Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ April 2018 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-5 ta’ Frar 2018 fil-Kawża T-216/15, Dôvera zdravotná poist'ovňa, a.s. vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-262/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P.J. Loewenthal, F. Tomat, aġenti)

Partijiet oħra fil-kawża: Dôvera zdravotná poist'ovňa a.s., ir-Repubblika tas-Slovakkja, Union zdravotná poist'ovňa a.s.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Frar 2018 fil-Kawża T-216/15, Dôvera vs Il-Kummissjoni;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għall-eżami tagħha;

sussidjarjament, tuża s-setgħa tagħha skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi definittivament il-kawża; u

tirriżerva l-ispejjeż tal-kawża, fil-każ li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, jew tordna lil Dôvera zdravotná poist'ovňa a.s. u lil Union zdravotná poist'ovňa a.s. ibatu l-ispejjeż tal-kawża, fil-każ li tiddeċiedi definittivament il-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/248 tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar il-miżuri SA.23008 (2013/C) (ex2013/NN) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Spoločná zdravotná poist'ovňa a.s. (iktar ’il quddiem “SZP”) u Všeobecná zdravotná poist'ovňa a.s. (iktar ’il quddiem “VZP”) (ĠU 2015, L 41, p. 25).

Il-Kummissjoni tressaq tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha mis-sentenza appellata.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikoli 36 u 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata billi laqgħet it-tieni motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li l-iskema tal-assigurazzjoni għas-saħħa obbligatorja Slovakka hija prinċipalment ibbażata fuq is-solidarjetà. Madankollu, l-istandard legali li hija fil-fatt applikat sabiex tannulla dik id-deċiżjoni huwa dak li r-rikorrenti pproponiet taħt l-ewwel motiv tagħha fl-ewwel istanza, jiġifieri li s-sempliċi preżenza ta’ kwalunkwe karatteristiċi ekonomiċi tittrasforma l-provvista ta’ assigurazzjoni għas-saħħa għal attività ekonomika. Peress li l-istandards legali taħt l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikorrent kienu jeskludu b’mod reċiproku lil xulxin, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem fuq liema bażi d-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat ħażin il-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qablet mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-iskema tal-assigurazzjoni għas-saħħa obbligatorja Slovakka kienet prinċipalment ibbażata fuq is-solidarjetà, kif ukoll mal-ispjegazzjoni tagħha li l-karatteristiċi ekonomiċi tagħha ġew introdotti sabiex jintlaħqu l-għanijiet soċjali u ta’ solidarjetà tagħha. Madankollu, hija kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-attività mwettqa mill-assiguraturi għas-saħħa taħt l-iskema tal-assigurazzjoni għas-saħħa obbligatorja Slovakka ma hijiex ekonomika fin-natura tagħha. Hija waslet għal din il-konklużjoni billi nnotat il-kapaċità tal-assiguraturi li jagħmlu, jużaw u jiddistribwixxu parti mill-profitti tagħhom u l-kompetizzjoni bejn l-assiguraturi għal klijenti u l-kwalità tas-servizzi. Imbagħad, hija kkonstatat li s-sempliċi preżenza ta’ assiguraturi għal profitt fis-Slovakka tittrasforma lil SZP u lil VZP b’kontaġju f’impriżi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Permezz ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza li tipprovdi li skema tal-assigurazzjoni għas-saħħa li hija prinċipalment ibbażata fuq is-solidarjetà u li l-karatteristiċi ekonomiċi tagħha ġew introdotti sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-iskema u sabiex jintlaħqu l-għanijiet soċjali u ta’ solidarjetà taħtha ma hijiex ekonomika fin-natura tagħha, b’mod li l-fornituri tal-assigurazzjoni għas-saħħa li joperaw taħt tali skema ma humiex impriżi.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali għamlet distorsjoni tal-provi prodotti quddiemha fl-ewwel istanza meta kkonkludiet li kien hemm “kompetizzjoni intensa u kumplessa” bejn il-fornituri tal-assigurazzjoni għas-saħħa fis-Slovakkja, meta l-proċess tal-kawża juri biss ammont limitat ta’ kompetizzjoni għall-provvista ta’ benefiċċji mhux obbligatorji mingħajr ħlas.

____________