Language of document : ECLI:EU:C:2014:2196

Kawża C‑117/13

Technische Universität Darmstadt

vs

Eugen Ulmer KG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/29/KE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Artikolu 5(3)(n) — Użu għal skop ta’ riċerka jew studju privat ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor — Ktieb imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri individwi tal-pubbliku permezz ta’ terminals speċjalizzati f’librerija aċċessibbli għall-pubbliku — Kunċett ta’ xogħol li ma huwiex suġġett għal ‘kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar’ — Dritt tal-librerija li tiddiġitalizza xogħol li jagħmel parti mill-kollezzjoni tagħha sabiex jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti permezz ta’ terminals speċjalizzati — Tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol permezz ta’ terminals speċjalizzati li jippermettu l-istampar fuq il-karta jew il-ħażna tiegħu fuq USB stick”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt ta’ riproduzzjoni, dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku u dritt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku oġġetti protetti oħra — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Użu għal finijiet ta’ riċerka jew ta’ studju privat ta’ xogħlijiet u oġġetti protetti oħra — Ktieb imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti permezz ta’ terminals speċjalizzati f’librerija aċċessibbli għall-pubbliku — Xogħol li ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(3)(n))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt ta’ riproduzzjoni, dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku u dritt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku oġġetti protetti oħra — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Dritt ta’ librerija li tiddiġitalizza xogħol li jagħmel parti mill-kollezzjoni tagħha sabiex tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti permezz ta’ terminals speċjalizzati — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 5(2)(ċ), (3)(n) u (5))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħol diġitalizzat permezz ta’ terminals speċjalizzati li jippermettu l-istampar tiegħu fuq il-karta jew il-ħażna tiegħu fuq USB stick — Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 5(2)(a) u (b) u (3)(n))

1.        Il-kunċett ta’ “termini [kundizzjonijiet] ta’ xiri jew liċenzarˮ, li jinsab fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jinftiehem fis-sens li huwa jimplika li d-detentur ta’ drittijiet u stabbiliment, bħal librerija aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandhom ikunu kkonkludew kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ użu tax-xogħol ikkonċernat li jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom dan l-istabbiliment jista’ juża dan ix-xogħol.

Fil-fatt, minn naħa, interpretazzjoni kuntrarja timplika li d-detentur tad-dritt jista’, permezz ta’ intervent unilaterali u essenzjalment diskrezzjonali, iċaħħad lill-istabbiliment ikkonċernat mid-dritt li jibbenefika minn din il-limitazzjoni u jipprekludi għaldaqstant it-twettiq tal-missjoni fundamentali tagħha u l-promozzjoni tal-interess pubbliku marbut mal-promozzjoni tar-riċerka u tal-istudju privat, billi jinxtered l-għarfien.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29, isir riferiment għal relazzjonijiet kuntrattwali effettivi kif ukoll għall-konklużjoni u għall-implementazzjoni ta’ ftehimiet kuntrattwali effettivi u mhux għal sempliċi offerti ta’ kuntratti jew ta’ liċenzji.

Jekk is-sempliċi proposta ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ użu tkun biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, din l-interpretazzjoni tkun tali li ċċaħħad lil-limitazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni minn parti kbira tas-sustanza tagħha, peress li, fil-każ li din l-interpretazzjoni tintuża, l-imsemmija limitazzjoni tapplika biss, għall-uniċi xogħlijiet, dejjem iktar rari, li għalihom għadha ma hijiex offruta fis-suq verżjoni elettronika, b’mod partikolari fil-forma ta’ ktieb elettroniku.

(ara l-punti 27, 28, 30, 32, 35 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2)(ċ) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jagħti lil-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, id-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet li jagħmlu parti mill-kollezzjonijiet tagħhom, jekk dan l-att ta’ riproduzzjoni jkun neċessarju għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ dawn ix-xogħlijiet, permezz ta’ terminals speċjalizzati, fil-bini ta’ dawn l-istabbilimenti.

Fil-fatt, dan id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet jirriskja li jitlef parti kbira mis-sustanza tiegħu, jew anki l-effett utli tiegħu, jekk l-istabbilimenti, bħal libreriji aċċessibbli mill-pubbliku, ma jkollhomx dritt anċillari li jiddiġitalizzaw xogħlijiet ikkonċernati.

Barra minn hekk, tali dritt huwa rrikonoxxut lil dawn l-istabbilimenti fl-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, sa fejn huma kkonċernati l-atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni.

Din il-kundizzjoni hija osservata, fil-prinċipju, meta d-diġitalizzazzjoni ta’ uħud mix-xogħlijiet ta’ kollezzjoni tkun neċessarja għall-finijiet tal-“użu b’komunikazzjoni jew b’li jagħmlu disponibbli, għal skop ta’ riċerka jew studju privat, lill-membri individwali tal-pubbliku [...] b’terminali għal tapposta [terminals speċjalizzati]ˮ, kif jipprovdi l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29.

Barra minn hekk, il-portata ta’ dan id-dritt anċillari ta’ diġitalizzazzjoni għandha tkun ippreċiżata permezz ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tagħha, li tipprovdi li din il-limitazzjoni hija applikabbli biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jikkompromettux l-użu normali ta’ xogħol jew materjal ieħor protett u lanqas ma jikkawżaw preġudizzju mhux iġġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt, fejn din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma għandhiex, madankollu, l-għan li twessa’ l-portata tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 43, 44, 46, 47, 49 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jinftiehem fis-sens li ma jkoprix atti bħall-istampar ta’ xogħlijiet fuq il-karta jew il-ħażna tagħhom fuq USB stick, imwettqa minn utenti minn terminals speċjalizzati installati f’libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, tali atti jistgħu, skont il-każ, ikunu awtorizzati taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a) jew (b) ta’ din id-direttiva, sakemm f’kull każ ineżami, il-kundizzjonijiet imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

Dawn l-atti ta’ riproduzzjoni, bil-kuntrarju ta’ ċerti operazzjonijiet ta’ diġitalizzazzjoni ta’ xogħol, lanqas ma jistgħu jiġu permessi taħt dritt anċillari li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 5(2)(ċ) u 5(3)(n) tal-imsemmija Direttiva 2001/29, peress li ma humiex neċessarji sabiex jippermettu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ dan ix-xogħol, permezz ta’ terminals speċjalizzati, b’osservanza tal-kundizzjonijiet imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punti 54, 57 u d-dispożittiv 3)