Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija) fil-11 ta' Diċembru 2007 - Friederike Wallentin-Hermann vs Alitalia - Linee Aeree Italiane SpA

(Kawża C-549/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Handelsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Friederike Wallentin-Hermann

Konvenuta: Alitalia - Linee Aeree Italiane SpA

Domandi preliminari

Jeżistu ċirkustanzi straordinarji fis-sens ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/911, fid-dawl tal-premessa 14 ta' dan ir-Regolament, meta problema teknika fl-ajruplan, jiġifieri ħsara fil-mutur, twassal għall-kanċellazzjoni tat-titjira, u r-raġunijiet ta' ġustifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Montreal (Artikolu 19)?

Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda: fil-każ ta' trasportaturi ta' l-ajru li għandhom rata ta' kanċellazzjoni tat-titjiriet ogħla mill-medja minħabba problemi tekniċi, jeżistu ċirkustanzi straordinarji fis-sens ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament, minħabba l-fatt biss tal-frekwenza ta' dawn il-problemi?

Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda: trasportatur ta' l-ajru jkun ħa l-"miżuri raġonevoli" kollha fis-sens ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament jekk jipprova li jkunu ġew sodisfatti r-rekwiżiti minimi legali fir-rigward ta' xogħol ta' manutenzjoni sar fuq l-ajruplan u dan huwa suffiċjenti sabiex t-trasportatur ta' l-ajru jkun meħlus mill-obbligu li jħallas kumpens skond id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta' l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament?

Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda: ċirkustanzi straordinarji fis-sens ta' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament huma każijiet ta' force majeure jew diżastri naturali li ma jkunux dovuti għal problema teknika u li għalhekk mhumiex konnessi mat-trasportatur ta' l-ajru?

____________

1 - ĠU 2004 L 46, p. 1.