Language of document : ECLI:EU:C:2018:100

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Frar 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a – Deċiżjoni 2011/278/UE – Regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas – Perijodu 2013‑2020 – Talba għal allokazzjoni – Data żbaljata – Korrezzjoni – Terminu ta’ dekadenza”

Fil-Kawża C‑572/16

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

INEOS Köln GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal INEOS Köln GmbH, minn S. Altenschmidt u A. Sitzer, Rechtsanwälte,

–        għall-Umweltbundesamt, minn I. Budde, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/29/KE tat‑23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas‑27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn INEOS Köln GmbH (iktar ’il quddiem “INEOS”) u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Umweltbundesamt (l-Uffiċċju Federali tal-Ambjent, il-Ġermanja), dwar ir-rifjut tat-talba ta’ din il-kumpannija sabiex tikkoreġi t-talba tagħha għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“kwoti ta’ emissjoni”) mingħajr ħlas għat-tielet perijodu ta’ skambju 2013‑2020.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/87

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Il-materja tas-suġġett”, jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità (minn issa ‘l quddiem imsjħa l-“iskema Komunitarja”) sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.

[…]”

4        Taħt it-titolu “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Sal‑31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti […]

[…]

2.      Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007‑2008. […]

[…]

5.      L-ammont massimu ta’ kwoti li huwa l-bażi għall-kalkolu ta’ allokazzjonijiet għal istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 u li ma jkunux istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq ma għandux jaqbeż is-somma ta’:

(a)      il-kwantità totali annwali fil-Komunità kollha kif iddeterminata taħt l-Artikolu 9 mmultiplikata bis-sehem ta’ emissjonijiet minn istallazzjonijiet mhux koperti mill-paragrafu 3 fil-medja totali ta’ emissjonijiet verifikati, fil-perjodu mill‑2005 sal‑2007, minn istallazzjonijiet koperti bl-iskema Komunitarja fil-perjodu mill‑2008 sal‑2012, u

(b)      il-medja totali annwali ta’ emissjonijiet verifikati minn istallazzjonijiet fil-perjodu mill‑2005 sal‑2007 li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill‑2013 ‘il quddiem u li mhumiex koperti mill-paragrafu 3 aġġustati bil-fattur lineari kif imsemmi fl-Artikolu 9.

Għandu japplika fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi jekk meħtieġ.

[…]”

5        Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni”:

“1.      Sat-30 ta’ Settembru 2011, kull Stat Membru għandu jippubblika u jippreżenta lill-Kummissjoni lista ta’ istallazzjonijiet koperti b’din id-Direttiva fit-territorju tagħha u kull allokazzjoni gratis għal kull istallazzjoni fit-territorju tagħha kkalkolata konformement mar-regoli kif stipulat fl-Artikolu 10a(1) u fl-Artikolu 10c.

2.      Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu l-kwantità tal-kwoti li għandhom jiġu distribwiti għal dik is-sena, ikkalkolata taħt l-Artikoli 10, 10a u 10c.

[…]”

 Id-Deċiżjoni 2011/278

6        Il-premessa 15 tad-Deċiżjoni 2011/278 hija fformulata kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dejta miġbura mingħand l-operaturi u użata għall-fini tal-allokazzjoni tkun sħiħa, konsistenti u tippreżenta l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb. Din għandha tkun ivverifikata minn verifikatur indipendenti sabiex ikun żgurat li l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet tkun ibbażata fuq dejta soda u affidabbli. Din id-deċiżjoni għandha tipprevedi rekwiżiti minimi speċifiċi għall-ġbir u l-verifika tad-dejta biex titħaffef l-applikazzjoni armonizzata u konsistenti tar-regoli tal-allokazzjoni.”

7        L-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Il-ġbir tad-dejta bażi ta’ referenza”, jipprevedi:

“1.      Għal kull installazzjoni eżistenti eliġibbli għal allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emisjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87], inklużi installazzjonijiet li jitħaddmu biss perjodikament, b’mod partikolari, l-installazzjonijiet li jinżammu f’riserva jew għal xi emerġenza u l-installazzjonijiet li jitħaddmu fuq skeda staġjonali, l-Istati Membri għandhom, għas-snin kollha tal-perjodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2008, jew l‑1 ta’ Jannar 2009 u l‑31 ta’ Diċembru 2010 fejn ikun meħtieġ, li matulhom l-installazzjoni kienet qiegħda titħaddem, jiġbru mingħand l-operatur l-informazzjoni u d-dejta kollha rilevanti rigward kull parametru elenkat fl-Anness IV.

[…]

7.      L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operaturi jissottomettu dejta kompleta u konsistenti u li jiżguraw li ma jkunx hemm sovrapprożizzjonijiet bejn is-subinstallazzjonijiet u ma jkun hemm ebda għadd doppju. L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-operaturi jeżerċitaw diliġenza xierqa u jissottomettu dejta li tippreżenta l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb sabiex jippermettu assigurazzjoni raġonevoli dwar l-integrità tad-dejta.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur jissottometti wkoll rapport tal-metodoloġija li jkun fih, b’mod partikolari, deskrizzjoni tal-installazzjoni, il-metodoloġija tal-kompilazzjoni applikata, is-sorsi differenti tad-dejta, l-istadji tal-kalkulazzjoni u, fejn ikun applikabbli, il-premessi magħmula u l-metodoloġija applikata biex ikunu attribwiti l-emissjonijiet lis-subinstallazzjonijiet rilevanti skont il-paragrafu 6. Huma jistgħu jordnaw lill-operatur li juri l-preċiżjoni u l-kompletezza tad-dejta pprovduta.

8.      Meta d-dejta tkun nieqsa, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operatur jiġġustifika kif jixraq kwalunkwe nuqqas ta’ dejta.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operatur jissostitwixxi d-dejta nieqsa kollha bi stimi konservattivi, b’mod partikolari, ibbażati fuq l-aħjar prattika tal-industrija, tagħrif xjentifiku u tekniku riċenti qabel jew, mhux aktar tard minn, waqt il-verifika mill-verifikatur.

[…]”

8        Taħt it-titolu “Verifika”, l-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi:

“1.      Fil-proċess tal-ġbir tad-dejta skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw biss id-dejta li tkun ġiet ivverifikata bħala sodisfaċenti minn verifikatur. Il-proċess tal-verifika għandu jirrelata mar-rapport tal-metodoloġija u l-parametri rrapportati msemmija fl-Artikolu 7 u l-Anness IV. Il-verifika għandha tindirizza l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-preċiżjoni tad-dejta pprovduta mill-operatur u għandha tasal għal opinjoni ta’ verifika li tiddikjara b’assigurazzjoni raġonevoli jekk id-dejta sottomessa hijiex ħielsa minn dikjarazzjonijiet żbaljati materjali jew le.

[…]

4.      L-Istati Membri ma għandhomx jallokaw kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas lil installazzjoni meta d-dejta relatata ma’ din l-installazzjoni ma tkunx ġiet ivverifikata bħala sodisfaċenti.

[…]”

9        L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “L-allokazzjoni fil-livell ta’ installazzjoni”, jiddisponi:

“1.      Fuq il-bażi tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom, għal kull sena, jikkalkolaw in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill‑2013 ’il quddiem lil kull installazzjoni eżistenti fit-territorju tagħhom skont il-paragrafi 2 sa 8.

2.      Għall-fini ta’ din il-kalkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiddeterminaw in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull subinstallazzjoni separatament […]

[…]

9.      L-ammont annwali totali finali ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti, għajr l-installazzjonijiet koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, għandu jkun l-ammont annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti skont il-paragrafu 7 immultiplikat bil-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali kif stabbilit skont l-Artikolu 15(3).”

10      Bit-titolu “L-allokazzjoni fir-rigward tal-ikkrekkjar bil-fwar”, l-Artikolu 11 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi metodoloġija speċifika, li tidderoga minn dik deskritta fl-Artikolu 10(2) ta’ dik id-deċiżjoni, għall-kalkolu tan-numru annwali preliminari tal-kwoti ta’ emissjoni allokati mingħajr ħlas għal subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott fir-rigward tal-produzzjoni kimiċi ta’ valur għoli.

11      Skont l-Artikolu 15 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Miżuri nazzjonali ta’ Implimentazzjoni”:

“1.      Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva [2003/87], sat‑30 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni lista ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva [2003/87] fit-territorju tagħhom […] permezz ta’ mudell elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni.

2.      Għal kull installazzjoni eżistenti, il-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha, b’mod partikolari:

[…]

3.      Mal-wasla tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-inklużjoni ta’ kull installazzjoni fil-lista u l-ammonti annwali totali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas relatati.

Man-notifika minn kull Stat Membru tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas matul il-perjodu 2013 sa 2020, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87]. Dan għandu jkun stabbilit mit-tqabbil tas-somma tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku kull sena matul il-perjodu mill‑2013 sal‑2020 […] bl-ammonti annwali ta’ kwoti li huwa kkalkolat skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] għal installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku jew installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq […]

4.      Jekk il-Kummissjoni ma twarrabx l-iskrizzjoni ta’ installazzjoni f’din il-lista, inklużi l-ammonti annwali totali preliminari korrispondenti ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil din l-installazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproċedi għad-determinazzjoni tal-ammont annwali finali ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull sena matul il-perjodu mill‑2013 sal‑2020 skont l-Artikolu 10(9) ta’ din id-Deċiżjoni.

[…]”

12      Skont l-Anness IV tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “Il-parametri għall-ġbir tad-dejta referenzjarja għall-installazzjonijiet eżistenti”, l-Istati Membri, għall-finijiet tal-ġbir tad-data ta’ referenza previst fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-deċiżjoni, għandhom jeħtieġu li l-operatur, b’mod partikolari, jissottometti, għal kull installazzjoni u subinstallazzjoni, għas-snin kollha tal-perijodu ta’ referenza magħżul (2005‑2008 jew 2010‑2009), l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra kif ukoll l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-kombustibbli u mill-proċessi.

 Id-dritt Ġermaniż

13      L-Artikolu 9(1) sa (4) tat-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (il-Liġi dwar l-Iskambju ta’ Drittijiet ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra) tal‑21 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1475, iktar ’il quddiem it-“TEHG”), huwa fformulat kif ġej:

“(1) L-operaturi tal-installazzjonijiet għandhom jirċievu allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjoni skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10a […] tad-Direttiva 2003/87 […] fil-verżjoni tagħha fis-seħħ u skont dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/278 […]

(2)      L-allokazzjoni hija suġġetta għat-tressiq ta’ talba lill-awtorità kompetenti. It-talba għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjoni għandha titressaq f’terminu li l-awtorità kompetenti tippubblika fil-Bundesanzeiger mill-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tiegħu. Il-pubblikazzjoni tat-terminu sseħħ l-iktar kmieni possibbli wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar ir-regoli ta’ allokazzjoni previsti fl-Artikolu 10. Fil-każ ta’ talba tardiva, ma jibqax jeżisti dritt għall-allokazzjoni mingħajr ħlas. Id-dokumenti neċessarji għall-eżami tad-dritt għandhom jiġu annessi mat-talba. Ħlief jekk il-leġiżlazzjoni prevista fl-Artikolu 10 tipprovdi mod ieħor, l-informazzjoni effettivament mogħtija fit-talba għall-allokazzjoni għandha tiġi vverifikata mill-organu ta’ kontroll previst fl-Artikolu 21.

(3)      L-awtorità kompetenti għandha tikkalkola l-kwantitajiet provviżorji li għandhom jiġu allokati, tippubblika fil-Bundesanzeiger lista tal-installazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi preżenti u tal-kwantitajiet provviżorji li għandhom jiġu allokati u tikkomunika l-lista lill-Kummissjoni Ewropea. Waqt il-kalkolu tal-kwantitajiet provviżorji li għandhom jiġu allokati, hija biss l-informazzjoni mogħtija mill-operatur, li l-affidabbiltà tagħha hija suffiċjentement żgurata, li tittieħed inkunsiderazzjoni. […]

(4)      L-awtorità kompetenti għandha, qabel il-bidu tal-perijodu ta’ skambju, tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjoni għal installazzjoni lill-operatur ta’ installazzjoni li jkun ressaq talba fit-terminu ppubblikat konformement mat-tieni sentenza tal-paragrafu 2. […]”

14      L-Artikolu 5 tal-Verordnung über die Zuteilung von Treibhausgas-Emissionsberechtigungen in der Handelsperiode 2013 bis 2020 (ir-Regolament dwar l-Allokazzjoni tal-Kwoti ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra għall-Perijodu ta’ Skambju 2013 sa 2020) tas‑26 ta’ Settembru 2011 (BGBl. I 2011, p. 1921), intitolat “Ġabra ta’ data ta’ referenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-operatur ta’ installazzjoni huwa marbut li jipprovdi mat-talba għall-allokazzjoni mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet eżistenti l-informazzjoni dwar l-installazzjoni kif ukoll dik li tirrigwarda kull element ta’ allokazzjoni.

15      Permezz ta’ pubblikazzjoni fil-bulettin elettroniku Ġermaniż tal-avviżi legali obbligatorji (elektronischer Bundesanzeiger, eBAnz AT118 2011 B1) fl‑20 ta’ Ottubru 2011, id-Deutsche Emissionshandelsstelle (id-dipartiment Ġermaniż tal-bejgħ ta’ drittijiet ta’ emissjoni (iktar ’il quddiem id-“DEHSt”)) indika li t-terminu previst fl-Artikolu 9(2) tat-TEHG jiskadi fit‑23 ta’ Jannar 2012.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      INEOS topera installazzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ prodotti kimiċi permezz ta’ krekkjar bil-fwar tan-nafta taħt temperatura għolja. Din l-installazzjoni hija suġġetta għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni mill‑1 ta’ Jannar 2008.

17      Fit‑23 ta’ Jannar 2012, INEOS ippreżentat, fit-terminu meħtieġ, quddiem id-DEHSt, talba għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għal din l-installazzjoni, skont l-Artikolu 9(1) tat-TEHG, għall-perijodu 2013‑2020, fuq il-bażi tal-perijodu ta’ referenza 2005‑2008. Fil-fatt, skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, l-iskadenza għat-tressiq ta’ talbiet bħal dawn kien jiskadi fl-istess jum. Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din it-talba ġiet ivverifikata minn organu ta’ kontroll indipendenti. Hija tinkludi, b’mod partikolari, il-kwantità annwali provviżorja tal-kwoti ta’ emissjoni li għandhom jiġu allokati, li tammonta għal 574 635, skont il-kalkoli li INEOS kienet wettqet skont il-metodu speċifiku ta’ kalkolu previst fl-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 2011/278 fir-rigward tal-ikrekkjar bil-fwar.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2014, id-DEHSt alloka lil INEOS, għal dan il-perijodu ta’ skambju, l-ammont totali ta’ 3 867 032 kwota, għal dak li jirrigwarda l-emissjonijiet tal-installazzjoni inkwistjoni, waqt li ppreċiża li l-allokazzjoni kienet ibbażata fuq id-data kkomunikata minn INEOS fit-talba għall-allokazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

19      Fil‑11 ta’ Marzu 2014, INEOS ippreżentat azzjoni amministrattiva kontra id-deċiżjoni kontenzjuża quddiem id-DEHSt, fejn sostniet li d-DEHSt kellha l-obbligu li tikkunsidra ċerta data komplementari għall-kalkolu tal-emissjonijiet diretti għas-snin 2006 u 2007.

20      Fit‑3 ta’ Settembru 2015, id-DEHSt ċaħad din l-azzjoni, minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li d-data l-ġdida ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, peress li INEOS kienet biss ipproduċiet din id-data fix-xahar ta’ April 2015 fil-kuntest tal-azzjoni amministrattiva, jiġifieri iktar minn tliet snin wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għat-tressiq tat-talba għal allokazzjoni, jiġifieri fit‑23 ta’ Jannar 2012. Id-DEHSt indika li, mhux biss l-Artikolu 9(2) tat-TEHG jipprevedi terminu legali ta’ dekadenza, iżda wkoll li r-rabta mill-qrib tal-proċedura nazzjonali fil-proċedura ta’ allokazzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni tipprekludi kull bidla fid-data li tidher fit-talba.

21      Fid‑29 ta’ Settembru 2015, INEOS ippreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-fatt li hija naqset, bi żball, milli tittrażmetti ċerta data li tirrigwarda l-emissjonijiet diretti tagħha għas-snin 2006 u 2007, peress li ssopponiet b’mod żbaljat li d-DEHSt diġà kellu din id-data għad-dispożizzjoni tiegħu, meta l-installazzjoni inkwistjoni kienet biss suġġetta għas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni mill‑1 ta’ Jannar 2008. Skont INEOS, id-DEHSt imissu stedinha sabiex tikkompleta jew tikkoreġi d-data pprovduta abbażi tat-talba ta’ allokazzjoni.

22      Skont il-qorti tar-rinviju, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix espressament dispożizzjoni dwar l-effetti legali li għandhom jintrabtu ma’ xi informazzjoni pprovduta minn operatur sussegwentement għall-iskadenza tat-terminu previst mid-dritt nazzjonali għat-tressiq ta’ talba għal allokazzjoni, għandha tiġi kkjarifikata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 9(2) tat-TEHG, li abbażi tiegħu ma jeżistix dritt għall-allokazzjoni mingħajr ħlas fil-każ ta’ talba tardiva, huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87] kif ukoll dawk tad-Deċiżjoni [2011/278] jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, għall-perijodu ta’ skambju 2013‑2020, terminu ta’ dekadenza sostantiva għall-applikazzjonijiet għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ta’ emissjoni għal installazzjonijiet eżistenti li ma ġewx ippreżentati fit-termini stabbiliti u li, b’hekk, teskludi l-korrezzjoni ta’ żbalji jew l-integrazzjoni ta’ informazzjoni (mhux sħiħa) fl-applikazzjoni għal allokazzjoni, liema informazzjoni ġiet ikkonstatata biss wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-dritt tal-Istat Membru?”

 Fuq id-domanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni 2011/278 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għat-tressiq ta’ talba għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas fir-rigward tal-perijodu 2013‑2020, terminu ta’ dekadenza li meta jiskadi, l-applikant huwa mċaħħad mill-possibilità li jikkoreġi jew li jikkompleta t-talba tiegħu.

25      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda hija magħmula fil-kuntest ta’ tilwima fejn operatur ta’ installazzjoni li taqa’ taħt l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni mill‑1 ta’ Jannar 2008, f’dan il-każ INEOS, bi żball, naqas milli jipprovdi, fit-talba tiegħu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas ċerta data ta’ referenza, jiġifieri dik li tikkonċerna emissjonijiet diretti ta’ dik l-installazzjoni għas-snin 2006 u 2007. Huwa stabbilit li, fl-assenza ta’ dan l-iżball, dak l-operatur ikun kiseb iktar kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas.

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni intiżi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera, f’livell li jimpedixxi kull interferenza antropoġenika perikoluża tal-klima, u li l-għan finali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange et Schifflange, C‑321/15, EU:C:2017:179, punt 24).

27      Din is-sistema hija bbażata fuq loġika ekonomika, li tħeġġeġ lil kull parteċipant jemetti kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex iċedi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li jkun ipproduċa kwantità ta’ emissjonijiet ikbar mill-kwoti allokati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange et Schifflange, C‑321/15, EU:C:2017:179, punt 22).

28      Id-Direttiva 2003/87 għalhekk tfittex li jitnaqqsu minn issa sas-sena 2020, l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra tal-Unjoni Ewropea b’minn tal-inqas 20 % meta mqabbla mal-livelli tagħhom fis-sena 1990, f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, E.ON Kraftwerke, C‑461/15, EU:C:2016:648, punt 23).

29      Għal dan il-għan, l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi, fir-rigward ta’ installazzjonijiet li jaqgħu taħt ċerti setturi ta’ attivitajiet, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, li l-ammont tagħhom għandu jitnaqqas gradwalment matul il-perijodu 2013‑2020, bil-ħsieb li tinkiseb it-tneħħija totali ta’ dawn il-kwoti mingħajr ħlas għas-sena 2027 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2016, E.ON Kraftwerke, C‑461/15, EU:C:2016:648, punt 24, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C‑506/14, EU:C:2016:799, punt 46).

30      Konformement mal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni stabbilixxiet, permezz tad-Deċiżjoni 2011/278, ir-regoli armonizzati fil-livell tal-Unjoni għal din l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas. Dawn ir-regoli armonizzati jikkonkretizzaw ir-rekwiżit essenzjali li jikkonsisti fit-tnaqqis għal-livell minimu tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni, C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punt 53).

31      Skont INEOS, il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ipproċeda għal armonizzazzjoni eżawrjenti tal-aspetti kollha, inklużi dawk proċedurali, dwar it-talbiet għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, b’mod li l-Istati Membri ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Issa, jirriżulta kemm mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2011/278, b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8 u 10 tagħha, kif ukoll mill-istruttura tagħha u mill-għan imfittex minnha li l-Istati Membri kellhom l-obbligu li jiżguraw ruħhom min-natura kompluta, eżatta u konsistenti tad-data ta’ referenza miġbura mingħand l-operaturi. Din id-deċiżjoni ma tipprovdix, min-naħa l-oħra, li dawn l-obbligi li jaqgħu fuq l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu limitati permezz ta’ termini jew li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiffissaw it-termini ta’ dekadenza tagħhom stess.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għall-perijodu 2013‑2020, essenzjalment, kienet tinkludi tliet fażijiet distinti.

33      L-ewwel nett, matul l-ewwel stadju, l-Istati Membri kellhom, konformement mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278, jiġbru mingħand l-operaturi, għal kull installazzjoni eżistenti li tissodisfa l-kundizzjonijiet għal tali allokazzjoni, l-informazzjoni kollha u d-data kollha rilevanti għas-snin kollha, bħala prinċipju, tal-perijodu 2005‑2008 li matulhom l-installazzjoni kienet qed titħaddem, rigward kull parametru elenkat fl-Anness IV ta’ din id-deċiżjoni, li jippermetti li jiġi stabbilit l-ammont ta’ din l-allokazzjoni (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, E.ON Kraftwerke, C‑461/15, EU:C:2016:648, punt 25).

34      Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2011/278, l-Istati Membri kienu obbligati li jaċċettaw, għal dan il-għan, biss dik id-data li tkun ġiet ivverifikata bħala sodisfaċenti minn verifikatur, li kellu jivverifika l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-preċiżjoni, bil-ħsieb li jasal għal opinjoni, b’garanzija raġonevoli, tal-preżenza jew tal-assenza ta’ dikjarazzjoni żbaljata sinjifikattiva.

35      Fuq il-bażi tal-informazzjoni hekk miġbura, l-Istati Membri kellhom, skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278, jikkalkolaw għal kull sena, in-numru ta’ kwoti ta’ emissjoni allokati mingħajr ħlas mis-sena 2013 għal kull waħda mill-installazzjonijiet eżistenti fit-territorju tagħhom (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, E.ON Kraftwerke, C‑461/15, EU:C:2016:648, punti 26 u 34).

36      Fi tmiem dan l-ewwel stadju, kull Stat Membru kellu l-obbligu, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 u l-Artikolu 15(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/278, li jippubblika u jippreżenta lill-Kummissjoni, sat‑30 ta’ Settembru 2011, lista ta’ installazzjonijiet u tas-subinstallazzjonijiet preżenti fit-territorju tiegħu u koperti minn din id-direttiva, li tispeċifika għal kull waħda minnhom l-ammont tal-allokazzjoni provviżorja għall-perijodu 2013‑2020 kollu.

37      Imbagħad, fit-tieni stadju, il-Kummissjoni għandha, mal-wasla ta’ din il-lista, u peress li, essenzjalment, il-kwantità annwali totali provviżorja kkalkolata mill-Istati Membri teċċedi l-limitu massimu impost għall-industrija li jikkorrispondi għall-kwantità annwali massima ta’ kwoti msemmija fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, tipproċedi għal tnaqqis proporzjonali ta’ din il-kwantità provviżorja kkalkolata mill-Istati Membri bl-applikazzjoni ta’ “fattur ta’ korrezzjoni transettorjali” previst f’din id-dispożizzjoni, li jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn il-kwantità provviżorja u dan il-limitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punti 62 kif ukoll 63).

38      Fl-aħħar nett, fit-tielet stadju, l-Istati Membri kellhom, skont l-Artikolu 15(4) u (5) tad-Deċiżjoni 2011/278, jiddeterminaw il-kwantità annwali finali ta’ kwoti ta’ emissjoni allokati mingħajr ħlas għal kull sena tal-perijodu 2013‑2020, billi, konformement mal-Artikolu 10(9) ta’ din id-deċiżjoni, il-kwantità annwali totali provviżorja tal-kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas tiġi mmultiplikata b’dan il-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali. Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-kwoti allokati għas-sena kkonċernata sa mhux iktar tard mit‑28 ta’ Frar ta’ dik is-sena.

39      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta diġà mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, it-terminu ta’ dekadenza previst fl-Artikolu 9(2) tat-TEHG, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonċerna l-ewwel stadju ta’ din il-proċedura, li fiha, b’mod partikolari, l-operaturi kienu obbligati, skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278, li jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bid-data ta’ referenza, elenkata fl-Anness IV ta’ din id-deċiżjoni, għall-perijodu 2005 sa 2008, għal kull waħda mill-installazzjonijiet ikkonċernati.

40      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni INEOS, il-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma wettaq armonizzazzjoni eżawrjenti f’dan l-istadju tal-proċedura. Fil-fatt, jekk, ċertament, id-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni 2011/278 irregolaw dan, la din id-direttiva u lanqas din id-deċiżjoni ma ddeterminaw it-terminu li fih operatur huwa obbligat li jressaq it-talba għal allokazzjoni tiegħu u wisq inqas dak li fih dan l-operatur jista’, skont il-każ, jikkorreġi jew jikkompleta d-data pprovduta insostenn ta’ din it-talba.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(8) tad-Deċiżjoni 2011/278 jippreċiża li, f’każ li data tkun nieqsa, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operatur jiġġustifika kwalunkwe “lakuna” u jissostitwixxi d-“data parzjalment disponibbli” bi stimi konservattivi, mingħajr madankollu ma jistabbilixxi proċedura li tippermetti l-korrezzjoni jew li l-informazzjoni pprovduta tiġi kkompletata. Fl-istess sens, waqt li l-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jaċċettaw id-data li ma ġietx irrikonoxxuta bħala sodisfaċenti minn verifikatur, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix terminu jew proċedura li għandha l-għan li tikkoreġi data mhux sodisfaċenti.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw il-modalitajiet proċedurali dwar it-tressiq u l-eżami ta’ talba għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola dawn il-modalitajiet skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 29).

43      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, minn l-ebda element tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta, u lanqas ma ġie allegat fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li t-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikser dan il-prinċipju. F’kull każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi f’dan ir-rigward, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni.

44      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi analizzat filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura fl-intier tagħha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 42).

45      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-termini ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 44).

46      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività sa fejn jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali li jipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata u kemm lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, termini bħal dawn ma humiex, bħala prinċipju, ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, C‑327/15, EU:C:2016:974, punt 98).

47      Minn dan isegwi li, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-iffissar ta’ termini raġonevoli taħt piena ta’ dekadenza huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 28).

48      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-data ta’ skadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ talbiet għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, prevista fl-Artikolu 9(2) tat-TEHG, ġiet stabbilita għat‑23 ta’ Jannar 2012. Hekk kif jirriżulta mill-punt 15 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li din id-data kienet is-suġġett ta’ pubblikazzjoni uffiċjali fl‑20 ta’ Ottubru 2011. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Ġermaniż, li ma ġewx ikkontestati fuq dan il-punt, jirriżulta li d-data ta’ skadenza ta’ dan it-terminu, fl-istess ġurnata, inġiebet hija wkoll għall-attenzjoni tal-operaturi f’messaġġ elettroniku li ġie indirizzat lilhom u hija s-suġġett ta’ stqarrija għall-istampa.

49      Minn dan jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, it-terminu ta’ dekadenza impost fuq l-operaturi għat-tressiq tat-talbiet tagħhom għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2011/278 għall-perijodu 2013‑2020 kien ta’ ftit iktar minn tliet xhur.

50      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk tali terminu kienx ta’ natura li jirrendi impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju minn operatur, bħal INEOS fil-kawża prinċipali, ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni 2011/278 jagħtu lil ċerti operaturi, bħal INEOS, id-dritt li jibbenefikaw minn kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għall-perijodu 2013‑2020, dan l-operatur ma sostnix, f’dan il-każ, li dan it-terminu ta’ ftit iktar minn tliet xhur kien qasir wisq sabiex iressaq it-talba tiegħu ta’ allokazzjoni bil-ħsieb li jingħata tali dritt, peress li l-imsemmi operatur anzi introduċa din it-talba fit-terminu msemmi. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element li jippermetti li wieħed jaħseb li t-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni jirrendi prattikament impossibli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

52      Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punti 25 u 39 tas-sentenza preżenti, dan l-operatur jikkontesta l-impossibbiltà li jikkompleta din it-talba wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu sabiex jikkoreġi data żbaljata li pprovda fir-rigward tal-emissjonijiet tal-installazzjonijiet tiegħu stess.

53      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, terminu ta’ dekadenza, bħala prinċipju, huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, minkejja l-fatt li l-iskadenza ta’ tali terminu huwa suxxettibbli, min-natura tiegħu, li jwaqqaf lill-persuni kkonċernati milli jasserixxu d-drittijiet tagħhom b’mod sħiħ jew parzjali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2000, Preston et, C‑78/98, EU:C:2000:247, punt 34; tat‑18 ta’ Settembru 2003, Pflücke, C‑125/01, EU:C:2003:477, punt 35, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2011, Q‑Beef u Bosschaert, C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 36).

54      Għalhekk, is-sempliċi fatt li t-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprekludi, min-natura tiegħu stess, lill-applikant għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, li jipprovdi informazzjoni supplimentari wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, ma jistax, fih innifsu, ikun biżżejjed sabiex juri ksur tal-prinċipju ta’ effettività.

55      Minn dan isegwi li l-ebda element tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li tali terminu ta’ dekadenza huwa ta’ natura li jirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli t-tressiq ta’ talba għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, bil-għan li jiġi eżerċitat id-dritt ta’ ksib ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2011/278.

56      INEOS issostni, madankollu, li jirriżulta mill-obbligu tal-Istati Membri li jibbażaw ruħhom, għall-kalkolu ta’ dawn il-kwoti, fuq data ta’ referenza l-iktar preċiża u sħiħa possibbli li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati, bil-għan li tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, jeskludu kull modalità proċedurali, bħat-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi li tikkoreġi data żbaljata.

57      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, hekk kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni 2011/278, moqri flimkien mal-premessa 15 ta’ dik id-deċiżjoni, għandhom jiżguraw li d-data miġbura mingħand l-operaturi u użata għall-fini tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas tkun sħiħa u konsistenti u tippreżenta l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, E.ON Kraftwerke, C‑461/15, EU:C:2016:648, punti 27 u 37).

58      F’din l-istess perspettiva, hekk kif jirriżulta diġà mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 jimponi lill-Istati Membri li jiżguraw li verifikatur ikkontrolla “l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-preċiżjoni” ta’ din id-data sabiex jasal għal opinjoni, b’“assigurazzjoni raġonevoli”, tal-preżenza jew tal-assenza ta’ dikjarazzjoni żbaljata sinjifikattiva.

59      Tali rekwiżit ta’ preċiżjoni huwa f’idejn l-Istati Membri, hekk kif jirriżulta kemm minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-premessa 15 tad-Deċiżjoni 2011/278, sabiex dawn tal-aħħar ikunu kapaċi jilħqu l-għan tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, imfakkar fil-punti 26 sa 28 ta’ din is-sentenza, bl-applikazzjoni armonizzata u konsistenti tar-regoli ta’ allokazzjoni.

60      Madankollu, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-istess ifformular tal-Artikolu 7(7) u (8) tad-Deċiżjoni 2011/278, ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni li jaqa’ fuq l-Istati Membri jirrikjedi l-koperazzjoni tal-operaturi u, f’dan ir-rigward, jimponilhom ukoll l-osservanza ta’ diversi obbligi, fosthom, b’mod partikolari, dik li jipprovdu data komprensiva, konsistenti u l-iktar preċiża possibbli kif ukoll dik li tiġi żgurata d-diliġenza dovuta.

61      Dawn l-obbligi ta’ kooperazzjoni imposti fuq l-operaturi huma intiżi b’mod ċar, hekk kif osserva, ġustament, l-Uffiċċju Federali tal-Ambjent u l-Gvern Ġermaniż, sabiex iwassal lil dawn tal-aħħar, peress li dawn huma s-sors tad-data ta’ referenza neċessarja għall-kalkolu tal-kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, sabiex jeżerċitaw id-diliġenza kollha dovuta sabiex jiġi żgurat il-ġbir ta’ data tal-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb, u dan, sabiex l-Istati Membri stess ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom, skont l-Artikoli 7 u 8 tad-Deċiżjoni 2011/278 u hekk jilħqu l-għan tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mfittex mid-Direttiva 2003/87.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 93 u 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi rekwiżit ta’ preċiżjoni huwa responsabbiltà konġunta tal-operaturi u tal-Istati Membri u li, għaldaqstant, ma jistax jitqies, kuntrarjament għal dak li ssostni INEOS, li dawn l-operaturi jgawdu bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2011/278 minn kwalunkwe dritt għall-eżattezza tad-data pprovduta għall-finijiet tal-kalkolu tal-kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas li huma jistgħu jinvokaw fil-konfront tal-Istat Membru tagħhom. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni effettiva ta’ din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex twarrab modalità proċedurali, bħat-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tippermetti lil operatur li jikkoreġi data żbaljata pprovduta minnu f’dan it-terminu.

63      Minn dan jirriżulta li ebda element tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li terminu ta’ dekadenza, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikser il-prinċipju ta’ effettività.

64      Din l-evalwazzjoni timponi ruħha iktar u iktar fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali li jirriżultaw mill-elementi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Ġermaniż, li ma ġewx ikkontestati minn INEOS fuq dan il-punt, li, mix-xahar ta’ Ottubru 2011, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti indikaw, numru ta’ drabi, lill-operaturi kkonċernati li, fir-rigward tal-installazzjonijiet li, bħal dik ta’ INEOS inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu biss suġġetti għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni mill‑1 ta’ Jannar 2008, komunikazzjoni kumplimentari tad-data rilevanti elenkata fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Allokazzjoni tal-Kwoti ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra għall-Perijodu ta’ Skambju 2013 sa 2020 tas‑26 ta’ Settembru 2011, kienet neċessarja meta l-perijodu ta’ referenza 2005‑2008 ġiet magħżula.

65      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-korrezzjoni tad-data żbaljata għall-għoti ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas kumplimentari, jekk possibbli, issir, mhux biss wara t-tmiem tal-ewwel stadju, iżda wkoll wara dik tat-tielet u l-aħħar stadju tal-proċedura, li tirriżulta min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

66      Issa, tali korrezzjoni tardiva tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li kwalunkwe allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas tista’ tibqa’ indefinittivament provviżorja, peress li l-ewwel stadju tal-proċedura tista’ dejjem tinfetaħ mill-ġdid. Dan iwassal għal tħarbit serju tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas.

67      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni INEOS, interpretazzjoni differenti ma tista’ qatt tiġi dedotta mis-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311). Ċertament, fil-punt 97 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien l-obbligu tal-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-“korrezzjonijiet neċessarji” tad-data dwar l-emissjonijiet ipprovduta. Madankollu, f’dawn il-kawżi, l-iżball kien jirriżulta, hekk kif jirriżulta mill-punti 94 u 95 ta’ din l-istess sentenza, mit-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data mibgħuta mill-Istati Membri, dwar l-emissjonijiet ta’ perijodu mhux kopert mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Huwa biss minħabba l-gravità ta’ dan l-iżball, li jaffettwa sostanzjalment il-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi u, fl-aħħar mill-aħħar, in-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas, li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jopponix it-tqegħid inkwistjoni ta’ dan il-fattur b’effett ex nunc mill-mument indikat fil-punt 111 tal-imsemmija sentenza.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll id-Deċiżjoni 2011/278 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għat-tressiq ta’ talba għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas fir-rigward tal-perijodu 2013‑2020, terminu ta’ dekadenza li meta jiskadi, l-applikant huwa mċaħħad minn kull possibbiltà li jikkoreġi jew jikkompleta t-talba tiegħu, peress li dan it-terminu ma huwiex ta’ natura li jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli t-tressiq ta’ tali talba.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/29/KE tat23 ta’ April 2009, kif ukoll d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għat-tressiq ta’ talba għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas fir-rigward tal-perijodu 20132020, terminu ta’ dekadenza li meta jiskadi, l-applikant huwa mċaħħad minn kull possibbiltà li jikkoreġi jew jikkompleta t-talba tiegħu, peress li dan it-terminu ma huwiex ta’ natura li jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli t-tressiq ta’ tali talba.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.