Language of document : ECLI:EU:C:2007:261

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Mejju 2007 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-Pulizija f’materji kriminali – Artikoli 6(2) u 34(2)(b) UE – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA – Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali – Tneħħija tal-verifika ta’ kriminalità doppja – Validità”

Fil-kawża C-303/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Arbitragehof (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-29 ta’ Lulju 2005, fil-proċedura

Advocaten voor de Wereld VZW,

vs

Leden van de Ministerraad,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, R. Schintgen, P. Kūris, E. Juhász u J. Klučka, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J. Makarczyk, U. Lõhmus, E. Levits u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Advocaten voor de Wereld VZW, minn L. Deleu, P. Bekaert u F. van Vlaenderen, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Wimmer, bħala aġent, assistit minn E. Jacubowitz u P. de Maeyer, avocats,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.‑C. Niollet kif ukoll minn E. Belliard, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, minn E. Balode-Buraka, bħala aġent,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, M. de Mol u C. M. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn J. Pietras, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Nwaokolo u C. Gibbs, bħala aġenti, assistiti minn A. Dashwood, barrister,

–        għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn S. Kyriakopoulou, kif ukoll minn J. Schutte u O. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Bogensberger u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ validità tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni qafas”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors imressaq mill-Advocaten voor de Wereld VZW (iktar ’il quddiem l-“Advocaten voor de Wereld”) quddiem l-Arbitragehof għall-finijiet ta’ l-annullament tal-liġi Belġjana tad-19 ta’ Diċembru 2003 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (Moniteur belge tat-22 ta’ Diċembru 2003, p. 60075, iktar ’il quddiem il-“liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003”) u b’mod partikolari l-Artikoli 3, 5(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 7 tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skond il-ħames premessa tad-deċiżjoni qafas:

“L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jbiddlu b’sistema ta’ ċediment bejn awtoritajiet ġudizzjarji. ’Il fuq minn dan, l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata ta’ ċediment ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati ġħall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ koperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu mibdula b’sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tinata’ [tingħata] s-sentenza kif ukoll dawk finali, ġo żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.”

4        Is-sitt premessa tad-deċiżjoni qafas tgħid:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni [qafas] hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-’punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.”

5        Skond is-seba’ premessa tad-deċiżjoni qafas:

“Billi l-iskop tat-tibdil tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċjenti mill-Istati Membri qed jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà msejjaħ fl-Artikolu 2 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni [qafas] ma tmurx ’il hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.”

6        Skond il-ħdax-il premessa tad-deċiżjoni qafas:

“Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jibdel kull istrument ta’ qabel dwar l-estradizzjoni, inklużi d-disposizzjonijiet tat-Titolu III tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen li huma dwar l-estradizzjoni.”

7        L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni qafas, li ġie adottat fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 31(1)(a) u (b) UE u 34(2)(b) UE jipprovdi:

“1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas].

3. Din id-Deċiżjoni [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea.”

8        L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni qafas jgħid:

“1.      Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħorġu [joħroġ] bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

2.      L-offiżi [ir-reati] li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tlett snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat, għandhom, taħt it-termini ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas] u mingħajr verifikazzjoni [verifika] tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jwasslu għaċ-ċediment skond mandat ta’ arrest Ewropew:

–        il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

–        it-terroriżmu,

–        it-traffikar ta’ bnedmin,

–        l-isfruttament sesswali ta’ tfal u l-pornografija tat-tfal,

–        it-traffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sostanzi psikotropiċi,

–        it-traffikar illeċitu f’armi, munizzjonijiet u splussivi,

–        il-korruzzjoni,

–        il-frodi, inkluż dak li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fis-sens tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 fuq il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej,

–        il-ħasil ta’ flus ġejjin minn reati,

–        l-iffalsifikar ta’ munita, inkluża l-euro,

–        ir-reati konnessi mal-kompjuters,

–        ir-reati ta’ l-ambjent, inkluż it-traffikar illeċitu fi speċi ta’ annimali li huma fil-perikolu u fi speċi u varjetajiet ta’ pjanti li huma fil-perikolu,

–        il-faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzata,

–        l-omiċidju, offiża gravi fuq il-persuna,

–        il-kummerċ illeċitu f’organi u tessuti tal-bniedem,

–        il-ħtif tan-nies, restrizzjoni illegali u l-ħtif ta’ ostaġġi,

–        ir-razziżmu u l-ksenofobija,

–        is-serq organizzat jew bl-użu ta’ armi,

–        it-traffikar illeċitu f’merkanzija kulturali, inklużi l-anitkitajiet u xogħlijiet ta’ l-arti,

–        l-imbrolju,

–        l-intrigi ta’ qerq u l-estorsjoni,

–        il-falsifikazzjoni u l-piraterija ta’ prodotti,

–        il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u l-ittrafikar ta’ dawn,

–        il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament,

–        it-traffikar illeċitu fi sostanzi ta’ l-ormoni u affarijiet oħra li jippromovu l-iżvilupp,

–        it-traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjoattivi,

–        it-traffikar ta’ vetturi misruqa,

–        l-istupru,

–        il-ħruq ta’ propjetà apposta,

–        ir-reati li jaqaw fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–        il-qbid illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/vapuri,

–        is-sabotaġġ.

3.      Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin, waqt li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea (TEU), li jżid kategoriji oħra ta’ offiżi mal-lista li tinsab fil-paragrafu 2. Il-Kunsill għandu jeżamina, fid-dawl tar-rapport mogħti mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 34(3), jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata.

4.      Għal offiżi barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, iċ-ċediment tista’ tkun suġġetta [jista’ jkun soġġett] għall-kondizzjoni li l-atti għal liema l-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ jikkostitwixxu offiża taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li jesegwixxih, irrespettivament ta’ l-elementi kostitwenti jew ta’ kif hu deskritt.” 

9        L-Artikolu 31 tad-deċiżjoni qafas jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni [Qafas] għandha, mill-1 ta’ Jannar 2004, tibdel id-disposizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam ta’ l-estradizzjoni f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

a)      il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957, il-protokoll addizjonali tagħha tal-15 ta’ Ottubru 1975, it-tieni protokoll addizjonali tas-17 ta’ Marzu 1978, u l-Konvenzjoni Ewropea fuq it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta’ Jannar 1977 sa fejn hi nvoluta l-estradizzjoni;

b)      il-Ftehim bejn il 12-il Stati Membri tal-Komunitajiet Ewropej fuq is-simplifikazzjoni u l-modernizazzjoni ta’ metodi tat-trasmissjoni ta’ talbiet ta’ estradizzjoni tas-26 ta’ Mejju1989;

c)      il-Konvenzjoni ta’ l-10 ta’ Marzu 1995 fuq proċedura simplifikata ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea;

d)      il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea;

e)      It-Titolu III, Kapitolu 4 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li jimplimenta l-Ftehim Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 fuq it-tneħħija gradwali ta’ kontrolli fi fruntieri komuni.

2.      L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali fis-seħħ meta din id-Deċiżjoni [Qafas] hi adottata sa fejn dawn il-ftehim jew arranġamenti jħallu l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas] jiġu estiżi jew imkabbrin u jgħinu jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għal ċediment ta’ persuni li huma suġġetti għal mandati ta’ arrest Ewropej.

L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li din id-Deċiżjoni [Qafas] tkun daħlet fis-seħħ sakemm dawn il-ftehim jew arranġamenti jħallu l-preskrizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas] jkunu estiżi jew mkabbrin u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għal ċediment ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ mandati ta’ arrest Ewropej, partikolarment billi jistabbilixxu limiti tal-ħin iżjed qosra minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 17, billi jestendu l-lista ta’ offiżi stabbiliti fl-Artikolu 2(2), billi jillimitaw aktar ir-raġunijiet għar-rifjut stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, jew billi jniżżlu l-limitu previst fl-Artikolu 2(1) jew (2).

Il-ftehim u arranġamenti msejħa fit-tieni subparagrafu fl-ebda każ ma jistgħu jaffetwaw relazzjonijiet ma’ Stati Membri li mhumiex partijiet għalihom.

L-Istati Membri għandhom, fi tlett xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas], jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-ftehim u arranġamenti li jeżistu msejħa fl-ewwel subparagrafu li jixtiequ jkomplu japplikaw.

L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid imsejjaħ fit-tieni subparagrafu, fi tlett xhur mill-iffirmar tiegħu.

3.      Fejn il-konvenzjonijiet jew ftehim imsejħa fil-paragrafu 1 japplikaw lit-territorji ta’ Stati Membri jew lit-territorji għar-relazzjonijiet esterni ta’ liema Stat Membru hu responsabbli għal liema din id-Deċiżjoni [Qafas] ma tapplikax, dawn l-istrumenti għandhom ikomplu jirregolaw ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn dawk it-territorji u l-Istati Membri oħra.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, b’rikors tal-21 ta’ Ġunju 2001, Advocaten voor de Wereld ressqet rikors quddiem l-Arbitragehof sabiex tiġi annullata, totalment jew parzjalment, il-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003, li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni qafas fil-liġi interna Belġjana.

11      In sostenn tar-rikors tagħha, Advocaten voor de Wereld issostni b’mod partikolari li d-deċiżjoni qafas hija nulla minħabba li l-materja ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kellha tiġi implementata minn Konvenzjoni u mhux minn deċiżjoni qafas, peress li, skond l-Artikolu 34(2)(b) UE, id-Deċiżjonijiet Qafas ma jistgħux jiġu adottati ħlief għall-finijiet ta’ l-“l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri”, li mhuwiex il-każ hawnhekk.

12      Barra minn hekk, Advocaten voor de Wereld issostni li l-Artikolu 5(2) tal-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003, li jittrasponi fil-liġi interna Belġjana l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas, jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non diskriminazzjoni minħabba li, għal fatti li huma punibbli, imsemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni, fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hemm deroga fir-rigward tiegħu mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli għar-rekwiżit ta’ kriminalità doppja, filwaqt li dan ir-rekwiżit inżamm għal reati oħra.

13      Advocaten voor de Wereld tallega wkoll li l-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali, peress li din ma telenkax ir-reati li għandhom kontenut leġiżlattiv suffiċjentement ċar u preċiż, iżda biss kategoriji vagi ta’ mġiba mhux mixtieqa. L-awtorità ġudizzjarja li għandha tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jkollhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tistħarreġ b’mod effettiv jekk ir-reati li dwarhom il-persuna mitluba qed tiġi pproċessata, jew li għalihom ingħatat piena kontra tagħha, jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 5(2) ta’ din il-liġi. In-nuqqas ta’ definizzjoni ċara u preċiża tar-reati msemmija f’din id-dispożizzjoni jwassal għal applikazzjoni mhux konsistenti ta’ din il-liġi mid-diversi awtoritajiet li huma inkarigati bl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, minħabba dan il-fatt, jikser ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non diskriminazzjoni.

14      L-Arbitragehof tfakkar li l-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 hija l-konsegwenza diretta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li jirregola l-qasam dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew permezz ta’ deċiżjoni qafas. L-ilmenti invokati minn Advocaten voor de Wereld kontra din il-liġi huma applikabbli bl-istess mod fir-rigward tad-deċiżjoni qafas. Differenzi ta’ interpretazzjoni bejn l-istanzi ġudizzjarji li jirrigwardaw il-validità ta’ atti Komunitarji u dik tal-leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi l-implementazzjoni fil-liġi interna jikkompromettu l-unità tas-sistema legali Komunitarja u jikkawżaw ħsara lill-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

15      L-Arbitragefof iżżid tgħid li, skond l-Artikolu 3 u 5(1) UE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-kompetenza li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar il-validità tad-deċiżjonijiet qafas u li, skond il-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu, ir-Renju tal-Belġju aċċetta l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-materja.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbitragehof iddeċidet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Id-deċiżjoni qafas [...] hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat [UE] li jgħid li d-Deċiżjonijiet Qafas jistgħu jiġu adottati biss bl-iskop ta’ l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari ta’ l-Istati Membri?

2)      L-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas [...] in kwantu jneħħi l-kontroll ta’ l-eżiġenza ta’ kriminalità doppja għal offiżi li huma msemmija fih, huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 6(2) tat-Trattat [UE] u aktar speċifikatament mal-prinċipju ta’ legalità fil-materja kriminali u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non diskriminazzjoni ggarantiti minn din id-dispożizzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

 Fuq l-ammissibbiltà

17      Il-Gvern Ċek jallega li l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli għar-raġuni li hija tobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-Artikolu 34(2) UE, li huwa dispożizzjoni ta’ dritt primarju li jaqa’ taħt l-istħarriġ tagħha.

18      Dan l-argument mhuwiex fondat. Fil-fatt, skond l-Artikolu 35(1) UE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza, salv għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-validità b’mod partikolari tal-deċiżjonijiet qafas, li jimplika li hija tista’, anki fin-nuqqas ta’ kompetenza espliċita għal dan il-għan, tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt primarju bħal fil-każ ta’ l-Artikolu 34(2)(b) UE, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa jekk id-deċiżjoni qafas ġietx korrettament adottata fuq il-bażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

19      Skond il-Gvern Ċek, l-ewwel domanda preliminari hija wkoll inammissibbli sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju ma turix b’mod ċar il-motivi rilevanti li jiġġustifikaw li tiġi kkonstatata l-invalidità tad-deċiżjoni qafas. Dan il-Gvern kien għaldaqstant fl-impossibbiltà li jippreżenta b’mod effettiv osservazzjonijiet fuq din il-kwistjoni. B’mod iktar partikolari, sa fejn Advocaten voor de Wereld tgħid li d-deċiżjoni qafas ma wasslitx għal approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ l-Isati Membri, hija kellha ssostni din l-affermazzjoni u l-Arbitragehof tiċċitaha fid-deċiżjoni tar-rinviju.

20      Għandu jiġi mfakkar li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma sservix biss biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġibiet utli imma wkoll li tagħti lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-2 ta’ Marzu 1999, Colonia Verischerung et, C-422/98, Ġabra p. I-1279, punt 5).

21      Fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tar-rinviju fiha indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex tissodisfa dawn l-eżiġenzi. Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li Advocaten voor de Wereld tiddefendi l-argument li l-materja dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew kellha tiġi implementata minn konvenzjoni u mhux minn deċiżjoni qafas, peress illi skond l-Artikolu 34(2)(b) UE, id-deċiżjonijiet qafas ma jistgħux jiġu adottati ħlief bl-iskop ta’ l-“approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri”, li mhuwiex il-każ hawnhekk.

22      Indikazzjonijiet simili huma suffiċjenti mhux biss sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta effettiva, iżda wkoll sabiex iħarsu l-possibbiltà li jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet li l-partijiet in kwistjoni, l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni jkollhom, skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif barra minn hekk jixhdu l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet kollha li intervenew f’din il-proċedura, li jinkludu dawk ippreżentati mill-Gvern Ċek.

23      B’hekk l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

24      Advocaten voor de Wereld issostni, kuntrarjament għall-partijiet l-oħra kollha li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li l-materja tal-mandat ta’ arrest Ewropew kellu jiġi rregolat, skond l-Artikolu 34(2)(b), minn konvenzjoni.

25      Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni qafas ma setgħetx validament tiġi adottata għall-iskop ta’ l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari kif imsemmija fl-Artikolu 34(2)(b) UE, sa fejn il-Kunsill huwa awtorizzat jadotta deċiżjonijiet qafas biss sabiex japprossima progressivament ir-regoli tal-liġi kriminali fil-każijiet biss li huma msemmija fit-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 29 u ta’ l-Artikolu 31(1) UE. Għall-azzjonijiet komuni l-oħra fil-qasam tal-koopererazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-Kunsill għandu jirrikorri għal konvenzjonijiet skond l-Artikolu 34(2)(d) UE.

26      Min-naħa l-oħra, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 31 tad-deċiżjoni qafas, din għandha, mill-1 ta’ Jannar 2004, tissostitwixxi l-liġi kuntrattwali applikabbli fil-materja ta’ estradizzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Issa, att wieħed ta’ l-istess natura biss, jiġifieri konvenzjoni skond l-Artikolu 34(2)(d) UE, jista’ validament jidderoga mil-liġi kuntrattwali fis-seħħ.

27      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

28      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni qafas u mill-ħames sas-seba’ u l-ħdax -il premessa tagħha, hija għandha bħala għan li tibdel is-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni li kontrihom tkun ingħatat sentenza jew li huma ssuspettati għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew ta’ prosekuzzjoni, fondat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

29      Ir-rikonoxximent reċiproku tal-mandati ta’ arrest maħruġa minn diversi Stati Membri skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat ikkonċernat jeżiġi l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari ta’ l-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, aktar speċifikament, tar-regoli li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet, il-proċeduri u l-effetti tal-konsenja bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

30      Dan huwa preċiżament l-għan tad-deċiżjoni qafas għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari r-regoli dwar il-kategoriji ta’ reati elenkati li għalihom mhemmx il-verifika ta’ kriminalità doppja (Artikolu 2(2)), għar-raġunijiet tan-non eżekuzzjoni obbligatorja jew fakoltattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew (Artikoli 3 u 4), għall-kontenut u l-forma ta’ dan ta’ l-aħħar (Artikolu 8), għat-trażmissjoni ta’ tali mandat u l-proċeduri tiegħu (Artikoli 9 u 10), għall-garanziji minimi li għandhom jingħataw lill-persuna mfittxija jew arrestata (Artikoli 11 sa 14), għat-termini u l-proċeduri għad-deċiżjoni biex jiġi eżegwit dan il-mandat (Artikolu 17) u għat-termini għall-konsenja tal-persuna mfittxija (Artikolu 23).

31      Id-deċiżjoni qafas hija fondata fuq l-Artikolu 31(1)(a) u (b) UE, li jipprovdi li l-azzjoni komuni f’dik li hija kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja penali hija intiża, rispettivament, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-każ tal-proċedura u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, kif ukoll li tiffaċilita l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri.

32      Kuntrarjament għal dak li ssostni Advoaten voor de Wereld, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari ta’ l-Istati Membri permezz ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet qafas skond l-Artikolu 34(2)(b) hija intiża biss għar-regoli tad-dritt kriminali ta’ dawn ta’ l-aħħar, indikati fl-Artikolu 31(1)(e) UE, jiġifieri dawk relattivi għall-elementi kostituttivi ta’ l-infrazzjonijiet kriminali u s-sanzjonijiet applikabbli fl-oqsma elenkati f’din l-aħħar dispożizzjoni.

33      Skond ir-raba’ subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 UE, l-iżvilupp ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jinsab fost l-għanijiet imfittxija mill-Unjoni, u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 29 UE jipprovdi li sabiex jiġi pprovdut liċ-ċittadini livell għoli ta’ sigurtà f’dan l-ambitu, azzjoni komuni hija żiluppata fost l-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja kriminali. Skond it-tieni subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-istess Artikolu, hija parti mit-twettiq ta’ dan l-għan “kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet oħra kompetenti ta’ l-Istati Membri, [...], skond l-Artikoli 31 [UE] u 32 [UE]”.

34      Madankollu, l-Artikolu 31(1)(a) u (b) UE ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar l-istrumenti legali li għandhom jiġu użati għal dan l-iskop.

35      Barra minn hekk l-Artikolu 34(2) UE juża termini ġenerali meta jgħid li l-Kunsill “għandu jieħu dawk il-miżuri u jinkoraġixxi dik il-kooperazzjoni [...] li jikontribwixxu biex jintlaqħu l-miri ta’ l-Unjoni” u jawtorizza “[b]’dak l-iskop” lill-Kunsill jadotta tipi differenti ta’ atti, elenkati fil-paragrafu 2(a) sa (d), li fosthom hemm id-deċiżjonijiet qafas u l-konvenzjonijiet.

36      Barra minn hekk, la l-Artikolu 34(2) UE u lanqas xi dispożizzjoni oħra tat-Titolu VI tat-Trattat UE ma jagħmlu distinzjoni fir-rigward tat-tipi ta’ atti li jistgħu jiġu adottati fil-funzjoni tal-materja li dwarha tirrigwarda l-azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni kriminali.

37      L-Artikolu 34(2) UE ma jistabblilixxix iktar ordni ta’ prijorità bejn l-istrumenti differenti li huma elenkati f’din id-dispożizzjoni, b’mod li mhuwiex eskluż li l-Kunsill ikun jista’ jkollu għażla bejn bosta strumenti sabiex ikun jista’ jirregola l-istess materja, bla ħsara għal-limiti imposti min-natura ta’ l-istrument magħżul.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 34(2) UE in kwantu jelenka u jiddefinixxi, f’termini ġenerali, it-tipi differenti ta’ strumenti legali li jistgħu jintużaw sabiex “iwettaq l-għanijiet ta’ l-Unjoni” kif jingħad fit-Titolu VI tat-Trattat UE, ma jistax jiġi interpretat bħala li jeskludi li l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari ta’ l-Istati Membri permezz ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni qafas skond il-paragrafu 2(b) tkun tista’ tirrigwarda oqsma oħra barra dawk imsemmija fl-Artikolu 31(1)(e) UE, u b’mod partikolari, il-materja tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

39      L-interpretazzjoni li tgħid li l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari ta’ l-Istati Membri permezz ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet qafas mhijiex biss awtorizzata fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 31(1)(e) UE hija korroborata mill-istess paragrafu 1(c), li jgħid li azzjoni komuni hija intiża wkoll sabiex “tiżgura kompatibilità fir-regoli applikabbli fl-Istati Membri, kif jista’ jkun meħtieġ biex tittejjeb din il-kooperazzjoni [ġudizzjarja fil-materja kriminali]” mingħajr ma jiddistingwi bejn id-diversi tipi ta’ atti li jistgħu jiġu użati għall-iskop ta’ l-approssimazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

40      Fl-okkorrenza, fil-każ fejn l-Artikolu 34(2)(c) UE jeskludi li l-Kunsill ikun jista’ jirrikorri għal deċiżjoni sabiex ikun jista’ jipproċedi għal approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari ta’ l-Istati Membri u li l-istrument legali tal-pożizzjoni komuni skond l-istess paragrafu 2(a) għandu jillimita ruħu li jiddefinixxi l-atteġġament ta’ l-Unjoni fuq kwistjoni partikolari, tqum għaldaqstant il-kwistjoni jekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Advocaten voor de Wereld, il-Kunsill setax validament jirregola l-materja tal-mandat ta’ arrest Ewropew permezz ta’ deċiżjoni qafas pjuttost milli permezz ta’ konvenzjoni skond l-Artikolu 34(2)(d) UE.

41      Jekk huwa veru li l-mandat ta’ arrest Ewropew seta’ wkoll ikun is-suġġett ta’ konvenzjoni, huwa jaqa’ taħt is-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-Kunsill li jippreferi l-istrument legali tad-deċiżjoni qafas, peressi illi, bħal f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni ta’ tali att ikunu sodisfatti.

42      Din il-konklużjoni mhijiex invalidata miċ-ċirkustanza li, skond l-Artikolu 31(1) tad-deċiżjoni qafas, mill-1 ta’ Jannar 2004 din tibdel, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri biss, dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjonijiet preċedenti dwar l-estradizzjoni li huma elenkati f’din id-dispożizzjoni. Kull interpretazzjoni oħra, li ma ssibx sostenn la fl-Artikolu 34(2) UE u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra tat-Trattat tirriskja li essenzjalment iċċaħħad mill-effettività tagħha l-fakultà rrikonoxxuta lill-Kunsill li jadotta deċiżjonijiet qafas fl-oqsma rregolati aktar ’il quddiem minn konvenzjonijiet internazzjonali.

43      Isegwi li d-deċiżjoni qafas ma ġietx adottata bi ksur ta’ l-Artikolu 34(2)(b) UE.

 Fuq it-tieni domanda

44      Advocaten voor de Wereld tallega, kuntrarjament għall-partijiet l-oħra kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas, safejn dan ineħħi l-verifika ta’ kriminalità doppja għar-reati li huma msemmija f’din id-dispożizzjoni, imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non diskriminazzjoni kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ legalità fil-materja kriminali.

45      Għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li, fid-dawl ta’ l-Artikolu 6 UE, l-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipju ta’ l-istat ta’ dritt u rispett tad-drittijiet fundamentali, hekk kif huma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u hekk kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Isegwi li l-istituzzjonijiet huma suġġetti għal stħarriġ tal-konformità ta’ l-atti tagħhom mat-Trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bl-istess mod bħall-Istati Membri meta huma jkunu qed jimplementaw id-dritt ta’ l-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2007, Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill, C-354/04 P, u Segi et vs Il-Kunsill, C-355/04 P, li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, punt 51).

46      Huwa paċifiku li, fost dawn il-prinċipji, hemm kemm il-prinċpju tal-legalità tar-reati u tal-pieni kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non diskriminazzjoni, li kienu ġew affermati mill-ġdid rispettament fl-Artikoli 49, 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni, iddikjarata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1).

47      B’hekk hija kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina l-validità tad-deċiżjoni qafas fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji.

 Fuq il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni

48      Skond Advocaten voor de Wereld, il-lista ta’ aktar minn tletin reat li għalihom il-kundizzjoni tradizzjonali ta’ kriminalità doppja hija abbandunata peress illi l-Istat Membru li joħroġ il-mandat jippenalizzhom mill-inqas b’piena ta’ priġunerija massima ta’ tliet snin hija f’dan il-punt vaga u mhux ċara, u li hija tikser, jew ta’ l-anqas tista’ tikser, il-prinċipju ta’ legalità fil-materja kriminali. Ir-reati msemmija fuq din il-lista mhumiex miġbura skond id-definizzjoni legali tagħhom, iżda jikkostitwixxu kategoriji ddefiniti ħafna vagament minn aġir mhux mixtieq. Il-persuna miċħuda mil-libertà tagħha fl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mingħajr verifika ta’ kriminalità doppja ma tibbenefikax mill-garanzjija li biha l-liġi kriminali jkollha tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ preċiżjoni, ta’ kjarezza u ta’ prevedibbiltà li jippermettu lil kull persuna tkun taf, fil-mument tat-twettiq ta’ att, jekk dan jikkostitwixxix jew le reat, u dan kuntrarjament għal dawk li huma mċaħħda mil-libertà tagħhom ’il barra minn mandat ta’ arrest Ewropew.

49      Għandu jiġi mfakkar illi l-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, jinsab fil-bażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta’ l-Istati Membri, kien ukoll ġie inkorporat f’diversi trattati internazzjonali, b’mod partikolari fl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, X, C-74/95 u C-129/95, Ġabra p. I-6609, punt 25, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġara p. I-5425, punti 215 sa 219).

50      Dan il-prinċipju jimplika li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom. Din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u bl-għajnuna ta’ l-interpretazzjoni li tkun ingħatat mill-qrati, liema atti u omissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbilità kriminali tiegħu (ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Coëme vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2000-VII, § 145).

51      Skond l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas, ir-reati elenkati f’din id-dispożizzjoni, “jekk huma punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tlett snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat” jagħtu lok għal konsenja fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mingħajr verifika ta’ kriminalità doppja tal-fatt.

52      B’konsegwenza, anki jekk l-Istati Membri jieħdu litteralment l-elenkar tal-kategoriji ta’ reati li jinsabu fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni tagħha, id-definizzjoni stess ta’ dawn ir-reati u l-pieni applikabbli huma dawk li jirriżultaw mil-liġi “ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat”. Id-deċiżjoni qafas mhijiex intiża li tarmonizza r-reati kriminali in kwistjoni fir-rigward ta’ l-elementi kostituttivi tagħhom u għall-pieni li huma għandhom.

53      Għaldaqstant, jekk l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas ineħħi l-verifika ta’ kriminalità doppja għall-kategoriji ta’ reati msemmija f’din id-dispożizzjoni, id-definizzjoni tagħhom u tal-pieni applikabbli tkompli taqa’ taħt il-kompetenza tad-dritt ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat, li, kif barra minn hekk huwa stipulat fl-Artikolu 1(3) ta’ din l-istess deċiżjoni qafas, għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif huma stabbiliti fl-Artikolu 6 UE u, konsegwentement, il-prinċipju tal-legalità tar-reati u tal-pieni.

54      Minn dan isegwi li l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas, inkwantu jneħħi l-verifika ta’ kriminalità doppja għar-reati msemmija f’din id-dispożizzjoni, mhuwiex invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni.

 Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non diskriminazzjoni

55      Skond Advocaten voor de Wereld, il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non diskriminazzjoni huwa miksur mid-deċiżjoni qafas safejn, għar-reati barra dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2) tiegħu, il-konsenja tista’ jkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-fatti li għalihom il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ jikkostitwixxu reat fir-rigward tad-dritt ta’ l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Din id-distinzjoni mhijiex oġġettivament iġġustifikata. L-abolizzjoni tal-verifika ta’ kriminalità doppja hija għaldaqstant aktar kontestabbli minn kwalunkwe definizzjoni ċirkustanzjata tal-fatti li għalihom il-konsenja mitluba ma tidhirx fid-deċiżjoni qafas. Is-sistema ta’ din ta’ l-aħħar twassal għal differenza inġustifikata ta’ trattament bejn il-partijiet skond jekk il-fatti inkriminati jkunu żvolġew fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew barra minn dan l-Istat. B’hekk dawn l-istess partijiet ser jiġu ġġudikati b’mod differenti fir-rigward ta’ ċaħda tal-libertà tagħhom mingħajr ma dan ikun iġġustifikat.

56      Għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non diskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C-248/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fir-rigward, minn naħa, ta’ l-għażla tat-32 kategoriji ta’ reati elenkati fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas, il-Kunsill seta’ jikkunsidra, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u fid-dawl tal-grad għoli ta’ fiduċja u ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri li, kemm minħabba n-natura tagħhom stess, kemm minħabba l-piena massima ta’ mhux inqas minn tliet snin, il-kategoriji ta’ reati kkonċernati jagħmlu parti minn dawk li l-gravità tal-ħsara għall-ordni u għas-sigurtà pubblika jiġġustifikaw li l-verifika ta’ kriminalità doppja ma tkunx mitluba.

58      Għadaqstant, anki jekk wieħed jippreżupponi li s-sitwazzjoni ta’ persuni ssuspettati li wettqu reati li jagħmlu parti mil-lista li tinsab fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas, jew ikkundannati talli wettqu dawn ir-reati tiġi mqabbla ma’ dik ta’ persuni ssuspettati li wettqu jew ġew ikkundannati li wettqu reati barra minn dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni, id-distinzjoni hija, f’kull każ, oġġettivament iġġustifikata.

59      Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-fatt li n-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-definizzjoni tal-kategoriji ta’ reati in kwisjtoni jirriskja li jwassal għal implementazzjoni diverġenti tad-deċiżjoni qafas fis-sistemi legali nazzjonali differenti, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-għan tagħha mhuwiex li tarmonizza l-liġi kriminali materjali ta’ l-Istati Membri u li ebda dispożizzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat UE, li l-Artikoli 34 u 31 kienu ġew stabbiliti bħala li jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma jissuġġettaw l-applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet kriminali fl-Istati Membri fil-qasam tar-reati kkonċernati (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, C-187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345, punt 32, kif ukoll tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et, C-467/04, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 29).

60      Minn dan isegwi li l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas, inkwantu jabolixxi l-verifika ta’ kriminalità doppja għar-reati msemmija f’din id-dispożizzjoni, mhuwiex invalidu għar-raġuni ta’ ksur ta’ l-Artikolu 6(2) UE, u aktar speċifikament minħabba l-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u tar-reati kif ukoll ta’ l-ugwaljanza u tan-non diskriminazzjoni.

61      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għandha tkun li l-eżami tad-domandi mressqa ma wrew ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni qafas.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-eżami tad-domandi mressqa ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.