Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Lulju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Responsabbiltà ambjentali – Direttiva 2004/35/KE – It-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I – Dannu li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “danni sinjifikattivi” – Kunċett ta’ “ma’ l-amministrazzjoni normali ta’ siti, kif imfissra fir-rekord jew dokumenti mmirati tal-ambjenti naturali jew kif (ikkunsidrati) qabel mill-proprjetarji jew operaturi” – Artikolu 2(7) – Il-kunċett ta’ “attività tax-xogħol” – Attività li hija eżerċitata fl-interess tal-kollettività bis-saħħa ta’ trasferiment legali ta’ missjoni – Inklużjoni jew nuqqas ta’ inklużjoni”

Fil-Kawża C‑297/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2019, fil-proċedura

Naturschutzbund Deutschland Landesverband Schleswig-Holstein eV

vs

Kreis Nordfriesland,

fil-preżenza ta’:

Deich- und Hauptsielverband Eiderstedt, Körperschaft des öffentlichen Rechts,

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għan-Naturschutzbund Deutschland – Landesverband Schleswig‑Holstein eV, minn J. Mittelstein, Rechtsanwalt,

–        għall-Kreis Nordfriesland, minn G. Koukakis, Rechtsanwalt,

–        għad-Deich- und Hauptsielverband Eiderstedt, Körperschaft des öffentlichen Rechts, minn C. Brandt, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u G. Gattinara, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(7) u tat-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU 2004, L 143, p. 56).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn in-Naturschutzbund Deutschland – Landesverband Schleswig-Holstein eV (iktar ’il quddiem in-“Naturschutzbund Deutschland”) u Kreis Nordfriesland (id-distrett ta’ Nordfriesland, il-Ġermanja) dwar miżuri ta’ limitazzjoni u ta’ rimedju għal danni ambjentali mitluba min-Naturschutzbund Deutschland.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/35

3        Il-premessi 1 sa 3, 8 u 9 tad-Direttiva 2004/35 jipprevedu:

“(1)      Bħalissa fil-Komunità hemm ħafna żoni kkontaminati, li jwasslu għal riskji konsiderevoli għas-saħħa, u t-tnaqqis tal-bijodiversità żdied drammatikament fl-aħħar għaxar snin. In-nuqqas ta’ azzjoni jista’ jwassal għal żieda fil-kontaminazzjoni taż-żoni u telfa akbar ta’ diversità bijoloġika fil-futur. Il-prevenzjoni u r-rimedju, sakemm huwa possibbli, tad-danni ambjentali jikkontribwixxi għal l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet u tal-prinċipji tal-politika ambjentali tal-Komunità kif stabbilit fit-Trattat. Kondizzjonijiet lokali għandhom jitqiesu meta tittieħed deċiżjoni dwar kif għandu jseħħ ir-rimedju tad-danni.

(2)      Il-prevenzjoni u r-rimedju għad-danni ambjentali għandhu jkun implimentat bis-saħħa tal-prinċipju ta’’min iniġġes iħallas’kif indikat fit-Trattat u fid-dawl tal-prinċipju ta’ l-iżvillup sostenibbli. Il-prinċipju fondamentali ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun li l-operatur li minħabba l-attività tiegħu jikkawża danni ambjentali jew jikkawża periklu iminenti ta’ danni għandu jitqies finanzjarjament responsabbli, dan sabiex l-operatur jadotta miżuri u jiżviluppa drawwiet biex jiminimizza r-riskju ta’ danni ambjentali sabiex l-esposizzjoni tiegħu għar-responabiltà finanazjarja tonqos.

(3)      Peres[s] illi l-għan ta’ din id-Direttiva, liema għan huwa li jiġi stabbilit qafas komuni għall-prevenzjoni u r-rimedju għad-danni ambjentali bi prezz li jkun raġonevoli għas-soċjetaÏ, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti minn l-Istati Membri u għalhekk jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Kommunità minħabba l-iskala ta’ din id-Direttiva u l-implikazzjonijiet tagħha għal liġijiet oħra tal-Kommunità, liema d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE: tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar salvaġġi [(ĠU L 103, tal-25.4.1979, p. 1)], id-Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36).], id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE: tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-ambjenti naturali u tal-fawna u flora selvaġġja [(ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7)] u d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma [(ĠU L 327, tat-22.12.2000, p. 1)], il-Kommunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE]. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif iddikjarat f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan il-għan.

[…]

(8)      Din id-Direttiva għandha tapplika, f’dak li għandhu x’jaqsam ma danni ambjentali, lil l-attivitajiet tax-xogħol li jirrapreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem jew lil l-ambjent. Dawk l-attivitajiet għandhom jiġu identifikati, prinċipalment, b’referenza għall-liġijiet tal-Komunità relevanti li tistabbilixxi rekwiżiti regolatorji għal ċertu attivitajiet u prattiki meqjusa bħala potenzalment jew filfatt riskjuzi lis-saħħa tal-bniedem jew lil l-ambjent.

(9)      Din id-Direttiva għandha ukoll tapplika, f’dak li għandu x’jaqsam ma danni lil speċi protetti u ambjenti naturali, lil kwalunkwe attività tax-xogħol minbarra dawk l-attivitajiet identifikati direttament jew indirettament b’referenza għall-liġi tal-Komunità li jistgħu jkunu ta’ riskju attwali jew potenzali lis-saħħa tal-bniedem jew lil l-ambjent. F’dawn il-każijiet l-operatur għandu biss ikun responsabbli skond din id-Direttiva fejn hu jkun naqas [għandu tort] jew [kien] negliġenti.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa redatt b’dan il-mod:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas ta’ responsabbilità ambjentali ibbażata fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, għall-prevenzjoni u r-rimedju tad-danni ambjentali.”

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:

1.      ‘danni ambjentali’ jfisser

a)      danni kkawżati lil speċi protetti u ambjenti naturali, jiġifieri kull dannu li jaffettwa serjament il-kostituzzjoni jew iż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ dawn il-habitat jew l-ispeċi; l-effetti ta’ dawn id-danni għandhom ikunu stmati b’referenza għall-istat oriġinali, b’kont meħud tal-kriterji stabbiliti fl-Anness I.

Danni lil l-ispeċi protetti u lil l-ambjenti naturali ma jfissirx effetti negattivi li ġew identifikati minn qabel li huma r-riżultat ta’ azzjoni ta’ operator li kien awtorizzat b’mod ċar mill-awtoritajiet relevanti skond id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 6(3) u (4) jew l-Artikolu 16 tad-Direttiva [92/43] jew l-Artikolu 9 tad-Direttiva [79/409] jew, fil-każ ta’ ambjenti naturali jew speċi li mhumiex koperti mill-liġ[i] tal-Komunità, skont id-dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-liġI nazzjoni dwar il-ħarsien tan-natura.

[…]

3.      “l-art jew speċi protetti jew ambjenti naturali”:

a)      ll-ispeċi msemmija fl-Artikolu 4(2) jew elenkati fl-Anness I għad-Direttiva [79/409] jew dawk elenkati fl-Annessi II u IV tad-Direttiva [92/43];

b)      l-ambjenti naturali ta’ l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [79/409] jew dawk fil-lista ta’ l-Anness I tagħha jew dawk fil-lista ta’ l-Anness II tad-Direttiva [92/43], u l-ambjenti naturali fil-lista ta’ l-Anness I tad-Direttiva [92/43] u siti tat-trobbija jew il-postijiet fejn jistrieħuta’ l-ispeċi fil-lista ta’ l-Aness IV tad-Direttiva [92/43]; u

(ċ)      meta l-Istat Membru hekk jiddeċiedi, kull ambjent naturali jew speċi, li ma jinstabx fil-listi ta’ dawk l-annessi, jista’ l-Istat Membru jinnominah għal l-istess skop bħal dak stabbilit f’dawn iż-żewġ Direttivi;

[…]

6.      “operatur”:jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, privata jew pubblika li jopera jew jikkontrolla l-attività tax-xogħol jew, meta dan ikun regolat fil-liġI nazzjonali, il-persuna li għandha poter ekonomiku deċisiv fuq il-funzjonament tekniku ta’ l-imsemmija attività liema poter ġie lilha ddelegat, li tinkludi d-detentur ta’ permess jew awtorizazzjoni għal l-imsemmija attività jew il-persuna li tireġistra jew tinnotifika l-imsemmija attività;

7.      “attività tax-xogħol”: tfisser kull attività magħmula bħala parti minn attività ekonomika, kummerċ jew impriża, mingħajr ma jingħata każ jekk l-attività hijiex pubblika jew privata, tagħmel qligħ jew li ma tagħmilx qligħ;

[…]”

6        L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jaqra kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

a)      danni ambjentali ikkawżati minn attivitajiet tax-xogħol li jinstabu fil-lista ta’ l-Anness III, kif ukoll kull periklu iminenti ta’ l-imsemmija danni minħabba l-istess attivitajiet;

b)      danni lil l-ispeċi protetti u lil l-ambjenti naturali kkawżati minn attivitajiet tax-xogħol mhux fil-lista ta’ l-Anness III, u lil kull periklu iminenti ta’ l-imsemmija danni li jseħħ minħabba l-msemmija attivitajiet, kull meta l-operatur għandu tort jew kien negliġenti.”

7        L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2004/35 jiffissa t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għat-30 ta’ April 2007, filwaqt li l-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li din tal-aħħar għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-30 ta’ April 2004.

8        L-Anness I tal-istess direttiva, intitolat “Il-Kriterji Msemmija Fl-Artikolu 2(1)(A)”, jipprevedi:

“Is-sinjifikanza ta’ kull dannu li għandu effetti negattivi fuq il-kisba jew il-manteniment ta’ l-istatus favorevoli ta’ konservazzjoni ta’ ambjenti naturali jew speċi għandu jkun ikalkolat b’referenza għal l-istatus ta’ konservazzjoni meta saru d-danni, is-servizzi provvduti mill-kumditajiet li jipproduċu u l-kapaċità ta’ riġenerazzjoni naturali tagħhom. Tibdil negattiv sinjifikanti lill-kondizzjoni tal-bażigħandu jkun stabbilit permezz ta’ data li tista’ titqies per eżempju. Tibdil negattiv sinjifikanti lill-kondizzjoni tal-bażigħandu jkun stabbilit permezz ta’ data li tista’ titqies per eżempju:

–        in-numru ta’ individwi, d-densità tagħhom jew iż-żona koperta,

–        ir-rwol ta’ l-individwi partikolari jew taż-zona li soffriet id-danni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ispeċi jew il-konservazzjoni ta’ l-ambjenti naturali, ir-rarità ta’ l-i speċi jew l-ambjent naturali (ikkalkolat skond livell lokali, reġjonali u saħansitra ogħla anke skond il-livell tal-Komunità),

–        il-kapacità ta’ l-ispeċi li tiżdied (skond id-dinamika speċifika ta’ dik il-popolazzjoni jew speċi), il-vijabbilità tagħha jew il-kapaċità ta’ l-ambjent naturali għal riġenerazzjoni naturali (skond id-dinamika speċifika ta’ l-speċi karateristika tagħhom jew tal-poplazzjoni tagħhom),

–        il-kapaċità ta’ l-ispeċi jew ta’ l-ambjent naturali, wara li jkunu saru d-danni, li jirkupraw fi żmien qasir, mingħajr intervenzjoni ħlife iż-żieda fil-miżuri ta’ protezzjoni, għal kondizzjoni li twassal, unikament bis-saħħa tad-dinamika ta’ l-ispeċi jew l-ambjent naturali, għal kondizzjoni meqjusa ekwivalenti jew aħjar mill-kondizzjoni tal-bażi.

Danni li għandhom effet iipruvat fuq is-saħħa tal-bniedem għandhom jiġu klassifikati bħala danni sinjifikattivi.

Dan li ġej m’għandux ikun ikklassifikat bħala danni sinjifikattivi:

–        varjazzjonijiet negattivi li huma iżgħar mill-varjazzjoni naturali meqjusa normali għal l-ispeċi jew ambjent naturali kkonċernat,

–        varjazzjonijiet negattivi dovuti għal kawżi naturali jew li huma r-riżultat ta’ intervenzjoni li għandha x’taqsam ma’ l-amministrazzjoni normali ta’ siti, kif imfissra fir-rekord jew dokumenti mmirati ta’ l-ambjenti naturali jew kif mqiesa qabel mill-proprjetarji jew operaturi,

–        danni lil speċi jew ambjenti naturali li għalihom huwa stabbilit li għandhom jirkupraw, fi żmien qasir u mingħajr intervenzjoni, jew lill-kondizzjoni tal-bażi jew lill-kondizzjoni li twassal, unikament bis-saħħa tad-dinamika ta’ l-ispeċi jew ambjent naturali, għal kondizzjoni meqjusa ekwivalenti jew aħjar mill-kondizzjoni tal-bażi.”

 Id-Direttiva dwar il-Habitats

9        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Habitats”), jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:

[…]

j)      sit tfisser żona definita ġeografikament li dwarha hemm indikat b’mod ċar sa fejn twassal”.

10      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.      Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

 Id-Direttiva dwar l-Għasafar

11      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Għasafar”), jipprovdi:

“Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.”

12      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali.”

 Id-dritt Ġermaniż

13      Il-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(5) tal-Gesetz über Naturschutz und Landschaftspflege (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura u l-Konservazzjoni tal-Pajsaġġ), tad-29 ta’ Lulju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 2542), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BNatSchG”), jipprovdi:

“Bħala regola ġenerali, ma hemmx dannu sinjifikattiv fil-każ ta’ varjazzjonijiet negattivi kkawżati minn raġunijiet naturali jew li jirriżultaw minn interventi marbuta ma’ amministrazzjoni li għandhom jitqiesu bħala normali fid-dawl tal-ispeċifikazzjonijiet tal-habitat jew tad-dokumenti mmirati jew korrispondenti għall-amministrazzjoni mwettqa preċedentement mis-sidien jew mill-operaturi.”

14      L-Artikolu 5(2) tal-BNatSchG huwa fformulat kif ġej:

“Fl-azjenda agrikola, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-agrikoltura u mill-Artikolu 17(2) tal-Bundes-Bodenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tal-Artijiet), tas-17 ta’ Marzu 1998 (BGBl. 1998 I, p. 502), iżda wkoll u b’mod partikolari l-prattiki tajba professjonali li ġejjin:

1      l-amministrazzjoni għandha tkun adattata għall-kundizzjonijiet lokali u għandha tkun iggarantita l-fertilità sostenibbli tal-ħamrija u t-tkabbir ta’ żoni fit-tul;

2.      ma għandhomx jiġu ppreġudikati elementi naturali inklużi fis-superfiċi utli (art, ilma, flora, fawna) lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba ta’ rendiment sostenibbli;

3.      għandhom jinżammu u, jekk possibbli, l-elementi tal-pajsaġġ meħtieġa għall-interkonnessjoni ta’ bijotopi għandhom jinżammu u jiġu mmultiplikati;

4.      għandu jkun hemm relazzjoni bbilanċjata bejn it-trobbija tal-annimali u t-tkabbir tal-pjanti, u l-effetti dannużi fuq l-ambjent għandhom jiġu evitati;

5.      fuq l-għoljiet mhedda bl-erożjoni, f’żoni suxxettibbli għall-għargħar, fiż-żoni b’ilma ta’ taħt l-art b’livell għoli u fiż-żoni mistagħdra, huwa xieraq li tiġi evitata l-konverżjoni ta’ mergħat f’superfiċi agrikoli;

6.      l-użu ta’ fertilizzanti u ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jseħħ skont il-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli fil-qasam agrikolu; għandhom jinżammu reġistri fuq l-użu ta’ fertilizzanti skont l-Artikolu 10 tad-Düngeverordnung [ir-Regolament dwar il-Fertilizzanti] tas-26 ta’ Mejju 2017 (BGBl. 2017 I, p. 1305), fil-verżjoni tiegħu applikabbli, kif ukoll tar-reġistri dwar l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).”

15      L-Artikolu 2(4) tal-Gesetz über die Vermeidung und Sanierung von Umweltschäden (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni u r-Rimedju għad-Danni Ambjentali) tal-10 ta’ Mejju 2007 (BGBl. 2007 I, p. 666), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ‘il quddiem l-“USchadG”), jipprovdi:

“attività tax-xogħol” tfisser kull attività magħmula bħala parti minn attività ekonomika, kummerċ jew impriża, mingħajr ma jingħata każ jekk l-attività hijiex pubblika jew privata, tagħmel qligħ jew li ma tagħmilx qligħ.”

16      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 39(1) tal-Gesetz zur Ordnung des Wasserhaushalts (il-Liġi dwar is-Sistema tal-Ilma), tal-31 ta’ Lulju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 2585), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“WHG”), tipprevedi:

“Il-manutenzjoni tal-ilma tal-wiċċ tinkludi l-amministrazzjoni u l-iżvilupp tagħhom bħala obbligu tad-dritt pubbliku (l-obbligu ta’ manutenzjoni).”

17      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 40(1) tal-WHG huwa fformulat kif ġej:

“Il-konservazzjoni tal-ilma tal-wiċċ hija r-responsabbiltà tal-proprjetarji tal-ilma inkwistjoni, sa fejn, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Land, huwa ma jaqax taħt l-awtoritajiet territorjali, sindakati tal-idrawlika u tar-risanament, sindakati ta’ muniċipalitajiet jew persuni ġuridiċi oħra rregolati mid-dritt pubbliku.”

18      Il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-Wassergesetz des Landes Schleswig Holstein (il-Liġi tal-Land ta’ Schleswig‑Holstein dwar l-Ilma), tal-11 ta’ Frar 2008 (Gesetz- und Verordnungsblatt für Schleswig Holstein, 2008, p. 91), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Il-manutenzjoni tal-ilma tinkludi, minbarra l-miżuri msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 39(1) tal-WHG, b’mod partikolari […] iż-żamma u l-protezzjoni ta’ fluss tal-ilma fir-regoli, […].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Matul is-snin 2006 sa 2009, parti mill-peniżola ta’ Eiderstedt, li tinsab fil-parti tal-punent tal-Land ta’ Schleswig‑Holstein (il-Ġermanja), ġiet ikklassifikata bħala “żona ta’ protezzjoni” minħabba, b’mod partikolari, il-preżenza taċ-Ċirlewwa Sewda (Chlidonias niger), għasfur akwatiku protett ta’ daqs bejn 15 u 30 ċentimetru, b’rix blu griż, b’ras sewda, li essenzjalment jgħix fil-bur qrib il-kosta tal-Atlantiku. Skont il-pjan ta’ amministrazzjoni, iż-żona ta’ protezzjoni ta’ din l-ispeċi tibqa’ fil-parti l-kbira użata b’mod tradizzjonali bħala reġjun ta’ mergħat fuq superfiċi kbar u tikkostitwixxi, b’mod partikolari minħabba d-daqs tagħha, l-iktar sit ta’ riproduzzjoni importanti f’dan il-Land.

20      Sabiex tkun abitata u operata għal finijiet agrikoli, il-peniżola ta’ Eiderstedt għandha bżonn li l-ilma jiskula. Dan jitwettaq permezz ta’ ħniedaq li jinsabu bejn il-biċċiet ta’ art, li jwasslu għal netwerk ta’ pajpijiet u huma miżmuma mill-utenti rispettivi tal-uċuħ tal-art li jmissu magħhom. L-oneru tal-manutenzjoni tal-pajpijiet bħala kolletturi tal-ilma huwa fuq 17‑il sindakat tal-idrawlika u tar-risanament stabbiliti fuq il-peniżola ta’ Eiderstedt.

21      Id-Deich- und Hauptsielverband Eiderstedt, Körperschaft des öffentlichen Rechts, sindakat tal-idrawlika u tar-risanament ikkostitwit taħt il-forma ġuridika ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, jiġbor fih dawn is-17‑il sindakat. Waħda mill-missjonijiet fdati lilu skont il-liġi tinkludi l-manutenzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ bħala obbligu tad-dritt pubbliku. Sabiex iwettaq din il-missjoni, id-Deich- und Hauptsielverband Eiderstedt jopera, b’mod partikolari, l-installazzjonijiet ta’ Adamsiel li jinkludu żoni tal-kaċċa u stazzjon għall-ippumpjar. Dan l-istazzjon ibattal mill-ilma t-territorju kollu kopert minn dawn is-sindakati permezz ta’ pompa li tiskatta b’mod awtomatiku meta l-ilma jilħaq ċertu livell. L-operazzjonijiet ta’ ppumpjar hekk mibdija għandhom l-effett li jnaqqsu l-livell tal-ilma.

22      Peress li kkunsidrat li, permezz tal-operat ta’ dan l-istazzjon għall-ippumpjar, id-Deich- und Hauptsielverband Eiderstedt ikkawża, b’detriment għaċ-Ċirlewwa Sewda, danni ambjentali, in-Naturschutzbund Deutschland, skont l-USchadG adottata għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/35, ressaq quddiem id-distrett ta’ Nordfriesland talba għal miżuri ta’ limitazzjoni u ta’ kumpens għal dawn id-danni, li ġiet miċħuda.

23      Peress li kkontestat din id-deċiżjoni ta’ ċaħda bla suċċess quddiem il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja), in-Naturschutzbund Deutschland appella mis-sentenza ta’ din il-qorti quddiem l-Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, il-Ġermanja), li annullat din is-sentenza u imponiet fuq id-distrett ta’ Nordfriesland l-obbligu li jieħu deċiżjoni ġdida.

24      Id-distrett ta’ Nordfriesland u d-Deich- und Hauptsielverband Eiderstedt ippreżentaw appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).

25      Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-danni ambjentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jitqiesu li ma humiex “sinifikattivi”, fis-sens tal-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(5) tal-BNatSchG, li jittrasponi t-tieni inċiż tat-tielet subparagrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “amministrazzjoni normali tas-siti kif imfissra fir-rekord jew dokumenti mmirati ta’ l-ambjenti naturali jew kif mqiesa qabel mill-proprjetarji jew operaturi” li tinsab f’dan l-anness.

26      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, l-ewwel nett, jekk il-kunċett ta’ “amministrazzjoni” għandux jinftiehem bħala li jikkorrispondi biss għall-operazzjonijiet agrikoli jew inkella jekk dan ikoprix ukoll it-tħaddim ta’ stazzjon għall-ippumpjar intiż għall-irrigazzjoni u għad-drenaġġ tas-superfiċi agrikoli, fit-tieni lok, jekk in-natura “normali” tal-amministrazzjoni għandhiex tkun evalwata biss fid-dawl tal-ispeċifikazzjonijiet tal-habitat jew tad-dokumenti mmirati, jew jekk din tistax issir ukoll fir-rigward ta’ prinċipji ġenerali oħra tad-dritt nazzjonali bħall-prattika tajba professjonali msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-BNatSchG, fit-tielet lok, jekk in-natura preċedenti tal-amministrazzjoni pprattikata mill-proprjetarju jew l-operatur timplikax biss li dik l-amministrazzjoni trid tkun ġiet eżerċitata fi kwalunkwe żmien qabel id-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/35, jiġifieri t‑30 ta’ April 2007, jew jekk għandhiex ukoll tkompli tiġi eżerċitata f’dik id-data u, fir-raba’ lok, jekk dik l-amministrazzjoni preċedenti għandhiex isseħħ indipendentement jew le mir-rekord u d-dokumenti mmirati tal-ambjent.

27      Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Deich- und Hauptsielverband Eiderstedt kienx jeżerċita, fil-kuntest tal-użu tal-imsemmi stazzjon għall-ippumpjar, “attività tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(4) tal-USchadG, li jittrasponi l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2004/35, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel sensiela ta’ domandi tagħha, jekk attività eżerċitata fl-interess tal-kollettività inkwistjoni tistax tiġi kkunsidrata bħala trasferiment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.a)      Il-kunċett ta’ “amministrazzjoni” fis-sens tat-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35/KE […], jinkludi attivitajiet li huma intrinsikament marbuta mal-użu dirett tal-art għall-produzzjoni ta’ uċuħ tar-raba’?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv:

b)      F’liema ċirkustanzi tista’ l-amministrazzjoni ta’ siti skont ir-rekords dwar il-habitats jew id-dokumenti dwar l-għanijiet ta’ konservazzjoni titqies li hija “normali” fis-sens tad-Direttiva 2004/35?

c)      Liema perijodu japplika fil-kwistjoni dwar jekk l-amministrazzjoni tikkorrispondix għall-amministrazzjoni tas-siti applikata “qabel” mill-proprjetarji jew mill-operaturi rispettivi fis-sens tad-Direttiva 2004/35?

d)      Ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk l-amministrazzjoni tikkorrispondix għall-amministrazzjoni tas-siti applikata qabel mill-proprjetarji jew mill-operaturi rispettivi fis-sens tad-Direttiva 2004/35, għandha tingħata indipendentement mir-rekords dwar il-habitats jew mid-dokumenti dwar l-għanijiet ta’ konservazzjoni?

2)      Attività mwettqa fl-interess pubbliku abbażi ta’ delega legali ta’ kompitu hija “attività tax-xogħol” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandha tiġi interpretata l-espressjoni “l-amministrazzjoni normali ta’ siti, kif imfissra fir-rekord jew dokumenti mmirati ta’ l-ambjenti naturali jew kif mqiesa qabel mill-proprjetarji jew operaturi” li tinsab fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35.

30      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel domanda taqa’ fil-kuntest ta’ “dannu ambjentali” allegatament ikkawżat lil speċi ta’ għasfur, iċ-Ċirlewwa Sewda (Chlidonias niger).

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2004/35 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ta’ responsabbiltà ambjentali bbażata fuq grad għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kif ukoll fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ min iniġġes iħallas, sabiex jiġu evitati u rrimedjati d-danni ambjentali kkawżati mill-operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Túrkevei Tejtermelġ Kft., C‑129/16, EU:C:2017:547, punti 47 u 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fost it-tliet kategoriji ta’ danni li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “danni ambjentali”, iddefiniti fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35, hemm, fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, id-danni kkawżati lill-ispeċi u lill-ambjenti naturali protetti, li jistgħu jiftħu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kemm abbażi tal-punt (a) kif ukoll tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

33      Filwaqt li l-kunċett ta’ “speċi protetti jew ambjenti naturali” għandu jinftiehem, skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/35, bħala li jirreferi b’mod partikolari għall-ispeċi u l-habitats elenkati fid-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar”, li ċ-Ċirlewwa Sewda (Chlidonias niger) tagħmel parti minnhom skont l-Anness I ta’ din l-aħħar direttiva, id-danni kkawżati lil tali speċi u habitats huma ddefiniti, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/35, bħala konservazzjoni favorevoli ta’ dawn l-ispeċi jew ambjenti naturali.

34      Mill-użu tal-aġġettiv “sinifikattiv” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/35 jirriżulta li huma biss id-danni li jippreżentaw ċerta gravità, ikklassifikati bħala “danni sinjifikattivi” fl-Anness I ta’ din id-direttiva, li jistgħu jitqiesu bħala danni kkawżati lill-ispeċi u lill-habitats naturali protetti, li jimplika, f’kull każ konkret, il-ħtieġa li tiġi evalwata l-importanza tal-effetti tad-dannu kkonċernat.

35      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/35 jippreċiża li tali evalwazzjoni għandha ssir fir-rigward tal-istat inizjali tal-ispeċi u tal-habitats ikkonċernati, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, l-ewwel żewġ paragrafi ta’ dan l-anness jindikaw il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk id-danni għal dan l-istat inizjali humiex sinjifikattivi jew le, filwaqt li jippreċiżaw li d-danni li għandhom effett ipprovat fuq is-saħħa tal-bniedem huma neċessarjament ikklassifikati bħala “danni sinjifikattivi”.

36      It-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35 madankollu jipprovdi li d-danni elenkati fih jistgħu ma jiġux ikklassifikati bħala “danni sinjifikattivi”. Mill-użu tal-verb “jistgħu” jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, li jikkunsidraw jekk dawn id-danni humiex sinjifikattivi jew le, fis-sens tal-Anness I tal-imsemmija direttiva.

37      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/35 jipprovdi barra minn hekk li danni lill-ispeċi protetti u lill-ambjenti naturali ma jfissirx effetti negattivi li ġew identifikati minn qabel li huma r-riżultat ta’ azzjoni ta’ operatur li kien awtorizzat b’mod ċar mill-awtoritajiet rilevanti skont id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 6(3) u (4) jew l-Artikolu 16 tad-“Direttiva dwar il-Habitats” jew l-Artikolu 9 tad-”Direttiva dwar l-Għasafar” jew, fil-każ ta’ ambjenti naturali jew speċi li ma humiex koperti mid-dritt tal-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħarsien tan-natura. Minn dan isegwi li kull dannu li jaqa’ taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/35 huwa awtomatikament eskluż mill-kunċett ta’ “Danni lil l-ispeċi protetti u lil l-ambjenti naturali”.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda, li tikkonċerna l-każ ta’ dannu allegatament ikkawżat lil speċi protetta msemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Għasafar, hija rilevanti biss fil-każ fejn l-esklużjoni msemmija fl-ewwel parti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/35 ma tapplikax.

39      Konsegwentement, danni kkawżati mill-użu ta’ stazzjon għall-ippumpjar li jkun ġie espressament awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi “dwar il-Habitats” jew “dwar l-Għasafar”, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/35, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “danni lil l-ispeċi protetti u lil l-ambjenti naturali”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35, u ma jistgħux jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u lanqas taħt il-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

40      Dejjem b’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fost id-danni li l-Istati Membri jistgħu ma jikklassifikawx bħala “danni sinjifikattivi” skont it-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, it-tieni inċiż ta’ dan is-subparagrafu jsemmi l-varjazzjonijiet negattivi li, jew ikunu dovuti għal raġunijiet naturali, jew jirriżultaw minn interventi marbuta mal-amministrazzjoni normali tas-siti kif iddefinita fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ habitat, id-dokumenti mmirati jew ipprattikati preċedentement mill-proprjetarji jew operaturi. Dan l-inċiż jipprevedi għalhekk żewġ każijiet li fihom danni jistgħu ma jiġux ikklassifikati bħala “danni sinjifikattivi”, jiġifieri d-danni dovuti għal kawżi naturali, minn naħa, u d-danni li jirriżultaw minn interventi marbuta mal-amministrazzjoni normali tas-siti, min-naħa l-oħra, peress li t-tieni wieħed minn dawn il-każijiet, li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda, jinkludi huwa stess alternattiva maqsuma f’żewġ partijiet.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttrasponiet, fil-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(5) tal-BNatSchG, iż-żewġ każijiet imsemmija fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35 u li, għal dan il-għan, hija rriproduċiet testwalment il-kontenut ta’ dan it-tieni inċiż li jinsab fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tad-Direttiva 2004/35.

42      Issa, għandu jiġi kkonstatat, kif jindika d-distrett ta’ Nordfriesland fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, fil-kliem tat-tieni eżempju msemmi fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, teżisti diverġenza bejn, minn naħa, il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża u, min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi minbarra l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ din id-direttiva jirreferu direttament għat-terminu “normali” mat-terminu “amministrazzjoni” b’mod li ż-żewġ alternattivi tat-tieni każ imsemmi fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35 ikunu suġġetti għall-espressjoni “amministrazzjoni” biss, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tirreferi biss għat-terminu “amministrazzjoni” għal dawn iż-żewġ alternattivi, peress li t-terminu “normali” jirrigwarda biss l-ewwel waħda mill-imsemmija żewġ fergħat.

43      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, metodu bħal dan ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tad-3 ta’ Marzu 2017, GE, C‑173/15, EU:C:2012:195, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punti 34 sa 37 ta’ din is-sentenza, li d-Direttiva 2004/35 għandha definizzjoni wiesgħa tad-danni kkawżati lill-ispeċi u lill-habitats naturali protetti billi tipprevedi li l-operaturi għandhom iwieġbu għal kull dannu sinjifikattiv, bl-eċċezzjoni tad-danni elenkati b’mod eżawrjenti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/35 u bl-eċċezzjoni ta’ dawk ikkunsidrati mill-Istati Membri bħala li ma humiex danni sinjifikattivi skont it-tielet subparagrafu tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

45      Għaldaqstant, sa fejn dawn jirrendu, bħala prinċipju, inapplikabbli s-sistema ta’ responsabbiltà ambjentali għal ċerti danni li jistgħu jaffettwaw l-ispeċi u l-habitats naturali protetti u b’hekk jitbiegħdu mill-għan prinċipali li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2004/35, jiġifieri li jiġi stabbilit qafas komuni għall-prevenzjoni u r-rimedju għad-danni ambjentali sabiex tiġi miġġielda b’mod effettiv iż-żieda tat-tniġġis tas-siti u l-aggravazzjoni tat-telf ta’ bijodiversità, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom neċessarjament ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-danni msemmija fit-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-ewwel u t-tielet inċiż ta’ dan is-subparagrafu jipprevedu danni ta’ importanza żgħira fir-rigward tal-ispeċi jew tal-ambjenti naturali kkonċernati, it-tieni inċiż tal-imsemmi paragrafu jikkonċerna danni li l-portata tagħhom tista’ tkun importanti skont il-kawżi naturali li jaffettwaw l-ispeċi jew l-ambjent naturali ikkonċernati jew il-miżuri ta’ ġestjoni meħuda mill-operatur.

47      Issa, l-ammissjoni, kif jirriżulta mill-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tat-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeżentaw lill-operaturi u lill-proprjetarji minn kull responsabbiltà minħabba s-sempliċi fatt li dannu ġie kkawżat minn miżuri ta’ ġestjoni preċedenti u, għaldaqstant, indipendentement min-natura normali tagħhom, tkun ta’ natura li tippreġudika kemm il-prinċipji kif ukoll l-għanijiet li fuqhom hija bbażata din id-direttiva.

48      Fil-fatt, tali approċċ iwassal sabiex l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jaċċettaw, kuntrarjament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ prekawzjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, u minħabba s-sempliċi fatt li dawn jirriżultaw minn prattika preċedenti, miżuri ta’ ġestjoni li jistgħu jkunu eċċessivament dannużi u mhux adattati għas-siti li jħaddnu speċi jew habitats naturali protetti u li jistgħu għalhekk jipperikolaw jew saħansitra jeqirdu dawn l-ispeċi jew il-habitats u jżidu r-riskju ta’ telf ta’ bijodiversità bi ksur tal-obbligi ta’ konservazzjoni imposti fuq l-Istati Membri taħt id-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar”. Dan l-approċċ ikollu l-konsegwenza li jiftaħ b’mod eċċessivament wiesa’ l-portata tal-eċċezzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35 u jċaħħad parzjalment mill-effettività tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà ambjentali stabbilit minn din id-direttiva, billi jneħħi minn din is-sistema danni potenzjalment sinjifikattivi kkawżati minn azzjoni volontarja u anormali tal-operatur.

49      Minn dan isegwi li l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tat-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35 għandha tinqara fis-sens li, bħall-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, it-terminu “normali” għandu jkun relatat direttament mal-kelma “amministrazzjoni” u li l-espressjoni “amministrazzjoni normali” għandha tirreferi għaż-żewġ oqsma tal-alternattiva tat-tieni eżempju previst f’dan it-tieni inċiż.

50      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-formulazzjoni tat-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, l-“amministrazzjoni” li jirreferi għaliha dan it-tieni inċiż għandha tirreferi għal sit. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li dan il-kunċett tal-aħħar jista’ b’mod partikolari jirreferi għas-siti li fihom jinsabu speċi jew ambjenti naturali protetti, fis-sens tad-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar”. Fil-fatt, minn naħa, l-Anness I tad-Direttiva 2004/35, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva, jaqa’ esklużivament fil-kuntest tad-danni kkawżati lill-ispeċi u lill-habitats naturali protetti u, min-naħa l-oħra, l-ispeċi u l-habitats naturali protetti jikkorrispondu b’mod partikolari, kif huwa msemmi fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, għall-ispeċi u l-habitats elenkati fid-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar”.

52      Fir-rigward tal-kelma “normali”, din tikkorrispondi għat-termini “abitwali”, “normali” jew “kurrenti”, li jirriżultaw minn verżjonijiet lingwistiċi differenti tat-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, bħalma huma, pereżempju, il-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (“corriente”) jew bil-Grieg (“συνήθη ”). Madankollu, sabiex il-kelma “normali” ma tiġix imċaħħda mill-effett utli tagħha fil-kuntest tal-protezzjoni tal-ambjent, għandu jingħad ukoll li amministrazzjoni tista’ titqies li hija normali biss jekk tkun konformi mal-prattiki tajbin bħalma huma, b’mod partikolari, il-prattiki agrikoli tajbin.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kunċett ta’ “amministrazzjoni normali ta’ siti”, li jinsab fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, għandu jinftiehem bħala li jinkludi kull miżura li tippermetti amministrazzjoni tajba jew organizzazzjoni ta’ siti li jospitaw speċi jew ambjenti naturali protetti, konformi, b’mod partikolari, mal-prattiki agrikoli ġeneralment aċċettati.

54      F’dan il-kuntest, għandu jkun iċċarat li, peress li l-immaniġġjar ta’ sit li fih speċi protetti u ambjenti naturali, fis-sens tad-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar”, neċessarjament jinkludi l-miżuri kollha ta’ amministrazzjoni meħuda għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ambjenti naturali preżenti f’dan is-sit, l‑amministrazzjoni normali ta’ sit bħal dan għandha tkun iddeterminata fid-dawl tal-miżuri meħtieġa li l-Istati Membri jridu jadottaw, abbażi tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats u l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, għall-konservazzjoni tal-ispeċi u l-l-ambjenti naturali preżenti fis-sit imsemmi u, b’mod partikolari, il-miżuri ta’ ġestjoni previsti fid-dettall fl-Artikoli 6 u 12 sa 16 tad-Direttiva dwar il-Habitats kif ukoll l-Artikoli 3 sa 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

55      Minn dan isegwi li l-ġestjoni ta’ sit kopert mid-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar” tista’ tiġi kkunsidrata bħala normali biss jekk tirrispetta l-għanijiet u l-obbligi previsti f’dawn id-direttivi.

56      F’dan ir-rigward, għandu jkun iċċarat li, b’kont meħud tal-interazzjoni li teżisti bejn sit u l-ispeċi u l-habitats li jinsabu hemmhekk kif ukoll, b’mod partikolari, l-impatt tal-forom differenti ta’ ġestjoni tas-sit fuq dawn l-ispeċi u habitats, kemm jekk jirreferu speċifikament ma’ dawn tal-aħħar u kemm jekk le, il-miżuri ta’ ġestjoni li l-Istati Membri jridu jadottaw abbażi tad-Direttivi dwar il-Habitats u dwar l-Għasafar, sabiex jilħqu l-għanijiet u l-obbligi stabbiliti minn dawn id-direttivi, iridu neċessarjament iqisu l-aspetti karatteristiċi tas-sit, bħal, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ attività tal-bniedem.

57      Sabiex tingħata risposta speċifika għad-domanda 1(a), kif tirriżulta mill-kuntest espost mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ “amministrazzjoni normali” jista’, b’mod partikolari, ikopri l-attivitajiet agrikoli eżerċitati fuq sit li jospita speċi u ambjenti naturali protetti, meħuda flimkien, jiġifieri dawk li jistgħu jkunu s-suppliment indispensabbli bħal irrigazzjoni u skular u, għaldaqstant, l-operat ta’ stazzjon għall-ippumpjar.

58      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ewwel parti tal-alternattiva tat-tieni każ imsemmi fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35. Billi jispeċifika li l-immaniġġjar normali ta’ siti għandu jinftiehem fis-sens iddefinit fir-rekord jew dokumenti mmirati, din l-ewwel fergħa tal-alternattiva tikkonferma li din il-ġestjoni għandha tiġi ddefinita fir-rigward tal-miżuri kollha ta’ amministrazzjoni adottati mill-Istati Membri fuq il-bażi tad-Direttivi dwar il-Habitats u dwar l-Għasafar bil-għan li jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jżommu jew jirripristinaw l-ispeċi u l-ambjenti naturali protetti minn dawn id-direttivi.

59      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li la d-Direttiva dwar il-Habitats u lanqas id-Direttiva dwar l-Għasafar ma jsemmu, fid-dispożizzjonijiet tagħhom, il-kunċetti ta’ “rekord” u “dokumenti mmirati”, madankollu joħroġ mill-prattika ta’ ċerti Stati Membri, kif stipulat, b’mod partikolari, fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ habitats naturali u ta’ annimali selvaġġi u flora selvaġġa (SEC (2003) 1478) jew fl-Anness 2 tal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-Akkwakultura u Natura 2000, li kemm ir-rekord tal-habitat kif ukoll id-dokumenti mmirati jikkorrispondu għad-dokumenti li l-Istati Membri għandhom jadottaw taħt id-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar” sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dawn id-direttivi u l-obbligi ta’ konservazzjoni li jaqgħu fuqhom taħt dawn id-direttivi. B’mod partikolari, minn dan ir-rapport u minn dawn il-linji gwida jirriżulta li tali dokumenti jinkludu preċiżament il-miżuri neċessarji għall-ġestjoni tal-ispeċi u tal-habitats naturali protetti.

60      Barra minn hekk, għandu jiġi ddikjarat, għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, taħt (b), kif spjegat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li, jekk, fil-kuntest tal-ewwel fergħa tal-alternattiva fit-tieni xenarju msemmi fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, in-natura normali tal-amministrazzjoni għandha tkun iddeterminata mid-dokumenti ta’ ġestjoni adottati mill-Istati Membri fuq il-bażi tad-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar”, qorti ta’ Stat Membru msejħa biex tevalwa b’mod konkret in-natura normali jew le ta’ miżura ta’ amministrazzjoni ma tistax tiġi mxekkla, fil-każ fejn, minn naħa, dawn id-dokumenti ta’ ġestjoni ma fihomx informazzjoni suffiċjenti biex issir din il-valutazzjoni u, min-naħa l-oħra, in-natura normali tal-miżura ma tistax tibqa’ tiġi ddeterminata fuq il-bażi tat-tieni fergħa tal-imsemmija alternattiva, milli tevalwa l-imsemmija dokumenti fid-dawl tal-għanijiet u obbligi previsti mid-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar” jew permezz ta’ standards tal-liġi nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi jew, fin-nuqqas ta’ dan, kompatibbli mal-ispirtu u l-iskop ta’ dawn id-direttivi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, f’dan ir-rigward, jekk il-prattiki professjonali tajba msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-BNatSchG, li hija għandha l-intenzjoni li tuża sabiex tevalwa n-natura normali tal-amministrazzjoni tas-sit ta’ Eiderstedt, jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

61      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-amministrazzjoni normali ta’ sit tista’ tirriżulta wkoll, kif jirriżulta mit-tieni parti tal-alternattiva tat-tieni eżempju msemmi fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, minn prattika preċedenti eżerċitata mis-sidien jew mill-operaturi. Din it-tieni parti ta’ din l-alternattiva tkopri għalhekk il-miżuri ta’ ġestjoni li, minħabba l-fatt li ġew ipprattikati matul ċertu perijodu ta’ żmien, jistgħu jitqiesu li huma komuni għas-sit ikkonċernat, bil-kundizzjoni madankollu li, kif imsemmi fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, huma ma jpoġġux f’dubju l-issodisfar tal-għanijiet u tal-obbligi previsti fid-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar”.

62      Għandu jiġi ppreċiżat, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda 1(d), li l-imsemmija tieni parti tirrigwarda miżuri ta’ ġestjoni li jistgħu ma jkunux iddefiniti fid-dokumenti ta’ ġestjoni adottati mill-Istati Membri fuq il-bażi tad-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar”. Fil-fatt, għalkemm ma jistax jiġi eskluż, bħala prinċipju, li miżura ta’ ġestjoni preċedenti tkun ukoll prevista fid-dokumenti ta’ ġestjoni adottati mill-Istati Membri fuq il-bażi tad-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar” u għalhekk tista’ taqa’ kemm taħt l-ewwel kif ukoll taħt it-tieni parti tal-alternattiva tat-tieni każ imsemmi fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, jirriżulta b’mod ċar mill-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew” li tissepara dawn iż-żewġ oqsma li dawn jistgħu japplikaw indipendentement mill-oħra. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta dokumenti ta’ amministrazzjoni ma jkunux għadhom ġew redatti jew meta miżura ta’ amministrazzjoni mwettqa preċedentement mill-proprjetarji jew mill-operaturi ma tkunx imsemmija f’dawn id-dokumenti.

63      Fir-rigward tal-preċedenza tal-amministrazzjoni, li hija s-suġġett tad-domanda 1(ċ), għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-fatt li miżura ta’ amministrazzjoni tista’ wkoll taqa’ kemm taħt fergħa waħda u kemm taħt l-oħra tal-imsemmija alternattiva, in-natura preċedenti tal-amministrazzjoni ma tistax tiġi ddefinita biss fir-rigward tad-data tal-adozzjoni tad-dokumenti ta’ amministrazzjoni.

64      Barra minn hekk, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma speċifikax, fil-formulazzjoni tat-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, ir-riferiment ratione temporis li minnu għandha tiġi evalwata l-preċedenza tal-amministrazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li din ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-data tad-dħul fis-seħħ jew tad-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/35 imsemmija, rispettivament, fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni jkollha l-effett li tillimita t-tieni alternattiva tat-tieni eżempju msemmi fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35 biss għall-prattiki li bdew qabel waħda minn dawn id-dati u b’hekk iċċaħħad ħafna lil din it-tieni parti mis-sustanza tagħha billi tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrikorru għaliha f’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ amministrazzjoni pprattikati mill-proprjetarji jew mill-operaturi wara l-imsemmija dati. Għalhekk, jinkiser punt ta’ bilanċ kbir mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-fatt li t-tieni każ previst fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35 għandu l-għan li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu eżenzjoni tas-sidien u tal-operaturi għad-danni kkawżati lill-ispeċi u lill-ambjenti naturali protetti minn amministrazzjoni normali tas-sit ikkonċernat, għandu jiġi konkluż li l-preċedenza tal-prattika tista’ tiġi ddefinita biss fir-rigward tad-data li fiha jseħħ id-dannu. Għalhekk, huwa biss jekk miżura ta’ amministrazzjoni normali tkun ġiet ipprattikata matul perijodu ta’ żmien twil biżżejjed sakemm iseħħ id-dannu u meta din tkun ġeneralment irrikonoxxuta u stabbilita li dan id-dannu jkun jista’ jitqies li ma huwiex sinjifikattiv.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel mistoqsija għandha tingħata risposta li l-kunċett ta’ “amministrazzjoni normali ta’ siti, kif imfissra fir-rekord jew dokumenti mmirati ta’ l-ambjenti naturali jew kif mqiesa qabel mill-proprjetarji jew operaturi”, li jidher fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35, għandu jinftiehem bħala li jkopri, minn naħa waħda, kwalunkwe miżura amministrattiva jew organizzattiva li jista’ jkollha impatt fuq l-ispeċi u l-ambjenti naturali protetti misjuba fuq is-sit, kif jirriżulta mid-dokumenti ta’ amministrazzjoni adottati mill-Istati Membri fuq il-bażi tad-Direttivi “dwar il-Habitats” u “dwar l-Għasafar” u interpretati, jekk meħtieġ, b’referenza għal kwalunkwe standard ta’ liġi interna li tittrasponi dawn l-aħħar żewġ direttivi jew, fin-nuqqas ta’ dan, kompatibbli mal-ispirtu u l-għan ta’ dawn id-direttivi, u, min-naħa l-oħra, kwalunkwe miżura amministrattiva jew organizzattiva meqjusa bħala tas-soltu, ġeneralment irrikonoxxuta, stabbilita u pprattikata għal perijodu ta’ żmien twil biżżejjed mis-sidien jew l-operaturi sakemm iseħħu d-danni kkawżati mill-effett ta’ din il-miżura fuq l-ispeċi u l-habitats naturali protetti, li t-totalità ta’ dawn il-miżuri trid barra minn hekk tkun kompatibbli mal-għanijiet sottostanti d-direttivi dwar il-Habitats u dwar l-Għasafar kif ukoll, b’mod partikolari, mal-prattiki agrikoli ġeneralment aċċettati.

 Fuq it-tieni domanda

67      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2004/35 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “attività tax-xogħol” li huwa ddefinit fih ikopri wkoll l-attivitajiet eżerċitati fl-interess tal-kollettività bis-saħħa ta’ trasferiment legali ta’ missjoni.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/35, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar biss id-danni kkawżati minn “attività tax-xogħol”, peress li dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35.

69      Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-kunċett ta’ “attività tax-xogħol” għandu jfisser kull attività magħmula bħala parti minn attività ekonomika, kummerċ jew impriża, mingħajr ma jingħata każ jekk l-attività hijiex pubblika jew privata, kemm jekk tagħmel qligħ u kemm jekk ma tagħmilx qligħ.

70      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-espressjoni “attività ekonomika” tista’ tidher li tindika li l-attività tax-xogħol għandu jkollha relazzjoni mas-suq jew ikollha natura kompetittiva, il-kliem “kummerċ” u “impriża” jistgħu, min-naħa tagħhom, jinftiehmu kemm f’sens ekonomiku, kummerċjali jew industrijali kif ukoll fis-sens iktar ġeneriku ta’ “okkupazzjoni”, ta’ “operazzjoni”, ta’ “ħidma” jew ta’ “xogħol”. Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-kliem tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2004/35 li jippreċiża li l-attività tax-xogħol tista’ tkun kemm bi skop ta’ lukru kif ukoll mingħajr skop ta’ lukru.

71      Madankollu, għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha kif ukoll l-għanijiet li din issegwi (sentenza tat-30ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest li fih jinsab il-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35, għandu jiġi rrilevat li l-Anness III tad-Direttiva 2004/35 jinkludi lista tal-attivitajiet tax-xogħol li din id-direttiva tkopri. Issa, dan l-anness isemmi attivitajiet li, bħall-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart, huma ġeneralment eżerċitati fl-interess tal-kollettività bis-saħħa ta’ trasferiment legali ta’ missjoni.

73      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fl-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2004/35, l-attivitajiet tax-xogħol imsemmija fl-Artikolu 2(7) tagħha jistgħu jiġu eżerċitati biss mill-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiġifieri l-operaturi, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(6) ta’ din id-direttiva bħala kull persuna fiżika jew ġuridika, privata jew pubblika, li teżerċita jew tikkontrolla attività tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et, C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 52). B’hekk, mill-qari flimkien tal-punti 6 u 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35 jirriżulta li l-kunċett ta’ “attività professjonali” jkopri kunċett wiesa’ u jinkludi wkoll l-attivitajiet pubbliċi mingħajr skop ta’ lukru eżerċitati minn persuni ġuridiċi pubbliċi. Issa, tali attivitajiet, bħala regola ġenerali, la għandhom relazzjoni mas-suq u lanqas ma jippreżentaw natura kompetittiva tant li l-fatt li t-termini “każ” u “impriża”, imsemmija fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2004/35, jingħataw sens purament ekonomiku, kummerċjali jew industrijali jfisser li jeskludi kważi l-attivitajiet kollha mill-kunċett ta’ “attività tax-xogħol”.

74      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/35, minn qari flimkien tal-premessi 2, 8 u 9 tagħha jirriżulta li din hija intiża, skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, li żżomm responsabbli finanzjarjament lill-operaturi li, minħabba attivitajiet professjonali li jippreżentaw riskju reali jew potenzjali għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, ikkawżaw danni ambjentali, b’mod li jħeġġuhom jadottaw miżuri u jiżviluppaw prattiki proprji sabiex jimminimizzaw ir-riskji ta’ tali danni.

75      Issa, interpretazzjoni li, minkejja li l-kliem “kummerċ” u “impriża”, li jinsabu fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2004/35, ma għandhomx neċessarjament portata ekonomika, teskludi mill-kunċett ta’ “attività tax-xogħol” l-attivitajiet eżerċitati fl-interess tal-kollettività bis-saħħa ta’ trasferiment legali ta’ missjoni minħabba li dawn ma għandhomx relazzjoni mas-suq jew ma jippreżentawx natura kompetittiva, iċċaħħad lid-Direttiva 2004/35 minn parti mill-effett utli tagħha, billi teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sensiela ta’ attivitajiet, peress li dawn ma għandhomx relazzjoni mas-suq jew ma għandhomx natura kompetittiva.

76      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-kunċett ta’ “attività tax-xogħol”, imsemmi fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2004/35, ma huwiex limitat biss għall-attivitajiet li għandhom relazzjoni mas-suq jew li huma ta’ natura kompetittiva, iżda jinkludi l-attivitajiet kollha eżerċitati f’kuntest professjonali, għall-kuntrarju ta’ qafas purament personali jew domestiku, u, għaldaqstant, l-attivitajiet eżerċitati fl-interess tal-kollettività bis-saħħa ta’ trasferiment legali ta’ missjoni.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2004/35 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ta’ “attività tax-xogħol” li huwa ddefinit fih ikopri wkoll l-attivitajiet eżerċitati fl-interess tal-kollettività bis-saħħa ta’ trasferiment legali ta’ missjoni.

 Fuq l-ispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “amministrazzjoni normali ta’ siti, kif imfissra fir-rekord jew dokumenti mmirati ta’ l-ambjenti naturali jew kif mqiesa qabel mill-proprjetarji jew operaturi”, li jidher fit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Anness I tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, għandu jinftiehem bħala li jkopri, minn naħa waħda, kwalunkwe miżura amministrattiva jew organizzattiva li jista’ jkollha impatt fuq l-ispeċi u l-habitats naturali protetti misjuba fuq is-sit, kif jirriżulta mid-dokumenti ta’ ġestjoni adottati mill-Istati Membri fuq il-bażi tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, u interpretati, jekk meħtieġ, b’referenza għal kwalunkwe standard ta’ liġi interna li tittrasponi dawn l-aħħar żewġ direttivi jew, fin-nuqqas ta’ dan, kompatibbli mal-ispirtu u l-għan ta’ dawn id-direttivi, u, min-naħa l-oħra, kwalunkwe miżura amministrattiva jew organizzattiva meqjusa bħala tas-soltu, ġeneralment irrikonoxxuta, stabbilita u pprattikata għal perijodu ta’ żmien twil biżżejjed mis-sidien jew l-operaturi sakemm iseħħu d-danni kkawżati mill-effett ta’ din il-miżura fuq l-ispeċi u l-habitats naturali protetti, li t-totalità ta’ dawn il-miżuri trid barra minn hekk tkun kompatibbli mal-għanijiet li fuqhom huma bbażati d-Direttivi 92/43 u 2009/147 kif ukoll, b’mod partikolari, mal-prattiki agrikoli ġeneralment aċċettati.

2)      L-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2004/35 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “attività tax-xogħol” li huwa ddefinit fih ikopri wkoll l-attivitajiet eżerċitati fl-interess tal-kollettività bis-saħħa ta’ trasferiment legali ta’ missjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.