Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obvodní soud pro Prahu (ir-Repubblika Ċeka) fis-26 ta’ Marzu 2018 – Libuše Králová vs Primera Air Scandinavia

(Kawża C-215/18)

Lingwa tal-kawża: ic-Ċek

Qorti tar-rinviju

Obvodní soud pro Prahu

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Libuše Králová

Konvenuta: Primera Air Scandinavia

Domandi preliminari

Kienet teżisti relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u l-konvenuta fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 1 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali minkejja li dawn ma kkonkludewx kuntratt u li t-titjira kienet tifforma parti minn pakkett ta’ servizzi pprovduti abbażi ta’ kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti u terza persuna (aġenzija tal-ivvjaġġar)?

Din ir-relazzjoni tista’ tiġi kkwalifikata bħala relazzjoni li taqa’ taħt kuntratt konkluż minn konsumatur fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 15 sa 17 tat-Taqsima 4 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali?

Il-konvenuta għandha l-kwalità li tiġi mħarrka għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 4, p. 42.