Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Stuttgart (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Novembru 2015 – Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main e.V. vs comtech GmbH

(Kawża C-568/15)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Stuttgart

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main e.V.

Konvenuta: comtech GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-konsumatur jikkuntattja lill-kummerċjant bit-telefon, fil-każ fejn dan tal-aħħar ikun qiegħed linja telefonika għad-dispożizzjoni tal-konsumatur sabiex dan ikun jista’ jikkuntattjah dwar il-kuntratt konkluż, l-ispejjeż li jiġu ffatturati lill-konsumatur ma jistgħux jaqbżu l-prezz li kien ikollu jħallas għal telefonata standard lejn numru tal-linja fissa (ġeografiku) jew mobbli?

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/83/UE jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta l-kummerċjant ikun qiegħed servizz ta’ assistenza b’numru tat-telefon speċjali (bil-prefiss 0180) għat-telefonati dwar il-kuntratt konkluż, il-konsumatur għandu jħallas l-ispejjeż li jiġu ffatturati lilu mill-fornitur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni bħala korrispettiv għall-użu tas-servizz ta’ telekomunikazzjoni, anki meta dawn l-ispejjeż jaqbżu l-prezz li kien ikollu jħallas għal telefonata standard lejn numru tal-linja fissa (ġeografiku) jew mobbli?

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva, f’kull każ, għandu jiġi kkunsidrat bħala li ma jostakolax tali dispożizzjoni nazzjonali meta l-fornitur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni ma jħallas lill-kummerċjant ebda parti mir-remunerazzjoni mħallsa mill-konsumatur bħala korrispettiv għat-telefonata lejn in-numru speċjali?

____________

1 Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, p. 64).