Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division fit-12 ta' Awwissu 2009 - Interflora Inc, Interflora British Unit vs Marks & Spencer plc, Flowers Direct Online Limited

(Kawża C-323/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti:    Interflora Inc, Interflora British Unit.

Konvenuti:    Marks & Spencer plc, Flowers Direct Online Limited

Domandi preliminari

Fil-każ fejn kummerċjant, li huwa kompetitur ta' proprjetarju ta' trade mark irreġistrata u li jbigħ merkanzija u servizzi identiċi għal dawk koperti mit-trade mark permezz tas-sit Internet tiegħu, (i) jagħżel sinjal li huwa identiku (fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-291/00) għat-trade mark bħala kelma gwida għas-servizz tal-link sponsorjat propost mill-operatur ta' mutur ta' tfittxija, (ii) jindika dan is-sinjal bħala kelma gwida, (iii) jassoċja s-sinjal mal-URL tas-sit Internet tiegħu, (iv) jiddetermina l-prezz għal kull click li ser iħallas fir-rigward ta' din il-kelma gwida, (v) jipprogramma l-ħin li fih għandu jidher il-link sponsorjat u (vi) juża s-sinjal f'korrispondenza ta' negozju relatata mal-fatturazzjoni u l-ħlas ta' miżati jew mal-ġestjoni tal-kont tiegħu mal-operatur tal-mutur ta' tfittxija, iżda l-link sponsorjat ma jinkludix, fih innifsu, sinjal jew sinjal simili, wieħed minn dawn l-atti jew dawn l-atti kollha jikkostitwixxu "użu" tas-sinjal mill-kompetitur fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE1 tal-21 ta' Diċembru 1988 ("Id-Direttiva dwar it-trade marks") u tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 40/942 tal-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ir-"Regolament dwar it-trade mark Komunitarja")?

Tali użu huwa magħmul "fir-rigward ta'" merkanzija u servizzi identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks u tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja?

Tali użu jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' waħda jew taż-żewġ dispożizzjonijiet segwenti:

l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja; u

jekk jitqies li tali użu jippreġudika l-karattru distintiv tat-trade mark jew jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja?

Ir-risposta għat-tielet domanda tkun differenti jekk:

(a) il-preżentazzjoni tal-link sponsorjat tal-kompetitur bħala risposta għal tfittxija minn utent permezz tas-sinjal inkwistjoni tista' twassal sabiex parti mill-pubbliku temmen li l-kompetitur huwa membru tan-netwerk kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark, li mhuwiex minnu, jew jekk

(b) l-operatur tal-mutur ta' tfittxija ma jippermettix lill-proprjetarji tat-trade marks fl-Istat Membru tal-Komunità kkonċernat li jostakolaw l-għażla ta' sinjali identiċi għat-trade marks tagħhom bħala kliem gwida minn terzi?

Fil-każ fejn operatur ta' mutur ta' tfittxija (i) jippreżenta sinjal li huwa identiku (fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-291/00) għal trade mark irreġistrata lill-utent f'search bars li jinsabu fin-naħa ta' fuq u ta' isfel tal-paġni ta' tfittxija li jinkludu link sponsorjat għas-sit Internet tal-kompetitur imsemmi fl-ewwel domanda iktar 'il fuq, (ii) jippreżenta s-sinjal lill-utent fis-sommarju tar-riżultati ta' tfittxija, (iii) jippreżenta s-sinjal lill-utent permezz ta' suġġeriment alternattiv meta l-utent ikun daħħal sinjal simili fil-mutur ta' tfittxija, (iv) jippreżenta paġna tar-riżultati ta' tfittxija lill-utent li tinkludi il-link sponsorjat tal-kompetitur bħala risposta għall-entrata tas-sinjal mill-utent, u (v) jadotta l-użu tas-sinjal mill-utent billi jippreżenta lil dan tal-aħħar b'paġni tar-riżultati ta' tfittxija li jinkludu l-link sponsorjat tal-kompetitur, iżda l-link sponsorjat ma jinkludix, fih innifsu, is-sinjal jew sinjal simili, wieħed minn dawn l-atti jew dawn l-atti kollha jikkostitwixxu "użu" tas-sinjal mill-operatur tal-mutur ta' tfittxija fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks u tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja?

Tali użu huwa magħmul "fir-rigward ta'" merkanzija u servizzi identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks u tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja?

Tali użu jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' waħda jew taż-żewġ dispożizzjonijiet segwenti:

(a)    l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja; u

(b)    jekk jitqies li tali użu jippreġudika l-karattru distintiv tat-trade mark jew jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja?

Ir-risposta għas-seba' domanda tkun differenti jekk:

(a)    il-preżentazzjoni tal-link sponsorjat tal-kompetitur bħala risposta għal tfittxija minn utent permezz tas-sinjal inkwistjoni tista' twassal sabiex parti mill-pubbliku temmen li l-kompetitur huwa membru tan-netwerk kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark, li mhuwiex minnu, jew jekk

(b)    l-operatur tal-mutur ta' tfittxija ma jippermettix lill-proprjetarji tat-trade marks fl-Istat Membru kkonċernat li jwaqqfu terzi milli jagħżlu sinjali identiċi għat-trade marks tagħhom bħala kliem gwida?

Jekk tali użu jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni jew tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks moqri flimkien mal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitajra, jew inkella tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks moqri flimkien mal-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, jew saħansitra taż-żewġ artikoli:

tali użu jikkonsisti, jew jinkludi "trasmissjoni f'network ta' komunikazzjoni ta' informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz", u jekk dan huwa l-każ, l-operatur tal-mutur ta' tfittxija "jagħżel jew jimmodifika l-informazzjoni" fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31/KE3 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)?

tali użu jikkonsisti fi, jew jinkludi "ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta' dik l-informazzjoni, mwettqa biss għall-iskop li tagħmel aktar effiċjenti t-tmexxija tat-trasmissjoni ta' l-informazzjoni lil oħrajn li jirċievu s-servizz fuq talba tagħhom" fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku?

tali użu jikkonsisti fi, jew jinkludi, "żamma ta' informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz" fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku?

jekk l-użu ma jikkonsistix esklużivament f'attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' wieħed jew iktar minn fost l-Artikoli 12(1), 13(1) u 14(1) tad- Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, iżda jinkludi tali attivitajiet, l-operatur tal-mutur ta' tfittxija huwa eżentat mir-responsabbiltà tiegħu inkwantu l-użu jikkonsisti f'tali attivitajiet u, f'dan il-każ, jista' jingħata kumpens għal dannu jew xi forma ta' kumpens finanzjarju ieħor abbażi ta' dan l-użu inkwantu mhuwiex kopert mill-eżenzjoni ta' responsabbiltà?

Jekk ir-risposta għad-disa' domanda iktar 'il fuq tkun li l-użu ma jikkonsistix esklużivament f'attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' wieħed jew iktar minn fost l-Artikolu 12 sa 14 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, il-kompetitur jista' jinsab responsabbli in solidum għal ksur imwettaq mill-operatur tal-mutur ta' tfittxija skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-kompliċità?

____________

1 - L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, p. 1)

2 - ĠU L 40, p. 1

3 - ĠU L 178, p. 1