Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Belġju) fis-16 ta’ Ottubru 2017 – Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et

(Kawża C-597/17)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Grondwettelijk Hof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Belgisch Syndicaat van Chiropraxie, Bart Vandendries, Belgische Unie van Osteopaten et, Plast.Surg. et, Belgian Society for Private Clinics et

Konvenut: Ministerraad

Domandi preliminari

L-Artikolu 132(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 1 , tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jirriżerva, kemm għall-prattiki konvenzjonali kif ukoll għal dawk non-konvenzjonali, l-eżenzjoni intiża għall-prattikanti ta’ professjoni medika jew paramedika li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-professjonijiet tal-kura tas-saħħa u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali u li huma esklużi minnha l-persuni li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet iżda li huma affiljati ma’ assoċjazzjoni professjonali ta’ kiroprattiċi jew ta’ osteopati u jissodisfaw il-kriterji stabbiliti minn din l-assoċjazzjoni?

L-Artikolu 132(1)(b)(c) u (e), l-Artikolu 134 u l-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, flimkien mal-punti 3 u 4 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens:

a)    li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li rata mnaqqsa ta’ VAT tkun applikabbli għall-prodotti mediċi u għall-apparat mediku pprovduti fil-kuntest ta’ operazzjoni jew ta’ kura terapewtika, filwaqt li l-prodotti mediċi u l-apparat mediku li huwa pprovdut fil-kuntest ta’ intervent jew ta’ trattament ta’ natura purament estetika u li huma marbuta mill-qrib huma suġġetti għar-rata normali tal-VAT;

b)    jew li jawtorizzaw jew jimponu l-ugwaljanza fit-trattament taż-żewġ każijiet indikati iktar ’il fuq?

3.    Jekk mir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari kellu jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru d-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Grondwettelijk Hof għandha żżomm b’mod temporanju l-effetti tad-dispożizzjonijiet […] li għandhom jiġu anullati, kif ukoll dawk tad-dispożizzjonijiet li, jekk ikun il-każ, għandhom jiġi kompletament jew parzjalment annullati, u dan sabiex il-leġiżlatur ikun jista’ jiżgura l-konformità tagħhom ma din il-liġi?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1.