Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fid-9 ta’ Mejju 2018 – Data Protection Commissioner vs Facebook Ireland Limited, Maximillian Schrems

(Kawża C-311/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Data Protection Commissioner

Konvenuti: Facebook Ireland Limited, Maximillian Schrems

Domandi preliminari

F’ċirkustanzi li fihom data personali hija ttrasferita minn kumpannija privata ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) lil kumpannija privata f’pajjiż terz għal skop kummerċjali skont id-Deċiżjoni 2010/87/UE 1 kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2016/2297 2 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni KKS) u tista’ tiġi pproċessata sussegwentement fil-pajjiż terz mill-awtoritajiet tiegħu għal skopijiet ta’ sigurtà nazzjonali iżda wkoll għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi u tat-twettiq tal-affarijiet barranin tal-pajjiż terz, id-dritt tal-Unjoni Ewropea (inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)) japplika għat-trasferiment tad-data minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) TUE fir-rigward tas-sigurtà nazzjonali u d-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE 3 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) fir-rigward tas-sigurtà pubblika, tad-difiża u tas-sigurtà tal-Istat?

(1) Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx ksur tad-drittijiet ta’ individwu permezz tat-trasferiment ta’ data mill-Unjoni lejn pajjiż terz skont id-Deċiżjoni KKS fejn din tista’ tiġi pproċessata sussegwentement għal skopijiet ta’ sigurtà nazzjonali, l-istrument ta’ paragun rilevanti għall-finijiet tad-Direttiva huwa:

il-Karta, it-TUE, it-TFUE, id-Direttiva, il-KEDB (jew xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni); jew

il-liġijiet nazzjonali ta’ Stat Membru wieħed jew iktar?

(2) Jekk l-istrument ta’ paragun rilevanti huwa l-(b), il-prattiki fil-kuntest tas-sigurtà nazzjonali fi Stat Membru wieħed jew iktar għandhom ukoll jiġu inklużi fl-istrument ta’ paragun?

Sabiex jiġi evalwat jekk pajjiż terz jiżgurax il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ data personali ttrasferita lejn dak il-pajjiż għall-finijiet tal-Artikolu 26 tad-Direttiva, il-livell ta’ protezzjoni fil-pajjiż terz għandu jiġi evalwat b’riferiment:

għar-regoli applikabbli fil-pajjiż terz li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali jew mill-impenji internazzjonali tiegħu, u għall-prattika maħsuba sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn ir-regoli, li għandhom jinkludu r-regoli professjonali u l-miżuri ta’ sigurtà osservati fil-pajjiż terz;

jew

għar-regoli msemmija f’(a) flimkien mal-prattiki amministrattivi, regolamentari u ta’ konformità u l-garanziji ta’ politika, il-proċeduri, il-protokolli, il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u r-rimedji extra-ġudizzjarji kif jinsabu fil-pajjiż terz?

Fid-dawl tal-fatti kkonstatati mill-High Court (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja, l-Irlanda) fir-rigward tad-dritt tal-Istati Uniti, it-trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti skont id-Deċiżjoni KKS jikser id-drittijiet tal-individwi taħt l-Artikoli 7 u/jew 8 tal-Karta?

Fid-dawl tal-fatti kkonstatati mill-High Court (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja) fir-rigward tad-dritt tal-Istati Uniti, jekk data personali hija ttrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti skont id-Deċiżjoni KKS:

(a)    il-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-Istati Uniti josserva l-kontenut essenzjali tad-dritt ta’ individwu għal azzjoni ġudizzjarja għal ksur tad-drittijiet tiegħu għall-kunfidenzjalità tad-data ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta?

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal (a):

(b)    il-limitazzjonijiet imposti mid-dritt tal-Istati Uniti fuq id-dritt ta’ individwu għal azzjoni ġudizzjarja fil-kuntest tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti huma proporzjonati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 52 tal-Karta u ma jeċċedux dak li huwa neċessarju f’soċjetà demokratika għal skopijiet ta’ sigurtà nazzjonali?

(1) Liema huwa l-livell ta’ protezzjoni meħtieġ li jingħata lil data personali ttrasferita lejn pajjiż terz skont klawżoli kuntrattwali standard adottati skont deċiżjoni tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 26(4) fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u b’mod partikolari tal-Artikoli 25 u 26 moqrija fid-dawl tal-Karta?

(2) Liema huma l-aspetti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni dwar jekk il-livell ta’ protezzjoni mogħti lil data ttrasferita lejn pajjiż terz skont id-Deċiżjoni KKS jissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva u tal-Karta?

Il-fatt li l-klawżoli kuntrattwali standard japplikaw bejn l-esportatur tad-data u l-importatur tad-data u ma jorbtux lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiż terz li jistgħu jeħtieġu lill-importatur tad-data jipprovdi lis-servizzi ta’ sigurtà tiegħu, għal ipproċessar sussegwenti, id-data personali ttrasferita skont il-klawżoli stipulati fid-Deċiżjoni KKS, jipprekludi l-klawżoli milli joffru garanziji adegwati kif previsti fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva?

Jekk importatur tad-data ta’ pajjiż terz huwa suġġett għal liġijiet ta’ sorveljanza li, fl-opinjoni ta’ awtorità tal-protezzjoni tad-data jiksru l-klawżoli tal-Anness mad-Deċiżjoni KKS jew l-Artikoli 25 u 26 tad-Direttiva u/jew il-Karta, awtorità tal-protezzjoni tad-data hija meħtieġa tuża s-setgħat ta’ infurzar tagħha skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva sabiex tissospendi t-tixrid ta’ data, jew l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat huwa limitat għal każijiet eċċezzjonali biss, fid-dawl tal-premessa 11 tad-Direttiva, jew ukoll awtorità tal-protezzjoni tad-data tista’ tuża d-diskrezzjoni tagħha sabiex ma tissospendix it-tixrid ta’ data?

(1) Għall-finijiet tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva, id-Deċiżjoni (UE) 2016/1250 4 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-Ħarsien tal-Privatezza”) tikkostitwixxi konstatazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali li torbot lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data u lill-qrati tal-Istati Membri, li skontha l-Istati Uniti tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni fi ħdan it-tifsria tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva minħabba d-dritt nazzjonali tagħha jew minħabba l-impenji internazzjonali li hija daħlet għalihom?

(2)     Jekk dan ma huwiex il-każ, x’rilevanza, jekk ikun il-każ, għandha d-Deċiżjoni dwar il-Ħarsien tal-Privatezza għall-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-garanziji pprovduti lil data ttrasferita lejn l-Istati Uniti li hija ttrasferita skont id-Deċiżjoni KKS?

Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-High Court (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja) fir-rigward tad-dritt tal-Istati Uniti, il-ħolqien tal-Ombudsman għall-Ħarsien tal-Privatezza skont l-Anness A għall-Anness III tad-Deċiżjoni dwar il-Ħarsien tal-Privatezza, meta meħud flimkien mas-sistema eżistenti fl-Istati Uniti, jiżgura li l-Istati Uniti tipprovdi azzjoni kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta lill-persuni li d-data personali tagħhom hija ttrasferita lejn l-Istati Uniti skont id-Deċiżjoni KKS?

Id-Deċiżjoni KKS tikser l-Artikoli 7, 8 u/jew 47 tal-Karta?

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2010 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali għall-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil (ĠU 2010, L 39, p. 5).

2 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2297 tas-16 ta’ Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/497/KE u 2010/87/UE dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiżi terzi u lil proċessuri stabbiliti fit-tali pajjiżi, skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016, L 344, p. 100).

3 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

4 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 tat-12 ta’ Lulju 2016 skont id-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S. (ĠU 2016, L 207, p. 1).