Language of document : ECLI:EU:C:2014:2106

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014 (1)

Kawża C‑354/13

FOA Fag og Arbejde, li qed taġixxi għal Karsten Kaltoft

vs

Kommunernes Landsforening (KL), li qed taġixxi għall-Muniċipalità ta’ Billund

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Retten i Kolding (id‑Danimarka)]

“Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabbiltà — Jekk il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali tinkludix projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol li tkopri diskriminazzjoni abbażi ta’ obeżità — Kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni — Jekk l-obeżità tistax tammonta għal “diżabbiltà” taħt l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78”





I –    Introduzzjoni

1.        L-obeżità hija problema li qiegħda tikber fis-soċjetà moderna (2). F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tistabbilixxi, għall-ewwel darba, liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jekk huwa l-każ, japplikaw għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità.

2.        K. Kaltoft, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, isostni li l-impjieg tiegħu mal-Muniċipalità ta’ Billund bħala assistent responsabbli għat-tfal ġie tterminat minħabba l-obeżità tiegħu, u li dan kien jammonta għal diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabbiltà. K. Kaltoft jistqarr ukoll li fl-ebda żmien matul l-impjieg tiegħu mal-Muniċipalità ta’ Billund ma kien jiżen taħt il-160 kilo. Huwa twil 1.72 metru. Il-partijiet jaqblu li matul il-15-il sena tiegħu ta’ impjieg mal-Muniċipalità ta’ Billund bħala assistent responsabbli għat-tfal, K. Kaltoft kien fi stat ta’ obeżità skont id-definizzjoni tad-WHO (3).

3.        Il-każ ta’ K. Kaltoft huwa bbażat fuq żewġ argumenti ewlenin. L-ewwel nett, qiegħed jiġi sostnut li l-obeżità taqa’ fi ħdan projbizzjoni ġenerali fid-dritt tal-Unjoni li tkopri kull forma ta’ diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, u li din ir-regola ġiet miksura mill-Muniċipalità ta’ Billud bit-tkeċċija ta’ K. Kaltoft. It-tieni nett, qiegħed jiġi propost li l-obeżità hija forma ta’ “diżabbiltà”, b’tali mod li b’hekk id-diskriminazzjoni abbażi ta’ obeżità hija prekluża mill-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (4).

II – Il-qafas legali, il-fatti, id-domandi magħmula u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –    Id-dispożizzjonijiet applikabbli

1.      Id-dritt tal-UE

4.        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, l-iskop tad-Direttiva huwa li “tniżżel parametru ġenerali [tistabbilixxi qafas ġenerali] biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”, filwaqt li l-Artikolu 2 jikkonferma li kemm id-diskriminazzjoni diretta u kemm dik indiretta huma koperti bid-Direttiva 2000/78, għalkemm hija biss dik tal-aħħar li hija suġġetta għall-proviżo tal-ġustifikazzjoni oġġettiva.

5.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 huwa stabbilit fl-Artikolu 3 tagħha. L-Artikolu 3(1)(ċ) jistipula li fil-limiti tal-kompetenzi kkonferiti lill-Komunità, id-Direttiva 2000/78 għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi s-sensji u l-pagi.

2.      Id-dritt Daniż

6.        Il-paragrafi 1, 2(1), 2a u 7a tal-Lov om forbud mod forskelsbehandling på arbejdsmarkedet mv. (iktar ’il quddiem il-“Forskelsbehandlingsloven”) lovbekendtgørelse nr. 1349 af 16. december 2008 (liġi dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, eċċ, liġi kkonsolidata Nru 1349 tas-16 Diċembru 2008), huma msemmija fid-digriet tar-rinviju bħala d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Daniż. Id-Direttiva 2000/78 ġiet implementata permezz ta’ emenda għall-Forskelsbehandlingsloven.

7.        Skont il-Forskelsbehandlingsloven, diskriminazzjoni titqies li tfisser kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta abbażi ta’, fost l-oħajn, diżabbiltà. Tali diskriminazzjoni mill-persuna li timpjega hija prekluża, fost l-oħrajn, fir-rigward ta’ tkeċċija.

B –    Il-fatti u d-domandi magħmula

8.        L-attur, Karsten Kaltoft, li huwa rrappreżentat mis-sindakat tiegħu, il-FOA (Fag og Arbejde, iktar ’il quddiem il-“FOA”) ilu impjegat mill-1996 bħala assistent responsabbli għat-tfal mal-Muniċipalità ta’ Billund, li hija parti mill-amministrazzjoni pubblika tad-Danimarka. Assistenti responsabbli għat-tfal jiġu impjegati biex jieħdu ħsieb it-tfal ta’ ħaddieħor fid-dar tagħhom stess. Minħabba l-obeżità ta’ K. Kaltoft, bħala parti mill-politika tagħha tas-saħħa, il-Muniċipalità ta’ Billund ipprovdiet assistenza finanzjarja għall-perijodu minn Jannar 2008 sa Jannar 2009 sabiex huwa jkun jista’ jattendi għal sessjonijiet ta’ fitness u taħriġ fiżiku.

9.        K. Kaltoft tkeċċa b’ittra tat-22 ta’ Novembru 2010. It-tkeċċija seħħet wara proċedura uffiċjali ta’ smigħ applikabbli għat-tkeċċija ta’ impjegati fis-settur pubbliku. Waqt laqgħa li nżammet matul din il-proċedura ġiet diskussa l-obeżità ta’ K. Kaltoft. Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar kif l-obeżità ta’ K. Kaltoft ġiet diskussa f’din il-laqgħa, bħalma lanqas ma jaqblu dwar jekk intqalx li l-obeżità tiegħu kienet tifforma parti mir-raġunijiet għat-tkeċċija tiegħu. Ir-raġuni mogħtija fl-avviż bil-miktub tat-tkeċċija kienet li t-tkeċċija kienet ġiet deċiża “wara evalwazzjoni speċifika abbażi ta’ tnaqqis fin-numru ta’ tfal”. L-obeżità ma ssemmietx fl-avviż ta’ tkeċċija, u lanqas ma ngħataw xi raġunijiet dwar għalfejn kien preċiżament K. Kaltoft, mill-assistenti responsabbli għat-tfal impjegati mal-Muniċipalità ta’ Billund, li tkeċċa.

10.      K. Kaltoft jissottometti li saret diskriminazzjoni illegali kontrih minħabba l-obeżità tiegħu, u li l-Muniċipalità ta’ Billund għandha tħallsu d-danni bħala kumpens għad-diskriminazzjoni li wettqet. Huwa beda proċeduri legali quddiem ir-Retten i Kolding, insostenn tat-talba tiegħu.

11.      Fil-25 ta’ Ġunju 2013 ir-Retten i Kolding iddeċidiet li tagħmel id-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin.

“(1)      Huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, kif jipprovdi, pereżempju, fl-Artikolu 6 TUE dwar id-drittijiet fundamentali, li fis-suq tax-xogħol b’mod ġenerali jew iktar partikolari għal awtorità pubblika fil-kwalità ta’ persuna li timpjega, tista’ tinħoloq diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità?

(2)      Fil-każ ta’ projbizzjoni fid-dritt tal-Unjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità, din hija direttament applikabbli għal rapport bejn ċittadin Daniż u l-persuna li timpjegah, b’din tal-aħħar tkun awtorità pubblika?

(3)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata [li teżisti] projbizzjoni [fid-dritt tal-]Unjoni tad-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol ibbażata fuq l-obeżità, kemm ġenerali kif ukoll jekk b’mod partikolari għal amministrazzjoni pubblika fil-kwalità ta’ persuna li timpjega, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk kienx hemm ksur ta’ eventwali projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità, għandha tirriżulta b’oneru tal-prova diviż, b’tali mod li, f’każ fejn tista’ tiġi preżunta tali diskriminazzjoni, l-applikazzjoni effettiva ta’ din il-projbizzjoni teżiġi li l-oneru tal-prova jinkombi fuq il-persuna li tħaddem li tkun konvenuta fi proċeduri kontenzjużi (ara t-tmintax-il premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess)?

(4)      L-obeżità tista’ tiġi kkunsidrata bħala diżabbiltà li taqa’ taħt il-protezzjoni tad-[Direttiva 2000/78/KE] u skont liema kriterji jeħtieġ jiġi evalwat jekk l-istat ta’ obeżità ta’ persuna għandux l-effett konkret li bih din il-persuna tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabbiltà?”

12.      Il-FOA, li qiegħda taġixxi għal K. Kaltoft, il-Muniċipalità ta’ Billund, li hija rrappreżentata mill-Kommunernes Landsforening (assoċjazzjoni ta’ muniċipalitajiet Daniżi), ir-Renju tad-Danimarka u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha kemm huma pparteċipaw, permezz tar-rappreżentanti tagħhom, fis-seduta li nżammet fit-12 ta’ Ġunju 2014.

III – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

13.      Qabel kollox, huwa importanti li wieħed ikun konxju tal-iskop tad-domandi preliminari. L-ewwel domanda preliminari, u ż-żewġ domandi sussegwenti, għandhom x’jaqsmu mal-problema dwar jekk l-obeżità tistax titqies li hija raġuni minnha nfisha għal diskriminazzjoni li, skont K. Kaltoft, hija illegali minħabba prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol.

14.      Mill-banda l-oħra, ir-raba’ domanda tistaqsi essenzjalment jekk l-obeżità hijiex dejjem jew f’xi każijiet inkluża fl-ambitu tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” skont id-Direttiva 2000/78.

15.      Jekk tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari, ma jkunx meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi bil-mod kif ġew ifformulati mill-qorti nazzjonali, peress li dawn ukoll għandhom x’jaqsmu mal-allegata projbizzjoni ġenerali fid-dritt tal-Unjoni li tkopri kull forma ta’ diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol. F’dan li ġej jien ser nasal għall-konklużjoni li ma hemm ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, u li jkun ikopri d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità bħala raġuni minnha nfisha għal diskriminazzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-obeżità ta’ ċerta severità tista’ tammonta għal diżabbiltà skont id-Direttiva 2000/78.

B –    Teżisti projbizzjoni ġenerali fid-dritt tal-Unjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni li tinkludi l-obeżità?(l-ewwel domanda)

16.      Hemm erba’ dispożizzjonijiet tat-Trattati li jindirizzaw il-kwistjoni tad-diżabbiltà. Dawn huma l-Artikolu 10 TFUE, li jgħid li “[f]id-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq […] id-diżabbiltà […]”, l-Artikolu 19 TFUE, li jipprovdi l-bażi legali sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tieħu l-azzjoni xierqa sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq id-diżabbiltà, l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li jipprojbixxi “[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq [kwalunkwe raġuni bħalma huma] [...] id-diżabbiltà”, u l-Artikolu 26 tal-Karta, li jgħid li l-“Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità”.

17.      B’kuntrast ma’ dan, l-obeżità ma tissemmiex f’xi waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, jew f’xi miżura oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħala raġuni għal diskriminazzjoni pprojbita,. Madankollu, il-portata tal-Artikolu 21 tal-Karta hija miftuħa peress li jipprojbixxi “Kull diskriminazzjoni bbażata fuq [kwalunkwe raġuni bħalma huma] [...]”. Għaldaqstant, abbażi tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, meħuda waħedhom, jista’ jiġi argumentat li hemm prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni fid-dritt tal-Unjoni li jkopri raġunijiet li ma humiex speċifikament imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta. Eżempji ta’ dawn ir-raġunijiet għal diskriminazzjoni pprojbiti jistgħu jinstabu f’kundizzjonijiet fiżjoloġiċi bħall-apparenza jew id-daqs, karatteristiċi psikoloġiċi bħat-temperament jew il-karattru, jew fatturi soċjali oħrajn bħall-klassi jew l-istatus.

18.      Jekk teżisti projbizzjoni ġenerali fir-rigward tad-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol li hija prevista fid-dritt tal-Unjoni, din trid tkun ibbażata fuq (i) id-dispożizzjonijiet tal-Karta dwar nondiskriminazzjoni (Artikolu 21) (5), jew (ii) il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri jew iggarantiti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Insostenn ta’ dawn tal-aħħar, K. Kaltoft jinvoka l-Artikolu 14 tal-KEDB, il-Protokoll 12 tal-KEDB, u d-dispożizzjonijiet b’portata miftuħa dwar nondiskriminazzjoni fil-kostituzzjonijiet tal-Estonja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Polonja, tal-Finlandja u tal-Isveżja.

19.      Madankollu, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-Artikolu 6(1) TFUE jipprekludi rikors għall-Karta biex jiġu estiżi l-“kompetenzi tal-Unjoni kif inhuma ddefiniti fit-Trattati” (6), filwaqt li l-Artikolu 51(2) tal-Karta ġie interpretat bl-istess mod (7). Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-konfini esterni tal-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali li huma pertinenti għal dan il-każ.

20.      Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, din torbot lill-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin “jimplimentaw” il-liġi tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa issa, il-fatt li sseħħ diskriminazzjoni f’kamp sostantiv bħas-suq tax-xogħol ma hijiex raġuni suffiċjenti biex wieħed jikkonkludi li Stat Membru, f’dan il-każ id-Danimarka, qiegħed “jimplimenta” l-liġi tal-Unjoni (8). Bl-istess mod, fejn is-suġġett tal-kawża prinċipali ma jikkonċernax l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni minbarra dik li tinsab fil-Karta, ir-rabta ma hijiex ser tkun biżżejjed (9).

21.      Fil-fatt, qabel ma sitwazzjoni legali tkun koperta mid-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali, kif rifless fil-Karta, irid ikun hemm ċertu grad ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni ’l fuq u lil hinn mill-fatt li l-kwistjonijiet koperti huma relatati mill-qrib jew li xi waħda minn dawk il-kwistjonijiet għandha impatt indirett fuq l-oħra (10).

22.      Ir-rabta meħtieġa tiġi stabbilita meta jkun hemm dispożizzjoni speċifika u identifikata tal-liġi ta’ Stat Membru, f’dan il-każ il-liġi tad-Danimarka, li taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni (sostantiv) ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ugwalment speċifika u identifikata, kemm jekk tinsab f’att leġiżlattiv tal-Unjoni, jew fit-Trattati nfushom (11). Eżerċizzju ta’ identifikazzjoni doppja ta’ din ix-xorta ma jidhirx li jeżisti fil-proċess. Qiegħda pjuttost tiġi invokata l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jipprekludi kwalunkwe diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol.

23.      Barra minn hekk, l-Artikoli 10 TFUE u 19 TFUE, fil-fehma tiegħi, ma humiex biżżejjed biex tiġi stabbilita istanza ta’ implementazzjoni minn Stat Membru tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51 tal-Karta. L-Artikolu 10 TFUE jinkludi, skont il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Z (12), klawżola ġenerali li tartikola l-għan ta’ politika partikolari li għalih hija kommessa l-Unjoni Ewropea. Jien inżid ngħid li l-Artikolu 19 TFUE jistabbilixxi biss bażi legali għal miżuri tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjonijiet li jaqgħu fil-kompetenzi tagħha u ma jistax jiġi applikat għal raġunijiet ta’ diskriminazzjoni li ma humiex speċifikati hemmhekk (13). Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement tenniet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ taffettwa indirettament l-operat ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli ma tistax minnha nnifisha tikkostitwixxi rabta suffiċjenti bejn dik il-leġiżlazzjoni u d-dritt tal-Unjoni b’tali mod li tiskarta l-applikazjoni tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (14). Bl-istess mod, il-fatt li deċiżjoni tittieħed minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, f’dan il-każ id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ K. Kaltoft, tista’ taffettwa l-politika tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni ma jipprovdix ir-rabta rikjesta fl-Artikolu 51(1) tal-Karta.

24.      Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, l-Artikolu 21(1) tagħha “la jestendi l-medda tal-kompetenzi mogħtija taħt l-Artikolu 19 u lanqas l-interpretazzjoni ta’ dak l-Artikolu” (15). Barra minn hekk l-atti leġiżlattivi kollha tal-Unjoni li jipprojbixxu mġiba diskriminatorja huma indirizzati lejn raġunijiet speċifiċi ta’ diskriminazzjoni fl-ambitu ta’ oqsma speċifiċi, iktar milli jipprekludu b’mod ġenerali kwalunkwe trattament diskriminatorju. Hawnhekk għandi f’moħħi, minbarra d-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol b’riferiment għar-reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentament sesswali, miżuri bħad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (16), u d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ oppurtunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (17). Dawn il-miżuri ma jipprojbixxux id-diskriminazzjoni b’mod ġenerali imma għar-raġunijiet speċifikati fl-atti kkonċernati.

25.      Għalhekk, konklużjoni kuntrarja fis-sens li rabta ġenerali bejn l-Istat Membru u d-dritt tal-Unjoni dwar is-swieq tax-xogħol hija suffiċjenti biex topera l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni fil-livell nazzjonali, tkun tikser il-konfini esterni stabbiliti għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali. Tabilħaqq il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li l-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali tinkludi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, u din torbot lill-Istati Membri meta s-sitwazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, “ma jirriżultax li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 irid jiġi estiż b’analoġija lil hinn mid-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq il-motivi elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha” (18).

26.      Fl-aħħar nett, jien ma naċċettax l-argumenti ta’ K. Kaltoft fis-sens li l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jipprekludi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li issa huwa inkluż fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, u li jista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikollu effett orizzontali dirett bejn żewġ partijiet privati, jgħin b’xi mod il-każ tiegħu (19). Ma hemm xejn fis-sentenzi rilevanti dwar diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li jindika l-eżistenza ta’ xi prinċipju ġenerali tad-dritt li jipprekludi d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol b’mod ġenerali. La d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali komuni għal għadd żgħir ta’ Stati Membri, u lanqas protokoll għall-KEDB, bħalma huwa l-Protokoll 12 tal-KEDB (li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2005), ma jistgħu jistabbilixxu prinċipju ġenerali tad-dritt li jkun jobbliga lill-Istati Membri li jiġġieldu d-diskriminazzjoni għal raġunijiet li, b’differenza mill-età, ma humiex speċifikati fit-Trattati jew fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tal-KEDB ma jistax iwessa’ l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea għar-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif protett bl-Artikolu 21 tal-Karta.

27.      Għal dawn ir-raġunijiet jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandħa tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda. Minn dan isegwi li ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi kif inhuma fformulati fid-digriet tar-rinviju (20).

C –    Tista’ l-obeżità titqies li hija “diżabbiltà” (ir-raba’ domanda)?

1.      Il-kunċett ta’ diżabbiltà skont id-Direttiva 2000/78

28.      Jien nosserva mill-bidu nett li t-tifsira tal-kunċett ta’ diżabbiltà skont id-Direttiva 2000/78 kienet ġiet diskussa b’mod eżawrjenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-elementi ewlenin ta’ din il-ġurisprudenza huma kif ġej.

29.      Il-kunċett ta’ “diżabbiltà” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2000/78, u d-Direttiva lanqas ma tagħmel riferiment għad-dritt tal-Istati Membri għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett (21). Għalhekk, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet żviluppata interpretazzjoni awtonoma u uniformi ta’ “diżabbiltà”, u iktar reċentement fl-isfond tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbilità, li l-Unjoni Ewropea approvat b’deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2009 (22). Il-Konvenzjoni tifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha (23). Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-Direttiva 2000/78 għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod li tkun konsistenti mal-Konvenzjoni tal-ONU (24). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-għan [tad-Direttiva 2000/78], f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, huwa li tikkumbatti kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbilità” (25) (enfażi tiegħi).

30.      Il-kunċett ta’ “diżabbiltà” għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78 għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi i) għal perijodu twil (26) ii) fiżiċi, mentali jew psikiċi, iii) li flimkien ma’ diversi ostakoli (27) iv) tista’ tkun ta’ xkiel v) għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali vi) fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-espressjoni “persuni b’diżabbiltà” fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi lill-persuni kollha li għandhom diżabbiltà li tikkorrispondi ma’ din id-definizzjoni (29).

31.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma jistax, b’riferiment għall-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni, jiġi estiż b’analoġija lil hinn mid-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq ir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 1 tagħha (30). Għaldaqstant il-mard fih innifsu ma jistax jitqies li huwa raġuni ta’ diskriminazzjoni li hija pprojbita mid-Direttiva 2000/78 (31).

32.      Għaldaqstant, filwaqt li ma hemm xejn fid-Direttiva 2000/78 li jissuġġerixxi li l-ħaddiema huma protetti bil-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà hekk kif jiżviluppaw kwalunkwe tip ta’ marda (32), fil-ġurisprudenza huwa stabbilit li jekk “marda kurabbli jew inkurabbli” tinvolvi limitazzjoni li tikkorrispondi mad-definizzjoni ta’ hawn fuq, tali marda tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78 (33), jekk medikament hekk tiġi kkunsidrata (34), u l-limitazzjoni tkun għal perijodu twil (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “wieħed imur kontra l-għan stess ta’ din id-direttiva, li huwa dak li timplementa l-ugwaljanza fit-trattament, jekk jaċċetta li din tista’ tiġi applikata skont l-oriġini tad-diżabbiltà” (36).

33.      Jekk jiġi kkunsidrat l-għan tad-Direttiva 2000/78, li huwa b’mod partikolari li jkun possibbli għal persuna b’diżabbiltà li jkollha aċċess għal jew li tipparteċipa fix-xogħol, il-kunċett ta’ diżabbiltà għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal ostakoli fl-eżerċizzju ta’ attività professjonali, mhux biss għall-impossibbiltà li tiġi eżerċitata tali attività (37). Il-Konvenzjoni tal-ONU tirrikonoxxi fil-premessa (e) “li d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara [limitazzjonijiet] fis-saħħa u l-barrieri [ostakoli] ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali bħal ħaddieħor”. Għalhekk, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tal-ONU, il-kliem “flimkien ma’ diversi ostakli” tirreferi għal ostakoli ta’ attitudni u ambjentali.

34.      Għalhekk, marda jew difett anatomiku jew fiżjoloġiku bħan-nuqqas ta’ organu minnhom infushom ma jammontawx għal diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78 jekk ma jirrappreżentawx limitazzjoni li tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra. Pereżempju, in-nuqqas ta’ funzjoni jew organu tal-ġisem, jew marda li teħtieġ attenzjoni partikolari, medikazzjoni kontinwa jew kontroll jistgħu jkunu ta’ piż fiżjoloġiku jew psikoloġiku għall-persuna kkonċernata imma ma jagħmlux impossibbli t-twettiq sħiħ u effettiv ta’ xogħol u lanqas ma jfixklu l-parteċipazzjoni fuq bażi ugwali fil-ħajja professjonali b’mod ġenerali (38).

35.      Dan jispjega għalfejn fis-sentenza Z il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mara li ma kellhiex utru, u li kienet ġiet irrifjutata l-leave tal-maternità mill-persuna li timpjegaha wara li kienet saret omm permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata, meta l-leave tal-maternità kien disponibbli għal nisa li jsiru ommijiet permezz ta’ twelid jew adozzjoni, ma kinitx qiegħda ssofri minn diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kundizzjoni li minnha tbati Z wasslitha sabiex ikollha impossibbiltà [...] li twettaq ix-xogħol tagħha jew tikkostitwixxi limitazzjoni għall-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha” (39).

36.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet iktar qabel, b’mod li jikkontradixxi xi ftit il-punt 81 tas-sentenza Z, li anki dawk li jieħdu ħsieb persuni li jsofru minn diżabbiltà jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija bid-Direttiva 2000/78. Għaldaqstant fis-sentenza Coleman ma saret ebda konnessjoni bejn id-diżabbiltà inkwistjoni, u x-xogħol partikolari inkwistjoni (u minn daqshekk din il-konnessjoni lanqas ma dehret fis-sentenza HK Danmark). Fis-sentenza Coleman il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat jekk id-Direttiva 2000/78 kinitx tinkludi sitwazzjoni fejn saret diskriminazzjoni kontra impjegata, li hija nnifisha ma kellhiex diżabbiltà, fuq il-bażi li kienet tieħu ħsieb tifel b’diżabbiltà.

37.      Fis-sentenza Coleman, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kamp tad-diżabbiltà ma kienx japplika għal xi kategorija partikolari ta’ persuni imma abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva. Għaldaqstant, ma jirriżultax li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li din id-direttiva hija intiża li tipproteġi, kien limitat għal persuni li huma stess kellhom diżabbiltà fis-sens tad-direttiva. Għall-kuntrarju, id-Direttiva 2000/78 kellha l-għan li toħloq, fl-Unjoni kollha, kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-ugwaljanza fl-impjieg u fix-xogħol (40).

38.      Għalhekk, huwa biżżejjed li kundizzjoni għal perijodu twil ta’ żmien tikkawża limitazzjonijiet fil-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fil-ħajja professjonali b’mod ġenerali fuq bażi ugwali bħal persuni li ma għandhomx dik il-kundizzjoni. Ma għandha ssir l-ebda rabta bejn ix-xogħol ikkonċernat u d-diżabbiltà inkwistjoni qabel ma tkun tista’ tiġi applikata d-Direttiva 2000/78.

39.      Għalhekk, pereżempju, aġent tal-ivvjaġġar fuq siġġu tar-roti li titkeċċa għaliex is-sid il-ġdid jara d-diżabbiltà tagħha bħala inkonsistenti mal-immaġini l-ġdida li jixtieq jiżviluppa għall-aġenzija ma hijiex se tiġi prekluża milli tinvoka l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 sempliċement għaliex il-ħaddiema kollegi tagħha kollha jwettqu x-xogħol meħtieġ bilqiegħda, u b’hekk ix-xogħol inkwistjoni ma huwiex affettwat bil-kundizzjoni tagħha. Dan huwa importanti minħabba l-argumenti li saru mill-Muniċipalità ta’ Billund, mid-Danimarka u mill-Kummissjoni rigward it-twettiq b’suċċess minn K. Kaltoft tax-xogħol tiegħu bħala assistent responsabbli għat-tfal matul il-kors ta’ ħmistax-il sena. Jien ser nindirizzahom fil-Parti III.C.2 iktar ’il quddiem.

40.      Jiena ntemm l-analiżi tad-dispożizzjonijiet legali ewlenin billi nosserva li, skont il-premessa 17, id-Direttiva 2000/78 ma timponi l-ebda obbligu għaż-żamma fl-impjieg ta’ individwu li ma jkunx kompetenti biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol ikkonċernat, imma dan bla ħsara għall-obbligu stipulat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 li jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli sabiex tiġi żgurata konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà. Dan ifisser li l-persuni li jimpjegaw għandhom jieħdu miżuri adegwati, meta meħtieġ fil-każ partikolari, biex jippermettu lil persuna b’diżabbiltà jkollha aċċess għal u tipparteċipa jew tavvanza fl-impjieg, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega (41).

41.      Kif wieħed jista’ jara mid-diskussjoni ta’ hawn fuq, il-prinċipji elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja biex jiddeterminaw it-tifsira ta’ diżabbiltà jirriflettu perspettiva wiegħsa tat-tip ta’ kundizzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tagħha. Fil-fehma tiegħi dan ifisser li l-ġurisprudenza, bħal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti, adottat, abbażi tal-approċċ tal-Konvenzjoni tal-ONU, mudell soċjali u mhux (purament) mediku tad-diżabbiltà (42).

2.      Il-ħila li twettaq xogħol ma teskludix id-diżabbiltà

42.      Kif diġà ġie osservat, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-impossibbiltà tat-twettiq ta’ xogħol jew tfixkil fl-eżerċizzju ta’ attività professjonali (43). Din tirrifletti distinzjoni bejn inkapaċità assoluta jew relattiva għar-rigward ta’ xogħol speċifiku, u parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fil-ħajja professjonali b’mod ġenerali.

43.      Din id-distinzjoni hija importanti għaliex il-Muniċipalità ta’ Billund, id-Danimarka u l-Kummissjoni jargumentaw li ma jistax jiġi sostnut li l-obeżità ta’ K. Kaltoft tinvolvi limitazzjoni li tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra għaliex huwa ħadem għal 15-il sena bħala assistent responsabbli għat-tfal mal-muniċipalità fuq bażi ugwali bħal ħaddiema oħra li jieħdu ħsieb tfal ħaddieħor impjegati magħha. Fi kliem ieħor, l-obeżità ta’ K. Kaltoft setgħet ma fixklitx neċessarjament ix-xogħol tiegħu bħala assistent responsabbli għat-tfal.

44.      Huwa veru li fir-rigward tal-impossibbiltà ta’, jew l-eżistenza ta’ ostakoli għat-twettiq ta’ xogħol speċifiku, l-applikabbiltà tal-kunċett ta’ diżabbiltà tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tax-xogħol inkwistjoni, u mhux fuq il-klassifikazzjoni astratta medika jew tas-sigurtà soċjali tat-tfixkil bħala tali. Kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali Bot reċentement, dak li huwa deċiżiv huma “l-ostakoli” li persuna tiltaqa’ magħhom meta tiġi f’kuntatt ma’ dak l-ambjent (44). Madankollu, jista’ jkun hemm defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikoloġiċi għal perijodu fit-tul li ma jagħmlux impossibbli ċertu xogħol, imma li jagħmlu t-twettiq ta’ dak ix-xogħol jew il-parteċipazzjoni fil-ħajja professjonali iktar diffiċli u eżiġenti oġġettivament. Eżempji tipiċi ta’ dan huma diżabbiltajiet li jaffettwaw ħażin ħafna l-mobilità jew li jostakolaw b’mod sinjifikattiv is-sensi bħall-vista jew is-smigħ.

45.      Nerġa’ lura, għalhekk, għall-eżempju użat hawn fuq ta’ aġent tal-ivvjaġġar li tinsab taħdem fuq siġġu tar-roti. Il-fatt li taħdem fuq siġġu tar-roti huwa ostakolu għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħal persuni li ma għandhomx dik il-kundizzjoni minħabba d-diffikultajiet fiżiċi li inevittabilment tiltaqa’ magħhom fit-twettiq tax-xogħol, anki jekk ma jaffettwawx il-kapaċità tal-persuna kkonċernata li twettaq ix-xogħol speċifiku inkwistjoni.

46.      Huwa stabbilit li d-Direttiva 2000/78 għandha l-għan b’mod partikolari li tiżgura li persuni b’diżabbiltajiet ikollhom aċċess għal u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-impjieg. Għalhekk, il-kunċett ta’ diżabbiltà għandu jinfthiem li jirreferi għal limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali, u mhux biss bħala impossibbiltà li tiġi eżerċitata tali attività (45). Barra minn hekk, l-argument ta’ hawn fuq imressaq mill-Muniċipalità ta’ Billund, mid-Danimarka u mill-Kummissjoni, iwassal għar-riżultat assurd li jeskludi mill-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 persuni li jew kellhom diġà diżabbiltà meta huma rnexxilhom jiksbu impjieg speċifiku jew li ġarrbu diżabbiltà matul il-kuntratt ta’ impjieg tagħhom, imma li rnexxilhom ikomplu jaħdmu.

47.      Għalhekk, kif sostnejt iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li kundizzjoni għal perijodu fit-tul tikkawża limitazzjonijiet fil-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fil-ħajja professjonali b’mod ġenerali fuq bażi ugwali bħal persuni li ma għandhomx dik il-kundizzjoni. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Coleman jirriżulta li d-diżabbiltà rilevanti tista’ tiġi mġarrba mhux mill-persuna tkun saret id-diskriminazzjoni kontriha, imma minn persuna fil-kura tal-impjegat, li jkun qiegħed jinvoka d-Direttiva 2000/78. Għalhekk, mhux meħtieġ li jkun impossibbli għal K. Kaltoft li jwettaq ix-xogħol tiegħu bħala assistent responsabbli għat-tfal mal-Muniċipalità ta’ Billund qabel ma jkun jista’ jinvoka l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabbiltà mogħtija bid-Direttiva 2000/78. Il-ġurisprudenza teżiġi sempliċement li huwa jissodisfa d-definizzjoni rriprodotta fil-punt 30.

48.      Għal finijiet ta’ kompletezza jien nagħmel riferiment għall-kwistjoni diskussa waqt is-seduta, dwar jekk diżabbiltà preżunta b’mod mhux ġustifikat, u d-diskriminazzjoni li tirriżulta, minnha hijiex koperta mid-Direttiva 2000/78. Fi kliem ieħor, hemm diskriminazzjoni pprojbita fuq il-bażi ta’ diżabbiltà fejn il-persuna li timpjega temmen b’mod mhux ġustifikat li impjegat ibati minn diżabbiltà u li għalhekk huwa limitat fil-kapaċitajiet tiegħu jew tagħha biex iwettaq ix-xogħol tiegħu b’mod xieraq u jiġi mmaltrattat b’riżultat ta’ dan? (46)

49.      Fil-fehma tiegħi ma huwiex meħtieġ li wieħed jieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni legali diffiċli fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti. Dan għaliex ma huwiex ikkontestat li K. Kaltoft jinsab fi stat ta’ obeżità. Jekk il-qorti nazzjonali tikkonkludi li din il-kundizzjoni tammonta għal diżabbiltà, u li K. Kaltoft tkeċċa minħabba fiha, imbagħad kwalunkwe differenza fit-trattament tkun abbażi ta’ diżabbiltà reali u mhux biss preżunta.

3.      L-obeżità tammonta għal diżabbiltà?

50.      L-obeżità normalment tiġi mkejla b’riferiment għall-indiċi tal-massa tal-ġisem (iktar ’il quddiem l-“IMĠ”) li huwa r-riżultat tal-piż ta’ persuna espress f’kilogrammi diviż bil-kwadrat tat-tul f’metri (kg/m2). Id-WHO tikklassifika l-obeżità fi tliet kategoriji: persuni b’IMĠ ta’ 30.00 sa 34.99 li jkunu fi stat ta’ obeżità klassi I, persuni b’IMĠ ta’ 35.00 sa 39.99 fi stat ta’ obeżità klassi II, u persuni b’IMĠ ta’ aktar minn 40.00 fi stat ta’ obeżità klassi III (47), li xi kultant isir riferiment għaliha bħala obeżità severa, estrema jew patoloġika.

51.      Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ K. Kaltoft, huwa kien fi stat ta’ obeżità matul l-impjieg kollu tiegħu mal-Muniċipalità ta’ Billund. Fl-2007 l-IMĠ tiegħu kien 54, li jirrappreżenta obeżità estrema. K. Kaltoft ikompli jispjega fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li matul l-impjieġ tiegħu huwa kien ġie rriferut minn professjonisti fil-qasma tas-saħħa għal operazzjoni gastrika bil-għan li jiġi mnaqqas il-volum tal-istonku tiegħu. Madankollu, l-operazzjoni ma setgħetx titlesta minħabba inċident mediku akut li nqala’ matulha. Fil-fehma tiegħu jeħtieġ li dan jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali hija u tiddeċiedi jekk il-marda ta’ K. Kaltoft ġietx iddijanjostikata medikament inkonformità mat-test stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza HK Danmark dwar iċ-ċirkustanzi li fihom mard fit-tul jista’ jitqies li huwa diżabbiltà.

52.      K. Kaltoft jargumenta li d-WHO tqis l-obeżità bħala marda kronika u fit-tul. Barra minn hekk huwa jirrileva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-obeżità tqieset li hija diżabbiltà skont il-liġi tal-Istati Uniti tal-Amerika (48). Skont K. Kaltoft, l-obeżità tista’ tinvolvi limitazzjonijiet fiżiċi li joħolqu ostakoli għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fil-ħajja professjonali, jew minħabba mobbiltà mnaqsa jew minħabba patoloġiji jew sintomi li jirriżultaw minnha, u tista’ wkoll tinvolvi limitazzjonijiet fis-suq tax-xogħol minħabba l-preġudizzju fuq il-bażi tal-apparenza fiżika.

53.      Il-Gvern tad-Danimarka u l-Kummissjoni jidher li jaqblu li l-obeżità ta’ ċerta severità tista’ tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78, imma dan għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali.

54.       Jien nosserva li l-klassifikazzjoni mid-WHO tal-obeżità bħala marda ma hijiex biżżejjed biex tirrendieha diżabbiltà għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78. Dan għaliex, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, il-mard bħala tali ma jaqax fl-ambitu tad-Direttiva 2000/78.

55.       Jien ukoll tal-fehma li, fil-każijiet fejn il-kundizzjoni tal-obeżità tilħaq livell fejn hija, fl-interazzjoni ma’ ostakoli attitudinali u ambjentali, kif imsemmi fil-Konvenzjoni tal-ONU, tfixkel b’mod ċar il-parteċipazzjoni sħiħa fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-impjegati l-oħra minħabba l-limitazzjonijiet fiżiċi u/jew psikoloġiċi li tinvolvi, allura din tista’ titqies li hija diżabbiltà.

56.      Madankollu, “sempliċi” obeżità fis-sens ta’ obeżità tal-klassi I tad-WHO ma hijiex biżżejjed biex tissodisfa l-kriterji tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, għal persuna tat-tul ta’ K. Kaltoft (1.72 m) piż ta’ 89 kg huwa biżżejjed biex iwassal għal IMĠ ta’ iktar minn 30. Fil-fehma tiegħi, probabbilment hija biss l-obeżità tal-klassi III tad-WHO, jiġifieri obeżità severa, estrema jew patoloġika li ser toħloq limitazzjonijiet, bħal problemi fil-mobbiltà, reżistenza u burdata, li jammontaw għal “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

57.      Din il-pożizzjoni ma tfissirx li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 irid jiġi estiż lil hinn mid-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq ir-raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha, fis-sens li kien eskluż fis-sentenza Chacón Navas (49). Kif diġà ġie osservat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-premessa (e) tal-Konvenzjoni ONU tirrikonoxxi li d-diżabbiltà hija kunċett li qiegħed jevolvi (50).

58.      Fl-aħħar nett, kif diġà għidt fil-punt 32, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “wieħed imur kontra l-għan stess ta’ din id-direttiva, li huwa dak li timplimenta l-ugwaljanza fit-trattament, jekk jaċċetta li din tista’ tiġi applikata skont l-oriġini tad-diżabbiltà” (51). Għalhekk, fil-kuntest tal-obeżità, huwa irrilevanti għall-iskopijiet tad-Direttiva 2000/78 jekk il-persuna kkonċernata waslitx fi stat ta’ obeżità minħabba s-sempliċi teħid ta’ enerġija eċċessiva, fir-rigward tal-enerġija użata, jew jekk tistax tkun spjegata b’riferiment għal problema psikoloġika jew metabolika, jew bħala effett sekondarju ta’ medikazzjoni (52). Il-kunċett ta’ diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78 huwa wieħed oġġettiv u ma jiddependix fuq jekk huwiex “awto-inflitt” fis-sens li l-persuna tkun ikkontribwixxiet b’mod kawżali biex inkisbet id-diżabbiltà. Kieku mhux hekk, diżabbiltajiet li jirriżultaw mit-teħid ta’ riskji b’mod konxju jew bi traskuraġni, pereżempju, fit-traffiku jew l-isport, jiġu esklużi mid-“diżabbiltà” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78.

59.      Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-persuna li timpjega esprima tħassib li jekk l-obeżità tiġi ammessa fi kwalunkwe forma bħala diżabbiltà dan iwassal għal riżultati intollerabbli għaliex l-alkoħoliżmu u d-dipendenza fuq id-droga jistgħu, bħala mard serju, ikunu koperti b’dan il-kunċett. Fil-fehma tiegħi, dan it-tħassib ma huwiex iġġustifikat. Huwa veru li f’termini mediċi l-alkoħoliżmu u d-dipendenza fuq sustanzi psikotropiċi huma mard. Madankollu, dan ma jfissirx li l-persuna li timpjega ser tkun mistennija tittolera l-ksur mill-impjegat tal-obbligi kuntrattwali tiegħu abbażi ta’ dan il-mard. Pereżempju, tkeċċija minħabba li l-impjegat kien imur ix-xogħol intossikat ma hijiex ibbażata fuq il-mard tal-akoħoliżmu jew id-dipendenza fuq id-droga bħala tali, imma fuq ksur tal-kuntratt ta’ impjieg li l-impjegat seta’ jevita billi jastjeni milli jieħu l-alkoħol jew is-sustanza inkwistjoni. Il-persuna li timpjega tista’ tistenna li tali impjegat ifittex kura medika adegwata li hija meħtieġa għalih biex ikun jista’ jwettaq kif jixraq l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu. Ta’ min wieħed ifakkar li kull ma jirrikjedi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 huwa li l-persuna li timpjega tipprovdi “akkomodazzjoni raġonevoli” lill-persuni b’diżabbiltà.

60.      Għal dawn ir-raġunijiet jiena nipproponi li r-raba’ domanda tingħata risposta fis-sens li l-obeżità severa biss tista’ tammonta għal diżabbiltà skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, u dan biss meta tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ diżabbiltà. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fir-rigward ta’ K. Kaltoft.

IV – Konklużjoni

61.      Għal dawn ir-raġunijiet jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb l-ewwel u r-raba’ domandi magħmula fid-digriet tar-rinviju tar-Retten i Kolding kif ġej:

(1)      Id-dritt tal-Unjoni ma jinkludix prinċipju ġenerali li jipprojbixxi lil persuna li timpjega milli tiddiskrimina fuq bażi ta’ diżabbiltà fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-obeżità severa tista’ tkun diżabbiltà koperta bil-protezzjoni prevista bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, jekk din, fl-interazzjoni ma’ diversi ostakoli, ixxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħal ħaddiema oħra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Għal ħarsa ġenerali dwar il-problemi fl-Ewropa ara pereżempju l-White Paper tal-Kummissjoni intitolata “Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità” KUMM (2007) 279 finali.


3 – L-obeżità ma hijiex fenomenu ċar imma tvarja mill-kundizzjoni sempliċi li wieħed ikollu serjament piż żejjed għall-obeżità patoloġika. Għal diskussjoni, inkluża evalwazzjoni dwar l-obeżità magħmula mid-WHO, ara l-Parti III.C.3. iktar ’il quddiem.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (Kawża C‑13/05, EU:C:2006:456); tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman (Kawża C‑303/06, EU:C:2008:415); tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar (Kawża C‑152/11, EU:C:2012:772); tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (Kawżi maqgħuda C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222); tal-4 tal-Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kawża C‑312/11, EU:C:2013:446); tat-18 ta’ Marzu 2012, Z (Kawża C‑363/12, EU:C:2014:159), u tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (Kawża C‑356/12, EU:C:2014:350).


5 – Nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet li l-Artikolu 26 tal-Karta, dwar l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, “ma jistax, minn nnifsu, jikkonferixxi lill-individwi dritt soġġettiv invokabbli bħala tali”. Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2004, Glatzel (EU:C:2014:350, punt 78).


6 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 23).


7Ibid. Ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 179).


8 – Ara b’mod partikolari l-gwida li tingħata fis-sentenza Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105).


9 – Sentenza tas-27 ta’ Marzu, 2014, Torralbo Marcos (C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 33).


10–      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2013, Siragusa (Kawża C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24).


11 – Pereżempju, ara l-analiżi li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 24 sa 28 tas-sentenza Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software (Kawża C‑418/11, EU:C:2013:588), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 44 li s-sitwazzjoni inkwistjoni kienet speċifikament irregolata b’direttiva (speċifika). Għal eżempji ta’ każijiet sa issa fejn ma kienet stabbilita ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni, għax ma kienx issodisfatt ir-rekwiżit tal-identifikazzjoni doppja, ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, Vinkov (C‑27/11, EU:C:2012:326); digriet tas-7 ta’ Frar 2013, Pedone (C‑498/12, EU:C:2013:76); digriet tas-7 ta’ Frar 2013, Gentile (C‑499/12, EU:C:2013:77); digriet tat-28 ta’ Novembru, 2013 Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio (C‑258/13, EU:C:2013:810).


12 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl ippreżentati fit-3 ta’ Ottubru 2013 fil-kawża li wasslet għas-sentenza Z (EU:C:2013:604, punt 112).


13 – Ara f’dan is-sens is-sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:456, punt 55).


14 – Sentenza Siragusa (EU:C:2014:126, punt 29), li tiċċita s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 1997, Annibaldi (Kawża C‑309/96, EU:C:1997:631, punt 22), u tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (Kawża C‑299/95, EU:C:1997:254, punt 16).


15 – ĠU 2007 C 303, p. 17, Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 21.


16 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23.


17 – ĠU L 204, p. 23.


18 – Sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:456, punt 56). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull (C‑5/12, EU:C:2013:571), fejn fil-punt 73 il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, la t-Trattat KE u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma kienu jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bejn il-missier adottiv u l-missier bioloġiku għal dak li jikkonċerna l-leave tal-maternità. Fil-punt 72 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


19 – Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709) u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (Kawża C‑555/07, EU:C:2010:21).


20 – Madankollu, infakkar li l-kwistjoni tal-oneru tal-prova fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 kienet ġiet ittrattata b’mod ezawrjenti fis-sentenza Coleman (EU:C:2008:415).


21 – Sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:456, punt 39).


22 – Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010 L 23, p. 35). Barra minn hekk, skont l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/48/KE, fil-kamp, fost l-oħrajn, tal-impjiegi, id-Direttiva 2000/78 hija waħda mill-atti tal-Unjoni li tagħmel riferiment għal materji rregolati mill-Konvenzjoni tal-ONU. Sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 31).


23 – Sentenzi HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Glatzel (EU:C:2014:350, punt 68).


24 – Sentenzi HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 32), u Z (EU:C:2014:159, punt 75). Dan kien ikkonfermat reċentement fis-sentenza Glatzel (EU:C:2014:350, punt 70), minkejja li fil-punt 69 ta’ din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja rriaffermat li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-ONU dwar id-diżabbiltà “ma jikkostitwixxux, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, dispożizzjonijiet inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed li jippermettu stħarriġ tal-validità tal-att tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni msemmija”, fejn ġiet iċċitata s-sentenza Z (EU:C:2014:159, punti 89 u 90).


25 – Sentenza Coleman (EU:C:2008:415, punt 38).


26 – Dan jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tal-ONU. Madankollu ma huwiex meħtieġ li d-defiċjenzi jkollhom element ta’ permanenza. Huwa meħtieġ biss li dawn ikunu għal “perijodu twil”. Ara s-sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 39).


27 – Skont il-premessa (e) għall-Konvenzjoni tal-ONU, dawn l-ostakoli jistgħu jkunu attitudinali jew ambjentali. Ara s-sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 37).


28 – Sentenzi Z (EU:C:2014:159, punt 80), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2013:446, punt 56), li tiċċita s-sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punti 38 u 39).


29 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2013:446, punt 57) (enfażi tiegħi).


30 – Sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:456, punt 56).


31 – Sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:456, punt 57).


32 – Sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:456, punt 46). Għal diskussjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-mard u “d-diżabbiltà” ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżentati fis-16 ta’ Marzu 2006 fil-kawża li wasslet għas-sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:184, punti 77 sa 80), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2012 fil-kawża li wasslet għas-sentenza HK Danmark (EU:C:2012:775, punti 30 sa 38 u 46).


33 – Sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 41).


34 – Sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 47). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’din il-kawża, punt 28.


35 – Sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 41).


36 – Sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 40). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’din il-kawża, punt 32.


37 – Sentenza Z (EU:C:2014:159, punt 77), li tagħmel riferiment għas-sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 44).


38 – Ara f’dan ir-rigward is-sentenza Z (EU:C:2014:159, punti 79 u 80). Kif osserva l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:184), “sakemm id-difett ġenetiku ma jkunx ġie identifikat, il-persuna inkwistjoni ma taffaċċja ebda diskriminazzjoni. Dan jista’ jinbidel ladarba dan isir magħruf, għaliex min iħaddem u l-assiguraturi ma jridux jieħdu r-riskju li jimpjegaw jew jassiguraw lil dawk ikkonċernati”.


39 –       Sentenza Z (EU:C:2014:159, punt 81). Ara wkoll il-punt 80.


40 – Sentenza Coleman (EU:C:2008:415, punti 38 u 47).


41 – Sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:456, punti 49 u 50).


42 –      Ara, dwar din id-distinzjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża li wasslet għas-sentenza Z (EU:C:2013:604, punti 83‑85).


43 – Sentenza Z (EU:C:2014:159, punt 81).


44 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża li wasslet għas-sentenza Glatzel ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2013 (EU:C:2013:505, punt 36). Ara, mhux differenti minn dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza HK Danmark (EU:C:2012:775, punt 27), il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Z (EU:C:2013:604, punt 84) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:184, punt 58) fejn l-Avukat Ġenerali Geelhoed qal li ma “jistax jiġi eskluż […] li ċerti nuqqasijiet fiżiċi jew mentali għandhom in-natura ta’ ‘diżabbiltà’ f’kuntest soċjali wieħed, imma mhux f’ieħor”.


45 – Sentenza Z (EU:C:2014:159, punt 77), li tagħmel riferiment għas-sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 44).


46 –      Ara l-paragrafu 4.5 tar-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Rapport konġunt dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (id-Direttiva dwar l-ugwaljanza razzjali) u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (id-Direttiva dwar l-ugwaljanza fl-impjieg) COM (2014) 2 finali.


47 – Ara http://apps.who.int/bmi/index.jsp?introPage=intro_3.html. Ara wkoll http://www.cdc.gov/mmwr/preview/mmwrhtml/mm5917a9.htm.


48 – Huwa jagħmel riferiment għad-Disabilities Act Amerikan tal-1990 u għas-sentenza tal-United States District, Eastern District ta’ Louisiana, E.E.O.C. vs Resources for Human Dev., Inc. 827 F, Supp. 2d 688, 693-94 E.D.La. 2011).


49 – Sentenza Chacón Navas (EU:C:2006:456, punt 56).


50 – Sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 37).


51 – Sentenza HK Danmark (EU:C:2013:222, punt 40).


52 – Pereżempju, skont wieħed mill-istudji “[i]ż-żieda fil-piż hija assoċjata mal-użu ta’ ħafna medikazzjonijiet psikotropiċi, inklużi, antidipressanti, stabbilizzaturi tal-burdata, mediċini antipsikotiċi, u jista’ jkollhom konsegwenzi serji fit-tul”. Estratt ta’ [Ruetsch et f’Encephale. 2005, Psychotropic drugs induced weight gain: a review of the literature concerning epidemiological data, mechanisms and management] iċċitat f’http://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/16389718.