Language of document : ECLI:EU:C:2014:94

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-25 ta’ Frar 2014 (1)

Kawżi Magħquda C‑129/13 u C‑130/13

Kamino International Logistics BV (C‑129/13),

u

Datema Hellmann Worldwide Logistics BV (C‑130/13)

vs

Staatssecretaris van Financiën

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Irkupru ta’ dejn doganali — Dritt tad-difiża — Prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża — Effett dirett”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-kawżi magħquda ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw id-drittijiet tad-difiża u, iktar preċiżament, id-dritt tas-smigħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva.

2.        Permezz tad-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha tat-22 ta’ Frar 2013, li waslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2013, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), qegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, dwar l-applikabbiltà diretta tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Fil-każ ta’ risposta pożittiva, tixtieq tkun taf jekk id-dritt tas-smigħ għandux jitqies li ġie miksur jekk il-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata ma kellhiex l-opportunità li tispjega l-pożizzjoni tagħha ħlief fl-istadju tar-rikors amministrattiv, jiġifieri wara li ttieħdet id-deċiżjoni inizjali. Fl-aħħar nett, din tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi ġuridiċi tal-ksur potenzjali tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ċ-ċirkustanzi li jistgħu jinfluwenzaw lil dawn tal-aħħar.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3.        L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2,      Dan id-dritt jinkludi:

a)      id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

[…]”

4.        L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.”

2.      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

5.        L-Artikoli 220 u 221 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (iktar ’il quddiem il-“KDK”) (2), jifformaw parti mill-Kapitolu 3, taqsima 1, intitolat “Dħul fil-kontijiet u komunikazzjoni tal-ammont tad-dazju lid-debitur”.

6.        L-Artikolu 220(1) tal-KDK, jistabbilixxi:

“Fejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skond l-Artikolu 219.”

7.        L-Artikolu 221 tal-KDK jistabbilixxi:

“1.      Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.

[…]

3.      Ma għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-temma ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq id-dejn mad-dwana. Dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi sospiż mal-waqt tad-depożitu ta’ appell fit-tifsira ta’ l-Artikolu 243, għal matul il-proċedimenti ta’ l-appell.

[…]”

8.        L-Artikoli 243 sa 245 tal-KDK jifformaw parti mit-Titolu VIII, intitolat “Appelli”.

9.        L-Artikolu 243 tal-KDK jipprovdi kif ġej:

“1.      Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.

Kull persuna li tkun applikat lill-awtoritajiet doganali għal deċiżjoni rigward l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni doganali u ma kisbitx deċiżjoni fuq dik it-talba fil-perjodu li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 6(2) għandha wkoll tkun intitolata teżerċita d-dritt ta’ appell.

L-appell għandu jiġi prezentat fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew saret l-applikazzjoni.

2.      Id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat:

a)      inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali nominati għal dak l-iskop mill-Istati Membri;

b)      sussegwentement, quddiem korp indipendenti, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp speċjalizzat ekwivalenti, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri.”

10.      L-Artikolu 244 tal-KDK jipprovdi:

“Il-preżentazzjoni ta’ appell m’għandhiex tikkawża s-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni fil-vertenza.

L-awtoritajiet doganali għandhom, iżda, jissospendu l-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni sħiħa jew parti minnha fejn ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li d-deċiżjoni fil-vertenza m’hijiex konsistenti mal-leġislazzjoni doganali jew li hemm il-biża’ ta’ ħsara irreparabbli għall-persuna interessata.

Fejn id-deċiżjoni fil-vertenza jkollha l-effett li tikkawża li jiġu imposti dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni, is-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni għandha tkun bla ħsara għall-eżistenza jew il-preżentazzjoni ta’ garanzija. Iżda, dik il-garanzija tista’ ma tkunx meħtieġa fejn, minħabba ċ-ċirkostanzi tad-debitur, jekk tiġi mitluba x’aktarx li jinħolqu diffikultajiet serji ekonomiċi jew soċjali.”

11.      L-Artikolu 245 tal-KDK jipprovdi li:

“Id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ l-appelli għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri”.

B –    Id-dritt Olandiż

12.      Skont l-Artikolu 4:8(1) tal-liġi ġenerali fil-qasam amministrattiv, (Algemene wet bestuursrecht, iktar ’il quddiem l-“Awb”), qabel ma tittieħed deċiżjoni li probabbilment tippreġudika lil persuna kkonċernata li ma ressqitx talba għal din id-deċiżjoni, l-amministrazzjoni għandha tippermettilha tesponi l-pożizzjoni tagħha jekk, minn naħa, id-deċiżjoni msemmija hija msejsa fuq elementi li huma relatati ma’ fatti u ma’ interessi li jikkonċernawha u, min-naħa l-oħra, dawn l-elementi ma ġewx ikkomunikati mill-persuna kkonċernata nnifisha.

13.      L-Artikolu 4:12(1) tal-Awb huwa mfassal kif ġej:

“Il-korp amministrattiv jista’ ma japplikax id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4:7 u 4:8 jekk jieħu deċiżjoni li tistabbilixxi obbligu jew dritt finanzjarju, kemm-il darba:

a)      jista’ jiġi ppreżentat ilment jew rikors amministrattiv kontra dik id-deċiżjoni, u

b)      il-konsegwenzi negattivi tad-deċiżjoni jistgħu jkunu għal kollox riversibbli, ladarba jiġi ppreżentat l-ilment jew ir-rikors.”

14.      L-Artikolu 6:22 tal-Awb huwa mfassal kif ġej:

“Id-deċiżjoni li kontriha tressaq l-ilment jew ir-rikors tista’, minkejja l-ksur ta’ regola tad-dritt miktuba jew mhux miktuba jew ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt, tiġi sostnuta mill-korp li ddeċieda dwar l-ilment jew ir-rikors, jekk jista’ jiġi ammess li dan il-ksur tar-regola jew tal-prinċipju ma ppreġudikax lil persuni kkonċernati.”

15.      L-Artikolu 7:2 tal-Awb huwa mfassal kif ġej:

“1.      Qabel ma jiddeċiedi dwar l-ilment, il-korp amministrattiv għandu joffri l-possibbiltà lil persuna kkonċernata li tinstema’.

2.      Il-korp amministrattiv għandu, fil-każijiet kollha, jinforma dwar dan lil persuna li ressqet l-ilment kif ukoll lil persuni kollha kkonċernati li, fil-kuntest tat-tħejjija tad-deċiżjoni, esponew il-pożizzjoni tagħhom.”

16.      Id-deċiżjonijiet amministrattivi jistgħu sussegwentement ikunu s-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju, bil-possibbiltà tal-appell u ta’ kassazzjoni.

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A –    Il-fatti fl-isfond tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

17.      F’kull waħda mill-kawżi prinċipali pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, aġent doganali, jiġifieri Kamino International Logistics BV, fil-Kawża C‑129/13 u Datema Hellmannn Worldwide Logistics BV, fil-Kawża C‑130/13 (iktar ’il quddiem il-“persuni kkonċernati”), fuq mandat tal-istess impriża, għamel dikjarazzjonijiet, fl-2002 u fl-2003, bl-għan li l-merkanzija partikolari titpoġġa f’ċirkulazzjoni libera, liema merkanzija ġiet deskritta bħala “paviljuni tal-ġnien/tined għal festini u ġnub laterali”. Il-persuni kkonċernati ddikjaraw din il-merkanzija taħt l-intestatura 6 601 10 00 (“Umbrelel għal ġonna jew umbrelel simili”) tan-nomenklatura magħquda (iktar ’il quddiem “NM”). Id-dwana imponiet dazji doganali ta’ 4.7 % stabbiliti għal din l-intestatura.

18.      Sussegwentement, l-awtoritajiet doganali Olandiżi wettqu l-verifiki tagħhom mal-mandant tal-persuni kkonċernati, bil-għan li jaċċertaw irwieħhom dwar l-eżattezza tal-klassifikazzjoni tariffarja. Wara dawn il-verifiki, l-awtorità Olandiża kompetenti, jiġifieri l-ispettur tat-taxxi, iddeċieda li l-imsemmija klassifikazzjoni kienet skorretta u li l-merkanzija kkonċernata kellha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 6 306 99 00 tal-NM (“tined u oġġetti għal ikkampjar”) li għaliha tapplika rata ogħla (12.2 %).

19.      Fid-dawl tad-differenza fir-rati applikabbli għaż-żewġ intestaturi iċċitati iktar ’il fuq, l-ispettur tat-taxxi, b’deċiżjoni tat-2 ta’ April 2005, ipproċeda għall-irkupru a posteriori tad-dazji doganali addizzjonali (fiż-żewġ każijiet, ammont ta’ madwar EUR 10 000). Kull waħda mill-persuni kkonċernati, irċeviet, għal dan il-għan, avviż għall-ħlas (iktar ’il quddiem l-“ADP”) stabbilit abbażi tal-Artikolu 220 tal-KDK.

20.      Il-persuni kkonċernati ma kellhomx il-possibbiltà li jressqu l-argumenti tagħhom qabel il-ħruġ ta’ dawn l-ADP.

B –    L-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji

21.      Il-persuni kkonċernati ressqu lment kontra l-ADP iċċitati iktar ’il fuq, quddiem l-ispettur tat-taxxi, li tahom il-possibbiltà li jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom, iżda ddikjara l-ilmenti infondati.

22.      Ir-rikorsi ppreżentati mill-persuni kkonċernati kontra din id-deċiżjoni tal-ispettur tat-taxxi ġew iddikjarati infondati mir-Rechtbank te Haarlem. Fl-appell, il-Gerechtshof te Amsterdam ikkonfermat is-sentenza tar-Rechtbank te Haarlem inkwantu din kienet tobbliga lill-persuni kkonċernati jħallsu l-obbligi tagħhom skont l-ADP.

23.      Il-persuni kkonċernati għalhekk ressqu appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden. Huwa fil-kuntest ta’ din il-proċedura li tressqu d-domandi preliminari.

24.      Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, il-Hoge Raad der Nederlanden tfakkar li l-Gerechtshof te Amsterdam qieset, fl-appell, li l-ispettur tat-taxxi kien kiser il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża inkwantu ma kienx offra lill-persuni kkonċernati, qabel il-ħruġ tal-ADP, l-opportunità li jesprimu ruħhom dwar l-elementi li fuqhom kien ibbażat l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali.

25.      Madankollu, din tirrileva li la l-KDK u lanqas id-dritt nazzjonali applikabbli ma fihom xi dispożizzjonijiet proċedurali li jobbligaw lil awtoritajiet doganali li jagħtu lill-persuna obbligata mill-ħlas tad-dazji doganali, qabel ma jiġi kkomunikat id-dejn doganali msemmi fl-Artikolu 221(1) tal-KDK, il-possibbiltà li tippreżenta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-elementi li fuqhom kien ibbażat l-irkupru a posteriori.

26.      Dan premess, il-Hoge Raad der Nederlanden tistaqsi, qabel kollox, jekk il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwiex tali li jista’ jiġi applikat direttament mill-qorti nazzjonali. Sussegwentement, jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun pożittiva, tixtieq tkun taf huwiex minnu li, kif ikkonkludiet il-Gerechtshof te Amsterdam, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża (u b’mod iktar partikolari d-dritt tas-smigħ li minnu jagħmel parti), ġie miksur meta, għalkemm il-persuni kkonċernati ma setgħux iressqu l-argumenti tagħhom qabel l-ewwel deċiżjoni tal-ispettur tat-taxxi, dawn kellhom l-opportunità li jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom waqt il-proċeduri tal-ilmenti u tar-rikors. Finalment, il-Hoge Raad der Nederlanden tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi legali tal-ksur tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża u jekk dawn tal-aħħar għandhomx jiġu stabbiliti skont id-dritt nazzjonali jew abbażi tad-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar preċiż, u fl-ipoteżi fejn dawn il-konsegwenzi legali jiġu ddeterminati abbażi tad-dritt tal-Unjoni, il-Hoge Raad der Nederlanden tixtieq tkun taf jekk, f’każ ta’ ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-qorti nazzjonali hijiex marbuta li tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew jekk tistax, fl-evalwazzjoni tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li mingħajr il-ksur inkwistjoni, id-deċiżjoni kienet tkun identika.

C –    Id-domandi preliminari

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma mfassla b’mod identiku f’kull waħda mill-kawżi magħquda:

“1)      Il-prinċipju tad-dritt Ewropew dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża mill-amministrazzjoni huwa suġġett għal applikazzjoni diretta mill-qorti nazzjonali?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv:

a)      il-prinċipju tad-dritt Ewropew dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża mill-amministrazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju msemmi jinkiser meta jkun ċert li d-destinatarju ta’ deċiżjoni proposta ma jkunx instema’ qabel ma l-amministrazzjoni tadotta miżura li tikkawżalu preġudizzju, iżda li madankollu tagħtih il-possibbiltà li jinstema’, f’fażi amministrattiva ulterjuri (ta’ lment), li tippreċedi l-aċċess għall-qorti nazzjonali?

b)      il-konsegwenzi legali tal-ksur mill-amministrazzjoni tal-prinċipju tad-dritt Ewropew dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali?

3)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda (b) hija fin-negattiv, liema huma ċ-ċirkustanzi li l-qorti nazzjonali, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, u din tal-aħħar tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni jekk huwiex permess li jitqies li l-proċedura, mingħajr il-ksur mill-amministrazzjoni tal-prinċipju tad-dritt Ewropew dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, kien ikollha riżultat differenti?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2013. B’deċiżjoni tal-24 ta’ April 2013, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-kawżi jiġu magħquda.

29.      Il-partijiet ikkonċernati, il-Gvernijiet tal-Olanda, tal-Belġju, tal-Greċja u ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub. Fil-15 ta’ Jannar 2014, saret seduta li matulha l-partijiet ikkonċernati, il-Gvernijiet tal-Olanda, tal-Belġju, tal-Greċja kif ukoll il-Kummissjoni ttrattaw il-kawża.

V –    Analiżi ġuridika

A –    Dwar l-ewwel domanda preliminari

30.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwiex tali li jista’ jiġi applikat b’mod dirett mill-qorti nazzjonali.

31.      Ċertament, “id-drittijiet tad-difiża, li jinkludu d-dritt għal smigħ […], huma fost id-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li huma rrikonoxxuti fil-Karta” (3).

32.      Kien, barra minn hekk, meta kellha quddiemha kawża relatata mal-proċedura tal-irkupru a posteriori ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, abbażi ta’ dan il-prinċipju, “id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod notevoli għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv f’dak li jirrigwarda l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha” (4). Fi kliem ieħor, “id-dritt li wieħed jinstema’ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha” (5).

33.      Barra minn hekk, illum il-ġurnata, “id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament” huwa espressament inkluż fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, taħt id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

34.      Ma jistax jiġi kkontestat li, peress li l-kawża preżenti tikkonċerna proċedura relatata mal-irkupru a posteriori ta’ dazji doganali u għalhekk mal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 41 tal-Karta għandu jiġi osservat mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

35.      F’dak li jirrigwarda r-rwol tal-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża, fis-sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, li huwa l-kompitu tagħha li “tiżgura li t-terminu [biex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet tal-persuni kkonċernati] hekk assenjat individwalment mill-amministrazzjoni jikkorrispondi għas-sitwazzjoni partikolari tal-persuna jew tal-impriża inkwistjoni u li huwa ppermettielhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom fl-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività” (6).

36.      Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta mhux biss li l-amministrazzjonijiet nazzjonali huma marbuta josservaw id-drittijiet tad-difiża fl-implementazzjoni tagħhom tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll li l-persuni kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà li jinvokaw l-osservanza tagħhom direttament quddiem il-qrati nazzjonali, u dan biex jiġi evitat li dawn id-drittijiet jibqgħu biss fuq il-karta jew purament formali (7).

B –    Dwar it-tieni domanda preliminari, subinċiż (a)

37.      It-tieni domanda preliminari tinqasam f’żewġ partijiet.

38.      It-tieni domanda, fis-subinċiż (a), għandha l-għan li tistabbilixxi jekk id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ deċiżjoni jinkisrux kemm-il darba dan ma jinstemax qabel ma tittieħed id-deċiżjoni (f’dan il-każ l-ADP), minkejja li jkun jista’ jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu fl-istadju ulterjuri tal-ilment amministrattiv. It-tieni domanda, fis-subinċiż (b), tikkonċerna l-konsegwenzi legali tal-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Din l-aħħar parti hija marbuta mal-istess tema tat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant dawn ser jiġu eżaminati flimkien iktar ’il quddiem u ser nillimita ruħi hawnhekk għall-eżami tat-tieni parti tat-tieni domanda fis-subinċiż (a).

39.      Madankollu, qabel dan l-eżami, nixtieq nidħol fi kwistjoni li ġiet ampjament diskussa waqt is-seduta u li ssemmiet mill-qorti tar-rinviju, dik li jiġi stabbilit jekk il-proċedura li tibda mill-ADP u li twassal sad-deċiżjoni dwar l-ilment, introdotta abbażi tal-Awb, tikkostitwixxix proċedura unika (f’liema każ, id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tad-deċiżjoni, li mid-definizzjoni tagħha hija unika, neċessarjament ġew osservati) jew jekk, b’mod kuntrarju, tiġborx fiha żewġ stadji u żewġ deċiżjonijiet, fejn it-tieni stadju jiġi adottat biss fil-każ li jitressaq ilment kontra l-ewwel stadju (f’liema każ tqum il-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, peress li d-destinatarju tad-deċiżjonijiet ma jkunx instema’ ħlief wara d-deċiżjoni inizjali u l-ilment tiegħu).

40.      Għalkemm l-awtorità amministrattiva tibqa’ l-istess tul il-proċedura kollha (minkejja li r-rappreżentant tal-Gvern Olandiż indika, waqt is-seduta, li din l-awtorità setgħet tappella quddiem istanza oħra, iżda taħt il-kompetenza u l-awtorità tagħha), ma hemmx dubju li nxaqleb iktar lejn it-tieni parti tal-alternattiva.

41.      Fil-fatt, it-tfassil u n-notifika tal-ADP jikkostitwixxu deċiżjoni bl-effetti ġuridiċi tagħha, li jimponu fuq id-destinatarju l-ħlas, fil-każ preżenti, ta’ dazji doganali addizzjonali. Irid jingħad li dawn l-effetti jsiru definittivi jekk id-destinatarju, li f’dan l-istadju ma ġiex mismugħ, ma jressaqx ilment. Huwa biss fil-kuntest ta’ lment potenzjali li l-awtorità amministrattiva kompetenti jkollha tisma’ lill-persuna kkonċernata, tipproċedi għal eżaminazzjoni kompleta mill-ġdid tal-fajl u tadotta deċiżjoni ġdida jew tikkonferma l-ADP maħruġ.

42.      Barra minn hekk, mill-eżami tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali applikabbli jirriżulta li l-ilment ma għandux l-effett tas-sospensjoni awtomatika u l-ħlas tad-dazji doganali jibqa’ dovut. Il-fatt li tista’ tintalab is-sospensjoni (u li, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentant tal-Gvern Olandiż waqt is-seduta, teżisti ċirkolari ministerjali li timponi li din tingħata b’riżerva f’każijiet ta’ frodi) ma jbiddel xejn mill-fatt li l-ADP jikkostitwixxi deċiżjoni b’effetti ġuridiċi awtonomi.

43.      Huwa għalhekk abbażi ta’ din l-ipoteżi li ser nagħmel ir-raġunament tiegħi fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

1.      L-għan imfittex mid-dritt tas-smigħ

44.      Biex nirrispondi għad-domanda magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden, jeħtieġ li nfakkar l-ewwel nett l-għan imfittex mill-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u iktar preċiżament mid-dritt tas-smigħ.

45.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-“regola li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma tittieħed din tal-aħħar huwa li l-awtorità kompetenti tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-elementi rilevanti kollha. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna jew tal-impriża kkonċernata, hija għandha b’mod partikolari l-għan li dawn tal-aħħar jkunu jistgħu jikkoreġu żball jew iressqu dawk l-elementi relattivi għas-sitwazzjoni personali tagħhom li jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut partikolari” (8).

46.      Fi kliem ieħor, “[i]d-dritt li wieħed jinstema’ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha […]” (9).

47.      Il-qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkjarifikat il-portata tad-dritt tas-smigħ fil-kawża Gerlach (10), relatata mal-proċedura tat-tranżitu fl-Unjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-mument meta seħħew il-fatti (11) kien jirriżulta li l-Istat Membru tal-uffiċċju tat-tluq seta’ biss jipproċedi bl-irkupru tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni jekk ikun preliminarjament indika lill-persuna prinċipalment responsabbli li din tal-aħħar kellha terminu ta’ tliet xhur biex tipproduċi l-provi mitluba u biss jekk dawn tal-aħħar ma jkunux ġew prodotti fl-imsemmi terminu. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’dawn il-kundizzjonijiet, l-imsemmi terminu ma setax jingħata, għall-ewwel darba, waqt il-proċedura tal-ilment introdotta kontra deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti biex jipproċedu għall-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni (12). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet id-dritt tal-persuna prinċipalment responsabbli bħala wieħed li jikkonsisti f’“li jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar ir-regolarità ta’ l-operazzjoni ta’ tranżitu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru li tagħha huwa d-destinatarju, u li taffettwa l-interessi tiegħu b’mod apprezzabbli” (13).

48.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tippreġudikah jingħata d-dritt li jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, la jirrispetta d-dritt tas-smigħ u lanqas id-drittijiet tad-difiża.

49.      Madankollu, skont ġurisprudenza daqshekk ieħor stabbilita, “[i]d-drittijiet fundamentali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jwasslu għal xi restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali sabiex jintlaħqu l-miżuri in kwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward ta’ l-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-drittijiet hemm iggarantiti” (14). Fl-istess sentenza Dokter et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tippreċiża li tali restrizzjoni ma tistax tikkostitwixxi “intervent sproporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-drittijiet tad-difiża, anki jekk l-interessati ma jkollhomx il-possibbiltà li jikkontestaw l-imsemmija miżuri fi proċedura ulterjuri, u jsostnu l-opinjonijiet tagħhom fil-kuntest tagħha” (15).

2.      Ir-restrizzjoni tal-prinċipju tad-dritt tas-smigħ

50.      Sabiex nirrispondi għad-domanda dwar jekk ir-restrizzjoni għad-dritt tas-smigħ, maħluqa permezz tal-proċedura stabbilita mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tissodisfax il-kundizzjonijiet li jinsabu fis-sentenza Dokter et, iċċitata iktar ’il fuq, jeħtieġ, minn naħa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet mandatorji imposti mid-dritt tal-Unjoni nnifsu għat-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-drittijiet li jirriżultaw minn dejn doganali, u min-naħa l-oħra, it-totalità tal-proċedura amministrattiva, kif organizzata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

a)      It-termini imposti mill-KDK

51.      L-Artikolu 220(1) tal-KDK jistabbilixxi li, meta l-ammont tad-dazji li jirriżulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skont l-Artikoli 218 u 219 tiegħu jew ikun iddaħħal fil-kontijiet f’livell li huwa inferjuri għall-ammont legalment dovut, id-dħul fil-kontijiet tal-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat, għandu jsir fi żmien jumejn li jibdew jiddekorru mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali ndunaw b’din is-sitwazzjoni u huma f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u li jiddeterminaw id-debitur. L-Artikolu 221 tal-KDK iżid jgħid li l-ammont tad-dazji għandu jiġi kkomunikat lid-debitur malli jkun iddaħħal fil-kontijiet.

52.      Jidher diffiċli li dan it-terminu ta’ jumejn, li huwa mandatorju, jiġi rikonċiljat mal-obbligu tas-smigħ tal-persuna kkonċernata, qabel id-deċiżjoni tad-dħul fil-kontijiet tal-ammont ta’ dazji li għandhom jiġu rkuprati.

53.      Is-suffiċjenza ta’ dan it-terminu fir-rigward tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, diġà ġiet diskuss, barra minn hekk, f’kawża għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana (16). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kien japplika għall-proċedura tal-irkupru a posteriori, madankollu hija kkompletat din id-dikjarazzjoni b’riżerva li tgħid li l-imsemmi prinċipju “[…] min-naħa l-oħra […] ma jistax ikollu bħala konsegwenza li Stat Membru jikser l-obbligi tiegħu ta’ dħul fil-kontijiet, fit-termini previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, tad-drittijiet [tal-Unjoni] fuq ir-riżorsi proprji […]” (17).

54.      B’hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li d-dikjarazzjoni tal-prinċipju tiġi segwita b’riżerva. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li għalkemm, ċertament, il-prinċipju tad-dritt tad-difiża għandu jiġi osservat, ma jistax iwassal għall-ksur tat-termini imposti fuq l-Istati Membri permezz tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

55.      Konxja mil-limitazzjoni fuq id-drittijiet tad-difiża li għaliha twassal din ir-riżerva, il-Qorti tal-Ġustizzja ttaffiha billi tippreċiża, “[b]arra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dħul fil-kontijiet u n-notifika tad-dazju doganali dovut kif ukoll l-inklużjoni tar-riżorsi proprji ma jipprekludux lid-debitur milli jikkontesta, skont l-Artikoli 243 et seq tal-Kodiċi Doganali, l-obbligu tiegħu billi jinvoka l-argumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu”(18).

56.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni stess jidher li huwa konxju mid-diffikultà għall-Istati Membri li jisimgħu lil persuna kkonċernata qabel ma jiddaħħal fil-kontijiet l-ammont tad-dazju li għandu jiġi rkuprat.

57.      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 22(6) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, (riformulazzjoni) (19), jistabbilixxi, li minn issa ’il quddiem, “[q]abel tittieħed deċiżjoni li taffettwa b’mod negattiv lill-applikant, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet li fuqhom bi ħsiebhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom lill-applikant, li għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu f’perijodu preskritt mid-data li fiha jkun irċieva dik il-komunikazzjoni jew li fiha jitqies li jkun irċeviha”. Il-premessa 27 ta’ dan ir-regolament tippreċiża, barra minn hekk, li dan l-obbligu huwa impost fil-Karta. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 105(3) tal-imsemmi regolament, id-dħul fil-kontijiet tal-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li jrid jitħallas għandu jsir, meta d-dispożizzjonijiet rilevanti huma applikabbli (20), fi żmien 14-il jum mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali “jkunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw l-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni inkwistjoni u jieħdu deċiżjoni” (21).

b)      Il-karatteristiċi tal-proċedura amministrattiva nazzjonali inkwistjoni

58.      Fil-kawża preżenti, il-proċedura amministrattiva hija organizzata mill-Awb. Il-prinċipju, previst fl-Artikolu 4:8 tal-Awb, jitlob li l-korpi amministrattivi, qabel ma jieħdu deċiżjoni li tista’ tippreġudika lil persuna kkonċernata li ma tkunx ressqet talba għal din id-deċiżjoni, jippermettulha tesponi l-pożizzjoni tagħha fuq id-deċiżjoni inkwistjoni.

59.      Madankollu, skont l-Artikolu 4:12 tal-Awb, dan il-prinċipju ma japplikax għal deċiżjonijiet ta’ natura finanzjarja jekk, minn naħa, jista’ jiġi ppreżentat ilment kontra dik id-deċiżjoni u jekk, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi negattivi jistgħu jkunu għal kollox riversibbli, ladarba jiġi ppreżentat ir-rikors.

60.      F’dan il-każ, jidher li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti.

61.      Fil-fatt, il-persuni kkonċernati kellhom il-possibbiltà li jitolbu li d-deċiżjoni tiġi eżaminata mill-ġdid mill-korp amministrattiv li adotta d-deċiżjoni (qabel ma setgħu jippreżentaw rikors ġudizzjarju, bil-possibbiltà tal-appell u tal-appell ta’ kassazzjoni).

62.      Skont il-Gvern Olandiż, dan l-eżami amministrattiv mill-ġdid għandu jsir ex nunc, jiġifieri abbażi tad-dispożizzjonijiet legali u tal-fatti rilevanti, kif kienu fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni fuq l-ilment. Il-konsegwenzi negattivi tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu għalhekk jitħassru meta tiġi fi tmiemha l-proċedura tal-ilment.

63.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7:2 tal-Awb, “[q]abel ma jiddeċiedi dwar l-ilment, il-korp amministrattiv għandu joffri l-possibbiltà lil persuna kkonċernata li tinstema”.

64.      Madankollu nosserva li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 244 tal-KDK, il-preżentata ta’ rikors ma tissospendix l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa minnu li t-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu jtaffi r-regola billi jawtorizza lil awtoritajiet doganali jissospendu, għal kollox jew parzjalment, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. Madankollu, din is-sospensjoni hija biss possibbli jekk l-awtoritajiet doganali jkollhom raġunijiet fondati sabiex jiddubitaw mill-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew jekk hemm il-biża’ li l-persuna kkonċernata tista’ ssofri ħsara irreparabbli. Barra minn hekk, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 244 tal-KDK jimponi, f’dan il-każ, il-kostituzzjoni ta’ garanzija (bir-riżerva f’każ ta’ diffikultajiet serji ta’ natura ekonomika jew soċjali għad-debitur).

65.      Skont il-Gvern Olandiż, il-konsegwenzi potenzjali u negattivi tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu madankollu jitħassru a posteriori, kemm-il darba l-ħlas ikun jista’ jiġi pospost f’każ ta’ lment u d-deċiżjoni tiġi sospiża fl-istennija tal-eżitu tal-ilment (u tar-rikors) skont it-regoli nazzjonali.

66.      Madankollu, kif diġà esponejt, ir-rappreżentant tal-Gvern Olandiż indika, waqt is-seduta, li din is-sospensjoni ma kinitx awtomatika, iżda kellha tintalab, fl-ilment, mid-destinatarju tal-ADP ikkontestat. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjonijiet tiegħu jirriżulta wkoll li, jekk is-sospensjoni tingħata, bħala regola ġenerali, dan l-għoti jkun fil-prinċipju previst biss permezz ta’ ċirkolari ministerjali.

67.      B’riżerva għall-verifika mill-qorti tar-rinviju (li ma għamlet l-ebda referenza għal din iċ-ċirkolari fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha), tali regola, li mid-definizzjoni tagħha tista’ tinbidel f’kull mument, ma jidhirlix li hija ta’ natura li tissospendi b’mod suffiċjentement awtomatiku l-effetti ġuridiċi awtonomi tal-ADP sar-riforma potenzjali tiegħu u, iktar partikolarment, l-obbligu tal-ħlas tad-dazju doganali addizzjonali.

c)      Il-konklużjoni dwar it-tieni domanda, subinċiż (a)

68.      Fil-kawża preżenti, id-destinatarju tal-ADP ma nstemax qabel ma ttieħdet deċiżjoni li ppreġudikatu, iżda l-Artikolu 7:2 tal-Awb jistabbilixxi espressament li, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-ilment, il-korp amministrattiv għandu joffri l-possibbiltà lil persuna kkonċernata li tinstema’.

69.      Il-ħtieġa li jiġu distinti d-drittijiet konċessi, minn naħa, mill-Artikolu 41 tal-Karta (kontenzjuż amministrattiv) u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 47 tal-Karta (kontenzjuż ġudizzjarju), hija barra minn hekk osservata, peress li s-smigħ tal-persuna kkonċernata huwa preċiżament organizzat fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, u mhux biss matul ir-rikors ġudizzjarju.

70.      Ma aħniex għalhekk fil-preżenza ta’ każ fejn, biex nuża l-kliem tas-sentenza Dokter et, iċċitata iktar ’il fuq, “l-interessati [ma kellhomx] il-possibbiltà li jikkontestaw [id-deċiżjoni kontenzjuża] fi proċedura ulterjuri, u jsostnu l-opinjonijiet tagħhom fil-kuntest tagħha” (22).

71.      Madankollu, ma jidhirlix li dawn l-elementi huma biżżejjed biex jikkostitwixxu restrizzjoni ġġustifikata għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u dan għal tliet raġunijiet.

72.      Qabel kollox, ma nistax nara r-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati bħala għan ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw in-nuqqas tas-smigħ preliminari. Ma jidhirlix li l-uniċi rekwiżiti tat-termini li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jistgħu, f’dan ir-rigward, jiġu ammessi bħala tali.

73.      Sussegwentement, id-deċiżjoni li tittieħed mingħajr is-smigħ tad-destinatarju ma tistax tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni amministrattiva ġdida, ħlief fuq l-inizjattiva ta’ dan tal-aħħar.

74.      Finalment u fuq kollox, din il-proċedura tal-ilment ma għandhiex effett sospensiv awtomatiku. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-karatteristika hija ta’ importanza deċiżiva fl-eżami tal-ġustifikazzjoni potenzjali għar-restrizzjoni tad-dritt tas-smigħ, qabel deċiżjoni li tikkawża preġudizzju.

75.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Texdata Software, li “l-applikazzjoni ta’ sanzjoni inizjali ta’ EUR 700 mingħajr intimazzjoni minn qabel jew possibbiltà ta’ smigħ qabel l-impożizzjoni tal-multa ma tidhirx li taffettwa l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni, peress li l-preżentazzjoni tar-rikors motivat kontra d-deċiżjoni li timponi l-multa trendi tali deċiżjoni inapplikabbli u tagħti bidu għall proċedura ordinarja li fil-kuntest tagħha hemm dritt għal smigħ” (23). [l-enfasi hija tiegħi]

76.      Fil-kawża preżenti, għalkemm it-tieni kundizzjoni hija sodisfatta (id-destinatarju jinstema’ fil-kuntest tal-proċedura tal-ilment), l-ewwel rekwiżit (l-inapplikabbiltà immedjata tal-att li jikkawża preġudizzju f’każ ta’ rikors) huwa nieqes.

77.      F’dawn il-kundizzjonijiet, inqis li liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikser il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-amministrat, u iktar preċiżament id-dritt tas-smigħ.

78.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi, ma jkunx meħtieġ li tingħata risposta għas-subinċiż (b) tat-tieni domanda, u lanqas għat-tielet domanda, inkwantu dawn jikkonċernaw il-konsegwenzi legali tal-ksur tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża.

C –    Dwar is-subinċiż (b) tat-tieni domanda, u t-tielet domanda

79.      Permezz tas-subinċiż (b) tat-tieni domanda, u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk, minn naħa, il-konsegwenzi legali tal-ksur mill-amministrazzjoni tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża humiex iddeterminati jew le mid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jekk dan ma huwiex il-każ, x’inhuma ċ-ċirkustanzi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-eżami tiegħu. Fit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha fil-mira tagħha, espressament, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ipoteżi fejn l-eżitu tal-proċess deċiżjonali kien ikun identiku fil-każ tal-osservanza tad-dritt miksur.

80.      Dawn id-domandi għandhom risposta ċara, preċiża u nieqsa minn kull ambigwità fis-sentenza G. u R., iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

“35      […] [L]-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma obbligati, meta jieħdu miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħhom. F’sitwazzjoni, bħalma huwa l-każ hawnhekk, fejn la l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża […], lanqas il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rispett ta’ dawn id-drittijiet ma jkunu stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-konsegwenzi għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-miżuri adottati f’dan ir-rigward ikunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet komparabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) […]

36      Għaldaqstant, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn iċ-ċittadini skont l-istess modalitajiet bħal dawk magħżula sabiex jiġu rregolati s-sitwazzjonijiet interni, dawn il-modalitajiet għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma għandhomx idgħajfu l-effettività tad-Direttiva 2008/115.

[…]

38      Fid-dawl tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi osservat li, skont id-dritt tal-Unjoni, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, jimplika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti […]” (24).

81.      Ir-regola ma hijiex ġdida. Hekk kienet diġà s-soluzzjoni rrakkomandata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Distillers Company vs Il-Kummissjoni (25), fejn ir-rikorrenti kienet qegħda ssostni, fost oħrajn, li l-awtorità kompetenti ma kinitx f’pożizzjoni li tqis l-argumenti kollha mressqa insostenn tar-rikors tagħha waqt il-proċedura orali lanqas għadd ta’ addizzjonijiet għar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Madankollu, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx “meħtieġ li jiġu eżaminati [dawn] l-irregolaritajiet ta’ proċedura” u li “is-sitwazzjoni kienet biss tkun differenti li kieku teżisti l-possibbiltà li fin-nuqqas ta’ dawn l-irregolaritajiet, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti” (26). [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]

82.      Peress li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza G. u R., iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet din is-soluzzjoni, meta l-kwistjoni kienet tikkonċerna miżura daqstant restrittiva tal-libertà tal-persuni, bħalma hija l-estensjoni minn sitta għal tmintax-il xahar, tad-detenzjoni ta’ persuna barranija li kienet qed tistenna li tmur lura f’pajjiżha, ma naħsibx li l-eżitu jista’ jkun wisq differenti fil-kuntest ta’ proċedura fejn il-kwistjonijiet huma biss finanzjarji.

83.      Barra minn hekk, ninnota li, għal dak li jirrigwarda dan il-proċess, id-deċiżjoni amministrattiva meħuda wara li tressaq l-ilment, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-istanza u tal-appell, ikkonfermaw id-deċiżjoni inizjali u dan wara li l-persuni kkonċernati setgħu jressqu l-argumenti tagħhom.

84.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi għas-subinċiż (b) tat-tieni domanda, billi tippreċiża lill-qorti tar-rinviju li l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ dawn id-drittijiet, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, kemm-il darba l-miżuri adottati f’dan is-sens ikunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet paragunabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

85.      It-traspożizzjoni ta’ din is-soluzzjoni fil-qasam doganali hija meħtieġa peress li l-Artikolu 245 tal-KDK jirreferi espressament għad-dritt nazzjonali billi jippreċiża li d-“dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ l-appelli għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri”.

86.      Madankollu, sakemm jiġi ggarantit l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, nistieden, barra minn hekk, lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda billi tindika lill-qorti tar-rinviju li, skont id-dritt tal-Unjoni, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża — b’mod partikolari d-dritt tas-smigħ — ma jġibx miegħu l-annullament tad-deċiżjoni adottata skont il-proċedura amministrattiva inkwistjoni, ħlief jekk, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

87.      Din is-soluzzjoni iktar timponi ruħha fil-kawża preżenti, peress li l-persuni kkonċernati nnifishom jammettu li l-proċedura tal-ilment ma kinitx ser twassal għal riżultat differenti li kieku nstemgħu qabel id-deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu l-klassifikazzjoni tal-ispettur tat-taxxi mhux qed tiġi kkontestata. Kif diġà ġie espost iktar ’il fuq, id-deċiżjoni amministrattiva adottata fuq l-ilment u s-sentenzi tal-qrati tal-istanza u tal-appell ikkonfermaw id-deċiżjoni inizjali.

VI – Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden:

1)      Il-prinċipju tar-rispett, mill-amministrazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża, jista’ jiġi invokat direttament, mill-individwi, quddiem il-qrati nazzjonali.

2)      a)     Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lid-destinatarju ta’ deċiżjoni li tippreġudikah li jinstema’ mill-amministrazzjoni qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, iżda li tagħtih din il-possibbiltà f’fażi amministrattiva ulterjuri, madankollu mingħajr ma dan ir-rikors iġib miegħu s-sospensjoni awtomatika tad-deċiżjoni li tippreġudikah, tikser il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-amministrat, u iktar preċiżament id-dritt tas-smigħ.

2)      b)     Il-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-konsegwenzi tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, kemm-il darba l-miżuri adottati f’dan is-sens ikunu tal-istess natura bħal dawk li jibbenefikaw minnhom l-individwi f’sitwazzjonijiet paragunabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

3)      Peress li l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tiggarantixxi l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, din tista’, meta tevalwa l-konsegwenzi ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt tas-smigħ, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li tali ksur ma jġibx miegħu l-annullament tad-deċiżjoni adottata skont il-proċedura amministrattiva inkwistjoni, ħlief jekk fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239).


3 – Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, punt 32). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, punt 99).


4 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C‑349/07, Ġabra p. I‑10369, punt 37).


5 – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata).


6 – Sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).


7 – Din kienet ukoll il-pożizzjoni tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza G. u R., iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98). Ara l-punt 52 tal-adozzjoni ta’ pożizzjoni tiegħi f’din il-kawża.


8 – Is-sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49); l-enfasi hija tiegħi.


9 – Is-sentenza M., iċċitata iktar ’il fuq (punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata); l-enfasi hija tiegħi.


10 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, (C‑44/06, Ġabra p. I‑2071).


11 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 222/77, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar it-tranżitu Komunitarju (ĠU L 38, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 474/90, tat-22 ta’ Frar 1990, (ĠU L 51, p. 1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1062/87, tas-27 ta’ Marzu 1987, dwar dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni tas-sistema tat-tranżitu Komunitarju (ĠU L 107, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1429/90, tad-29 ta’ Mejju 1990, (ĠU L 137, p. 21). [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]


12 – Sentenza Gerlach, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).


13 – Ibidem (punt 37); l-enfasi hija tiegħi.


14 – Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et (C‑28/05, Ġabra p. I‑5431, punt 75).


15 – Ibidem (punt 76).


16 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑423/08, Ġabra p. I‑5449).


17 – Ibidem (punt 45).


18 – Ibidem (punt 46).


19 – ĠU L 269 p. 1, u l-emenda ĠU 2013, L 287, p. 90.


20 – B’konformità mal-Artikolu 288(2) tar-Regolament Nru 952/2013, l-Artikoli 22 u 105 ser ikunu applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2016.


21 – Filwaqt li l-Artikolu 220(1) taċ-CDC applikabbli fil-każ preżenti jistabbilixxi biss terminu ta’ jumejn li jibdew jiddekorru mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali ndunaw bis-sitwazzjoni u huma f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u li jiddeterminaw id-debitur.


22 – Punt 76 ta’ din is-sentenza.


23 – Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013 (C‑418/11, punt 85).


24 –      Sentenza G. u R., iċċitata iktar ’il fuq. L-enfasi hija tiegħi.


25 – Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1980 (30/78, Ġabra p. 2229).


26 – Ibidem (punt 26).