Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-6 ta’ Ottubru 2017 – Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie, I. vs D.

(Kawża C-586/17)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie, I.

Konvenut: D.

Domandi preliminari

1(a)    L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi sistema li fiha l-qorti amministrattiva tal-ewwel istanza dwar l-ażil ma tistax, bħala prinċipju, tieħu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tar-rikors motiv għal ażil invokat mill-barrani għall-ewwel darba quddiemha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors?

(b)    Jagħmel differenza f’dan ir-rigward jekk jiġix invokat motiv għal ażil effettivament ġdid, jiġifieri motiv għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jkun ibbażat fuq fatti u ċirkustanzi li huma sussegwenti għad-deċiżjoni tal-awtorità responsabbli mill-ażil dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jew motiv ta’ ażil moħbi, jiġifieri motiv għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jkun ibbażat fuq fatti u ċirkustanzi li huma preċedenti għad-deċiżjoni tal-awtorità responsabbli mill-ażil dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li l-barrani, minkejja li kellu għarfien tagħhom, jista’ jitqies li naqas milli jiżvelahom diġà matul il-proċedura amministrattiva?

(c)    Jagħmel differenza f’dan ir-rigward jekk il-motiv għal ażil jiġix invokat fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qorti amministrattiva tal-ewwel istanza dwar l-ażil kontra deċiżjoni tal-awtorità responsabbli mill-ażil dwar l-ewwel applikazzjoni jew applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali?

2.    Jekk id-domanda 1(a) titlob risposta affermattiva, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-qorti amministrattiva tal-ewwel istanza dwar l-ażil tista’ tagħżel li tirreferi l-eżami ta’ motiv għal ażil, invokat għall-ewwel darba quddiemha fil-kuntest ta’ rikors, għal proċedura ġdida quddiem l-awtorità responsabbli mill-ażil sabiex għalhekk jiġi ggarantit l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ġudizzjarja jew jiġi evitat dewmien inammissibbli ta’ din il-proċedura?

____________