Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Marzu 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-207/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: É. Gippini Fournier, G. von Rintelen u J. Samnadda, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi ma adottax, sa mhux iktar tard mill-10 ta’ April 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern 1 , jew, fi kwalunkwe każ, billi ma nnotifikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa tal-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva;

timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja, konformement mal-Artikolu 260(3) TFUE, pagament ta’ penalità ta’ EUR 123 928.64 kuljum, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza li tiddikjara n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tadotta jew, fi kwalunkwe każ, li tikkomunika lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2014/26/UE;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Konformement mal-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/26/UE, l-Istat Membri kellhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-10 ta’ April 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-provvedimenti tal-imsemmija direttiva, u li jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.

Peress li r-Renju ta’ Spanja ma pproċediex għat-traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 2014/26/UE u ma nnotifikax lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kummissjoni tipproponi l-impożizzjoni fuq ir-Renju ta’ Spanja ta’ pagament ta’ penalità ta’ EUR 123 928.64 kuljum, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza, ikkalkolata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità, tat-tul tal-ksur u tal-effett dissważiv b’riferiment għall-kapaċità ta’ ħlas tal-imsemmi Stat Membru.

____________

1     ĠU 2014, L 84, p. 72.