5) tal-ftehim jistabbilixxi:

“Meta jsir il-kuntratt ta’ self, il-Caixa għandu jagħmel kalkolu provviżorju indikattiv tal-ammont akkumulat tas-sussidji FEŻR li għandhom jingħataw, li jikkostitwixxu l-ammont massimu tas-sussidji, u dan għall-finijiet tal-pjan intern tiegħu tal-użu futur tas-[SGAIA]. Dawn is-sussidji la jistgħu jkunu ttieħdu diġà mill-kont speċjali f’[EUR] u lanqas ma jistgħu jiġu ċċertifikati mill-Kummissjoni bħala spejjeż effettivament sostnuti.

Is-sussidji jingħataw b’mod definittiv, jitbiddlu u jitnaqqsu mill-kont speċjali f’[EUR] imsemmi fl-Artikolu 7(4) [tal-ftehim] fid-dati tal-ħlas tal-interessi, skont l-użu effettiv tas-self li jkun diġà ngħata u abbażi tar-rata tal-kambju ppubblikata kull xahar mill-Kummissjoni fir-rigward tad-data tal-valur rreġistrata mill-Caixa [...]

L-ispejjeż ta’ assistenza teknika għandhom jitnaqqsu minn dan il-kont skont l-istess proċedura u modalitajiet sal-limitu stabbilit.

Fid-data ta’ valur tal-31 ta’ Diċembru 2001, data finali għall-ħlas, il-Caixa għandu jipproċedi bil-kalkolu definittiv tal-ammont tas-sussidji FEŻR li jkun għad baqa’ għal kull self, jaġġornah [...], ibiddlu u jnaqqsu mill-kont speċjali f’[EUR].

It-trasferimenti tal-kont speċjali f’[EUR] għandhom jinkludu komunikazzjoni li tidentifika l-kuntratt mal-benefiċjarju jew l-assistenza teknika jew il-ħlasijiet bil-quddiem jew l-interessi jew kull moviment possibbli ieħor bħalma huma l-irkupri jew il-korrezzjonijiet.

It-tnaqqis mill-kont speċjali f’[EUR] jista’ jiġi ċċertifikat mill-Kummissjoni bħala spiża FEŻR effettivament imwettqa u mħallsa. Il-kontroparti nazzjonali tas-sussidju, li ma hijiex inkluża f’dan il-kont, għandha tiġi kkalkolata u mibdula f’[EUR] fil-31 ta’ Diċembru 2001 sabiex tiġi ċċertifikata, b’mod separat u skont l-istess proċedura u modalità.

Fil-każ fejn is-sussidju FEŻR imnaqqas u ċċertifikat ma jintużax mill-benefiċjarju għal kwalunkwe raġuni bħal, b’mod partikolari, ir-rimbors antiċipat tas-self jew in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-Caixa għandu jitfa’ dan is-sussidji fil-kont speċjali f’[EUR] billi juża r-rata ta’ kambju tad-debitu kkonċernat, fid-data tal-valur tal-avveniment u jirrimborsa lill-Kummissjoni fis-sitt xhur segwenti, anki jekk dan il-ftehim ikun diġà ntemm, ikun tħallas il-bilanċ tas-[SGAIA] u dan ikun twaqqaf”.

23      Skont l-Artikolu 8(6) tal-ftehim “sal-31 ta’ Diċembru 2001, huma biss is-sussidji li l-benefiċjarji effettivament ibbenfikaw minnhom fid-dati tal-ħlas tal-interessi li jistgħu jiġu ċċertifikati mill-Kummissjoni bħala spejjeż effettivament imwettqa li jistgħu jwasslu għal ħlas ġdid bil-quddiem u l-għoti ta’ bilanċ finali [...] Fl-ewwel nofs sena wara l-31 ta’ Diċembru 2001, is-sussidju futur li jkun għad baqa’ għandu jiġi wkoll ikkalkolat, aġġornat u jista’ jiġi ċċertifikat bħala ħlas, għall-finijiet tal-waqfien u l-ibbilanċjar tas-[SGAIA] mill-Kummissjoni. Is-sussidji tal-FEŻR għandhom għalhekk jitnaqqsu mill-kont speċjali f’[EUR]”.

24      Skont l-Artikolu 17(5) tal-ftehim, kull ftehim addizzjonali jew emenda fil-ftehim, jew marbut miegħu, miftiehem minn qabel mill-partijiet, għandu jsir bil-miktub u għandu jiġi ffirmat miż-żewġ partijiet.

25      L-Artikolu 18 tal-ftehim jistabbilixxi s-segwenti:

“Il-partijiet jaqblu li l-liġi applikabbli għal dan il-ftehim hija l-liġi Portugiża. Barra minn hekk, huma marbuta li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [...], skont l-Artikolu [238] KE, kull ilment jew kawża dwar il-validità, l-interpretazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-ftehim preżenti li fuqhom ma jaqblux.”

 Il-proċedua tal-waqfien tas-sussidju globali

26      Fit-30 ta’ Lulju 2002, il-Caxia, skont l-Artikolu 7(2) tal-ftehim, bagħat id-dokumenti meħtieġa għall-waqfien tal-għajnuna. Huwa talab lill-Kummissjoni sabiex tħallas il-bilanċ finali tas-[SGAIA], li jammonta għal EUR 1 992 330.28, u ffissa l-valur tas-sussidji li kienu għadhom mhumiex dovuti għal EUR 8 834 657.94.

27      Permezz tal-ittra tat-23 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni informat lill-Caixa li l-ħlas tal-bilanċ ma setax isir minħabba xi problemi mqajma mill-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi Portugiż.

28      Permezz tal-ittra tas-27 ta’ Novembru 2002, il-Caixa informa lill-Kummissjoni li l-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi Portugiż kien fil-proċess li jwettaq verifika tas-[SGAIA] u kkummenta fuq l-osservazzjonijet tal-Kummissjoni.

29      Fis-7 ta’ Marzu u fl-20 ta’ Ottubru 2003, il-Caixa kkoreġa t-talba tiegħu ta’ waqfien tas-[SGAIA] billi indika lill-Kummissjoni l-ammont ta’ EUR 1 925 858.61 bħala bilanċ finali tas-SGAIA u l-ammont ta’ EUR 8 768 186.27 bħala sussidji li kellhom jitħallsu mill-FEŻD li kienu għadhom mhumiex dovuti.

30      Fil-25 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Portugiżi li hija ma setgħetx tħallas il-bilanċ marbut mas-SGAIA. Ir-Repubblika Portugiża rrispondiet permezz tal-ittra tad-29 ta’ Ġunju 2004.

31      Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Portugiżi li l-ammont tal-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR li kellu jinġabar lura kien ta’ EUR 8 089 424.04.

32      Permezz tal-ittra tal-21 ta’ Frar 2005, l-awtoritajiet Portugiżi reġgħu sostnew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni u kkontestaw l-ammont tal-bilanċ ikkalkolat mill-Kummissjoni.

33      Permezz tal-ittra tat-18 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni rrepetiet mal-awtoritajiet Portugiżi li l-ammont li kellu jinġabar lura marbut mas-SGAIA kien ta’ EUR 8 089 424.04 u pproponiet li torganizza laqgħa mal-awtoritajiet Portugiżi. Dawn tal-aħħar wieġbu permezz tal-ittra tad-9 ta’ Jannar 2006.

34      Fit-3 ta’ Mejju 2006 saret laqgħa li fiha pparteċipaw ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-awtoritajiet Portugiżi u tal-Caixa.

 Id-deċiżjoni kkontestata

35      Fil-31 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2007) 3772 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), dwar it-tnaqqis tal-għajnuna tal-FEŻR fir-rigward tas-SGAIA skont id-deċiżjoni tal-għoti, intiża għar-Repubblika Portugiża.

36      Il-premessi 3 sa 11 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu, b’mod dettaljat, għall-proċedura ta’ waqfien tal-għajnuna finanzjarja tal-FEŻD (ara l-punti 26 sa 34 iktar ’il fuq).

37      Fil-premessi 12 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tanalizza n-natura tal-allegati irregolaritajiet li hija sabet. Il-premessi 14 sa 16 ta’ din id-deċiżjoni jirreferu għall-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti, għall-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 4(2) tal-ftehim.

38      Skont il-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni finali ppreżentata mill-Caixa, l-għajnuna tal-FEŻR iffinanzjat 82 % tas-sussidji kollha fuq ir-rata ta’ interessi mħallsa sal-31 ta’ Diċembru 2001. Din is-sitwazzjoni tqieset li tikser l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2052/88, li jistabbilixxi li l-għajnuna tal-Komunità ma għandhiex taqbeż 75 % tal-ispiża totali.

39      Fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, l-Istat Membru jista’ jikseb ħlas mingħand il-Kummissjoni abbażi ta’ għajnuna FEŻR biss għall-ispejjeż magħmula. F’din l-istess premessa hija żżid tgħid li, f’dan il-każ, parti mis-sussidji fuq l-interessi kellha titħallas biss wara l-31 ta’ Diċembru 2001, data finali għall-ħlasijiet magħmula abbażi tas-SGAIA, u għalhekk din il-parti tal-ispejjeż ma kinitx għadha saret f’din id-data. Sabiex l-ispejjeż kienu jkunu verament saru kollha qabel din id-data, l-Istat Membru jmissu wettaq it-tranżazzjonijiet segwenti qabel il-31 ta’ Diċembru 2001:

–        jiddepożita, f’kont bankarju speċjali, l-ammont tas-sussidji fuq l-interessi li kienu għadhom ma humiex dovuti, ikkalkolati u aġġornati, li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001, jew

–        iħallas lill-benefiċjarji finali l-ammont ekwivalenti għall-interessi ssussidjati li kellhom jitħallsu fil-futur.

40      Fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għan-nota gwida tagħha tad-29 ta’ Mejju 2002, dwar il-ħlas ta’ sussidji fit-tmiem tal-perijodu ta’ programmazzjoni skont l-iskemi ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ gwida”), fejn hemm speċifikat li l-proċeduri alternattivi msemmija fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata ntużaw mill-Istat Membru bi ftehim mal-Kummissjoni għall-perijodu bejn l-1994 u l-1999 u saħansitra qabel din id-data.

41      Fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tqis li l-parti tal-għajnuna tal-FEŻR li tirrigwarda s-sussidji fuq l-interessi li kienu għandhom ma humiex dovuti ikkalkolati u aġġornati mhijiex dovuta u li l-ammont totali ta’ dawn is-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001, li jikkorrispondu għal EUR 15 968 612, huwa ineliġibbli. Fid-dawl tal-ispejjeż iddikjarati u tal-awtorizzazzjonijiet tal-FEŻR, kif iddefiniti fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2004, l-ammont tal-għajnuna tal-FEŻR li għandu jiġi rkuprat huwa ta’ EUR 8 086 424.04.

42      Skont il-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ftehim ma jipprovdi għal ebda deroga mir-regola ġenerali tad-data finali li tapplika għall-ħlasijiet eliġibbli.

43      Il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija “sabet irregolarità fir-rigward tal-ammont tal-ispejjeż iddikjarati meta s-SGAIA [...] twaqqaf, skont kif intwera iktar ’il fuq”.

44      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jistipula kif ġej:

“L-Ewwel Artikolu

L-għajnuna finanzjarja tal-[FEŻR], [mogħtija] b’deċiżjoni [ta’ għoti], favur is-[SGAIA], għandha titnaqqas b’ammont ta’ EUR 8 086 424.04. L-ammont ta’ EUR 8 086 424.04 diġà mħallas għandu jiġi rimborsat lill-Kummissjoni.

L-ammont massimu tal-għajnuna tal-FEŻR favur is-[SGAIA] huwa ta’ EUR 11 913 575.96.

Artikolu 2

Ir-Repubblika Portugiża għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tinforma lill-benefiċjarji finali bid-deċiżjoni preżenti

Artikolu 3

Id-deċiżjoni preżenti tirrigwarda lir-Repubblika Portugiża”.

45      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Novembru 2007, il-Caixa ppreżenta rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-bilanċ finali tas-SGAIA skont l-Artikolu 238 KE (Kawża T‑401/07). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

46      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ottubru 2007, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat dan ir-rikors.

47      Fuq il-bażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni, li għaliha din wieġbet fit-terminu impost.

48      B’digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2010, il-Kawżi T‑387/07 u T‑401/07 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

49      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2010.

50      Ir-Repubblika Portuguża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

51      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilliberaha mill-mertu tar-rikors billi tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

 Id-dritt

52      Ir-Repubblika Portugiża tqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv jikkonċerna l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-ineżistenza tal-irregolarità rrilevata mill-Kummissjoni u fuq il-ksur tal-ftehim

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

53      Ir-Repubblika Portugiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi motiv wieħed, ippreżentat fil-premessa 37, li jipprovdi li l-Kummissjoni kienet sostniet li kkonstatat irregolarità fir-rigward tal-ammont tal-ispejjeż iddikjarati fil-mument li s-SGAIA twaqqaf “skont kif intwera iktar ’il fuq”. Ir-regola li l-awtoritajiet Portugiżi kienu kisru ma hijiex identifikata b’mod ċar.

54      Skont ir-Repubblika Portugiża, l-unika irregolarità allegata kontra l-awtoritajiet Portugiżi tidher li hija dik li huma qiesu bħala “eliġibbli” spejjeż “li ma kinux saru”, kif ipprovdut fl-aħħar parti tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88. Fid-deċiżjoni kkontestata, it-tnaqqis tal-għajnuna deċiż mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-fatt li l-awtoritajiet Portugiżi wettqu irregolarità meta ppreżentaw, fit-talba għall-ħlas tal-bilanċ sabiex jitwaqqaf is-SGAIA, spejjeż li ma tħallsux.

55      Fid-dawl ta’ din l-irregolarità, il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2052/88 huwa biss il-korollarju tad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ eliġibbiltà ta’ parti mill-ispejjeż li l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw.

56      Ir-Repubblika Portugiża żżid tgħid li l-kelma “irregolarità”, fil-kuntest li fih tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tinftiehem f’sens estensiv u li fir-risposta l-Kummissjoni ma tistax tippreżenta l-argument ta’ ksur tar-regola li tinsab fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2052/88, għaliex dan l-argument ma ġiex sostnut fid-deċiżjoni kkontestata.

57      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Portugiża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

58      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni imposta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’referenza għall-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I 395, punti 15 u 16, u tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2005, Comune di Napoli vs Il-Kummissjoni, T‑272/02, Ġabra p. II‑1849, punt 71).

59      Mill-punti 37 sa 43 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoin analizzat b’mod legalment suffiċjenti n-natura tal-irregolarità li biha r-Repubblika Portugiża hija kkritikata fil-premessi 12 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-premessa 37 ta’ din id-deċiżjoni tirreferi għalihom.

60      B’mod iktar preċiż, fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni finali ppreżentata mill-Caixa, li l-għajnuna tal-FEŻR iffinanzjat 82 % tas-sussidji kollha. Hija tispeċifika f’din l-istess premessa li din is-sitwazzjoni tikser l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2052/88, li jipprovdi li l-għajnuna mill-Komunità ma għandhiex taqbeż 75 % tal-ispiża totali. Fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li parti mis-sussidji fuq l-interessi kellha titħallas biss wara l-31 ta’ Diċembru 2001, data finali għall-ħlasijiet abbażi tas-SGAIA, u li għalhekk f’din id-data din il-parti tal-ispejjeż kien għandha ma “saritx”. Skont din l-istess premessa, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, l-Istat Membru jista’ jikseb ħlas tal-għajnuna tal-FEŻR biss għall-ispejjeż magħmula.

61      Barra minn hekk, mill-argument tar-Repubblika Portugiża żviluppat fil-kuntest ta’ dan il-motiv jirriżulta li hija fehmet sew li l-Kummissjoni kienet qed tallega ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2052/88 u tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88 minħabba l-fatt li parti mis-sussidji ma kinitx għadha tħallset fil-31 ta’ Diċembru 2001 (ara l-punti 54 u 55 iktar ’il fuq).

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-ineżistenza tal-irregolarità rrilevata mill-Kummissjoni u fuq il-ksur tal-ftehim

63      Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet li jikkonċernaw, rispettivament, l-allegata ineżistenza tal-irregolarità rrilevata mill-Kummissjoni u l-klawżola ta’ arbitraġġ tal-ftehim.

 Fuq l-ewwel parti, dwar l-ineżistenza tal-irregolarità

–       L-argumenti tal-partijiet

64      Ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-ftehim, mehmuż fl-anness tad-deċiżjoni tal-għoti u li għalhekk, jifforma parti integrali tal-ftehim, huwa kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Caixa li permezz tiegħu ż-żewġ partijiet jirregolaw sitwazzjonijiet legali li joriġinaw, f’din il-kawża, mill-għoti tal-kofinanzjament tal-FEŻR permezz tad-deċiżjoni tal-għoti. Il-ftehim, li huwa ftehim ad idem, ġie approvat mill-Kummissjoni bl-istess att amministrattiv bħad-deċiżjoni tal-għoti.

65      Skont ir-Repubblika Portugiża, l-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 4253/88 ifisser li l-klawżoli f’kuntratt li, skont ir-regoli ġenerali tad-dritt, jirrappreżentaw impenn wieħed jew iktar, stipulati bejn l-imsieħba, huma riflessi fil-kontenut ta’ deċiżjoni tal-għoti ta’ għajnuna, adottata mill-Kummissjoni. Hija żżid tgħid li, sa fejn ir-Regolament Nru 4253/88 jippermetti lill-firmatarji jagħżlu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet possibbli, dan jagħti lill-ftehim valur legali li d-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni għandhom jikkunsidrawh. Għalhekk, huwa possibbli li jiġu stabbiliti eċċezzjonijiet għar-regoli pprovduti f’din id-deċiżjoni, għaliex din hija intiża li tiffissa l-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tal-kofinanzjament mogħti u għaliex tfasslet mill-partijiet li għandhom rwol importanti fl-applikazzjoni tas-sussidju globali.

66      Ir-Repubblika Portugiża tenfasizza li l-ftehim huwa d-dokument legali ċentrali. Mill-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tagħti lill-partijiet fil-ftehim is-setgħa possibbli li tiġi ffissata data finali oħra sabiex tittieħed deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà tal-ħlasijiet tas-SGAIA.

67      Skont ir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni ma kkunsidratx in-natura speċifika tal-eżekuzzjoni ta’ kofinanzjament tas-sussidji fuq l-interessi matul, skont l-Artikolu (2) tal-ftehim “mhux iktar mill-ewwel tmien snin tas-self”.

68      Matul il-fażi amministrattiva, il-Kummissjoni talbet li jsiru l-azzjonijiet ta’ kontroll tal-ispejjeż iddikjarati, inkluż il-kalkolu tas-sussidji li kienu għadhom ma humiex dovuti skont l-Artikolu 8(5) tal-ftehim. Madankollu, sabiex tadatta s-SGAIA għad-data finali ta’ eliġibbiltà stabbilita, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni injorat il-proċedura speċifika, ipprovduta fl-Artikolu 8(5) tal-ftehim u sostnuta fil-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu. Din tippermetti li jiġu ċċertifikati u, għalhekk, meqjusa bħala spiża magħmula qabel id-data final għall-eliġibbiltà, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, l-ispejjeż marbuta mal-interessi li kienu għadhom ma humiex dovuti li neċessarjament kellhom isiru taħt is-SGAIA.

69      In-natura speċifika tas-SGAIA tirriżulta mill-fatt li self mogħti, approvat u ffirmat mill-Caixa, pereżempju, fl-aħħar jum tax-xogħol (31 ta’ Diċembru 1999), seta’ jibbenefika mill-kofinanzjament tas-sussidji fuq l-interessi għal mhux iktar mill-ewwel tmien snin tal-imsemmi self. Għalhekk, skont ir-Repubblika Portugiża, peress illi d-data finali għall-eliġibbiltà kienet effettivament tkopri biss is-sentejn ta’ wara, kellu jinħoloq mekkaniżmu li jippermetti l-kofinanzjament tas-sussidji tas-sitt snin possibbli li kien għad baqa’. Hija żżid tgħid li, jekk il-Kummissjoni riedet temenda l-ftehim, hija kellha tipproċedi skont kif stabbilit fl-Artikolu 17(5) tal-imsemmi ftehim.

70      Fir-replika, ir-Repubblika Portugiża żżid tgħid li, fil-qasam kuntrattwali, il-Kummissjoni għandha s-setgħa meħtieġa sabiex tadatta l-għoti ta’ għajnuna FEŻR għar-realtà u sabiex tiftiehem dwar klawżoli speċifiċi. Il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni tal-għoti, approvat fl-istess ħin il-proċedura speċifika u eżerċitat is-setgħat tagħha ta’ negozjar bil-kunsens tal-partijiet l-oħra.

71      Skont ir-Repubblika Portugiża, l-Artikolu 8(5) u (6) tal-ftehim ma jistax jitqies biss bħala li jistabbilixxi regoli għall-kalkolu tas-sussidji futuri. L-ewwel nett, ma hemmx risposta għall-kwistjoni dwar liema hija r-raġuni għalfejn regola bħal din hija pprovduta fil-ftehim. It-tieni nett, ir-regoli pprovduti fl-Artikolu 8(5) u (6) tal-ftehim jiġu wara d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-ftehim, intitolat “Impenji u ħlasijiet”, li fil-paragrafu 2 tiegħu, jipprovdi l-proċeduri li għandhom jiġu implementati u d-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati meta s-SGAIA jitwaqqaf permezz tat-talba għall-ħlas tal-bilanċ finali. Dan il-paragrafu 2 jeżiġi ċ-ċertifikazzjoni finali, li għandha tinkludi b’mod partikolari s-sussidji globali li għadhom ma humiex dovuti ikkalkolati u aġġornati fil-31 ta’ Diċembru 2001, fuq l-interessi fir-rigward tal-ammonti tas-self effettivament magħmula disponibbli u l-bilanċ li jrid jitħallas. Sabiex l-ammont totali u finali jintlaħaq, ġie previst li jitnaqqsu biss il-ħlasijiet bil-quddiem tal-Kummissjoni u l-interessi li kien għad baqa’. Skont ir-Repubblika Portugiża, l-għan tal-Artikolu 7(2) u tal-Artikolu 8(5) u (6) tal-ftehim huwa li s-sussidji futuri fuq l-interessi li kienu għadhom ma humiex dovuti jiġu inklużi fil-ħlas tal-bilanċ li kellu jiġi ppreżentat.

72      Il-proposta tal-Kummissjoni li l-benefiċjarji jitħallsu bil-quddiem, sal-31 ta’ Diċembru 2001, ammont li jkun ekwivalenti għas-sussidji li għalihom huma jkollhom dritt skont il-kuntratti tas-self, tikser il-prinċipji tal-eżekuzzjoni tal-ispejjeż pubbliċi u tad-dritt finanzjarju pubbliku u tista’ tikkostitwixxi arrikkiment indebitu favur il-muniċipalitajiet. Din il-proposta hija inammissibbili għaliex tinvolvi l-kontroparti nazzjonali u mhux l-għoti ta’ fondi li jkunu ġejjien mill-baġit Komunitarju. Fil-verità, din il-proposta mhi xejn għajr ħaġa fittizja.

73      Il-fatt li l-kontroparti nazzjonali tiġi ddepożitata f’kont speċjali huwa sempliċiment simulazzjoni tal-ħlas effettiv u ma jiggarantixxix li l-ispejjeż li kellhom jitħallsu f’termini previdibbli, iżda fil-biċċa l-kbira, ’il bogħod, ġew effettivament imwettqa. Din hija ħaġa fittizja għaliex l-ammont ekwivalenti għas-sussidji li kienu għadhom mhux dovuti, imnaqqas minn kont speċjali, jibqa’ għad-dispożizzjoni tar-Repubblika Portugiża u tal-Caixa.

74      Skont ir-Repubblika Portugiża, hija ma setgħetx tħallas il-kontroparti nazzjonali kollha prevista sal-2007 una tantum. It-twettiq tal-ispiża kien jiddependi fuq l-inklużjoni tagħha fil-baġit. Ir-Repubblika Portugiża ma tistax teżegwixxi ħlas jekk l-ammont meħtieġ ma kienx debitament previst fil-baġit. Il-baġit huwa ppreparat biss fuq bażi annwali. Ir-Repubblika Portugiża ma setgħet tagħmel xejn għajr li timpenja ruħha li tipprevedi fil-baġit tagħha l-ispejjeż marbuta mas-sussidji li kienu għadhom ma humiex dovuti fuq bażi annwali. Il-proposta tal-Kummissjoni kienet tobbliga lill-awtoritajiet Portugiżi sabiex jaġixxu contra legem. Issa, skont ir-Repubblika Portugiża, il-ftehim jipprovdi għall-applikazzjoni sussidjarja tad-dritt Portugiż sabiex sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu riżolti.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Portugiża.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

76      Mill-proċess jirriżulta li, permezz tal-ittra tat-30 ta’ Lulju 2002, emendata permezz tal-ittra tas-7 ta’ Marzu u mġedda permezz tal-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2003, il-Caixa bagħat lill-Kummissjoni ċ-ċertifikazzjoni finali għall-waqfien tas-SGAIA (ara l-punti 26 sa 29 iktar ’il fuq). Din iċ-ċertifikazzjoni kienet tinkludi talba għall-ħlas tal-bilanċ finali tas-SGAIA kif ukoll ċertifikazzjoni finali tal-ispejjeż, li fih ġew indikati b’mod partikolari s-sussidji globabli effettivament imħallas lill-benefiċjarji sal-31 ta’ Diċembru 2001 u s-sussidji globali li kienu għadhom ma humiex dovuti, ikkalkolati u aġġoranti fil-31 ta’ Diċembru 2001, fuq l-interessi fir-rigward tal-ammonti tas-self konkluż fil-kuntest tas-SGAIG effettivament magħmula disponibbli.

77      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR setgħet biss tinkiseb għall-ispejjeż li saru fil-31 ta’ Diċembru 2001, id-data finali għall-ħlasijiet abbażi tas-SGAIA skont l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti. Għaldaqstant, hija naqqset l-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR lis-SGAIA billi naqqset mill-finanzjament Komunitarju l-ammonti tas-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88 u sostniet li dawn is-sussidji ma jikkostitwixxux spejjeż effettivament sostnuti fil-mument tad-data finali għall-kopertura tal-ispejjeż min-naħa tal-Kummissjoni, kif ipprovdut fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti.

78      Ir-Repubblika Portugiża topponi din il-pożizzjoni billi tibbaża ruħha prinċipalment fuq il-ftehim. Hija essenzjalment issostni li l-ftehim jinkludi proċedura speċifika li tippermetti li jiġu inklużi wkoll is-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001.

79      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, abbażi tal-liġijiet applikabbli għal din il-kawża jew tal-ftehim, l-għajnuna finanzjarja tal-FEŻD għandhiex tinkludi wkoll is-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001.

80      Preliminarjament, fir-rigward tal-grad ġerarkiku tar-regoli inkwistjoni, li għandu jiġi osservat skont il-prinċipju ta’ legalità, għandu jiġi kkonstatat li r-regolamenti Komunitarji kkonċernati jipprevalu fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u fuq il-ftehim. F’dan ir-rigward, il-preambolu tal-ftehim jispeċifika li dan tal-aħħar ġie konkluż abbażi tad-deċiżjoni tal-għoti, li hija stabbilita skont ir-Regolamenti Nru 2052/88 u Nru 4253/88. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tal-għoti jistabbilixxi li s-SGAIA għandu jiġi eżegwit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-għoti tirregola r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Portugiża dwar l-implementazzjoni tas-SGAIA, filwaqt illi l-ftehim, konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Caixa, li t-test tiegħu huwa mehmuż mad-deċiżjoni tal-għoti, jiffissa, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, il-kundizzjonijiet tal-għoti u ta’ użu tas-SGAIA skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 4254/88.

81      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ftehim, konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Caixa, bħala intermedjarju, u bil-kunsens tar-Repubblika Portugiża, ma jistax jiġi interpretat bħala li jikser ir-regoli Komunitarji li jirregolaw is-SGAIA. Madankollu, il-ftehim jista’ jkun element li jippermetti, fil-proċess tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għall-kawża preżenti, li jiġu interpretati.

82      L-ewwel nett, fir-rigward tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, li huwa d-dispożizzjoni prinċipali invokata mill-Kummissjoni sabiex teskludi s-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001, il-formulazzjoni tiegħu tistabbilixxi b’mod ċar li l-ħlas tal-għajnuna finanzjarja għandu jirreferi esklużivament għall-ispejjeż effettivament sostnuti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “spejjeż effettivament sostnuti”, fil-kuntest ta’ sussidju globali, jista’ jiġi ddefinit minn dispożizzjonijiet partikolari fil-kuntest Komunitarju tal-fondi strutturali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Sviluppo Italia Basilicata vs Il-Kummissjoni, T‑176/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 9 sa 12, 51 u 52). Għalhekk għandu jiġi eżaminat, fl-iskema tas-sussidji fuq l-interessi inkwistjoni, liema huma l-kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex is-sussidji fuq l-interessi jitqiesu bħala spejjeż effettivament sostnuti.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fi skema bħal din, l-intermedjarju jagħti self li jkollu kundizzjonijiet issussidjati lill-benefiċjarju finali. Is-sussidji fuq l-interessi jikkostitwixxu l-ammonti li jirriżultaw mid-differenza bejn l-interessi bir-rata tas-suq u l-interessi effettivament imħallsa mill-benefiċjarji finali. Għalhekk, is-sussidji fuq l-interessi huma effettivament sostnuti fil-mument meta l-ħlasijiet tal-interessi isiru dovuti, fatt li jista’ jieħu ħafna snin. Għalhekk, is-sussidji fuq l-interessi jsegwu l-ħlas tal-interessi mill-benefiċjarji finali matul il-perijodu tas-self. Għalhekk, l-ispejjeż effettivament sostnuti li jirrigwardaw is-sussidji fuq l-interessi jkunu għadhom ma jeżistux fil-mument li jiġu konklużi l-kuntratti ta’ self. Fil-mument ta’ din il-konklużjoni, l-uniċi obbligi li jeżistu huma bejn il-partijiet fil-kuntratt tas-self, li għandhom jiġu distinti mill-ispejjeż effettivament sostnuti sabiex jitwettqu dawn l-obbligi. Għaldaqstant, fid-dawl biss tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, is-sussidji fuq l-interessi jistgħu jitqiesu bħala spejjeż effettivament sostnuti fil-mument li l-porzjonijiet tal-interessi li jikkonċernawhom jitħallsu.

84      It-tieni nett, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-għoti, huwa pprovdut fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 li s-sostenn Komunitarju jirrigwarda l-ispejjeż marbuta mat-tranżazzjonijiet koperti mis-SGAIA li fl-Istat Membru huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet legalment vinkolanti u li fir-rigward tagħhom il-mezzi finanzjarji meħtieġa ġew speċifikament awtorizzati sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999. Fit-tieni sentenza, hemm indikat li d-data finali għall-kopertura tal-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-miżuri hija l-31 ta’ Diċembru 2001.

85      Għalhekk, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti toħloq distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet li huma legalment vinkolanti fl-Istat Membru, l-awtorizzazzjoni tal-mezzi finanzjarji u l-kopertura tal-ispejjeż.

86      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legalment vinkolanti, huwa paċifiku li dawn jikkorrispondu għall-kuntratti ta’ self konklużi bejn il-Caixa u l-benefiċjarji finali. Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-mezzi finanzjarji, huwa paċifiku li din tirrigwarda dik stabbilita mill-Kummissjoni fil-kuntratti ta’ self.

87      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kopertua tal-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-azzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti tiddefinixxi l-kuntratti ta’ self awtorizzati sal-31 ta’ Diċembru 1999 mill-Kummissjoni bħala suġġetti tas-sostenn Komunitarju. Għalhekk, fit-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, kien hemm bżonn li tiġi ddefinita d-data finali għall-kopertura tal-ispejjeż li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti ta’ self. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kelma “kopertura” ma tfissirx biss li tiġi assunta realment ir-responsabbiltà għall-ispejjeż ikkonċernati. Fil-fatt, din ir-responsabbiltà diġà tirriżulta mill-kuntratti ta’ self, li kellhom jiġu awtorizzati sal-31 ta’ Diċembru 1999 u li jissemmew fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti. Għalhekk, il-kopertura tal-ispejjeż ma tikkonċernax ir-responsabbiltà li tirriżulta mill-kuntratti ta’ self, iżda l-ispejjeż effettivament sostnuti li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti. Għalhekk, tirrigwarda s-sussidji fuq l-interessi effettivament sostnuti mill-benefiċjarji finali fil-mument tal-ħlas tal-porzjonijiet tal-interessi. Għaldaqstant, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti, id-data finali għall-ispejjeż effettivament sostnuti li jirrigwardaw is-sussidji fuq l-interessi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ self awtorizzati mill-Kummissjoni hija ffissat għall-31 ta’ Diċembru 2001.

88      Minn dan isegwi li, bil-kundizzjoni li l-ftehim jiġi eżaminat u biss abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88 u tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti, is-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001 ma jidhrux li jistgħu jirrappreżentaw spejjeż effettivament sostnuti.

89      It-tielet nett, fir-rigward tal-ftehim, għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni tiegħu, fil-kuntest tal-liġijiet inkwistjoni u tad-deċiżjoni tal-għoti, tippermettix li jiġu inklużi wkoll, kif issostni r-Repubblika Portugiża, is-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001.

90      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 8(1) tal-ftehim jistabbilixxu li s-sussidji fuq l-interessi kofinanzjati mill-FEŻR setgħu jingħataw għal perijodu massimu ta’ tmien snin. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li s-SGAIA ngħata, skont l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni tal-għoti u kif imfakkar fl-Artikolu 1(1) tal-ftehim, għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1999. Barra minn hekk, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti u mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) tal-ftehim jirriżulta li l-kuntratti ta’ self bejn il-Caixa u l-benefiċjarji finali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim setgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 1999. Minn dan isegwi li dawn il-kuntratti ta’ self setgħu jiġu konklużi sal-31 ta’ Diċembru 1999 b’perijodu ta’ validità possibbli sal-31 ta’ Diċembru 2007. Peress li skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti d-data finali għall-kopertura tal-ispejjeż kienet il-31 ta’ Diċembru 2001, jiġifieri tmien snin wara l-ewwel konklużjoni possibbli ta’ kuntratt ta’ self, huwa probabbli li numru kbir ta’ kuntratti ta’ self awtorizzati sal-31 ta’ Diċembru 1999 kienu għadhom fis-seħħ wara l-31 ta’ Diċembru 2001.

91      Għandu jiġi rrilevat ukoll li skont l-Artikolu 7(2) tal-ftehim, iċ-ċertifikazzjoni finali li l-Caixa kellu jippreżenta lill-Kummissjoni, posposta għall-31 ta’ Diċembru 2001, kellha tinkludi t-talba għall-ħlas tal-bilanċ u ċ-ċertifikazzjoni finali tal-ispejjeż ikkalkolati skont l-Artikolu 8(5) tal-ftehim, jiġifieri, f’dan il-każ, is-sussidji fuq l-interessi effettivament imħallsa lill-benefiċjarji sal-31 ta’ Diċembru 2001 u s-sussidji fuq l-interessi li kienu għadhom ma humiex dovuti, ikkalkolati u aġġornati fil-31 ta’ Diċembru 2001, li huma marbuta mal-ammonti tas-self effettivament magħmula disponibbli.

92      Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tal-ftehim jispeċifika li, fid-data ta’ valur tal-31 ta’ Diċembru 2001, data finali għall-ħlas, il-Caixa kellu jipproċedi bil-kalkolu definittiv tal-ammont tas-sussidju tal-FEŻR li kien għad baqa’ għal kull self, jaġġornah, ibiddlu u jnaqqsu mill-kont speċjali. Skont is-sitt subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, it-tnaqqis mill-kont speċjali seta’ jiġi ċċertifikat mill-Kummissjoni bħala spiża effettivament imwettqa u mħallsa taħt l-għajnuna tal-FEŻR.

93      Skont l-Artikolu 8(6) tal-ftehim, sal-31 ta’ Diċembru 2001, huma biss is-sussidji li l-benefiċjarji effettivament ibbenefikaw minnhom fid-data tal-ħlas tal-interessi li setgħu jiġu ċċertifikati lill-Kummissjoni bħala spiża effettivament imwettqa, li tista’ twassal għal ħlas bil-quddiem ġdid u l-għoti tal-bilanċ finali. Fl-ewwel nofs sena wara l-31 ta’ Diċembru 2001, is-sussidji futuri li kien għad baqa’ kellhom ukoll jiġu kkalkolati, aġġornati u setgħu jiġu ċċertifikati bħala ħlasijiet, sabiex jitwaqqaf is-SGAIA u jitħallas il-bilanċ tiegħu mill-Kummissjoni. Is-sussidji tal-FEŻR kellhom għalhekk jitnaqqsu mill-kont speċjali.

94      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) u (6) tal-ftehim kienu jistabbilixxu skema speċjali li tipprovdi li s-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001 setgħu, bħala regola, ikunu eliġibbli wkoll taħt is-SGAIA. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu jinkludu, minn naħa, is-sussidji fuq l-interessi li l-benefiċjarji finali kienu effettivament ibbenefikaw minnhom sal-31 ta’ Diċembru 2001 u, min-naħa l-oħra, is-sussidji li kienu għadhom iridu jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001 li kellhom jiġu kkalkolati u aġġornati sat-30 ta’ Ġunju 2002. Dawn iż-żewġ sussidji kellhom ukoll jiġu inklużi fiċ-ċertifikazzjoni finali li l-Caixa kellu jippreżenta lill-Kummissjoni qabel it-30 ta’ Ġunju 2002 u, għalhekk, kellhom jitnaqqsu mill-kont speċjali.

95      Issa, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88 u tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti, il-miżuri meħuda f’dan il-każ mill-Caxia u mir-Repubblika Portugiża fuq il-bażi tal-iskema speċjali ma kinux biżżejjed sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod li s-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001 ma setgħux jikkostitwixxu spejjeż effettivament sostnuti f’din id-data.

96      Fil-fatt, f’din il-kawża huwa paċifiku li s-sussidji li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001 ġew ikkalkolati u aġġornati sat-30 ta’ Ġunju 2002. Dawn ġew inklużi wkoll fiċ-ċertifikazzjoni finali ppreżentata lill-Kummissjoni. Madankollu, kif il-Caixa ammetta matul is-seduta, dawn is-sussidji fuq l-interessi ma kienu s-suġġett ta’ ebda miżura oħra meħuda sal-31 ta’ Diċembru 2001 mill-Caixa jew mir-Repubblika Portugiża sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88 u fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti. B’mod partikolari, dawn is-sussidji fuq l-interessi ma tnaqqsux mill-kont speċjali.

97      Minn dan isegwi li r-Repubblika Portugiża essenzjalment ikkunsidrat is-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001 bħala spejjeż eliġibbli taħt is-SGAIA biss abbażi tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ self bejn il-Caixa u l-benefiċjarji finali.

98      Issa, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, sabiex ir-rekwiżiti tat-termini “spejjeż effettivament sostnuti” jiġu sodisfatti, is-sempliċi fatt li hemm obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratti ta’ self konklużi bejn il-Caixa u l-benefiċjarji finali ma huwiex biżżejjed sabiex is-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001 jitqiesu bħala spejjeż effettivament sostnuti (ara l-punt 82 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, mill-eżami tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti jirriżulta li l-kopertura tal-ispejjeż ma tirrigwardax ir-responsabbiltà tal-Caixa lejn il-benefiċjarji finali li tirriżulta mill-kuntratti ta’ self (ara l-punt 87 iktar ’il fuq).

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(5) tal-ftehim jirriżulta wkoll li s-sempliċi fatt li hemm obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratti ta’ self, li jservu bħala bażi sabiex is-sussidji fuq l-interessi jkunu jistgħu jiġu deskritti bħala spejjeż effettivament sostnuti, ma huwiex biżżejjed. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sempliċiment li, meta jiġi konkluż kuntratt ta’ self, il-Caixa kellu jipproċedi b’kalkolu provviżorju indikattiv tal-ammont ta’ sussidji fuq l-interessi akkumulati li kellhom jingħataw, u dawn la setgħu jitnaqqsu diġà mill-kont speċjali u lanqas ma setgħu jiġu ċċertifikati bħala spejjeż effettivament sostnuti. Minn dan isegwi li l-partijiet fil-ftehim kienu qablu fuq il-fatt li s-sempliċi obbligi finanzjarji fir-rigward tas-sussidji fuq l-interessi, li kien hemm meta ġie konkluż il-kuntratt ta’ self, ma setgħux jippermettu li dawn is-sussidji fuq l-interessi li kienu għadhom ma humiex dovuti jitqiesu bħala spejjeż effettivament sostnuti.

100    Is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tal-ftehim isostni dak li ġie kkonstatat fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq, billi jistabbilixxi li t-trasferimenti tal-kont speċjali kellhom jinkludu komunikazzjoni li tidentifika b’mod partikolari kull moviment possibbli. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tenfasizza li t-trasferimenti tal-kont speċjali kellhom ikunu bbażati fuq movimenti li jiġġustifikawhom. Minn dan isegwi li tnaqqis fil-kont speċjali tas-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001, li kien għadu ma sarx sa din id-data, kellu madankollu jkun ibbażat fuq moviment li kien sar sa din id-data. Għalhekk, is-sempliċi fatt li hemm obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratti ta’ self ma jistax jiġġustifika dan it-tnaqqis.

101    Barra minn hekk, il-konklużjoni li l-kalkolu, l-aġġornament u l-inklużjoni fiċ-ċertifikazzjoni finali tas-sussidji fuq l-interessi finali li kellhom jitħallsu sal-31 ta’ Diċembru 2001 ma humiex biżżejjed sabiex dawn jitqiesu bħala spejjeż effettivament sostnuti, ma tikkontradixxix l-Artikolu 8(6) tal-ftehim. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li s-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001 għandhom ta’ bilfors jitqiesu bħala ħlasijiet. Min-naħa l-oħra, skont din id-dispożizzjoni, dawn is-sussidji setgħu jiġu ċċertifikati bħala ħlasijiet, fatt li ma jeskludix li jkunu meħtieġa kundizzjonijiet oħra. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll li dawn is-sussidji kellhom jitnaqqsu mill-kont speċjali, ħaġa li kienet teżiġi, skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tal-ftehim, movimenti li jiġġustifikaw it-trasferimenti minn dan il-kont (ara l-punt 100 iktar ’il fuq).

102    F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi kkonstatat li l-ftehim, skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, baqa’ fis-seħħ għall-kuntratti ta’ self biss sal-31 ta’ Diċembru 1999 u li l-ħlasijiet, ir-rilaxxi jew l-iżbursar tas-self setgħu jitwettqu sal-31 ta’ Diċembru 2001. Huwa diffiċli li l-għajnuna Komunitarja titqies bħala li baqgħet miftuħa sal-31 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri ħafna żmien wara li kien skada l-ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Caixa, bil-kunsens tar-Repubblika Portugiża, sabiex jiġu ddefiniti l-modalitajiet tal-għoti tagħha u wara li l-Caixa ppreżentat ir-rendikont tal-ispejjeż tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sviluppo Italia Basilicata vs Il-Kummissjoni, punt 82 iktar ’il fuq, punt 49).

103    Mill-ftehim pjuttost jirriżulta li huwa jirregola biss b’mod eċċezzjonali l-każijiet li jqumu wara li jkun skada u wara l-waqfien tas-SGAIA. Fil-fatt, is-seba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tal-ftehim jispeċifika li l-Caixa għandu l-obbligu li fil-każijiet fejn is-sussidju tal-FEŻR imnaqqas u ċċertifikat ma jintużax mill-benefiċjarju għal kwalunkwe raġuni, huwa għandu jitfa’ dan il-kreditu fil-kont speċjali u jirrimborsa lill-Kummissjoni “anki jekk dan il-ftehim ikun diġà ntemm, ikun tħallas il-bilanċ tas-[SGAIA] u dan ikun twaqqaf”.

104    Skont il-Kummissjoni, il-proċeduri alternattivi msemmija fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jippermettu l-kopertura tas-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001, jiġifieri jew id-depożitu, f’kont bankarju speċjali, tal-ammont tas-sussidji fuq l-interessi li kienu għadhom mhumiex dovuti, ikkalkolati u aġġornati, li kellhom jitħallsu wara l-31 ta’ Diċembru 2001, jew il-ħlas lill-benefiċjarji finali tal-ammont li huwa ekwivalenti għall-interessi ssussidjati li kellhom jitħallsu fil-futur.

105    F’dan ir-rigward, peress illi minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-miżuri meħuda mir-Repubblika Portugiża u l-Caixa ma kinux biżżejjed sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88 u fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex għalfejn tiddeċiedi fuq in-natura suffiċjenti ta’ dawn il-proċeduri alternattivi.

106    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-Kummissjoni, dejjem jekk dak iż-żmien kienet skopriethom, naqset milli tindika l-irregolaritajiet stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata matul l-implementazzjoni tal-għajnuna ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk il-Kummissjoni għandha, fid-dawl tas-sistema ta’ partenarjat li fuqha hija bbażata l-iskema stabbilita fir-Regolament Nru 4253/88, tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta hija tiskopri xi irregolaritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 2010, Sviluppo Italia Basilicata vs Il-Kummissjoni, C‑414/08 P, Ġabra p. I‑2559, punti 102 u 103).

107    Fid-dawl ta’ kulma ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar il-klawżola ta’ arbitraġġ fil-ftehim

–       L-argumenti tal-partijiet

108    Ir-Repubblika Portugiża tenfasizza li l-klawżola ta’ arbitraġġ fil-ftehim, li abbażi tagħha l-kawżi għandhom jittressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif stabbilit fl-Artikolu 238 KE, kellha tiġi applikata mill-Kummissjoni meta hija kkritikat lill-Caixa talli wettaq irregolaritajiet fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-ftehim.

109    Fir-replika, ir-Repubblika Portugiża żżid tgħid li l-allegazzjoni li hija ma hijiex firmatarja tal-ftehim ma tistax tintlaqa’ għaliex il-klawżoli tal-ftehim kienu ġew approvati bil-kunsens tal-Istat Membru fil-kuntest tal-partenarjat.

110    Il-fatt li l-Kummissjoni eskludiet xi spejjeż effettivi fir-rigward tal-interessi li kienu għadhom ma humiex dovuti, mingħajr ma qajmet ksur tal-ftehim, joħloq kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli mifthiema.

111    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Portugiża.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

112    Għandu jiġi rrilevat li l-konklużjonijiet tar-Repubblika Portugiża huma bbażati fuq il-klawżola ta’ arbitraġġ stabbilita fl-Artikolu 18 tal-ftehim, li ġie konkluż bejn il-Caixa u l-Kummissjoni, bil-kunsens tar-Repubblika Portugiża.

113    It-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi li l-partijiet fil-ftehim għandhom iressqu quddiem il-qorti Komunitarja, skont l-Artikolu 238 KE l-ilmenti jew il-kawżi kollha dwar il-validità, l-interpretazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-ftehim li fuqhom huma ma jaqblux (ara l-punt 25 iktar ’il fuq)

114    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li mill-formulazzjoni ta’ din il-klawżola jirriżulta li lment jew kawża li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija klawżola għandha tkun bejn il-Caixa u l-Kummissjoni, għaliex dawn huma l-partijiet fil-ftehim. Peress illi r-Repubblika Portugiża ma hijiex parti fil-ftehim, hija ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ressqitx kawża quddiem il-qorti Komunitarja skont kif stabbilit fil-klawżola ta’ arbitraġġ.

115    Barra minn hekk, il-kawża preżenti ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ arbitraġġ. Kif jirriżulta mill-Artikolu 20(1) u mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, il-ħlas tal-għajnuna finanzjarja jsir skont l-impenji baġitarji meħuda fuq il-bażi tad-deċiżjoni li approvat l-azzjoni kkonċernata. Peress illi l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni jirriżulta mid-deċiżjoni tal-għoti, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ftehim, intiż li jistabbilixxi ċerti modalitajiet għall-użu tiegħu, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 4254/88, ma joħloqx obbligu finanzjarju impost fuq il-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2007, Nuova Gela Sviluppo vs Il-Kummissjoni, T‑65/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 104 u 105).

116    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni parti ta’ dan il-motiv u għalhekk it-tieni motiv kollu kemm hu, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.