Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Labour Court (l-Irlanda) fis-27 ta’ Frar 2018 – Tomás Horgan, Claire Keegan vs Minister for Education & Skills, Minister for Finance, Minister for Public Expenditure & Reform, Ireland and the Attorney General

(Kawża C-154/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

The Labour Court, Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Tomás Horgan, Claire Keegan

Konvenuti: Minister for Education & Skills, Minister for Finance, Minister for Public Expenditure & Reform, Ireland and the Attorney General

Domandi preliminari

L-introduzzjoni minn Stat Membru li jaġixxi bħala persuna li timpjega, ta’ tabella ta’ salarji inqas favorevoli applikabbli għall-għalliema nazzjonali li jkunu ġew irreklutati reċentement, filwaqt li r-remunerazzjoni tal-għalliema li diġà bdew jaħdmu tibqa’ bla tibdil, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, fiċ-ċirkustanzi fejn:

it-tabella ta’ salarji emendata u t-tabella ta’ salarji eżistenti preċedentement, japplikaw fl-intier tagħhom għall-għalliema taż-żewġ kategoriji rispettivi, indipendentement mill-età tagħhom;

fid-data tar-reklutaġġ u tal-klassifikazzjoni tal-għalliema f’waħda mit-tabelli ta’ salarji, l-iskala tal-etajiet tal-grupp li jibbenefika mir-remunerazzjoni l-iktar għolja ma kinitx differenti mill-iskala tal-etajiet tal-grupp li jibbenefika mir-remunerazzjoni inqas għolja;

l-introduzzjoni tat-tabella ta’ salarji emendata fiha differenza sostanzjali ta’ remunerazzjoni bejn iż-żewġ gruppi ta’ għalliema li jwettqu xogħol tal-istess valur;

l-età medja tal-għalliema li huma koperti bit-tabella ta’ salarji l-inqas vantaġġuża hija iktar baxxa mill-età medja tal-għalliema li huma koperti mit-tabella ta’ salarji preċedenti;

fid-data tal-introduzzjoni tat-tabella ta’ salarji inqas favorevoli, l-istatistiċi tal-Istat kienu juru li 70 % tal-għalliema li ġew irreklutati reċentement kellhom mhux iktar minn 25 sena u li ġie stabbilit li din kienet l-età tipika tal-iskala tal-etajiet ta’ dħul fis-servizz tal-għalliema nazzjonali, kienet liema kienet is-sena; u

l-għalliema nazzjonali li daħlu fis-servizz fl-2011 jew wara jġarrbu żvantaġġ finanzjarju manifest meta mqabbla mal-kollegi tagħhom għalliema maħtura qabel l-2011?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-introduzzjoni ta’ tabella ta’ salarji inqas favorevoli tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata mir-rekwiżit sabiex jinkiseb tnaqqis fl-ispejjeż strutturali għal perijodu ta’ żmien medju/fit-tul tas-servizz pubbliku, fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji li jiffaċċja l-Istat u/jew tal-importanza li jinżammu relazzjonijiet soċjali tajba mal-uffiċjali li jkunu diġà qed jaħdmu?

Ir-risposta għat-tieni domanda tkun differenti jekk l-Istat seta’ jwettaq ekonomiji ekwivalenti billi jnaqqas ir-remunerazzjoni tal-għalliema kollha b’mod inqas drastiku milli jnaqqas biss ir-remunerazzjoni tal-għalliema rreklutati reċentement?

Ir-risposti għat-tieni u t-tielet domanda jkunu differenti jekk id-deċiżjoni li ma tiġix emendata b’mod sfavorevoli t-tabella ta’ salarji applikabbli għall-għalliema li qed jaħdmu diġà kienet ġiet adottata konformement għal ftehim kollettiv konkluż bejn il-gvern, bħala persuna li timpjega u s-sindakati li jirrappreżentaw l-uffiċjali, li fih il-gvern ikun impenja ruħu li ma jnaqqasx ulterjorment ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali li diġà jkunu qed jaħdmu, li jkunu diġà ġarrbu tnaqqis fir-remunerazzjoni, fid-dawl tal-konsegwenzi f’termini ta’ relazzjonijiet soċjali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-ftehim kollettiv, inkunsiderazzjoni tal-fatt li t-tabella ta’ salarji l-ġdida introdotta fl-2011 ma kinitx koperta bl-imsemmi ftehim kollettiv?

____________