Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2018 minn Jean-Marie Le Pen mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-7 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-140/16, Le Pen vs Il-Parlament

(Kawża C-303/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Jean-Marie Le Pen (rappreżentant: F. Wagner, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Marzu 2018, T-140/16.

u għaldaqstant,

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Jannar 2016, innotifikata permezz tal-ittra Nru D 302191 tal-5 ta’ Frar 2016, adottata skont l-Artikolu 68 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 tal-Bureau tal-Parlament tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 “dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew” kif emendata, li tikkonstata debitu minn naħa tal-appellant ta’ ammont ta’ EUR 320 026.23 fir-rigward ta’ ammonti mħallsa indebitament fil-kuntest ta’ assistenza parlamentari u li timmotiva l-irkupru tiegħu;

tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2016-195 tal-4 ta’ Frar 2016 li tinforma lill-appellant li kien ġie kkonstatat debitu fir-rigward tiegħu sussegwentement għad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 2016 u li tordna l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament fil-kuntest ta’ assistenza parlamentari;

tiddeċiedi kif xieraq dwar l-ammont li għandu jingħata lill-appellant bħala kumpens għad-dannu morali li huwa subixxa;

tiddeċiedi kif xieraq dwar l-ammont li għandu jingħata lill-appellant bħala spejjeż tal-proċeduri;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    Aggravju ta’ ordni pubbliku: Ksur mill-Qorti Ġenerali tad-drittijiet tad-difiża tal-appellant – Ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali

Billi ma ordnatx lill-Parlament josserva l-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Qorti Ġenerali ma ppermettietx diskussjoni leali u kontradittorja. Il-Parlament għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-fajl amministrattiv u l-fajl tal-OLAF, li minnhom huwa jista’ jikseb vantaġġ. Provi relatati max-xogħol imwettaq jistgħu jinsabu fiż-żewġ fajls, iżda jibqgħu moħbija għall-appellant

2.    Ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Żbalji ta’ liġi u żball ta’ klassifikazzjoni tan-natura ġuridika tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali – Natura diskriminatorja u, b’estensjoni fumus persecutionis – Ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ legalitá

Assenza ta’ inizjattiva fir-rigward ta’ partiti oħra

Il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tirrikonoxxi aġir diskriminatorju fl-inizjattiva ta’ M. Schulz anki jekk din kienet intiża biss kontra l-Front National u mhux kontra partiti oħra. Proċeduri identiċi kien imisshom infetħu kontra l-partiti Franċiżi kollha, kontra partiti oħra ta’ Stati Membri oħra u kontra għexieren ta’ deputati.

Diskriminazzjoni relatata mas-sitwazzjoni personali ta’ M. Schulz u mal-użu tiegħu tal-persunal tal-Parlament

Il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tisma’ lil M. Schulz u lil K. Welle waqt is-seduta, anki jekk l-appellant ipproduċa provi ta’ aġir illegali tal-ex President tal-Parlament mingħajr ma nbdew proċeduri kontrih. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dokumenti pprovduti, li jikkostitwixxi żball ta’ fatt b’konsegwenzi legali.

Ksur tal-aspettattivi leġittimi u tal-ugwaljanza

Kuntrarjament għal dak li tindika l-Qorti Ġenerali, hemm numru ta’ każijiet ta’ ksur tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li fihom il-Parlament ma talabx ir-rimbors.

3.    Illegalità interna tal-atti kkontestati

Żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

Jekk l-addendum kien prova daqstant essenzjali tax-xogħol imwettaq, kien il-Parlament li kellu l-obbligu jistabbilixxi n-nuqqas tal-appellant li jipproduċih, sussegwentement għal tfakkiriet, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Qorti Ġenerali. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tinvertixxi l-oneru tal-prova, u b’hekk twettaq żball ta’ fatt b’konsegwenzi legali.

b. Ħin tax-xogħol imwettaq li għandu jiġi ġġustifikat u modalità ta’ prova

Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-frażi tas-Segretarju Ġenerali li teżiġi li jiġi ġġustifikat it-total tal-ħin tax-xogħol imwettaq matul il-perijodu u mhux id-“dimostrazzjoni tal-konformità mal-miżuri ta’ applikazzjoni tax-xogħol”.

Il-Qorti Ġenerali ma tistax tqis li jeżisti obbligu fejn il-Parlament jirrikonoxxi li dan ma jeżistix, fatt li huwa rreġistrat f’proċess verbal ta’ seduta tal-Qorti Ġenerali, u meta ebda artikolu tal-miżuri ta’ applikazzjoni ma jipprevedi tali obbligu. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

c. Xogħol imwettaq

Filwaqt li jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura, l-appellant iressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ dokumenti ġodda.

d. Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Kuntrarjament għal dak li tafferma l-Qorti Ġenerali, il-Parlament ma kellu ebda obbligu inkundizzjonali jirkupra t-totalità tal-ħames snin jekk biss tlieta minnhom kienu meqjusa bħala kontenzjużi. Dan il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġġustifika l-annullament tas-sentenza.

e. Kuntratti esterni

Il-Parlament, u sussegwentement il-Qorti Ġenerali, ma wrewx li J.-F. Jalkh kellu rabtiet professjonali ma’ terzi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-appellant jew lid-dinjità tal-Parlament jew iwasslu għal kunflitt ta’ interessi.

____________