Language of document : ECLI:EU:C:2008:611

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLOMER

ippreżentati fis-6 ta’ Novembru 2008 (1)

Kawża C‑326/07

Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Artikoli 43 KE u 56 KE – Statut tal-impriżi privatizzati – Klawżola dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet speċjali”





I –    Introduzzjoni

1.        Mhux kull ma jleqq huwa deheb. Din il-frażi nkitbet minn William Shakespeare fil-Kummerċjant ta’ Venezja (2) meta l-prinċep tal-Marokk jagħżel il-kaxxa tal-fidda sabiex jirbaħ il-qalb ta’ Portia. Fil-qasam ta’ “golden shares”, l-Istati Membri kellhom iżommu dan il-qawl f’moħħhom meta kienu fil-proċess li jeżerċitaw ir-rwol tar-Re Midas billi jittrasformaw f’sostitut ta’ dan il-metall prezzjuż l-ishma fil-kapital tal-impriżi li joperaw f’setturi strateġiċi jew li jipprovdu servizzi pubbliċi.

2.        Madankollu, f’dan ix-xogħol sfrenat ta’ alkimija, il-Gvernijiet ta’ spiss jinsew l-effett korrettur tad-dritt Komunitarju, li jxejjen il-valur tal-privileġġi eżorbitanti, protetti bil-kura, li dawn jixtiequ li jirriżervaw għalihom, billi jpoġġu lilhom infushom ’il fuq mill-azzjonisti komuni. Mingħajr dubju, dan isir bl-aħjar intenzjonijiet, fl-idea tal-interess ġenerali, iżda tali volontà ma tiġġustifika l-ebda devjazzjoni mid-dixxiplina li jimponu d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

3.        Il-preżenti rikors tal-Kummissjoni kontra r-Repubblika Taljana jifforma parti mil-linja ġurisprudenzjali dwar l-hekk imsejħa “ishma tad-deheb” li, wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (3) għandhom jinftehmu bħala kull struttura legali li tapplika għall-impriżi individwalment, li tippriżerva jew li tikkontribwixxi sabiex tinżamm l-influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi fuq dawn il-kumpanniji (4). Essenzjalment, l-istituzzjoni Komunitarja titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-kriterji stabbiliti f’Digriet Liġi għall-eżeċizzju tad-drittijiet speċjali rrikonoxxuti mil-liġi favur ċerti awtoritajiet pubbliċi huwa inkompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital u mad-dritt ta’ stabbiliment.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

4.        Il-validità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata mill-Kummissjoni fil-qasam tal-ishma tad-deheb tiġi normalment evalwata mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl ta’ tnejn mil-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE, jiġifieri, id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital. L-ewwel libertà hija rregolata mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE, li jistabbilixxi li:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Din il-projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.”

5.        Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, it-Trattat jiddedika l-Artikolu 56(1) KE:

“1.      Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.”

6.        Minħabba l-importanza tiegħu, irid jinqara wkoll l-Artikolu 295 KE:

“Dan it-Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri.”

7.        Fid-dritt sekondarju, għandha tiġi kkunsidrata d-Direttiva 88/361/KEE (5), li fl-Anness I tagħha tinkludi nomenklatura għall-klassifikazzjoni tal-movimenti tal-kapital li jirreferi għalihom l-Artikolu 1. B’mod partikolari, hemm imsemmija l-“Parteċipazzjoni f’impriża ġdida jew eżistenti bi skop li jkunu stabbiliti jew mantenuti rabtiet ekonomiċi dewwiema” (investimenti diretti) (6) u l-“Akkwist minn non-residenti ta’ assigurazzjonijiet domestiċi negozjati fil-Borża” (investimenti ta’ portafoll) (7).

B –    Id-dritt Taljan

8.        L-Artikolu 4(227) sa (231), il-Liġi Finanzjarja Taljana għas-sena 2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja”) (8) emenda d-Digriet Legali Nru 332, tal-31 ta’ Mejju 1994(9), li sar, wara li ġie emendat, il-Liġi Nru 474, tat-30 ta’ Lulju tal-istess sena, li permezz tagħha ġew stabbiliti dispożizzjonijiet għat-tħaffif tal-proċeduri ta’ bejgħ tal-ishma tal-Istat u tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kumpanniji (10).

9.        L-Artikolu 4(227) jirregola d-drittijiet speċjali mogħtija lill-Istat Taljan fuq xi kumpanniji; b’mod partikolari, l-ewwel inċiż tal-paragrafu 227 fih verżjoni ġdida tal-Artikolu 2(1) tad-Digriet Legali Nru 332, li jgħid:

“1. Il-President tal-Kunsill tal-Ministri għandu […] jistabbilixxi b’digriet il-kumpanniji kkontrollati direttament jew indirettament mill-Istat u li joperaw fis-setturi tad-difiża, it-trasport, it-telekomunikazzjonijiet, ir-riżorsi tal-enerġija u setturi oħrajn tas-servizz pubbliku, li l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom għandu jipprovdi li, qabel l-adozzjoni ta’ xi miżura tirriżulta fit-telf tal-kontroll, għandha tiġi mdaħħla, b’riżoluzzjoni f’dan is-sens approvata f’laqgħa ġenerali straordinarja tal-kumpannija, dispożizzjoni li tagħti lill-ministru għall-ekonomija u l-finanzi wieħed jew aktar mid-drittijiet speċjali li ġejjin, li għandhom jiġu eżerċitati b’konsultazzjoni mal-ministru għall-attivitajiet produttivi[.]”

10.      Is-setgħat enormi tal-Istat Taljan huma deskritti fid-dettall fl-ittri suċċessivi (a), (b), (c) u (d) ta’ dan l-Artikolu 2; u jikkonsistu fis-segwenti:

a)      l-oppożizzjoni għall akkwist mill-investituri ta’ ishma kbar fl-imsemmija kumpanniji, li jirrappreżentaw mill-inqas 5 % tad-drittijiet tal-vot jew il-perċentwali minima li jistabbilixxi b’digriet il-Ministru tal-Finanzi;

b)      l-oppożizzjoni għall-konklużjoni ta’ ftehim bejn azzjonisti li jirrappreżentaw mill-inqas 5 % tad-drittijiet tal-vot jew il-perċentwali minima li jistabbilixxi b’digriet il-Ministru tal-Finanzi;

c)      il-veto fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ xoljiment tal-kumpannija, ta’ trasferiment tal-impriża, ta’ fużjoni, ta’ qsim, ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija f’pajjiż barrani, ta’ bdil tal-iskop tal-kumpannija jew tal-istatut tal-kumpannija, li jħassru jew jemendaw id-drittijiet speċjali; u

d)      in-nomina ta’ amministratur mingħajr dritt għall-vot.

11.      Fl-10 ta’ Ġunju 2004, il-President tal-Kunsill tal-Ministri Taljan adotta d-Digriet Legali(11) previst mill-Artikolu 4(230) tal-Liġi Finanzjarja; l-Artikolu 1(1) ta’ dan id-Digriet Legali jipprovdi li:

“Id-drittijiet speċjali tal-Artikolu 2 tad-Digriet Legali Nru 332 tal-1994 għandhom jiġu eżerċitati biss meta jkunu ġġustifikati minn motivi kruċjali u imperattivi ta’ interess ġenerali relatati, b’mod partikolari, mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika, mas-saħħa pubblika u mad-difiża, u għandhom jieħdu l-forma ta’ miżuri xieraq u proporzjonati għall-protezzjoni ta’ tali interessi, bħall-iffissar eventwali ta’ termini ta’ żmien xierqa, bla ħsara għar-rispett tal-prinċipji tas-sistema legali interna u Komunitarja, u l-ewwel u qabel kollox, tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni.”

12.      Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 tad-Digriet Legali jagħti definizzjoni tal-kriterji għall-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi f’dawn it-termini:

“2. Bla ħsara għall-finalità indikata fil-paragrafu 1, id-drittijiet speċjali li jirreferi għalihom l-Artikolu 2(1)(a), (b) u (c) tad-Digriet Legali Nru 332 tal-1994 jiġu eżerċitati meta jkunu jeżistu s-segwenti ċirkustanzi:

a)      periklu gravi u reali ta’ nuqqas fil-provvista nazzjonali minima ta’ prodotti petroliferi u tal-enerġija, kif ukoll fil-provviżjoni ta’ servizzi konnessi u derivati u, b’mod ġenerali, fil-provvista ta’ materja prima, ta’ beni essenzjali għall-kollettività jew fil-livell minimu ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni u ta’ trasport;

b)      periklu gravi u reali fil-kontinwità tal-eżerċizzju tal-obbligi lejn il-kollettività fil-qasam tal-provvista ta’ servizz pubbliku, kif ukoll fl-eżerċizzju tal-obbligi ta’ interess ġenerali fdati lill-kumpannija;

c)      riskju gravi u reali għas-sigurtà tal-impjanti u tan-netwerks tas-servizzi pubbliċi essenzjali;

d)      riskju gravi u reali għad-difiża nazzjonali, għas-sigurtà militari, l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika;

e)      emerġenzi sanitarji.”

III – Il-proċedura prekontenzjuża

13.      Peress li l-Gvern Taljan ma kkontesta l-ebda punt mill-evalwazzjoni tal-fatti tal-Kummissjoni kemm fl-istadju tar-rikors kif ukoll fl-istadju tar-replika, għandha tiġi aċċettata l-espożizzjoni tal-fatti hekk kif tidher fir-rikors, għalkemm qabel għandhom jitneħħew l-elementi li mhumiex meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża inkwistjoni.

14.      Fi Frar 2003, permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern Taljan dwar il-kumpatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-Artikolu 66 tal-Liġi Finanzjarja Nru 488, tat-23 ta’ Diċembru 1999, kif ukoll tad-Digriet Legali tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tal-11 ta’ Frar 2000, dwar il-privatizzazzjoni tal-impriżi pubbliċi.

15.      F’risposti separati, l-awtoritajiet Taljani indikaw, f’Ġunju 2003, li l-imsemmi Digriet Legali kien risposta għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑58/99 (12) u, f’Novembru, indikaw li lejn l-aħħar ta’ dik l-istess sena, kienet ser tiġi adottata liġi konformi mad-dritt Komunitarju.

16.      Wara l-approvazzjoni tal-emendi mħabbra, il-Gvern Taljan ikkomunika lill-Kummissjoni, f’Jannar 2004, it-test tal-Liġi Finanzjarja għal dik is-sena, li kienet tagħti lill-President tal-Kunsill tal-Ministri l-mandat li japprova, fi żmien disgħin jum mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi, Digriet Legali li jistabbilixxi l-kriterji għall-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali.

17.      Fit-30 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni rċeviet il-komunikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni implimentattiva, jiġifieri d-Digriet Legali kkontestat.

18.      Fit-22 ta’ Diċembru 2004, l-istess Istituzzjoni Komunitarja bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Taljani, għaliex kienet tqis li d-dispożizzjonijiet emendati u l-kriterji l-ġodda dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali ma kinux jeliminaw il-ksur tar-regoli tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-kapital u dwar il-liberta’ ta’ stabbiliment.

19.      Fl-24 ta’ Mejju 2005, il-Gvern Taljan wieġeb li d-Digriet Legali Nru 332 u d-Digriet Legali tal-10 ta’ Ġunju 2004 kienu jistabbilixxu sistema ta’ “ishma tad-deheb” fil-kuntest tat-tmexxija tal-kumpanniji b’sehem Statali, li kienet konformi mal-elementi tad-dritt Komunitarju.

20.      Dan l-argument ma kienx sodisfaċjenti għall-Kummissjoni, li bagħtet opinjoni motivata lill-Gvern ikkonċernat fit-18 ta’ Ottubru 2005. Fl-20 ta’ Diċembru 2005, l-awtoritajiet Taljani ma qablux mal-imsemmija opinjoni, u għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

21.      Ir-rikors tal-Kummissjoni ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Lulju 2007 u s-sottomissjonijiet tad-difiża tal-Gvern Taljan ġew ippreżentati fil-5 ta’ Ottubru tal-istess sena.

22.      Fis-16 ta’ Novembru 2007 ġiet ippreżentata r-replika, u fis-7 ta’ Novembru 2008 l-kontroreplika.

23.      Il‑Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Taljana kisret l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 43 u 56 tat-Trattat KE, meta adottat tal-Artikolu 1(2) tad-Digriet Legali tal-10 ta’ Ġunju 2004, li jistabbilixxi l-kriterji għall-eżerċizzju tas-setgħat speċjali li jirreferi għalihom l-Artikolu 2 tad-Digriet Legali Nru 332, adottat wara li ġie emendat permezz tal-Liġi Nru 474 tat-30 ta’ Lulju 1999, li min-naħa tagħha ġiet emendata permezz tal-Artikolu 4(227)(a), (b) u (c) tal-Liġi Finanzjarja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob sabiex il-Gvern Taljan jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

24.      Il-Gvern Taljan jitlob li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

25.      Fis-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2008, ir-rappreżentanti tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni għamlu t-trattazzjoni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

V –    Evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Fuq is-suġġett tal-kawża

26.      Fl-osservazzjonijiet tiegħu (13), il-Gvern Taljan ma jinvokax l-inammissibbiltà tar-rikors kollu, iżda tal-parti l-kbira tal-allegazzjonijiet insostenn tal-akkuża ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huwa jsostni li fir-realtà, l-ilmenti proprji fir-rikors u fir-replika mhumiex diretti kontra d-Digriet Legali kkontestat, iżda kontra d-drittijiet speċjali msemmija fid-Digriet Legali Nru 332; madankollu, peress li dawn id-drittijiet ma ġewx ikkontestati fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni takkuża lill-Gvern Taljan b’nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba r-regolamentazzjoni ta’ dawn id-drittijiet speċjali, u b’hekk testendi l-iskop tar-rikors.

27.      Min-naħa tagħha, fir-replika (14) r-rikorrenti tikkonferma li hija tqiegħed indiskussjoni biss il-proporzjonalità tal-Artikolu 1(2) tad-Digriet Legali kkontestat, b’mod partikolari l-kriterji għall-eżerċizzju tas-setgħat enormi tal-Istat Taljan; hija tikkritika li hemm nuqqas ta’ elementi konkreti li jistgħu jippermettu lill-investituri jevalwaw iċ-ċirkustanzi eżatti li fihom l-amministrazzjoni tkun tista’ tagħmel użu minn tali setgħat straordinarji. Madankollu, ir-rikorrenti tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità għandha ssir fid-dawl tal-leġittimità tal-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali kif ukoll fid-dawl tal-opportunità tal-użu tagħhom (15).

28.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura amministrattiva preliminari prevista mill-Artikolu 226 KE tiddefinixxi s-suġġett tar-rikors imressaq skont dan l-Artikolu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess motivi u argumenti, b’mod illi l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina ilment li ma kienx inkluż fl-opinjoni motivata (16). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li tali sovrappożiżżjoni bejn il-fażi prekontenzjuża u r-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha bħala għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li jsostni utilment il-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni.

29.      Ma tistax tiġi milqugħa l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Gvern Taljan, peress li minn analiżi komparattiva tal-ittra ta’ intimazzjoni(17), tal-opinjoni motivata(18) u tar-rikors, jirriżulta mhux biss li l-Kummissjoni titlob biss l-evalwazzjoni tad-Digriet Legali kkontestat, iżda wkoll li fl-aħħar wieħed minn dawn id-dokumenti, is-suġġett tal-kawża ġie limitat għad-Digriet Legali, filwaqt li d-dokumenti ta’ qabel ir-rikors kien fihom ċerti elementi li jqiegħdu indiskussjoni l-validità tad-drittijiet speċjali nfushom (19).

30.      F’kull każ, anki jekk jitqies li hemm restrizzjoni tas-suġġett tal-kontroversja, biżżejjed li jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, aċċettat tali possibbiltà, u tiddistingwi dan mill-każ fejn is-suġġett tal-kwistjoni jiġi estiż (20).

31.      Barra minn hekk, l-argument tal-Gvern Taljan huwa sofiżmu, peress li jallega li l-Kummissjoni, meta tikkontesta d-Digriet Legali kkontestat, fil-fatt tirreferi għan-natura tad-drittijiet speċjali, safejn mhuwiex legali li d-drittijiet speċjali jiġu eżaminati mingħajr ma tingħata deċiżjoni fir-rigward tagħhom. Billi tassimila t-tħabbir tad-drittijiet speċjali mal-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika, il-Gvern Taljan iħawwad id-dispożizzjoni li tistabbilixxihom [l-Artikolu 2(1)(a), (b), (c) u (d) tad-Digriet Legali Nru 332] ma’ dik li tirregola l-eżerċizzju tagħhom [l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi Digriet Legali].

32.      Finalment, il-kuntest tal-kwistjoni bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan jirrigwarda l-proporzjonalità ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi Digriet Legali, u għalhekk l-allegazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni esposti fl-osservazzjonijiet tagħha jibqgħu validi.

33.      Jeżistu dubji fuq il-validità tad-drittijiet speċjali tad-Digriet Legali Nru 332, fid-dawl tar-regoli tat-Trattat fuq il-moviment liberu; madankollu l-partikolaritajiet tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jipprekludu lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tevalwa ex officio din il-kompatibbiltà peress li din tiġi ddikjarata ultra petita.

34.      Għaldaqstant, il-fatti ta’ din il-kawża għandhom jiġu kkwalifikati bħala minn tal-inqas strambi, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tiddeċiedi dwar il-proporzjonalità tal-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet speċjali mingħajr ma tevalwa qabel il-kompatibbiltà ta’ dawn is-setgħat mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE. Peress li ma jistax jiġi eskluż rikors ieħor f’dan ir-rigward, nitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti doża ta’ koerenza lill-kariga inkwiżittiva tagħha, fl-interess tal-ekonomija tal-proċedura, u b’hekk tiggarantixxi użu aħjar tar-riżorsi pubbliċi.

2.      Rilevanza tal-Artikolu 295 KE

35.      Għalkemm fid-difiża tiegħu l-Gvern Taljan ma invokax ir-rispett tal-Artikolu 295 KE, li ġie analizzat fid-dettall fiż-żewġ konklużjonijiet magħquda li ppreżentajt fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, Il‑Kummissjoni vs Franza u Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (21), min-naħa, u Il‑Kummissjoni vs Spanja u Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (22), min-naħa l-oħra, in-natura tad-drittijiet speċjali inkwistjoni tirrikjedi li tinżamm it-teżi adottata f’dawn il-konklużjonijiet.

36.      Għalhekk nirrepeti l-pożizzjoni li tgħid li l-espressjoni “sistema ta’ proprjetà” tal-Artikolu 295 KE ma tirreferix għal-liġi ċivili li tirregola l-proprjetà, iżda għall-globalità ideali ta’ liġijiet ta’ kull tip, inkluża l-liġi pubblika, li jistgħu jassenjaw il-kontroll ekonomiku ta’ impriża, jiġifieri li jippermettu li min ikollu l-proprjetà ta’ din l-impriża jeżerċita influwenza deċiżiva fid-definizzjoni u l-eżekuzzjoni tal-għanijiet kollha tal-impriża jew parti minnhom; bl-istess mod, l-interpretazzjoni definittiva tad-dispożizzjoni telimina kull distinzjoni bejn impriżi pubbliċi u privati li, għall-finijiet tat-Trattat, tirriżulta biss min-natura tal-azzjonisti, iżda tiddependi mill-possibbiltà li jkollu l-Istat li jimponi ċerti oġġettivi ta’ politika ekonomika, differenti mill-massimizzazzjoni tal-profitt illi tikkaratterizza lill-impriżi privati.

37.      Infakkar li t-Trattat jirrispetta s-sistema ta’ proprjetà tas-sistemi legali nazzjonali pprovduta fl-Artikolu 295 KE, billi jestendiha għal kull miżura li, permezz ta’ interventi fis-settur pubbliku, f’sens ekonomiku, tippermetti lill-Istat jikkontribwixxi għat-tfassil tal-attività produttiva tal-pajjiż, speċjalment fil-proċessi ta’ privatizzazzjoni ta’ impriżi li joperaw fl-oqsma meqjusa bħala “strateġiċi” u li ġew liberalizzati b’mod progressiv(23). B’mod konkret naħseb fil-kontroll li s-setgħat pubbliċi għandhom f’ċerti attivitajiet ta’ interess vitali għan-nazzjon, li jsegwi l-implementazzjoni ta’ strateġiji ta’ politika ekonomika.

38.      F’dan il-kuntest, għadha valida l-kritika li kont għamilt fil-konklużjonijet ippreżentati fil-kawżi C‑463/00 u C‑98/01, meta ddikjarajt li s-sentenzi rrifjutaw mingħajr l-ebda motivazzjoni l-applikazzjoni u l-portata tal-Artikolu 295 KE, peress li sentenzi sussegwenti l-anqas biss interpretawh; il-Qorti tal-Ġustizzja illimitat ruħha li tosserva li ma jistax jiġi injorat it-tħassib li jista’, skont il-każ, jiġġustifika li l-Istati Membri jżommu ċerta influwenza fl-impriżi inizjalment pubbliċi u ulterjorment ipprivatizzati, meta dawn l-impriżi jaġixxu fl-oqsma tas-servizzi essenzjali jew ta’ interess ġenerali(24).

39.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tgħid li, dan it-tħassib ma jistax jippermetti lill-Istati Membri li jinvokaw is-sistemi tagħhom ta’ proprjetà, kif ipprovdut fl-Artikolu 295 KE, sabiex jiġġustifikaw ostakli għal-libertajiet previsti mid-dritt Ewropew, li jirriżultaw minn privileġġi li huma jatribwixxu lill-pożizzjoni tagħhom bħala azzjonisti f’impriża privatizzata, peress li l-imsemmi Artikolu mgħandux l-effett li jeskludi lis-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat(25).

40.      L-imsemmija konklużjonijiet magħquda tiegħi jinkludu dikjarazzjoni simili ħafna billi jenfasizzaw li l-klawżola ta’ newtralità tal-Artikolu 295 KE bl-ebda mod ma timplika deroga mir-regoli imperattivi tat-Trattat, li joħolqu l-effett tagħhom b’mod konformi mal-kliem tagħhom u, b’mod partikolari, għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Ninsisti li l-Artikolu 295 KE ma jannullax l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli fundamentali tat-Trattat, iżda min-naħa l-oħra jipprekludi li minnhom innfushom, dawn il-miżuri jitqiesu bħala inkompatibbli mat-Trattat, għaliex dawn huma koperti mill-“preżunzjoni ta’ validità” li tikkonferixxi lilhom il-leġittimità tal-Artikolu 295 KE(26).

41.      Huwa minnu li, skont it-teżi tiegħi, is-setgħat speċjali tas-setgħat pubbliċi inkwistjoni f’din il-kawża ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma liġijiet ta’ intervent pubblika fl-attività ta’ ċerti impriżi, bil-għan li jiġu imposti għanijiet ta’ politika ekonomika u li dawn għandhom jiġu assimilati ma’ forom ta’ proprjetà tal-impriżi, li t-tmexxija tagħhom hija f’idejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 295 KE; minnha nnifisha, l-eżistenza tagħhom ma tmurx kontra l-libertajiet fundamentali tat-Trattat, għalkemm l-implimentazzjoni konkreta tagħhom tista’ tkun.

42.      Issa, min-naħa waħda, f’din il-każwa, il-Kummissjoni tikkritika biss in-nuqqas ta’ proporzjonalità, fid-dawl tat-Trattat KE, ta’ ċerti aspetti mid-Digriet Legali kkontestat fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali mogħtija lill-Istat Taljan mid-Digriet Legali Nru 332; min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ proporzjonalità mifhum fil-qosor bħala l-element li jibbilanċja l-intervent regolatur tal-Istat u l-għan imfittex(27), jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tas-sistema legali Komunitarja, li fid-dawl tagħha għandhom jiġu evalwatai dawn is-setgħat kbar tal-Istati Membri. Għaldaqstant, f’konklużjonijiet preċedenti, jien ipproponejt li l-gvernijiet li jiddefendu liġijiet fuq il-“golden shares” għandhom juru li l-preżenza tal-Istat fl-impriżi liberalizzati hija neċessarja għall-għan imfittex(28) u, issa, bi qbil mal-kunsiderazzjonijiet li semmejt fil-paġni preċedenti, inqis li xejn ma jipprekludi milli din il-leġiżlazzjoni tiġi suġġetta għal evalwazzjoni fid-dawl tal-imsemmi prinċipju ta’ proporzjonalità.

3.      L-Artikolu 43 KE vs l-Artikolu 56 KE

43.      Ir-rikorrenti titlob li jiġi ddikjarat li r-Repubblika Taljana kisret il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital.

44.      F’dan ir-rigward ma nbidilx il-kriterju tiegħi li l-kuntest naturali u xieraq għall-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet li huwa deskritt mill-espressjoni “ishma tad-deheb”, huwa dak tal-libertà ta’ stabbiliment, peress li l-Istat Membru inkwistjoni jixtieq jikkontrolla, bl-użu tal-possibbiltà ta’ intervent fl-istruttura tal-azzjonisti, il-formazzjoni tar-rieda tal-kumpanniji privatizzati (billi jeżerċita influwenza fit-tmexxija tal-azzjonisti jew fl-atti konkreti ta’ amministrazzjoni), sitwazzjoni li ftit li xejn għandha x’taqsam mal-moviment liberu tal-kapital(29).

45.      Madankollu, tali drittijiet jista’ jkollhom effett fuq id-dritt ta’ stabbiliment, billi jirrenduh inqas attraenti, kemm direttament, meta per eżempju jaffettwaw l-aċċess għall-ishma, kif ukoll b’mod indirett meta jirrendu l-ishma anqas attraenti minħabba li jirrestrinġu l-possibbiltà ta’ trasferiment jew ta’ ġestjoni tal-organi tal-kumpannija(30). Kontra dak li stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja(31), ninsisti li l-ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital għandu biss importanza sussidjarja u mhux primarja f’dan il-każ. Diġà rrilevajt kif din id-distinzjoni hija netta fir-rigward tal-miżuri li jaffetwaw il-kompożizzjoni tal-azzjonisti, iżda ma hija xejn anqas fir-rigward ta’ dawk il-miżuri li jillimitaw l-adozzjoni ta’ ftehim tal-kumpannija (bidliet tal-għan tal-kumpannija jew il-bejgħ tal-assi, bħala eżempju), kif qed jiġi allegat fil-każ preżenti, ħaġa li tirrendi ipotetika jew tal-inqas remota r-rabta mal-kunċett tal-moviment liberu tal-kapitali(32).

46.      Id-distinzjoni takkwista importanza prattika essenzjali jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-moviment liberu tal-kapital mhux biss japplika bejn l-Istati Membri, iżda anki bejn dawn tal-aħħar u l-pajjiżi terzi(33). Minn dan jiġi dedott li, anki jekk miżura bħall-veto għal deċiżjoni ta’ xoljiment ta’ kumpannija f’settur strateġiku tiġi ddikjarata inkompatibbli mal-Artikolu 43 KE, din tkun tapplika anki kontra l-azzjonisti ta’ pajjiżi terzi.

47.      Min-naħa l-oħra, minkejja n-natura aċċessorja tal-moviment tal-kapital minn pajjiżi terzi li huwa indispensabbli għall-akkwiżizzjoni tas-sehem tat-titoli li jippermettu l-kontroll tat-tmexxija tal-impriża, jekk din is-setgħa eżorbitanti titqies li tmur kontra l-Artikolu 56 KE dawn l-istess azzjonisti mhux komunitarji jkunu jistgħu jadottaw l-att ta’ xoljiment għad-detriment tal-interessi tal-Istat Membru fil-kontinwità tal-provvista tas-servizz pubbliku li tassigura l-impriża.

48.      Ma niċħadx li jeżistu ċerti miżuri li jistgħu jkunu evalwati fid-dawl taż-żewġ libertajiet fundamentali inkwistjoni; jien nixtieq biss niġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li jeżistu tipi oħra ta’ drittijiet speċjali li r-rabta intrinsika tagħhom mal-amministrazzjoni tal-impriżi tant ddgħajjef ir-rabta tagħhom mal-moviment liberu tal-kapital li d-dikjarazzjoni tan-nullità tagħhom twassal għal definizzjoni eċċessivament wiesa’ tal-Artikolu 56 KE.

49.      Għaldaqstant jien favur delimitazzjoni iktar preċiża tal-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi taż-żewġ libertajiet fundamentali, li jikkuntrastaw mal-vis atractiva tal-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Preżentement nillimita ruħi għal din l-osservazzjoni, bla ħsara għal żvilupp ulterjuri meta nagħmel l-evalwazzjoni ddettaljata tad-Digriet Legali tal-10 ta’ Ġunju 2004. Inħabbar minn issa li r-raġuni għas-separazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt il-punti (a) u (b) tat-taqsima 2(B) f’dawn il-konklużjonijiet tobdi l-libertà fundamentali li fid-dawl tagħha għandha ssir l-evalwazzjoni tad-Digriet Legali kkontestat.

50.      Fl-aħħar, għandu jingħad mill-proċedura jirriżulta li kienet proprju l-biża’ tal-investimenti intiżi għal stabbiliment li wasslet lill-Gvern Taljan sabiex jadotta l-leġiżlazzjoni kkontestata mill-Kummissjoni. Għalkemm mhuwiex l-uniku motiv, hemm ix-xewqa sottostanti li jiġi prekluż li impriżi li joperaw fis-setturi strateġiċi jaqgħu f’idejn gruppi finanzjarji li mhumiex stabbiliti fil-Komunità u li l-likwidità tagħhom hija dubjuża, li jista’ jkun li jsegwu għanijiet li ma jaqblux mal-politika tal-Istati Membri.

B –    Fuq il-proporzjonalità tad-Digriet Legali kkontestat

1.      Espożizzjoni

51.      Il‑Kummissjoni tibbaża t-talba tagħha fuq il-fatt li d-Digriet Legali kkontestat ma jiddefinixxix biżżejjed il-kriterji għall-użu tas-setgħat kbar ħafna, b’tali mod li l-investitur ma jkunx jaf is-sitwazzjoni fejn il-Gvern jaħseb biex jagħmel użu minnhom. F’dan il-kuntest, hija tallega li peress li dan id-Digriet Legali huwa mfassal f’termini ġenerali ħafna, l-Istat jintervjeni biss meta l-investitur ikollu l-intenzjoni li jakkwista pakkett kbir ta’ ishma tal-impriżi li joperaw fis-setturi tal-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati (difiża, trasport, telekomunikazzjoni, enerġija u servizzi pubbliċi oħrajn)(34), ħaġa li tissuġġerixxi li d-deċiżjoni tkun suġġettiva u inspirata biss mill-kwalitajiet tal-investitur.

52.      Hija żżid li l-espressjonijiet “periklu gravi u reali” jew “urġenza sanitarja” huma nieqsa mill-oġġettività u mill-ispeċifiċità meħtiġa sabiex jiġu deskritti ċ-ċirkustanzi li fihom dawn id-drittijiet straordinarji jiġu implimentati, u b’hekk iħallu setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-awtoritajiet Taljani u jnaqqsu jew jiskuraġġixxu lill-investituri, b’mod partikolari lil dawk li jaspiraw li jistabbilixxu ruħhom fl-Italja bl-intenzjoni li jinfluwenzaw l-amministrazzjoni tal-impriża.

53.      Barra minn hekk, din l-istituzzjoni Komunitarja tkompli tgħid li l-qorti nazzjonali inkarigata sabiex tagħti deċiżjoni fuq eventwali rikors f’każ konkret ta’ eżerċizzju tad-drittijiet speċjali lanqas ma ssib elementi konkreti li tista’ tibbaża ruħha fuqhom sabiex tistħarreġ is-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità amministrattiva.

54.      Fl-aħħar, il-Kummissjoni tenfasizza n-nuqqas ta’ ness ta’ kawżalità bejn il-garanzija indispensabbli tal-provvista ta’ prodotti enerġetiċi, il-provvista ta’ servizzi pubbliċi u l-kontroll tal-azzjonisti tal-impriżi, speċjalment fil-każ tas-setturi mhux armonizzati. Fil-fergħat ta’ attività fejn il-liġijiet nazzjonali ġew approssimati sa ċertu punt, il-Kummissjoni tinvoka d-Direttivi 2003/54/KE(35), 2003/55/KE(36) u 2002/21/KE(37) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva tal-elettriku”, id-“Direttiva tal-gass” u d-“Direttiva tat-telekomunikazzjonijiet”), u tindika li dawn jinkludu miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-provvista ininterrotta fuq skala nazzjonali f’dawn is-setturi tal-ekonomija.

55.      Minbarra l-argumenti dwar is-suġġett tal-kawża, li ssemmew diġà, il-Gvern Taljan jinsisti sabiex id-dibattitu jiġi ffokat fuq il-libertà ta’ stabbiliment u mhux lejn il-moviment liberu tal-kapital, peress li l-atti suġġetti għall-evalwazzjoni huma intiżi sabiex japplikaw b’mod determinanti fit-tmexxija tal-impriżi.

56.      Jirrifjuta wkoll ir-rilevanza tad-Direttivi dwar is-swieq tal-elettriku u tal-gass, peress li d-Digriet Legali kkontestat ma introduċa l-ebda miżura strutturali.

57.      Isemmi wkoll il-prinċipju ta’ sussidjarjetà sabiex jallega li l-liġi nazzjonali tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex taffronta sitwazzjonijiet li huma dannużi b’mod gravi għall-interessi nazzjonali, kemm fis-servizzi pubbliċi kif ukoll fl-oqsma tad-difiża.

2.      Evalwazzjoni

a)      Osservazzjonijiet preliminari

58.      Qabel ma tinbeda l-evalwazzjoni tal-motivi għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ikun konvenjenti li jiġu spjegati l-parametri li ser jintużaw.

59.      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, peress li fir-rikors tagħha l-Kummissjoni ma inkludietx id-drittijiet speċjali tal-Artikolu 2(1) tad-Digriet Legali Nru 332, nirrepeti li dawn għandhom jitqiesu bħala li huma konformi mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-moviment liberu tal-kapital iggarantiti mit-Trattat KE. Barra minn hekk, peress li hija kkritikat biss in-nuqqas ta’ proporzjonalità tal-għanijiet irregolati mill-imsemmi Digriet Legali, il-ġustifikazzjoni tagħhom għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ dawn il-libertajiet.

60.      F’dan is-sens, id-dispożizzjoni Taljana inkwistjoni toffri serje ta’ possibbilitajiet sabiex tiġġustifika d-distorsjoni li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali jista’ joħloq fis-suq intern, peress li din issemmi espressament iż-żamma tal-provvisti eneġetiċi u l-provvista ta’ servizzi pubbliċi, is-sigurtà tal-installazzjonijiet fejn din tiġi assigurata, id-difiża nazzjonali u l-ordni pubbliku, kif ukoll l-urġenza sanitarja(38).

61.      Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà mat-Trattat ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jinterferixxu mal-libertajiet fundamentali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jassigura l-promozzjoni tal-integrazzjoni tas-swieq u l-Qorti tal-Ġustizzja tużah b’mod iktar strett meta din tapplikah fil-konfront ta’ regoli adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji(39).

62.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-metodoloġija tiegħi, ninsisti fuq il-fatt li l-kwistjoni tal-metodi ta’ eżerċizzju tad-drittijiet speċjali tad-Digriet Legali kkontestat skont, min-naħa waħda, l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Digriet Legali Nru 332 u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(1)(c) tal-istess Digriet Legali, tqum għaliex il-validità tal-ewwel żewġ punti għandha tkun ikkonfrontata mal-Artikolu 56 KE, filwaqt li l-legalità tat-tielet punt għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 43 KE.

b)      Il-proporzjonalità tad-Digriet Legali kkontestat f’dak li jirrigwarda d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Digriet Legali Nru 332

63.      Dawn iż-żewġ punti tad-dispożizzjoni msemmija jipprovdu li l-Ministru tal-Ekonomija, bi ftehim ma’ dak tal-attivitajiet produttivi, jista’ jopponi l-akkwist min-naħa tal-investituri ta’ ħafna ishma fil-kumpanniji tas-setturi msemmija iktar ’il fuq, li jirrappreżentaw mill-inqas 5 % tad-drittijiet tal-vot [punt a)], kif ukoll il-pattijiet jew il-ftehim bejn l-azzjonisti li jirrappreżentaw mill-inqas 5 % tad-drittijiet tal-vot [punt b)](40).

64.      Sallum, u fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “movimenti ta’ kapital” fit-Trattat KE, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet il-valur indikattiv tan-nomenklatura adottata fl-annessi tad-Direttva 88/361/KEE(41), li minnha jirriżulta li jiffurmaw parti minn dan il-kunċett l-investimenti diretti taħt forma ta’ ishma f’kumpannija permezz tal-pussess ta’ ishma li jippermettu intervent fuq il-ġestjoni u l-kontroll tagħha, kif ukoll l-investimenti indiretti bħall-akkwist ta’ titoli fis-swieq kapitali bl-intenzjoni li jiġi investit ammont ta’ flus, iżda mingħajr l-intenzjoni li tiġi influwenzata la l-ġestjoni u lanqas il-kontroll tal-impriża (imsejħa wkoll investimenti “ta’ portafoll”)(42).

65.      Il-Qorti tal-Ġustizzja studjat dawn iż-żewġ kategoriji ta’ investimenti u kkwalifikat bħala “restrizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu jew jagħmluha aktar diffiċli li wieħed jakkwista ishma fil-kumpanniji inkwistjoni jew li jkollhom l-effett li jiddisswadu lill-operaturi fl-Istati Membri l-oħra milli jinvestu fil-kapital ta’ dawn il-kumpanniji(43).

66.      Għalkemm diġà osservajt li dan ir-rikors ma jirrigwardax l-evalwazzjoni tad-drittijiet speċjali mogħtija lill-Ministri inkwistjoni, l-ispjegazzjonijiet preċedenti jikkonfermaw li kemm l-oppożizzjoni għax-xiri ta’ pakketti ta’ ishma li jirrappreżentaw mill-inqas 5 % tal-kapital ta’ impriża kif ukoll l-ostakolar tal-pattijiet li l-proprjetarji ta’ dawn l-ishma jistgħu jikkonkludu ma’ oħrajn għandhom jiġu evalwati f’dak li jirrigwarda l-konformità tagħhom mad-dritt Komunitarju fid-dawl tal-Artikolu 56 KE, peress li l-interferenzi li dawn joħolqu max-xiri ta’ ishma huma evidenti, inkluż jekk huma ta’ natura purament dissważiva.

67.      Minnu nnifsu, il-pussess ta’ dan il-volum ta’ titoli mhuwiex biżżejjed sabiex jassigura l-kontroll tal-kumpannija, għalkemm huwa minnu li t-tifrix tal-azzjonisti fil-kumpanniji l-kbar jippermetti iktar faċilment li l-investituri l-kbar li jkollhom perċentwali ta’ ishma relattivament dgħajfa jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-impriża.

68.      Jekk l-evalwazzjoni tiġi ffokata fuq il-proporzjonalità tad-Digriet Legali Taljan, ma jkunx diffiċli li jingħad li dan lanqas ma jgħaddi mit-test tal-adegwatezza(44), peress li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, ma hemm l-ebda rabta loġika bejn id-drittijiet ta’ oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Digriet Legali Nru 332 u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom skont l-imsemmi Digriet Legali.

69.      Għaldaqstant, ma jistax jinftiehem b’liema mod ix-xiri ta’ ishma jew ftehim bejn l-azzjonisti jista’ jqajjem l-inqas perikolu gravi u reali ta’ interruzzjoni tal-provvisti ta’ prodotti enerġetiċi jew ta’ perturbazzjonijiet, ukoll ta’ natura gravi u ċerta, tal-kontinwità tas-servizzi pubbliċi; u lanqas ma jinftiehem għalfejn dawn l-atti jinvolvu theddida gravi u reali għas-sigurtà tal-impjanti u tan-netwerks tas-servizzi pubbliċi essenzjali u lanqas għad-difiża nazzjonali jew is-sigurtà pubblika u, fi grad inqas, li dawn jimplikaw urġenza sanitarja, tkun xi tkun il-gravità tal-eventwali marda tal-investituri akkwirenti jew tal-partijiet tal-ftehim bejn l-azzjonisti.

70.      Il-Gvern Taljan ma ressaq l-ebda prova u lanqas ma ppreżenta xi ħjiel li jista’ jxejjen id-dubji tal-Kummissjoni, li għalhekk jidhru fondati. Din il-konstatazzjoni negattiva hija enfasizzata mill-fatt li l-Ministri kompetenti, mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni, huma awtorizzati li jnaqqsu ċ-ċifra ta’ 5 %, peress li, taħt dan il-perċentaġġ, tiġi aċċentwata s-sensazzjoni ta’ arbitrarjetà kompleta li hija suġġetta għaliha din is-setgħa ta’ veto(45).

71.      Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-argument dwar l-applikabbiltà tad-Direttivi tal-elettriku, tal-gass u tat-telekomunikazzjoni titlef l-interess tagħha, peress li d-difett inizjali tan-nuqqas ta’ koerenza bejn id-drittijiet u r-regolament tal-użu tagħhom fid-Digriet Legali kkontestat ma jiġix solvut; barra minn hekk, hemm dubju dwar ir-rilevanza ta’ dawn it-testi leġiżlattivi, peress li dawn huma relatati ma’ aspetti li jirregolaw il-kompetizzjoni f’dawn is-swieq rispettivi u jikkontjenu biss regoli minimi dwar ir-rispett tal-ħtiġiet ta’ servizz pubbliku(46).

72.      Fir-rigward tat-teżi tal-Gvern Taljan li tgħid li l-validità tad-Digriet Legali tista’ tiġi sostnuta billi jiġi invokat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà bħala garanzija tal-intervent tal-Istati Membri għad-difiża tal-interessi vitali tagħhom, għandu jiġi osservat li l-implimentazzjoni tiegħu għandha ssir, skont il-kliem stess tat-Trattat KE, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet ġenerali u tal-għanijiet tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-manteniment komplet tal-acquis communautaire(47).

73.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw il-ħtiġiet tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika b’mod konformi mal-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, fil-kuntest Komunitarju, dawn il-ħtiġiet għandhom jinftehmu b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata b’mod unilaterali mingħajr il-kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni(48).

74.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li sistema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem għall-investimenti diretti barranin(49) jew sistema ta’ veto a posteriori(50) li jillimitaw ruħhom sabiex jiddefinixxu b’mod globali l-operazzjonijiet finanzjarji kkonċernati minnhom minħabba li jpoġġu fil-periklu l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika, ma jippermettux lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom tkun neċessarja awtorizzazzjoni bil-quddiem jew dawk fejn tista’ tintuża l-oppożizzjoni; il-Qorti tal-Ġustizzja stess ikkritikat dan in-nuqqas ta’ definizzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi li l-individwi għandhom abbażi tal-Artikolu 56 KE, għaliex dan imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

75.      Fl-aħħar, użu f’termini daqshekk vagi tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi sabiex tevita r-riġidità tal-impenji meħuda mill-Istati Membri fit-Trattat.

76.      Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet li ppreżentajt, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 tat-Trattat KE, billi adottat dispożizzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Digriet Legali tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tal-10 ta’ Ġunju 2004, flimkien mal-Artikolu 4(227)(a) u (b) tal-Liġi Finanzjarja.

c)      Fuq il-proporzjonalità tad-Digriet Legali kkontestat meta mqabbel mad-drittijiet ipprovduti fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Digriet Legali Nru 332.

77.      Infakkar li d-dispożizzjoni inkwistjoni tissuġġetta għall-veto tal-ministri tal-ekonomija u tal-attivitajiet produttivi d-deċiżjonijiet ta’ xoljiment, ta’ trasferiment tal-impriżi, ta’ fużjoni, ta’ qsim, ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija f’pajjiż barrani, ta’ bdil tal-għan tal-kumpannija jew tal-istatut tal-kumpannija, li jħassru jew jemendaw id-drittijiet speċjali fl-impriżi pubbliċi inkwistjoni.

78.      Il-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet ġie ddedikat għad-delimitazzjoni ċara tal-każijiet li jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-kapital u dawk li jaqgħu taħt il-libertà ta’ stabbiliment, u b’hekk ikkontestajt l-assimilazzjoni awtomatika tagħhom meta dawn jiġu evalwati fid-dawl tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE.

79.      F’dan il-kuntest, ninsab konvint li l-miżuri li jirreferi għalihom l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Digriet Legali Nru 332 jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li, sabiex isir magħruf jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tkunx tidħol taħt waħda jew oħra mil-libertajiet ta’ moviment, għandha ssir riferenza għas-suġġett ta’ din il-leġiżlazzjoni(51), u żżid li jidħlu taħt il-libertà ta’ stabbiliment id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għall-pussess minn persuna residenti fi Stat Membru ta’ sehem tali fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li jagħtih influwenza reali fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jippermettilu li jindaħal fl-attivitajiet tagħha(52).

80.      Issa, min jinkoraġġixxi jew jippromwovi tali deċiżjonijiet għandu jkollu numru suffiċjenti ta’ ishma sabiex jikseb il-kunsens tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti favur tiegħu, għaliex huwa biss f’din il-pożizzjoni li huwa jista’ jikseb il-maġġoranza indispensabbli sabiex jinfluwenza b’mod daqstant intens il-ħajja tal-impriża; fil-fatt, deċiżjoni ta’ dan it-tip tista’ tqiegħed f’periklu anki s-sopravivenza tal-kumpannija, u kien għal din ir-raġuni li l-leġiżlaturi nazzjonali ħadu l-prekawzjoni li jeżiġu maġġoranza kkwalifikata tal-kapital irrappreżentat fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti għall-adozzjoni tagħha(53).

81.      F’kull każ, il-moviment transkonfini ta’ fondi li wassal għall-akkwist ta’ pakkett ta’ titoli seħħ qabel, mingħajr l-ebda tfixkil, u b’hekk ir-rabta mal-moviment liberu tal-kapital hija biss teoretika. Barra minn hekk, għalkemm ċertu effett dissważiv tal-leġiżlazzjoni mhuwiex eskluż (bil-konsegwenza li investitur barrani jieqaf milli jinteressa ruħu f’kull impriża li l-istatut tagħha jinkludi klawżola bħal dik inkwistjoni), il-parti l-kbira tal-miżuri inkwistjoni ġew armonizzati fil-Komunità abbażi tal-libertà ta’ stabbiliment, b’mod konkret skont l-Artikolu 44(2)(ġ) KE(54). Dan jidher li huwa loġiku meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni r-rabta stretta li teżisti bejn id-deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Digriet Legali Nru 332 u din il-libertà fundamentali tat-Trattat.

82.      Madankollu, mhemmx għalfejn tiġi evalwata iktar fil-fond il-kwistjoni dwar l-isfera li jidħlu fiha l-miżuri, peress li l-kwistjoni ma tirrigwardax il-validità tagħhom, iżda dik tal-kriterji tal-eżerċizzju tagħhom skont id-Digriet Legali kkontestat. Madankollu, nixtieq infakkar li jiena konvint b’mod sħiħ li dan it-tip ta’ att tal-organi tal-kumpanniji għandhom jitqiesu fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 43 KE u mhux fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital, li mhuwiex rilevanti, anki meta hija preżunta l-eżistenza ta’ saħħa dissważiva tal-fondi barranin, minħabba t-tensjoni tar-relazzjoni tagħhom.

83.      Lura għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tad-Digriet Legali inkwistjoni, naħseb li, bl-eċċezzjoni tal-emenda tal-istatut tal-kumpannija li tħassar jew temenda d-drittijiet speċjali fl-impriżi pubbliċi, il-veto kontra l-atti l-oħra jidhirli li huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, peress li, per eżempju, ix-xoljiment tal-impriżi u l-bdil tal-għan tagħhom jistgħu jaffetwaw is-sigurtà tal-provvista enerġetika u/jew il-provviżjoni ta’ servizzi pubbliċi oħra bi ħsara għall-interess leġittimu u vitali tal-Istat Membru, li huwa impenjat li jieħu ħsieb il-livell ta’ benesseri taċ-ċittadini tiegħu.

84.      Madankollu, għandi dubji serji fuq il-ħtieġa ta’ dan, peress li jeżistu miżuri inqas stretti għall-funzjonament tas-suq komuni, li jagħtu prevedibbiltà ikbar lill-atti tal-investituri barranin; b’mod konkret naħseb li l-Istat Taljan jista’ jżomm minorità ta’ trażżin fi ħdan dawk il-kumpanniji fejn huwa jqis li jkun xieraq li jżomm il-preżenza tiegħu.

85.      Semmejt il-kriterju unanimu fid-dritt Ewropew tal-Kumpanniji, li jissuġġetta l-effettività tad-deċiżjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Digriet Legali Nru 332 għal ħtiġiet mhux biss ta’ maġġoranza sħiħa jew ikkwalifikata fil-laqgħa ġenerali – ġeneralment straordinarja – tal-azzjonisti, iżda anki ta’ quorum.

86.      F’dan il-kuntest, u kemm-il darba ma jkunx hemm abbuż, il-fatt li jinżamm pakkett suffiċjenti ta’ titoli sabiex jiġi ostakolat kull tentattiv sabiex il-kumpanniji li jipprovdu servizzi pubbliċi jiġu suġġetti għal ftehim li għandu l-portata ta’ dawk inkwistjoni f’dan il-kawża jippreżenta l-vantaġġ indiskutibbli li jikkonforma l-interessi ġenerali persegwiti mid-dispożizzjonijiet amministrattivi korrispondenti tad-dritt nazzjonali tal-kumpanniji mingħajr ma jikser ir-regoli Komunitarji. Barra minn hekk, kważi fit-totalità tal-każijiet, din is-soluzzjoni ma tinvolvi l-ebda spiża żejda għall-Istat, peress li dan mhuwiex każ ta’ xiri ta’ volum konkret ta’ kapital, peress li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet ta’ dawn il-kumpanniji li sa żmien reċenti kienu għadhom taħt il-kontroll assolut tal-gvern, l-awtoritajiet pubbliċi jċaħħdu ruħhom biss mill-kwantità adegwata ta’ ishma sabiex ikomplu jidderiġu d-destin ta’ dawn l-impriżi.

87.      Għall-kumplament, peress li huwa leġittimu li l-Istat iħossu obbligat li jikkontrolla l-kontinwità u l-istabbiltà tal-provvista ta’ servizzi pubbliċi, xejn ma jipprekludih milli jagħti setgħat lill-organi li jirregolaw is-suq tal-enerġija, tat-telekomunikazzjoni u tas-setturi l-oħra sabiex jissorveljaw, pereżempju, li x-xoljiment ta’ kumpannija tal-elettriku li jkun jinvolvi t-tmiem ta’ fornitur ta’ beni jew servizzi daqstant importanti, ma jolqotx liċ-ċittadini.

88.      Fil-qosor, id-Digriet Legali kkontestat mhuwiex proporzjonat meta mqabbel mad-drittijiet li huwa intiż li jirregola u lanqas meta mqabbel mad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 43 KE, meta adottat dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikolu 1(2) flimkien mal-Artikolu 4(227)(c) tal-Liġi Finanzjarja.

d)      Epilogu

89.      Ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Taljana jirrigwarda, b’mod partikolari, it-teħid ta’ numru kunsiderevoli ta’ ishma minn investituri minn pajjiżi barra l-Komunità fil-kumpanniji li joperaw f’setturi meqjusa bħala strateġiċi jew ta’ servizz pubbliku, li f’ċerti każijiet joħolqu biżgħat fost il-Gvernijiet Ewropej. Dan l-aspett huwa evidenti mis-sottomissjonijiet tad-difiża tal-Gvern Taljan, meta jenfasizza li l-kriterji (tad-Digriet Legali kkontestat) jistgħu biss jidħlu fis-seħħ skont il-karatteristiċi tal-akkwirent tal-ishma(55).

90.      Ġie allegat, b’mod partikolari, li l-idea ċentrali tal-leġiżlazzjoni dwar il-“golden shares” tirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom l-entitajiet barra mill-Ewropa jistgħu jibbenifikaw mill-privileġġi li jirriżultaw mill-proprjetà ta’ impriżi fl-iktar setturi sensittivi, billi tiċħad soluzzjonijiet bħar-reċiproċità u billi tiddeċidi favur dawk il-pattijiet li jintroduċu ishma tad-deheb fl-istatuti bi ftehim tal-maġġoranza tal-azzjonisti(56).

91.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li t-teżi li nissuġġerixxi tirrispetta ħafna t-tħassib tal-Istati Membri fir-rigward tal-gruppi ta’ investituri tal-pajjiżi terzi. Jien ikkwalifikajt bħala mhux proporzjonat, u fl-aħħar mill-aħħar, li jmur kontra l-Artikolu 56 KE id-Digriet Legali nazzjonali dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali provduti fl-Artikolu 4(227)(a) u (b) tal-Liġi Finanzjarja, b’tali mod li r-Repubblika Taljana ma tistax tinvoka l-leġiżlazzjoni inkwistjoni la kontra r-residenti tal-Istati Membri u lanqas kontra dawk ta’ pajjiżi terzi, u dan peress li, kif diġà semmejt, il-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital japplika wkoll lilhinn mill-Komunità.

92.      Min-naħa l-oħra, il-gvernijiet iżommu ċertu marġni ta’ manuvrar sabiex irażżnu lill-investituri li joriġinaw minn barra l-Komunità li jkollhom pretensjonijiet dubjużi u sabiex jimponu fuqhom limiti għall-atti msemmija fl-Artikolu 4(227)(c) tal-Liġi Finanzjarja; fil-fatt, peress li ġew trattati permezz tal-Artikolu 43 KE, l-inkompatibbiltà mal-libertà ta’ stabbiliment tal-veto kontra dawn id-deċiżjonijiet strutturali għall-ħajja tal-impriża ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikawh kontra azzjonisti kbar li joriġinaw minn barra l-Komunità, peress li l-libertà fundamentali tad-dritt ta’ stabbiliment ma tapplikax għalihom.

VI – Fuq l-ispejjeż

93.      L-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li min jitlef għandu jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż, jekk dawn jintalbu mill-kontroparti. Peress li t-talbiet tar-Repubblika Taljana ġew miċħuda, din għandha tiġi kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

VII – Konklużjoni

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li:

1      Tiddikjara li billi adottat dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikolu 1(2) tad-Digriet Legali tal-10 ta’ Ġunju 2004, li jistabbilixxi l-kriterji għall-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali li jirreferi għalihom l-Artikolu 2 tad-Digriet Legali Nru 332, bl-emendi tal-Liġi Nru 474, tat-30 ta’ Lulju 1994, fil-verżjoni tiegħu kif emendata mill-imsemmija Liġi Finanzjarja, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 KE(1) f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4(227)(a) u (b) tal-Liġi Finanzjarja, kif ukoll mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 43 KE, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4(227)(c) tal-Liġi Finanzjarja, .

2)      Tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż tal-kawża.


1 Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol


2 – Iċ-ċitazzjoni mill-Ispanjol hija meħuda minn W. Shakesperare, Teatro completo, Ed. Galaxia‑Gutemberg/Círculo de lectores, “Il-Kummerċjant ta’ Venezja”, traduzzjoni ta’ Vicente Molina Fox; att II, is-seba’ xena, p. 555.


3 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007 (C‑112/05, Ġabra p. I‑8995) u l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-13 ta’ Frar 2007.


4 – Van Bekkum, J. Kloosterman, J. Winter, J., “Golden Shares and European Company Law: the Implications of Volkswagen”, in European Company Law, volum 5/1, Frar 2008, p. 8.


5 – Direttiva tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU L 178, p. 5).


6 – Punt I.2 tal-Anness imsemmi.


7 – Punt III.A.1 tal-istess Anness.


8 – Liġi Nru 350/2003, tal-24 ta’ Diċembru 2003 (GURI Nru 299, tas-27 ta’ Diċembru 2003).


9 – GURI Nru 126, tal-1 ta’ Ġunju 1994.


10 – GURI Nru 177, tat-30 ta’ Lulju 1994.


11 – GURI Nru 139, tas-16 ta’ Ġunju 2004.


12 – Sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑58/99, Ġabra p. I‑3811).


13 – B’mod konkret, fil-punti 4 u 14 acontrario sensu tas-sottomissjonijiet tad-difiża, kif ukoll tal-punti 2, 4 u 43 in fine tal-kontroreplika.


14 – Punti 3 et seq.


15 – Fil-punt 5 tar-replika.


16 – Ara, pereżempju s-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (76/86, Ġabra p. 1021, punt 8); tal-20 ta’ Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑96/95, Ġabra p. I‑1653, punt 22); tal-11 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑206/96, Ġabra p. I‑3401, punt 13); u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑350/02, Ġabra p. I‑6213, punti 19 u 20).


17 – Ittra tal-Kummissjoni lir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Taljana tas-6 ta’ Frar 2003.


18 – Ittra tal-Kummissjoni lir-Rappreżentanza tat-18 ta’ Ottubru 2005.


19 – Fil-paġna 7, fil-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-ittra ta’ intimazzjoni u fil-paġna 6, l-aħħar paragrafu, tal-opinjoni motivata.


20 – Sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑279/94, Ġabra p. I‑4743), punt 25.


21 – Sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑367/98, Ġabra p. I‑4731); Il-Kummissjoni vs Franza (C‑483/99, Ġabra p. I‑4781); u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑503/99, Ġabra p. I‑4809), kawżi fejn il-konklużjonijiet ġew ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2001.


22 – Sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, Ġabra p. I‑4581) u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑98/01, Ġabra p. I‑4641); li l-konklużjonijiet tagħhom inqraw fis-6 ta’ Frar 2003.


23 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 47 et seq.


24 – Pereżempju, fis-sentenzi, Il-Kummissjoni vs Spanja, imsemmija iktar ’il fuq, punt 66; u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Federconsumatori et. (C‑463/04 u C‑464/04, Ġabra p. I‑10479), punt 41.


25 – Sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 67; Il-Kummissjoni vs Franza, punt 44; u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 44.


26 – Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, Il-Kummissjoni vs Franza u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitati iktar ’il fuq, punt 67, kif ukoll fil-Kawżi Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, imsemmija iktar ’il fuq, punt 37.


27 – J. Schwarze, European Administrative Law, Ed. Sweet & Maxwell, l-ewwel edizzjoni riveduta, Londra, 2006, p. 679.


28 – Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37.


29 – Konklużjonijiet tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, imsemmija iktar ’il fuq, punt 36; ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 58 u 59.


30 – L.A. Velasco San Pedro, u J.M. Sánchez Felipe, “La libertad de establecimiento de las sociedades en la UE. El Estado de la cuestión después de la SE”, fir-Revista de derecho de sociedades, Nru 19, 2002-2, p. 31.


31 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall u Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitati iktar ’il fuq, punt 56. Anki s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il Pajjiżi l-Baxxi, punt 43.


32 – Konklużjonijiet fil-kawża li wasslet għas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitati iktar ’il fuq, punt 36.


33 – Pereżempju, is-sentenza reċenti tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑207/07, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), punt 31.


34 – Skont il-Kummissjoni, li ma ġietx ikkontestata fuq dan l-aspett mill-Gvern Taljan, il-klawżola dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali żdiedet fl-istatuti tal-kumpanniji ENI Spa (enerġija u petrokimika), Telecom Italia (telekomunikazzjonijiet), Enel Spa (elettriku) u Finameccanica Spa (difiża).


35 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE - Dikjarazzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ żmantellament u ta’ tmexxija tal-iskart (ĠU L 176, p. 37).


36 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU L 176, p. 57).


37 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, p. 33), li l-Kummissjoni tiċċita mad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, p. 51).


38 – L-Artikolu 2(1)(a), (b), (c), (d) u (e) tad-Digriet Legali kkontestat.


39 – T. Tridimas, The General Principles of EU Law, it-tieni edizzjoni, Ed. Oxford University Press, Oxford, 2006, p. 193; D.‑U. Galetta, Principio di proporzionalità e sindacato giurisdizionale nel diritto amministrativo, Giuffrè Editore, Milán, 1998, p. 103 et seq.


40 – Fiż-żewġ każijiet, il-Ministru tal-Ekonomija għandu s-setgħa li jnaqqas din il-perċentwali permezz ta’ digriet legali.


41 – Direttiva tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat, iċċitata iktar ’il fuq.


42 – Sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer (C‑222/97, Ġabra p. I‑1661, punt 21); u s-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Franza, punti 36 u 37, u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punti 39 u 40.


43 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, punt 41; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-174/04, Ġabra p. I-4933), punti 30 u 31; u tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C‑265/04, Ġabra p. I‑923), punti 34 u 35.


44 – Nitlaq mill-idea komunement aċċettata li l-proporzjonalità tinkludi żewġ testijiet: dak tal-adegwament tad-dispożizzjoni ineżami għall-għanijiet imfittxija u dak tan-neċessità ta’ din id-dispożizzjoni, li fid-dritt Komunitarju hemm id-drawwa li tissejjaħ bħala l-“miżura lanqas restrittiva”; ara, f’dan is-sens, D. Sarmiento Ramírez-Escudero, El control de proporcionalidad de la actividad administrativa, Ed. Tirant lo Blanch, Valencia, 2004, paġna 641 et seq.


45 – Huwa stramb li għandha ssir din l-osservazzjoni, meta, fid-dritt Taljan, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa ġeneralment assoċjat ma’ dak tar-razzjonalità, skont M. Fromont, Droit administratif des États européens, Thémis droit puf, París, 2006, p. 294.


46 – Artikolu 3(2) flimkien mal-premessa 27 tad-Direttiva tal-gass, u l-Artikolu 3 flimkien mal-premessa 26 tad-Direttiva tal-elettriku; barra minn hekk, id-Direttiva 2002/22/CE tirrigwarda s-servizz universali u l-obbligi li jimplika, ħaġa li tikkostitwixxi biss settur wieħed tas-servizzi pubbliċi. Ara wkoll, M. Pießcalla, Golden Aktien aus EG‑rechtlicher Sicht – Eine Untersuchung staatlicher und privater Sonderrechte in Wirtschaftsgesellschaften unter besonderer Berücksichtigung der Kapitalverkehrsfreiheit, Ed. Dr. Kovac, Hamburgo, 2006, p. 202.


47 – Protokoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, adottat bħala Anness mat-Trattat KE mit-Trattat ta’ Amsterdam, punt 2.


48 – Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, Ġabra p. 1219), punti 26 u 27.


49 – Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie u Scientology International (C‑54/99, Ġabra p. I‑1335), punti 19 sa 23.


50 – Kawżi magħquda, iċċitati iktar ’il fuq, C‑483/99, Il-Kummissjoni vs Franza, punti 50 u 52, u C‑463/00, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 74.


51 – Sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punti 31 sa 33); tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C‑452/04, Ġabra p. I9521, punti 34 u 44 sa 49); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C‑374/04, Ġabra p. I‑11673, punti 37 u 38); u tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35.


52 – Sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars (C‑251/98, Ġabra p. I‑2787), punt 22; tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y (C‑436/00, Ġabra p. I‑10829), punt 37; u tat-12 ta’ Settembru 2006, iċċitata iktar ’il fuq, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, punt 31.


53 – L-Artikolu 59(1) tar-Reglament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001, tat-8 ta’ Ottubru 2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU L 294, p. 1); L-Artikolu 39(1) tat-tielet emenda tal-proposta tal-Ħames Direttiva tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 54 tat-Trattat KEE, dwar l-istruttura tal-kumpanniji u s-setgħat u l-obbligi tal-organi tagħhom [COM(1991) 372 finali]; bħala eżempju tad-drittijiet nazzjonali, ara wkoll l-Artikoli 153 u 239 tal-liġi Franċiża Nru 66‑537, tal-24 ta’ Lulju 1966, fuq il-kumpanniji kummerċjali, l-Artikoli 179 (II), 182 (I), 193 (I) u 262 (I), Nru 2, b’mod partikolari, tal-liġi Ġermaniża tal-kumpanniji (Aktiengesetz), tas-6 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I, p. 1089); l-Artikoli 2364 u 2368 sa 2369A tal-Kodiċi Ċivili Taljan, kif ukoll l-Artikoli 144(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(1) tat-test ikkonsolidat tal-Liġi Spanjola tal-kumpanniji, approvata mid-Digriet Legali Rjali 1564/1989, tat-22 ta’ Diċembru 1989.


54 – Dawn huma essenzjalment il-liġijiet segwenti, li mhux qed nikteb l-isem eżatt tagħhom sabiex ma nkabbarx b’mod eżaġerat din in-nota ta’ qiegħ il-paġna, billi nillimita ruħi sabiex nindika n-numru tagħhom u r-riferenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali: Direttiva 68/151/KEE (ĠU L 65, p. 8); id-Direttiva 77/91/KEE (ĠU L 26, p. 1); Direttiva 78/855/KEE (ĠU L 295, p. 36 ); id-Direttiva 78/660/KEE (ĠU L 222, p. 11); Direttiva 82/891/KEE (ĠU L 378, p. 47); Direttiva 83/349/KEE (ĠU L 193, p. 1); Direttiva 84/253/KEE (ĠU L 126, p. 20); Direttiva 89/666/KEE (ĠU L 395 p. 36); Direttiva 89/667/KEE (ĠU L 395, p. 40); Direttiva 2004//25/KE (DOL 142, p. 12); Direttiva 2005/56/CE (ĠU L 310, p. 1); Direttiva 2007/36/CE (ĠU L 184, p. 17); u Direttiva 2007/63/CE (ĠU L 300, p. 47).


55 – Punti 26 et seq tas-sottomissjonijiet tad-difiża.


56 – P.N. Goldschmidt, “Editorial – Golden Shares”, fil-Cahiers de droit européen, 2007, Nru 3/4, p. 297. Min-naħa l-oħra, favur ir-reċiproċità, insemmi lil M. Weiss, “Staatlicher Schutz vor Investitionen nach dem Urteil zum VW‑Gesetz”, fl-EWS, 2008, Nru 1/2, p. 20.