Appell ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2018 minn Crédit mutuel Arkéa mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-13 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-52/16 – Crédit mutuel Arkéa vs Il Bank Ċentrali Ewropew
(Kawża C-153/18 P)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Crédit mutuel Arkéa (rappreżentant: H. Savoie, avocat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017 (T-52/16) li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba ta’ Crédit mutuel Arkéa intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Diċembru 2015 (ECB/SSM/2015 – 9695000CG7B84NLR5984/40) li tiffissa r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji bbażati fuq:
żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku jippermetti lill-BĊE jorganizza superviżjoni prudenzjali kkonsolidata ta’ stabbilimenti affiljati ma’ organu ċentrali minkejja li dan ma jkollux il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu;
żball fil-klassifikazzjoni legali tal-fatti, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li Crédit mutuel tikkostitwixxi grupp suġġett għas-superviżjoni prudenzjali sa fejn tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 1 .
____________
1 Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1).