Language of document : ECLI:EU:C:2007:611

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-18 ta’ Ottubru 2007 1(1)

Kawża C-125/06 P

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Infront WM AG, li qabel kienet KichMedia AG

“Appell – Xandir televiżiv – Leġiżlazzjoni Brittanika li tistabbilixxi restrizzjonijiet fil-qasam tax-xandir televiżiv ta’ avvenimenti sportivi u avvenimenti oħra ta’ interess fuq livell nazzjonali”





1.        Dan l-appell għandu, bħala kuntest ġuridiku, id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (2), li tirrigwarda l-attività ta’ xandir bit-televiżjoni fis-suq komuni u għandha l-għan li tiggarantixxi l-moviment liberu tas-servizzi bit-televiżjoni bejn l-Istati Membri.

2.        L-Artikolu 3a tad-Direttiva jippermetti li Stat Membru jiddeċiedi li avvenimenti li huwa jqis li huma partikolarment importanti għas-soċjetà, bħal-Logħob Olimpiku jew it-Tazza tad-Dinja tal-futbol, għandhom jixxandru fit-territorju tiegħu minn kanal televiżiv bla ħlas u aċċessibbli għal parti kbira tal-popolazzjoni. Dan l-Artikolu jipprovdi li l-miżuri adottati għal dan il-għan minn Stat Membru jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li tivverifika l-konformità tagħhom mad-dritt Komunitarju.

3.        Jekk il-Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri huma konformi, hija tippubblikahom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-pubblikazzjoni jkollha l-effett li tobbliga lill-Istati Membri l-oħra biex jiżguraw li dawn il-miżuri jiġu rrispettati mix-xandara tat-televiżjoni stabbiliti fit-territorji tagħhom u li jxandru lejn l-Istat Membru li jkun iddeffinixxihom.

4.        Fis-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il-Kummissjoni,(3) il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej iddikjarat bħala ammissibbli u fondat ir-rikors imressaq mill-kumpannija Infront WM AG, li qabel kienet KirchMedia WM AG (4), kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-Artikolu 3a tad-Direttiva, fit-28 ta’ Lulju 2000, li tistabbilixxi l-konformità mad-dritt Komunitarju tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq.

5.        Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li din il-konformità kienet tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. Hija ddeċidiet ukoll li Infront, li l-attività tagħha tikkonsisti fix-xiri u fil-bejgħ mill-ġdid tad-drittijiet tax-xandir ta’ avvenimenti sportivi, kienet direttament u individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni, fil-każ fejn Infront kienet iżżomm id-drittijiet ta’ xandir esklużivi tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol, li kienet organizzata mill-Fédération Internationale de Football Association (FIFA) għall-Istati tal-kontinent Ewropew għas-snin 2002 u 2006 u fejn dawn l-avvenimenti huma fost dawk li għandhom importanza kbira ċċitati fil-miżuri notifikati lill-Kummissjoni mir-Renju Unit.

6.        Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ appell, il-Kummisjoni mhix qed tikkontesta l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tgħid li d-deċiżjoni li hija għandha tadotta fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 3a tad-Direttiva tikkostitwixxi effettivament att li jista’ jiġi kkontestat. Minflok, il-Kummissjoni qed tikkontesta l-evalwazzjoni li tgħid li Infront hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-konformità mad-dritt Komunitarju tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit.

7.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nindika li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fehma tiegħi, ma għamlet l-ebda żball ta’ dritt fl-evalwazzjoni li Infront kellha interess li jitressqu proċeduri.

I –    Il-kuntest ġuridiku

8.        L-Artikolu 3a tad-Direttiva ġie introdott bid-Direttiva 97/36 u jistabbilixxi li:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jieħu miżuri skond il-liġi tal-Komunità sabiex jiżgura li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva [esklużiva] avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibiltà li jsegwu dawk l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew diferita fuq it-televiżjoni ta mingħajr ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu jipprepara lista ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fil-ħin xieraq u effettiv. Waqt li jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu wkoll jistabbilixxi jekk dawk l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta xandira diretta sħiħa jew parzjali, jew fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandira diferita sħiħa jew parzjali.

2.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha meħuda jew li għandhom jittieħdu skond il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta tliet xhur minn notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u għandha tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat [ta’ kuntatt] stabbilit skond l-Artikolu 23a [kompost mir-rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri]. Għandha minn hemm’il quddiem tippubblika l-miżuri meħuda fil-Ġurnal      Uffiċjali tal-Komunit[a]jiet Ewropej u mill-inqas darba fis-sena l-lista kkonsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri.

3.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert, b’mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tagħhom li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma’ jeżerċitawx id-drittijiet esklussivi mixtrija minn dawk ix-xandara wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’tali mod li proporzjon sostanzjali mill-pubbliku fi Stat Membru ieħor jiġi mċaħħad mill-possi[b]biltà li jsegwi avvenimenti li jiġu nnominati minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafi preċedenti permezz ta’ xandir dirett sħiħ jew parzjali jew, fejn ikun neċessarju jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandir differit sħiħ jew parzjali fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas kif jiġi stabbilit minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 1.”

9.        It-terminu “xandar” ġie ddefinit fl-Artikolu 1(b) bħala “il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-kompożizzjoni ta’ l-iskedi tal-programmi televiżivi fis-sens ta’ (a) u li tittrasmettihom jew li tagħmel mezz li jiġu trasmessi minn terzi persuni”.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

10.      Il-fatti li jissemmew fis-sentenza appellata, li jidhirli li huma meħtieġa sabiex nifhmu l-problemi ta’ dritt imqajma mill-appell imressaq mill-Kummissjoni, huma dawn li ġejjin.

11.      Infront teżerċita attività ta’ xiri, ta’ ġestjoni u kummerċjalizzazzjoni tad-drittijiet tax-xandir bit-televiżjoni ta’ avvenimenti sportivi u tixtri abitwalment dawn id-drittijiet mill-organizzaturi ta’ dawn l-avvenimenti. Din imbagħad tbigħ mill-ġdid id-drittijiet lix-xandara.

12.      Infront ġiet mogħtija mingħand il-kumpannija parent id-drittijiet esklużivi tax-xandir tal-logħob tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA għall-Istati tal-Kontinent Ewropew, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif ukoll tar-Repubblika tar-Russja, l-eks Repubbliki l-oħra ta’ l-ex Unjoni Sovjetika u t-Turkija, li l-kumpannija parent kienet xtrat mingħand il-FIFA għal prezz minimu ta’ CHF 1,4 biljun.

13.      Ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni, fil-25 ta’ Settembru 1998, u suċċessivament permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2000, il-miżuri li ttieħdu skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva, li jinkludi lista ta’ l-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dan l-Istat.

14.      B’ittra ta’ l-14 ta’ Lulju 2000 indirizzata lill-Kummissjoni, Infront sostniet li l-lista stabbilita mir-Renju Unit ma setgħetx tiġi approvata minħabba l-inkompatibbiltà tagħha kemm ma’ l-Artikolu 3a tad-Direttiva, kif ukoll ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju. Hija allegat, b’mod partikolari, li l-lista in kwistjoni ma ġietx stabbilita skond proċedura ċara u trasparenti, li l-imsemmija lista kienet tinkludi avvenimenti li ma jippreżentawx importanza kbira għas-soċjetà Brittanika, li l-proċeduri ta’ konsultazzjoni nazzjonali u Komunitarji kienu vvizzjati b’nuqqasijiet gravi, u lmentat dwar in-natura retroattiva tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni.

15.      Fit-28 ta’ Lulju 2000, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Edukazzjoni u l-Kultura” tal-Kummissjoni indirizza ittra lir-Renju Unit fejn indika li l-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonjiet rigward il-miżuri nnotifikati minn dan l-Istat Membru dwar ix-xandir bit-televiżjoni ta’ avvenimenti ta’ interess nazzjonali fir-Renju Unit.

16.      B’ittra tas-7 ta’ Novembru 2000, Infront indikat lill-Kummissjoni li kienet saret taf b’din l-approvazzjoni u ressqet ilment dwar il-ħsara li sar lid-dritt ta’ proprjetà tagħha.

17.      Fit-18 ta’ Novembru 2000, skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni ppubblikat il-miżuri in kwistjoni. Dawn il-miżuri jinkludu siltiet mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit kif ukoll il-lista ta’ l-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, fejn fost l-oħrajn hemm il-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA.

18.      B’ittra tat-22 ta’ Jannar 2001, il-Kummissjoni, b’risposta għat-talbiet ta’ Infront bl-ittri tas-7 u tat-22 ta’ Diċembru 2000, indikat lil din ta’ l-aħħar li l-proċedura ta’ verifika tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit kienet intemmet u li l-lista ta’ l-avvenimenti kienet ikkunsidrata bħala konformi mad-dritt Komunitarju.

III – Il-proċedura

19.      Fit-12 ta’ Frar 2001, Infront ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bil-għan li tikseb l-annullament parzjali jew sħiħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ġiet adottata skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva, li tistabbilixxi l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit.

20.      B’att tal-11 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

21.      Din ta’ l-aħħar għaqqdet din l-eċċezzjoni mal-mertu. Barra minn hekk, din il-Qorti awtorizzat ukoll ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit, kif ukoll il-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

22.      Ir-Renju tad-Danimarka rrinunzja għall-intervent tiegħu. Il-Kunsill ma ppreżentax noti.

IV – Is-sentenza appellata

23.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-miżura kkontestata kienet l-ittra tat-28 ta’ Lulju 2000, li permezz tagħha l-Kummissjoni infurmat lir-Renju Unit bil-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri meħuda minn dan l-Istat Membru skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva.

24.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li, skond ġurisprudenza kostanti, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu ikunu suġġetti ta’ rikors għal annullament, skond l-Artikolu 230 KE, dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali obbligatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, irrispettivament mill-forma tagħhom. (5)

25.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-ittra kkontestata tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ l-Istati Membri fil-każ fejn hija tipprevedi l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-miżuri li ġew innotifikati lill-Kummissjoni u li din il-pubblikazzjoni għandha bħala effett li tagħti bidu għall-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku previst fl-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva. Hija rrilevat li din il-pubblikazzjoni tippermetti lill-Istati Membri jsiru jafu bl-imsemmija miżuri u li jikkonformaw ruħhom ma’ l-obbligi imposti fuqhom skond din id-dispożizzjoni. (6)

26.      Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva jagħti lill-Kummissjoni setgħa deċiżjonali, anki jekk din id-dispożizzjoni ma tindikax espressament li din l-istituzzjoni għandha tieħu “deċiżjoni”. (7)

27.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-interess li jitressqu proċeduri ta’ Infront. Hija qieset li din ta’ l-aħħar kienet direttament u individwalment ikkonċernata mill-ittra kkontestata minħabba l-motivi li ġejjin.

A –    Dwar il-punt jekk Infront hijiex direttament ikkonċernata

28.      L-ewwelnett, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li, skond ġurisprudenza kostanti, l-att Komunitarju intrapriż għandu jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ l-interessat u t-twettiq tiegħu għandu jkollha natura purament awtomatika u jirriżulta biss mir-regolamentazzjoni Komunitarja, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji. (8)

29.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad eżaminat jekk Infront kinitx direttament ikkonċernata, skond din il-ġurisprudenza, fiż-żewġ ipoteżi li hija ressqet fir-rikors, jiġifieri, l-ewwel nett, dik fejn hija tbigħ id-drittijiet tax-xandir bit-televiżjoni tal-logħob tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, li hija għandha għas-snin 2002 u 2006, għall-finijiet tax-xandir tagħhom fir-Renju Unit, lil xandar suġġett għall-kompetenza ta’ dan l-Istat Membru u, it-tieni nett, dik fejn hija tixtieq iċċedi dawn id-drittijiet lil xandar stabbilit fi Stat Membru ieħor.

30.      F’dak li jirrigwarda l-ewwel ipoteżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li Infront ma kinitx direttament ikkonċernata mill-att ikkontestat, minħabba li l-approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit hija bla effett fuq l-applikabbiltà tagħhom f’dan l-Istat Membru.(9)

31.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li dawn il-miżuri daħlu fis-seħħ fl-imsemmi Stat qabel ma ġew innotifikati lill-Kummissjoni u għalhekk setgħu ipproduċu effetti fih qabel din in-notifika. Minn dan hija ddeduċiet li l-Kummissjoni, permezz ta’ l-ittra kkontestata, ma setgħetx tagħti lir-Renju Unit awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jadotta dawn il-miżuri u lanqas li jawtorizza l-iżvolġiment retroattiv tagħhom, iżda sempliċement tat permess lil dan l-Istat li jibbenefika mir-rikonoxximent reċiproku tagħhom mill-Istati Membri l-oħra. (10)

32.      F’dak li jirrigwarda t-tieni ipoteżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet li l-Istat Membru minbarra r-Renju Unit, fit-territorju li fih huwa stabbilit ix-xandar televiżiv li jixtri d-drittijiet tax-xandir li kienu miżmuma minn Infront, isib ruħu li għandu jassigura li dan ix-xandar ma jaħrabx mill-miżuri approvati mill-Kummissjoni, u li dan l-obbligu jirriżulta mill-ittra kkontestata li tivvalida dawn il-miżuri ex nunc, għall-finijiet tar-rikonoxximent reċiproku tagħhom mill-Istati Membri l-oħra. (11)

33.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet li din il-kawża hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru, DSTV vs Il-Kummissjoni (12), li ġiet invokata mill-Kummissjoni, li tikkonċerna t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva, li jipprevedi kontroll, a posteriori ta’ kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri meħuda minn Stat Membru sabiex jipprojbixxi x-xandir, fit-territorju tiegħu, ta’ xandiriet li ġejjin minn Stati Membri oħra.

34.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat ukoll li l-ittra kkontestata ma tħallix lill-awtoritajiet nazzjonali, sa mill-pubblikazzjoni tal-miżuri, marġni ta’ manuvra fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-obbligi tagħhom. Fil-fatt, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza “minkejja li l-mod ta’ kif huma mistħarrġa, li l-awtoritajiet nazzjonali huma mistennija li jipproċedu fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ għarfien reċiproku, huma determinabbli minn kull Stat Membru, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tiegħu li fejn hemm it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva, xorta waħda l-awtoritajiet iridu jiżguraw ir-rispett, mix-xandara televiżivi kompetenti, tal-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ l-avvenimenti in kwistjoni kif iddefiniti mill-Istat Membru fil-miżuri approvati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali mill-Kummissjoni”. (13)

35.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad eżaminat l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li x-xandara televiżivi stabbiliti fir-Renju Unit għandhom interess sabiex jixtru mingħand Infront id-drittijiet tax-xandir bit-televiżjoni tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA.

36.      Il-Kummissjoni ssostni, fil-fatt, li anki jekk il-verifika preliminari li għamlet tal-miżuri notifikati kienet se twassal biex l-Istati Membri l-oħra jiggarantixxu li x-xandara televiżivi suġġetti għall-ġuriżdizzjoni tagħhom josservaw il-lista ta’ l-avvenimenti ta’ l-akbar importanza għas-soċjetà, dan ikun mingħajr effett f’dan il-każ. Skond din l-istituzzjoni, ħadd ma seta’ jimmaġina li Infront kienet se tagħti sottoliċenzji tad-drittijiet televiżivi tagħha li jikkonċernaw lir-Renju Unit lil xandar televiżiv mhux stabbilit fir-Renju Unit, peress li dawn id-drittijiet jingħataw fuq bażi nazzjonali. Fuq livell nazzjonali, id-dħul tax-xandara televiżivi jiġu mir-reklami mmirati lejn pubbliku nazzjonali, mid-drittijiet relatati ma’ liċenzji nazzjonali jew mill-ħlasijiet ta’ abbonament nazzjonali għat-televiżjoni bi ħlas. Peress li l-interess ta’ dawn ix-xandara għalhekk huwa dak li jipprovdu xandir lil pubbliku nazzjonali, dawk biss li jilħqu parti kbira mill-popolazzjoni nazzjonali kieku jaċċettaw li jixtru, bi prezz ferm għoli, id-drittijiet tax-xandir bit-televiżjoni li huma ta’ Infront. Għalhekk, peress li s-sottoproprjetarji potenzjali ta’ dawn id-drittijiet għar-Renju Unit huma xandara suġġetti għall-awtoritajiet Brittanniċi, il-miżuri nazzjonali biss jikkonċernaw direttament lil Infront.(14)

37.      Il-Kummissjoni qed tindika wkoll, f’dan il-kuntest, li, fir-Renju Unit, is-suq ta’ xandir bit-televiżjoni huwa wieħed mill-iktar kompetittivi fl-Ewropa u li 25% tax-xandara televiżivi li jaħdmu fis-settur għandhom liċenzja fir-Renju Unit. (15)

38.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat dan li ġej:

“147 Fl-aħħar, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li xandara televiżivi biss stabbiliti fir-Renju Unit għandhom interess li jixtru [mingħand Infront] d-drittjiet ta’ xandir tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA sabiex jerġgħu jittrażmettuha fir-Renju Unit, jeħtieġ jitqies li tali suppożizzjoni hija mingħajr kull effett utli taħt l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva. Fil-fatt jeħtieġ jitfakkar li, skond il-premessi 18 u 19 tad-Direttiva 97/36, l-għan ta’ dan l-Artikolu huwa li jiggarantixxi lill-pubbliku li jkollu aċċess liberu għax-xandir ta’ l-avvenimenti li huma kkunsidrati bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà mill-Istati Membri u, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, li jeżiġu mill-Istati Membri li jiżguraw li x-xandara televiżivi kompetenti jirrispettaw il-lista ta’ avvenimenti stabbiliti minn Stat Membru ieħor sabiex parti importanti mill-pubbliku ta’ dan l-Istat ma jkunx imċaħħad mill-possibbiltà li jsegwi l-avvenimenti magħżula minn dan ta’ l-aħħar.

148   Il-kuntest fattwali tal-kawża […] li tat lok għas-sentenza tal-House of Lords [tal-25 ta’ Lulju 2001], R vs ITC, ex parte TV Danmark 1 Ltd [2001] UKHL 42 […], li tirrigwarda wkoll l-avvenimenti magħżulin mir-Renju tad-Danimarka, għalhekk, tikkonferma l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ twettiq tal-mekkaniżmu ta’ għarfien reċiproku stabbilit taħt l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva. Minbarra dan, il-Kummissjoni, fit-tielet rapport ta’ l-2001 lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat ekonomiku u soċjali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (COM/2001/009 finali), indikat li x-xandara televiżivi kompetenti fir-Renju Unit, fi tliet okkażjonijiet, ittrażmettew avvenimenti mniżżla fuq il-lista tar-Renju tad-Danimarka b’tali mod li parti importanti tal-poplu Daniż ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jsegwi dawn l-avvenimenti.

149   F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni mhux sostnuti dwar is-suq ta’ xandir bit-televiżjoni speċifiku fir-Renju Unit (ara l-punt 121 [tas-sentenza appellata]), ma jistax jiġi kkunsidrat li d-drittijiet ta’ xandir bit-televizjoni f’dan l-Istat Membru tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA jkunu bilfors mixtrija minn xandara televiżivi stabbiliti f’dan l-istess Stat”.

39.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet minn dak li ntqal iktar’il fuq li Infront hija direttament ikkonċernata mill-ittra kkontestata, peress li din tippermetti li jiġi implementat il-mekkaniżmu tar-rikonoxximent reċiproku, min-naħa ta’ l-Istati Membri l-oħra, tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit.

B –    Dwar il-punt jekk Infront hijiex individwalment ikkonċernata

40.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, l-ewwel nett li, skond ġurisprudenza kostanti, suġġetti oħra barra d-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li jkunu kkonċernati individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni taffetwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fir-rigward ta’ kull persuna oħra u minħabba dan il-fatt tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju ta’ din id-deċiżjoni.

41.      Issa, fil-kawża, jeħtieġ jitqies li Infront iżżomm, b’titolu esklużiv, għas-snin 2002 u 2006, id-drittijiet tax-xandir bit-televiżjoni tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, li huwa wieħed mill-avvenimenti kbar magħżula mir-Renju Unit u approvati mill-Kummissjoni, u li x-xandara li huma suġġetti għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri oħra jridu bilfors jikkuntattjaw lil Infront, fil-kwalità tagħha ta’ intermedjarja tad-drittijiet tax-xandir ta’ dan l-avveniment, sabiex jinkisbu liċenzji ta’ xandir ta’ dan l-avveniment. (16)

42.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-miżuri adottati mir-Renju Unit jimponu limiti għal dawn ix-xandara fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom huma jistgħu jixtru d-drittijiet esklużivi ta’ xandir, b’mod li dawn il-miżuri, anki jekk ma jikkonċernawx direttament lil Infront, jostakolawaha milli tbigħ liberament id-drittijiet tagħha. (17)

43.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li Infront xtrat b’mod esklużiv id-drittijiet in kwistjoni qabel ma daħal fis-seħħ l-Artikolu 3a tad-Direttiva u, a fortiori, qabel l-adozzjoni ta’ l-ittra kkontestata, jiġifieri ma din ta’ l-aħħar tikkonċernaha minħabba kwalità partikolari tagħha. (18)

C –    Fuq il-mertu

44.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li l-att ikkontestat kien ivvizzjat bi ksur tal-forom sostanzjali, peress li ttieħed mingħajr ma’ l-Kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni ma ġie kkonsultat, u li d-Direttur Ġenerali firmatarju ma rċieva ebda awtorizzazzjoni speċifika mingħand dan il-Kulleġġ. (19)

45.      Skond it-termini tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab inkluża fl-ittra tagħha lir-Renju Unit hija annullata, ir-rikors huwa miċħud għall-bqija, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż ta’ Infront relatati ma’ l-intervent tagħhom, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Infront, bl-esklużjoni ta’ dawk li għadhom kemm issemmew u l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

V –    L-appell

46.      Il-Kummissjoni qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, biex tiddeċiedi dwar ir-rikors ta’ Infront imressaq fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, billi tiddeċiedi li din is-sentenza hija inammissibbli u li tordna lil Infront tbati l-ispejjeż ta’ din il-kawża u ta’ l-appell preżenti.

47.      Infront titlob, fis-sustanza, li l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż, u titlob li dan l-ordni jingħata anki jekk, skond il-każ, l-appell jiġi ddikjarat fondat, skond l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni tikkontesta biss parzjalment is-sentenza appellata.

48.      Il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jgħidu li Infront hija direttament u individwalment ikkonċernata mill-miżura kkontestata, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, li jgħid li kull persuna fiżika jew ġuridiċi tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet li għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, jirrigwardaw direttament u individwalment lil dik il-persuna. Iktar’il quddiem ser neżamina dawn iż-żewġ ilmenti.

A –    Fuq il-kunsiderazzjoni li jgħid li Infront mhijiex direttament ikkonċernata mill-att ikkontestat

1.      Il-motivi u l-argumenti tal-partijiet

49.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wrietx li ż-żewġ kundizzjonijiet mitluba mill-ġurisprudenza kienu ġew issodisfatti, li jgħid li, minn naħa waħda, l-att ikkontestat għandu jaffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, l-implementazzjoni tiegħu għandu jkollu natura purament awtomatika.

50.      F’dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tispjegax kif l-att ikkontestat għandu effett jekk mhux indirett fuq is-sitwazzjoni kummerċjali ta’ Infront.

51.      B’hekk, il-Kummissjoni qed issostni li dan l-att għandu l-effett li jimponi fuq l-Istati Membri li jimponu obbligi fuq ix-xandara televiżivi li jistgħu jiddiswadu lil dawn ta’ l-aħħar milli jixtru d-drittijiet ta’ xandir ta’ l-avvenimenti indikati fil-miżuri nnotifikati, jew jagħmlu mezz li dawn jixtru dawn id-drittijiet bi prezz inqas minn dak li kieku kienu jaċċettaw li jħallsu fin-nuqqas ta’ dawn il-miżuri. Xandar televiżiv bi ħlas jista’ jirrinunzja li jixtri d-drittijiet tax-xandir ta’ dawn l-avvenimenti peress li dawn għandhom ukoll jixxandru minn xandar televiżiv bla ħlas u li jkopri 95 % mit-territorju tar-Renju Unit. Għalhekk, Infront għandha numru iżgħar ta’ xerrejja potenzjali u għalhekk tinsab f’sitwazzjoni kummerċjali inqas vantaġġuża. Madankollu, dawn huma konsegwenzi ekonomiċi indiretti. Is-sitwazzjoni ġuridika tagħha tibqa’ l-istess.

52.      Sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn ikun biżżejjed li att jaffettwa s-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrent biex jirrigwardah direttament, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma ndikatx liema huma fil-verità l-konsegwenzi kummerċjali ta’ l-att ikkontestat għal sensar bħal Infront. Fil-fatt, dawn il-konsegwenzi huma għal kollox inċerti peress li, skond dak li taf il-Kummissjoni, qatt ma kien hemm xandar televiżiv stabbilit fi Stat Membru għajr ir-Renju Unit li kien lest iħallas is-somma prevista minn Infront għad-dritt li jxandar il-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA f’dan l-aħħar Stat. Fil-fatt, sabiex twettaq dan l-investiment, safejn id-dħul ta’ xandar televiżiv ikun ġej mir-reklami mmirati lejn il-pubbliku nazzjonali, mill-ħlas tal-liċenzji nazzjonali jew mill-ħlasijiet ta’ abbonamenti nazzjonali, ix-xerrej potenzjali għandu jkollu kopertura suffiċjentement wiesgħa fit-territorju Brittaniku jew ikun jixtieq jiffoka mill-ġdid l-attività tiegħu f’dan is-sens.

53.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk għamlet żball tad-dritt meta ma imponietx lil Infront biex tipproduċi l-prova ta’ dawn il-konsegwenzi ekonomiċi u li tat x’tifhem li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikat l-allegazzjonijiet tagħha, relatati ma’ l-ispeċifiċità tas-suq tax-xandir bit-televiżjoni fir-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, meta ddikjarat li din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ċċaħħad minn kull effett utli l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva, hija kienet interpretat b’mod żbaljat din id-dispożizzjoni, peress li din għandha tfisser li, għal kull avveniment magħżul minn Stat Membru, bilfors li jkun hemm, fi Stati Membri l-oħra, xandara televiżivi li jistgħu jixtru d-drittijiet tax-xandir esklużivi ta’ dan l-avveniment fl-ewwel Stat.

54.      F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, li tgħid li l-implementazzjoni ta’ l-att ikkontestat għandu jkollha natura purament awtomatika u tirriżulta minn leġiżlazzjoni Komunitarja waħda, mingħajr ma jiġu applikati regoli intermedjarji oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx ikkunsidrat l-effett ta’ l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva.

55.      Huwa minnu li, skond il-Kummissjoni, l-avvenimenti u l-mezzi tax-xandir tagħhom, b’mod dirett jew differit, parzjali jew sħiħ, kienu stabbiliti mill-Istat notifikanti u għaldaqstant permezz tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-konformità ta’ dawn il-miżuri mad-dritt Komunitarju. Madankollu, kuntrarjament ta’ dak li affermat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 146 tas-sentenza appellata, l-imsemmija deċiżjoni ma ċċaħħadx lill-awtoritajiet nazzjonali minn marġni ta’ evalwazzjoni fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-obbligi tagħhom. L-implementazzjoni ta’ l-obbligi ddefiniti mill-Istat li jinnotifika tiddependi sew mil-leġiżlazzjoni u minn kif jifhmuha l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

56.      Ir-realtà ta’ dawn id-differenzi tintwera mill-kawża TV Danmark 1, li tat lok għas-sentenza tal-Court of Appeal u għal sentenza tal-House of Lords, rigward it-twettiq fir-Renju Unit ta’ obbligi li ġew iddefiniti mir-Renju tad-Danimarka dwar avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dak l-Istat Membru.

57.      Skond il-leġiżlazzjoni Brittannika, ikun suffiċjenti li xandar televiżiv bla ħlas u li jilħaq il-maġġoranza tal-popolazzjoni ta’ l-Istat Membru notifikanti kellu possibbiltà ugwali li jixtri d-drittijiet esklużivi in kwistjoni. Fis-sistema Daniża, min-naħa l-oħra, xandar televiżiv li jkun xtara d-drittijiet tax-xandir esklużivi jista’ jużahom biss jekk ikun jista’ jieħu miżuri biex jiggarantixxi x-xandir meħtieġ permezz ta’ l-intermedju ta’ xandara oħra, sakemm ma jkunx jista’ juri li dan mhuwiex raġonevolment possibbli.

58.      Għalhekk huwa żbaljat li nsostnu li l-applikazzjoni tad-deċiżjoni meħuda skond il-Kummissjoni skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva hija purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Komunitarja waħedha.

59.      Infront tikkontesta din l-analiżi u ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset ġustament li l-att ikkontestat jirrigwardaha direttament.

2.      Evalwazzjoni

60.      Kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza, individwu għandu jiġi kkunsidrat direttament ikkonċernat minn att Komunitarju meta dan, minn naħa, jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ dan l-individwu u li, min-naħa l-oħra, l-implementazzjoni ta’ dan l-att ikollha natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Komunitarja biss, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji. (20)

61.      Il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza li ma wrietx li kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kienet ġiet sodisfatta.

62.      Fejn għandhom x’jaqsmu, fl-ewwel lok, l-effetti ta’ l-att ikkontestat fuq is-sitwazzjoni ta’ Infront, il-Kummissjoni qed issostni prinċipalment li dan l-att jipproduċi, għal din il-kumpannija, konsegwenzi ekonomiċi indiretti biss u li s-sitwazzjoni ġuridika tagħha baqgħet l-istess. Ma naqbilx ma’ dan l-argument minħabba l-motivi li ġejjin.

63.      Kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 165 tas-sentenza appellata, il-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit, u konsegwentement, l-att ikkontestat għandhom bħala effett li jċaħħdu lil Infront mill-possibbiltà li tiddisponi liberament mid-drittijiet ta’ xandir televiżiv tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA għas-snin 2002 u 2006. Minħabba dan l-att, Infront tinsab prekluża milli tagħti l-esklużività ta’ dawn id-drittijiet ta’ xandir lil kanal televiżiv bi ħlas stabbilit fi Stat Membru għajr ir-Renju Unit u li jixtieq ixandar dan l-avveniment fl-imsemmi Stat. Infront sabet ruħha obbligata li tiggarantixxi li dawn id-drittijiet ikunu aċċessibbli wkoll għal xandar bla ħlas li jkopri parti kbira mill-popolazzjoni Brittannika.

64.      L-impatt ta’ l-att ikkontestat fuq is-sitwazzjoni ta’ Infront għaldaqstant ma jikkonstitwix biss minn dannu ta’ natura purament ekonomika, permezz ta’ tnaqqis fil-valur tad-drittijiet tax-xandir tagħha tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA għas-snin 2002 u 2006 fis-suq. Dan l-impatt jidher anki permezz ta’ ħsara għad-dritt ta’ proprjetà tagħha, permezz ta’ ostakolu għad-dritt tagħha li tagħti liċenzji esklużivi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk qieset, ġustament fil-fehma tiegħi, li l-miżura kkontestata pproduċiet effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Infront, skond il-ġurisprudenza.

65.      Sussidjarjament, il-Kummissjoni issostni wkoll li l-att ikkontestat fir-realtà, m’għandux konsegwenzi għal Infront, peress li m’hemm l-ebda xandar televiżiv stabbilit fi Stat Membru għajr fir-Renju Unit li jista’ jixtri d-drittijiet tax-xandir tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA biex ixandaraha f’dan l-Istat. Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet dawwret l-oneru tal-prova, fejn tat x’tifhem li hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tressaq provi dwar dawn il-fatti u li kienet wettqet żball ta’ dritt fl-evalwazzjoni tal-portata ta’ l-Artikolu 3a tad-Direttiva.

66.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument tal-Kummissjoni jqajjem il-kwistjoni jekk Infront kellhiex interess li taġixxi, pjuttost milli l-kundizzjoni li tgħid li hija għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att ikkontestat. Fil-fatt, dan l-argument isostni li l-annullament ta’ dan l-att ma jġib ebda vantaġġ lil Infront, peress illi f’kull każ, ma jeżistix xerrej potenzjali tad-drittijiet tax-xandir miżmuma minnha barra mir-Renju Unit.

67.      Hija ġurisprudenza stabbilita li, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 230 KE, individwu li jikkontesta att Komunitarju għandu jkollu interess li jitressqu proċeduri, jiġifieri għandu jkollu interess għall-annullament tiegħu. Dan jippreżuppni li r-rikors jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, iġib benefiċċju għall-parti li tippreżentah. (21)

68.      Huwa minnu li, kif irrilevat il-Kummissjoni, huwa l-obbligu tar-rikorrent li jressaq il-prova li huwa jissodisfa wkoll din il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikors tiegħu. (22) In-nuqqas ta’ interess li jitressqu proċeduri jikkostitwixxi anki inammissibbiltà minħabba raġunijiet ta’ ordni pubblika. (23) Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha raġun li ssostni li ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva li, għal kull avveniment magħżul minn Stat Membru, għandu bilfors ikun hemm, fi Stati Membri oħra, xandara televiżivi li jistgħu jixtru d-drittijiet tax-xandir esklużivi ta’ dan l-avveniment fl-ewwel Stat.

69.      Fil-fatt, mis-sistema stabbilita mill-Artikolu 3a tad-Direttiva jirriżulta li Stat Membru li jiddeċiedi li jeżerċità l-fakultà mogħtija lilu minn din id-dispożizzjoni u għaldaqstant li jistabbilixxi lista ta’ avvenimenti li għandhom jixxandru fit-territorju tiegħu fuq kanal bla ħlas li jkun aċċessibbli għall-akbar numru possibbli ta’ spettaturi, għandu bilfors jinnotifika din il-lista lill-Kummissjoni, irrispettivament mill-fatt li d-drittijiet esklużivi ta’ xandir ta’ dawn l-avvenimenti jistgħux jew le jinxtraw minn xandara televiżivi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

70.      Għaldaqstant, ma nqisx li l-Qorti tal-Prim’Istanza dawwret l-oneru tal-prova, u lanqas li interpretat ħażin l-Artikolu 3a tad-Direttiva.

71.      Fir-rigward ta’ l-oneru tal-prova, jekk, kif rajna, il-prova ta’ l-interess li jitressqu proċeduri taqa’ fuq individwu li jitlob l-annullament ta’ att Komunitarju, xorta jibqa’ l-fatt li din l-eżiġenza ma tistax teħles lill-Kummissjoni mill-obbligu li jressaq il-prova ta’ l-elementi ta’ fatt li hija tinvoka, bħal kull parti oħra fi proċedura ta’ ġurisdizzjoni.

72.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni sostniet, fil-kuntest ta’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha tar-rikors ippreżentat minn Infront, li s-suq tat-televiżjoni fir-Renju Unit huwa wieħed mill-iktar kompettittivi ta’ l-Ewropa u li 25 % mix-xandara televiżivi għandhom liċenzja f’dan l-Istat Membru. Fuq il-bażi ta’ dawn l-affermazzjonijiet, il-Kummissjoni sostniet li kien diffiċili li wieħed jimmaġina li Infront iċċedi d-drittijiet tagħha tax-xandir bit-televiżjoni tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA lil xandar televiżiv mhux stabbilit fir-Renju Unit.

73.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza, meta stabbiliet li l-imsemmija affermazzjonijiet rigward l-ispeċifiċità tas-suq televiżiv tar-Renju Unit ma setgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni peress li ma ġewx sostnuti, ma dawritx l-oneru tal-prova ta’ l-interess li jitressqu proċeduri.

74.      B’hekk il-Kummissjoni kellha obbligu li tiġġustifika l-fondatezza ta’ dawn l-affermazzjonijiet li Infront kienet qed tikkontestalha, u quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kienet iċċitat bosta xerrejja potenzali tad-drittijiet tax-xandir tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħra barra r-Renju Unit.

75.      Fejn għandu x’jaqsam, sussegwentement, il-motiv tas-sentenza appellata, li jgħid li l-argument tal-Kummissjoni jċaħħad l-Artikolu 3a tad-Direttiva minn kull effett utli, ma naħsibx li dan jikkostitwixxi interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni.

76.      L-imsemmi motiv fil-fatt jirrispondi għall-argument tal-Kummissjoni, miġbur fil-qosor fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li jgħid li, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li d-dħul tax-xandara televiżivi ġej mir-reklami mmirati lejn pubbliku nazzjonali, mid-dħul mil-liċenzji nazzjonali jew mill-abbonamenti nazzjonali mat-televiżjoni bi ħlas, dawk ix-xandara li jilħqu parti kbira mill-pubbliku nazzjonali, u għaldaqstant, li huma stabbiliti fir-Renju Unit biss lesti jixtru d-drittijiet tax-xandir esklużivi miżmuma minn Infront.

77.      Fil-fatt, billi sostniet li, fir-rigward tal-prezz ferm għoli tad-drittijiet tax-xandir esklużivi ta’ avvenimenti sportivi bħall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA u ta’ l-oriġni tar-riżorsi tax-xandra televiżivi, huma biss ix-xandara stabbiliti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li għamel użu mill-fakultà mogħtija mill-Artikolu 3a tad-Direttiva li huma realment fil-pożizzjoni li jixtru dawn id-drittijiet, il-Kummissjoni tqajjem dubju dwar l-utilità reali tal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku maħluq minn din id-dispożizzjoni.

78.      Fil-fatt, jekk huma biss ix-xandara televiżivi stabbiliti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li ddeċieda li avvenimenti sportivi partikolari kellhom jixxandru għall-pubbliku kollu li jistgħu jixtru d-drittijiet tax-xandir esklużivi ta’ dawn l-avvenimenti, il-proċedura prevista f-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva, li hija intiża li jiġu rrispettati l-miżuri meħuda minn dan l-Istat Membru minn xandara televiżivi stabbiliti fit-territorju ta’ l-Istati Membri l-oħra, hija mingħajr utilità.

79.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddikjaratx, kif indikat il-Kummissjoni fl-appell tagħha, li l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva jfisser li, għal kwalunkwe avveniment magħżul minn Stat Membru, għandu ikun hemm bilfors xandara televiżivi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jistgħu jixtru d-drittijiet tax-xandir esklużivi ta’ dan l-avveniment. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondiet għall-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, għal avvenimenti sportivi bħal dawk li tagħhom Infront għandha d-drittijiet tax-xandir bit-televiżjoni, mhemmx xerrejja potenzjali oħra ta’ dawn id-drittijiet ta’ xandir esklużivi ħlief ix-xandara televiżivi nazzjonali.

80.      Isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma naqsitx milli turi li l-kundizzjoni li tgħid li l-att ikkontestat jaffettwa sew is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Infront hija sodisfatta.

81.      F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, it-tieni kundizzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza, li tgħid li l-implementazzjoni ta’ l-att ikkontestat għandu jkollha natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Komunitarja biss, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlitx żball tad-dritt fl-evalwazzjoni tagħha li tgħid li din il-kundizzjoni hija wkoll sodisfatta.

82.      Huwa minnu li, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva iħalli f’idejn l-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni fl-implementazzjoni tal-miżuri meħuda minn Stat Membru u ppubblikati mill-Kummissjoni. Madankollu, din il-marġni ta’ evalwazzjoni mhijiex ta’ natura li tpoġġi f’dubju l-interess li tressaq proċedura ta’ Infront.

83.      Fil-fatt, dak li għandna nevalwaw fl-eżami ta’ din il-kundizzjoni hija r-rabta ta’ każwalità bejn l-effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti u l-att Komunitarju li tiegħu qed titlob l-annullament. Il-kundizzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza hija ssodisfatta meta dawn l-effetti jkunu l-konsegwenza diretta ta’ l-att innifsu. Dan huwa l-każ, skond il-ġurisprudenza, meta l-att in kwistjoni jimponi fuq id-destinatarji tiegħu li jipproduċu dawn l-effetti, (24) jew ukoll meta l-possibbiltà għad-destinatarji ta’ dan l-att li ma jkunx hemm segwitu għalih u li ma jipproduċix dawn l-effetti tkun purament teoretika, peress li ma jkunx hemm dubju dwar ir-rieda tagħhom li jkun hemm konsegwenzi konformi ma’ dan ta’ l-aħħar (25).

84.      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, iddeċidiet ġustament li l-att ikkontestat ma jħalli l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji tiegħu, peress li jimponilhom li jipproduċu l-effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Infront li din ta’ l-aħħar ilmentat dwarhom.

85.      Fil-fatt, kif rajna iktar’il fuq, dawn l-effetti jikkonsistu f’ostakolu fil-fakoltà tagħha li ċċedi l-esklużività tad-drittijiet tax-xandir tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA lil xandar televiżiv stabbilit fi Stat Membru għajr ir-Renju Unit. Dawn l-effetti jidhru tabilħaqq bħala l-konsegwenza diretta ta’ l-att ikkontestat, peress li jirriżultaw direttament mill-miżuri li ttieħdu mir-Renju Unit, bl-għan li dan l-avveniment jixxandar fit-territorju tiegħu minn kanal televiżiv bla ħlas u aċċessibbli għal parti kbira mill-popolazzjoni.

86.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġifieri li Infront hija direttament ikkonċernata mill-miżura kkontestata, mhijiex ivvizzjata minn żball ta’ dritt u li l-appell tal-Kummissjoni dwar dan il-punt għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B –    Dwar l-evalwazzjoni li tgħid li Infront hija individwalment ikkonċernata

1.      Il-motivi u l-argumenti tal-partijiet

87.      Il-Kummissjoni qed issostni li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa diffiċli li wieħed jifhmu.

88.      Skond il-Kummissjoni, Infront hija kkonċernata mill-att ikkontestat biss fil-kwalità oġġettiva tagħha ta’ detentriċi ta’ drittijiet esklużivi, li xtrat id-drittijiet tax-xandir ta’ wieħed mill-avvenimenti indikati fil-miżuri Brittanniċi. Hija tirrileva li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma indikatx li l-att ikkontestat jikkostitwixxi, fir-rigward tad-detenturi, ġabra ta’ deċiżjonijiet individwali. Hija tenfasizza li dan l-att jikkonċerna biss ix-xandara televiżivi u jimponi obbligi biss fuq dawn ta’ l-aħħar. Id-detenturi tad-drittijiet jiġu suġġetti għal konsegwenzi ekonomiċi biss u l-Qorti tal-Prim’Istanza, f’kawżi preċedenti, iddikjarat li dan ma jikkostitwixxix element suffiċjenti sabiex jindividwalizza individwu. (26) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li din il-kawża hija differenti minn dawk li taw lok għas-sentenzi Piraiki‑Patraiki et vs Il-Kummissjoni (27), Extramet Industrie vs Il-Kunsill, (28) u Codorniu vs Il-Kunsill, (29) li jikkorrispondu għal sitwazzjonijiet speċifiċi.

89.      Il-Kummissjoni ssostni li Infront ma tinsabx f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ detenturi oħra ta’ drittijiet esklużivi tax-xandir tad-diversi avvenimenti magħżula mir-Renju Unit. Infront qed tiltaqa’ ma’ riskju kummerċjali normali, li mhux suffiċjenti biex jagħtiha dritt ta’ rikors.

90.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed issostni li Infront setgħet ikkontestat il-miżuri Brittanniċi quddiem qorti tar-Renju Unit, u għaldaqstant li l-inammissibbiltà ta’ l-azzjoni tagħha quddiem il-qorti Komunitarja mhux qed tiċħadaha mid-dritt li teżerċita rikors ġurisdizzjonali.

91.      Infront qed tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset ġustament li hija individwalment ikkonċernata mill-miżura kkontestata.

2.      Evalwazzjoni

92.      Ma naqbilx ma’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq in-nuqqas ta’ kjarezza tar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas fuq il-kontenut tiegħu.

93.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament fakkret, l-ewwel nett, li l-individwi li mhumiex destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw biss li huma kkonċernati individwalment minn din id-deċiżjoni jekk din taffetwahom minħabba ċertu kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba kull sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzhom b’mod analogu għal dak tad-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni. (30)

94.      Sussegwentement, għandha niftakru li Infront tissodisfa din il-kundizzjoni skond analiżi li hija bbażata, fis-sustanza, fuq it-tliet punti segwenti. L-ewwel nett, Infront iżżomm, esklużivament, drittijiet tax-xandir bit-televiżjoni tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA għas-snin 2002 u 2006, li huwa wieħed mill-avvenimenti indikati fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà adottata mir-Renju Unit u approvata mill-Kummissjoni, fl-att ikkontestat. It-tieni nett, Infront xtrat dawn id-drittijiet qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att u wkoll qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-Artikolu 3a tad-Direttiva. It-tielet nett, dan l-att, għalkemm ma jirreferix għal Infront, jostakola l-possibbiltà li din tiddisponi liberament minn dawn id-drittijiet lil xandar televiżiv stabbilit fi Stat Membru għajr ir-Renju Unit.

95.      Inqis li din l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex ivvizzjata minn żball ta’ dritt.

96.      Jirriżulta, fil-fatt, mill-ġurisprudenza li individwu, sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala individwalment ikkonċernat minn att Komunitarju li tiegħu huwa d-destinatarju, għandu jkun ġie identifikat jew kellu jiġi identifikat fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ dan l-att. (31) Mill-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li Infront kienet identifikabbli mill-Kummissjoni fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ l-att ikkontestat, minħabba li din il-kumpannija kienet iżżomm, esklużivament, id-drittijiet tax-xandir tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA għas-snin 2002 u 2006, li huwa wieħed mill-avvenimenti msemmija fil-lista tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit.

97.      Barra minn hekk, jekk kif qed issostni l-Kummissjoni, dannu ta’ natura purament ekonomika mhuwiex suffiċjenti, fil-prinċipju, sabiex jagħti lil individwu dritt ta’ rikors għal annullament kontra att Komunitarju, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma qisitx li Infront kienet individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat għall-unika raġuni li dan kien ifisser għaliha konsegwenzi negattivi ekonomiċi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, li dan l-att jostakola l-possibbiltà ta’ Infront li ċċedi liberament l-esklużività tad-drittijiet tax-xandir tagħha ta’ l-avveniment ikkonċernat lil stazzjoni bi ħlas stabbilit barra mir-Renju Unit u li jixtieq ixandar dan l-avveniment f’dan l-Istat.

98.      Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-att ikkontestat jaffettwa d-dritt ta’ proprjetà ta’ Infront.

99.      L-ammissjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikors ta’ Infront jidhirli li tista’ tinsab f’ġurisprudenza stabbilita sew, li tgħid li individwu huwa ammess li jikkontesta l-legalità ta’ att Komunitarju meta dan l-att ibiddel id-drittijiet miksuba minn dan l-individwu qabel l-adozzjoni tiegħu.

100. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan fis-sentenza Toepfer u Getreide‑Import vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, li fiha ammettiet għall-ewwel darba li individwu seta’ jiġi individwalment ikkonċernat minn deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru (32). Hija adottat din is-soluzzjoni anki fis-sentenza Bock vs Il-Kummissjoni, (33) kif ukoll fis-sentenzi Agricola commerciale olio et vs Il-Kummissjoni u Savma vs Il-Kummissjoni (34).

101. Fis-sentenza CAM vs Il-KEE (35), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet ukoll li individwu għandu interess li jitressqu proċeduri meta l-miżura kkontestata tirrigwarda sitwazzjoni fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni tagħha u li tpoġġi f’dubju l-benefiċċju ta’ drittijiet miksuba għal operazzjonijiet fil-futur. (36)

102. Espressjoni ta’ din il-ġurisprudenza nsibuha anki fis-sentenza Codorniu vs Il-Kunsill, iċċitata iktar’il fuq, li tirreferi għaliha l-Kummissjoni, fejn kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol, proprjetarja tat-trade mark Gran Cremant de Codorniu sa mill-1924, talbet l-annullament ta’ artikolu ta’ regolament li kien jipprojbilha tuża’ t-terminu “crémant”.(37)

103. Jidhirli li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għal dan il-każ, peress li Infront kienet daħlet fil-pussess tad-drittijiet tax-xandir esklużivi tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA qabel l-adozzjoni ta’ l-att ikkontestat u wkoll, bħal ma l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet sostniet, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-Artikolu 3a tad-Direttiva, li fuq il-bażi tiegħu dan l-att ġie adottat.

104. Għaldaqstant jiena tal-fehma li, fid-dawl ta’ l-imsemmija ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat ġustament li Infront kienet individwalment ikkonċernata mill-ittra kkontestata. L-appell għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat fejn dan jirrigwarda l-evalwazzjoni.

C –    Fuq l-ispejjeż

105. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regolament, u fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ Infront, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel ma’ l-analiżi tiegħi, il-Kummissjoni jkollha tbati l-ispejjeż.

VI – Konklużjoni

106. Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet li semmejt iktar’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara dan li ġej:

“1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36/KE tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU 1997 L 202, p. 60) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva”).


3 – Kawża T-33/01(Ġabra p. II-5897), iktar ’il quddiem: is-“sentenza appellata”.


4 – Iktar ’il quddiem: “Infront”.


5 – Punt 89.


6 – Punti 94 u 95.


7 – Punt 107.


8 – Punt 130.


9 – Punt 133.


10 – Punti 134 u 135.


11 – Punti 138 sa 143.


12 – T-69/99 (Ġabra p. II-4039).


13 – Punt 146.


14 – Punt 120.


15 – Punt 121.


16 – Punti 160 u 161.


17 – Punti 162 sa 165.


18 – Punti 166 u 167.


19 – Punt 177.


20 – Sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni (C-386/96 P, Ġabra p. I-2309, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni (T-310/00, Ġabra p. II-3253, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Digriet tal-31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni (C-206/89 R, Ġabra p. 2841, punt 8).


23 – Sentenza MCI vs Il-Kummissjoni, punt 45 iċċitata aktar ’il fuq


24 – Sentenza Dreyfus vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 – Ibidem (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Il-Kummissjoni tirreferi għad-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 2000, Galileo u Galileo International vs Il-Kunsill (T-113/99, Ġabra p. II-4141), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill (T-43/98, Ġabra p. II-3519).


27 – Sentenza tas-17 ta’ Jannar 1985 (11/82, Ġabra p. 207).


28 – Sentenza tas-16 ta’ Mejju 1991 (C-358/99, Ġabra p. I-2501).


29 – Sentenza tat-18 ta’ Mejju 1994 (C-309/89, Ġabra p. I-1853).


30 – Sentenza Piraiki‑Patraiki et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq (punt 11).


31 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Lulju 1965, Toepfer u Getreide‑Import vs Il-Kummissjoni (106/63 u 107/63, Ġabra p. 404, 411) ; Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 21, 28 u 31) ; tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni (C-152/88, Ġabra p. I-2477, punt 11) ; tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni (C-390/95 P, Ġabra p. I-769, punti 25 sa 30), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni (T-480/93 u T-483/93, Ġabra p. II-2305, punt 67), u tas-17 ta’ Jannar 2002, Rica Foods vs Il-Kummissjoni (T-47/00, Ġabra p. II-113, punt 41).


32 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala ammissibli r-rikors ippreżentat minn żewġ kumpanniji li kienu jimportaw iċ-ċereali fil-Ġermanja kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet tawtorizza retroattivament lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu miżuri ta’ salvagwardja li minħabba fihom ġiet miċħuda t-talba tagħhom għal liċenzji ta’ importazzjoni.


33 – Sentenza tat-23 ta’ Novembru 1971, Kawża 62/70 (Ġabra, p. 897). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala ammissibbli r-rikors ippreżentat minn kumpannija li timporta prodotti ta’ ikel kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex teskludi mit-trattament Komunitarju ċerti prodotti li joriġinaw miċ-Ċina u li tqiegħdhom f’ċirkulazzjoni libera fl-Istati tal-Benelux, peress li din id-deċiżjoni tirrigwarda wkoll l-importazzjoni ta’ prodotti li għalihom it-talbiet għal liċenzja kienu pendenti quddiem l-amministrazzjoni Ġermaniża matul id-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmija deċiżjoni. B’hekk, fl-4 ta’ Settembru 1970, ir-rikorrenti kienet talbet lill-awtorità kompetenti Ġermaniża liċenzja ta’ importazzjoni għal lott ta’ faqqiegħ Ċiniż ppreżervat li tqiegħed f’ċirkulazzjoni libera fl-Olanda. Fil-11 ta’ Settembru 1970, l-imsemmija awtorità kienet infurmataha li kienet se tiċħad it-talba peress li l-Kummissjoni kienet tat awtorizzazzjoni f’dan is-sens. B’deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 1970, il-Kummissjoni awtorizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex teskludi mit-trattament Komunitarja mhux biss it-talbiet ta’ liċenzja ta’ importazzjoni futuri tal-faqqiegħ suwed li joriġina miċ-Ċina, iżda wkoll talbiet għal liċenzja ta’ importazzjoni pendenti.


34 – Sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1984 (232/81, Ġabra p. 3881, u 264/81, Ġabra p. 3915). Fir-rigward ta’ rikorsi ppreżenati minn impriżi kontraenti kontra regolament tal-Kummissjoni li jħassar regolament preċedenti li abbażi tiegħu il-korpi ta’ intervent Taljan kien biegħ ċerta kwantità taż-żejt taż-żebbuġa. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, peress li s-sitwazzjoni kienet iffissata bejn il-partijiet għall-bejgħ “kull intervent min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, jimpedixxi [il-korp ta’ intervent Taljan] milli jeżegwixxi l-obbligu tiegħu fir-rigward ta’ l-appaltaturi magħżula bix-xorti, kienet neċessarjament tikkostitwixxi att li jikkonċerna lil dawn direttament u individwalment” (sentenzi ċċitati Agricola commerciale olio et vs Il-Kummissjoni (punt 11), u Savma vs Il-Kummissjoni,(punt 11)].


35 – Sentenza tat-18 ta’ Novembru 1975 (100/74, Ġabra, p. 1393).


36 – Fir-rigward ta’ kumpannija li kienet kisbet, fid-19 ta’ Lulju 1974, ċertifikat ta’ esportazzjoni għal 10,000 tunnellati metriċi ta’ xgħir, valida sas-16 ta’ Ottubru 1974. Skond regolament tal-Kunsill, il-prezzijiet indikattivi u ta’ intervent applikabbli partikolarment għaċ-ċereali kellhom jiżdiedu b’5 % mis-7 ta’ Ottubru 1974. Madankollu, il-Kummissjoni, b’regolament ta’ l-4 ta’ Ottobru 1974, kienet ipprovdiet li din il-miżura ma tapplikax għaċ-ċertifikati ta’ esportazzjoni mogħtija qabel is-7 ta’ Ottubru, biex b’hekk ċaħħdet lir-rikorrenti mill-benefiċċju taż-żieda prevista mill-Kunsill għat-3 978 tunnellata li hija kien għad kellha tesporta bejn is-7 u s-16 ta’ Ottubru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet l-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti kontra r-regolament tal-Kummissjoni. Hija ddeċidiet li dan ir-regolament, billi jirrifjuta lil ċerta kategorija ta’ operaturi ekonomiċi u għal esportazzjonijiet partikolari l-benefiċċju taż-żieda ta’ l-ammont tar-rifużjoni, kienet qed tirreferi għal numru determinat u magħruf ta’ esportaturi taċ-ċereali u li din il-miżura, anki jekk kienet tagħmel parti minn att normattiv, kienet taffettwa dawn l-esportaturi minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fir-rigward ta’ kull persuna oħra.


37 – Ara, in sostenn ta’ din l-analiżi, l-argument ta’ P. Cassia, L’accès des personnes physiques ou morales au juge de la légalité des actes communautaires, Dalloz, Paris, 2002, p. 752, punti 964 et seq.