Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-718/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Tokár u G. Wils, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li billi ma kkomunikatx, f’intervalli regolari u mill-inqas kull tliet xhur, in-numru ta’ applikanti li jistgħu jiġi rrilokati b’mod rapidu fit-territorju tagħha, l-Ungerija naqset mill-obbligi tagħha imposti mill-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 u, konsegwentement, naqset mill-obbligi oħra tagħha ta’ rilokazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(4) sa (11) tal-istess deċiżjoni;

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Iż-żewġ deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill f’Settembru 2015, jiġifieri, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 1 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 2 , jistabbilixxu skema ta’ rilokazzjoni temporanja u ta’ emerġenza, li fil-kuntest tiegħu l-Istati Membri jassumu l-obbligu li jirrilokaw persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali mit-territorji tal-Italja u tal-Greċja.

Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill jobbligaw lill-Istati Membri joffru kull tliet xhur postijiet għall-applikanti li jistgħu jiġi rrilokati, fejn b’dan il-mod jiġi ggarantit ipproċessar rapidu u ordnat tal-proċedura ta’ rilokazzjoni. Minkejja li kważi l-Istati Membri kollha rrilokaw lill-applikanti u assumew obbligi f’dan ir-rigward, l-Ungerija ma adottat ebda tip ta’ miżura sa mill-bidu tal-iskema ta’ rilokazzjoni.

Fis-16 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Ungerija fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601.

Peress li qieset li t-tweġiba mogħtija mill-Ungerija ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni għaddiet għall-pass sussegwenti tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, fis-26 ta’ Lulju 2017, bagħtet lill-Ungerija avviż motivat.

Peress li qieset li t-tweġiba mogħtija għall-avviż motivat lanqas ma kienet sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha fil-qasam tar-rilokazzjoni.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2015, L 239, p. 146).

2 Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80).