Language of document : ECLI:EU:C:2011:787

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2011 (1)

Kawża C‑406/10

SAS Institute Inc.

vs

World Programming Ltd

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery division (ir-Renju Unit)]

“Proprjetà intellettwali — Direttiva 91/250/KEE — Direttiva 2001/29/KE — Protezzjoni ġuridika ta’ programmi tal-kompjuter — Kreazzjoni ta’ diversi programmi li jirripproduċu l-funzjonalitajiet ta’ programm tal-kompjuter ieħor mingħajr aċċess għall-kodiċi sors tiegħu”





1.        Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tippreċiża l-portata tal-protezzjoni ġuridika mogħtija mid-drittijiet tal-awtur lill-programmi tal-kompjuter skont id-Direttiva 91/250/KEE (2), kif ukoll dik mogħtija lix-xogħlijiet mid-Direttiva 2001/29/KE (3).

2.        B’mod partikolari, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit) tagħmel id-domanda, essenzjalment, dwar jekk il-funzjonalitajiet ta’ programm tal-kompjuter u l-lingwa ta’ programmar humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li din il-protezzjoni tapplika għall-forom kollha ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter u tfakkar li l-ideat u l-prinċipji li qegħdin fil-bażi ta’ kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter ma humiex protetti skont din id-direttiva.

3.        Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi jekk l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma huwiex ikkunsidrat bħala att suġġett għal awtorizzazzjoni l-fatt li persuna liċenzjata tirriproduċi kodiċi jew tittraduċi l-forma tal-kodiċi ta’ format ta’ fajl tad-data, sabiex tkun tista’ tikteb, fil-programm tal-kompjuter tagħha, kodiċi sors li jaqra u jikteb dan il-format ta’ fajl.

4.        Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża l-portata tal-eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter, stabbilita fl-Artikolu 5(3) ta’ dik id-direttiva fejn jintqal li persuna awtorizzata tuża kopja ta’ programm tal-kompjuter għandha tkun intitolata, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, li tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kwalunkwe element tal-programm meta hija tkun qiegħda twettaq kull att ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna tal-programm li tkun intitolata li tagħmel.

5.        Fl-aħħar nett il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tiddeċiedi dwar il-portata tal-protezzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 li tistabbilixxi, għall-awtur, id-dritt esklużiv li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parzjali, ta’ xogħlu. Iktar preċiżament, id-domanda hija dwar jekk ir-riproduzzjoni, fi programm tal-kompjuter jew f’manwal ta’ użu, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ użu ta’ programm tal-kompjuter ieħor tikkostitwixxix, skont din id-dispożizzjoni, ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-manwal tal-aħħar.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet ser nispjega r-raġunijiet għaliex naħseb li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-funzjonalitajiet ta’ programm tal-kompjuter kif ukoll il-lingwa ta’ programmar ma jistgħux jiġu protetti, bħala tali, mid-drittijiet tal-awtur. Min-naħa l-oħra, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, meta jiġu rriprodotti dawn il-funzjonalitajiet fil-programm tiegħu tal-kompjuter, l-awtur ta’ dan il-programm ikunx irriproduċa parti sostanzjali tal-elementi tal-ewwel programm li huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu.

7.        Barra minn hekk, qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma huwiex ikkunsidrat bħala att suġġett għall-awtorizzazzjoni l-fatt li persuna liċenzjata tirriproduċi kodiċi jew tittraduċi l-forma tal-kodiċi ta’ format ta’ fajls tad-data, sabiex tkun tista’ tikteb, fil-programm tal-kompjuter tagħha, kodiċi sors li jaqra u jikteb dan il-format ta’ fajls, bil-kundizzjoni li din l-operazzjoni tkun assolutament indispensabbli sabiex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għall-interoperabbiltà bejn l-elementi tal-programmi differenti. Din l-operazzjoni ma għandhiex ikollha bħala effett li din il-persuna liċenzjata tkun tista’ tikkopja mill-ġdid il-kodiċi tal-programm tal-kompjuter fil-programm tagħha stess, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

8.        Imbagħad ser insemmi r-raġunijiet għaliex nikkunsidra li l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 4(a) u (b) u l-Artikolu 5(1) ta’ dik id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “kull att ta’ tlugħ [loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm [li l-persuna awtorizzata] [t]kun intitolat[a] li [t]agħmel” tirreferi għall-operazzjonijiet li għalihom din il-persuna kisbet awtorizzazzjoni mid-detentur tad-dritt kif ukoll għall-operazzjonijiet ta’ loading u tħaddim meħtieġa għall-użu ta’ programm tal-kompjuter b’mod li jikkonforma mal-iskop tiegħu. L-osservazzjoni, l-istudju jew l-ittestjar tal-funzjonament tal-programm tal-kompjuter li jsiru skont din id-dispożizzjoni ma għandhomx ikollhom l-effett li jippermettu lill-persuna, li jkollha d-dritt li tuża kopja ta’ dan il-programm, ikollha aċċess għall-informazzjoni protetta mid-drittijiet tal-awtur, bħall-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett.

9.        Fl-aħħar nett nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, fi programm tal-kompjuter jew f’manwal ta’ użu, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ programm tal-kompjuter ieħor tista’ tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-manwal tal-aħħar jekk — u dan għandha tivverifikah il-qorti nazzjonali — dawn l-elementi rriprodotti huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħhom.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 91/250

10.      Id-Direttiva 91/250 għandha l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni ġuridika tal-programmi tal-kompjuter filwaqt li tiddefinixxi livell minimu ta’ protezzjoni (4).

11.      Skont it-tmien premessa ta’ din id-direttiva, il-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jistabbilixxu jekk programm tal-kompjuter huwiex xogħol oriġinali jew le, ma għandhom jinkludu l-ebda test dwar il-merti kwalitattivi jew estetiċi tal-programm.

12.      It-tlettax-il premessa tad-Direttiva 91/250 tgħid li, biex jiġi evitat id-dubju, għandu jkun ċar li l-espressjoni biss ta’ programm tal-kompjuter hija protetta u li l-ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element fil-programm, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, ma humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur skont din id-Direttiva. Skont dan il-prinċipju ta’ drittijiet tal-awtur, l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi tal-loġika, l-algoritmi u lingwi tal-programmi ma humiex protetti skont din id-direttiva (5).

13.      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet ta’ l-awtur, bħala xogħlijiet letterarji bit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programmi tal-kompjuter’ għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2.      Protezzjoni skond din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva.

3.      Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni”.

14.      L-Artikolu 4 tad-direttiva msemmija jipprovdi:

“Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2, għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

(a)      ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. Inkwantu [Meta] għat-tlugħ [l-loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-komputer jinneċessitaw din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

(b)      it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;

(ċ)      kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu”.

15.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250 jipprovdi dan li ġej:

“1.   Fl-assenza ta’ disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fl-Artikolu 4(a) u (b) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.

2.     L-għemil ta’ kopja ta’ rinforz minn persuna li jkollha dritt li tħaddem il-programm tal-kompjuter tista’ ma tkunx miżmuma b’kuntratt għal kemm żmien ikun meħtieġ għal dak l-użu.

3.     Il-persuna li jkollha dritt tuża kopja ta’ programm tal-kompjuter għandha tkun intitolata, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, li tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament tal-programm sabiex tiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-programm jekk hu jagħmel hekk waqt li jkun iwettaq kull att ta’ tlugħ [loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm li hu jkun intitolat li jagħmel”.

16.      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ma għandhiex tkun meħtieġa fejn ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(a) u (b) huma indispensabbli biex tottjeni l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement minn programmi oħra, kemm-il darba jsiru skond dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      dawn l-atti jitwettqu mill-persuna li tingħatalha l-liċenzja jew minn persuna oħra li jkollha d-dritt li tuża’ kopja ta’ programm, jew f’isimhom minn persuna awtorizzata li tagħmel dan;

(b)      l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ma tkunx minn qabel disponibbli għall-persuni msemmija fis-sottoparagrafu (a)

u

(ċ)      dawn l-atti jkunu limitati għall-partijiet tal-programm oriġinali li huma meħtieġa biex jiksbu l-interoperabilità.

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma għandhomx jippermettu l-informazzjoni miksuba permezz ta’ l-applikazzjoni tiegħu:

(a)      li tintuża għal għanijiet oħra għajr biex tikseb l-interoperabilità tal-programm tal-kompjuter maħluq indipendentement;

[…]

3.     Skond id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu li tintuża b’mod li tippreġudika b’mod mhux raġunat l-interessi ġusti tad-detentur leġittimu jew imorru kontra l-isfruttar normali tal-programm tal-kompjuter”.

17.      Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/250, kull dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-Artikolu 6 tagħha jew għall-eċċezzjonijiet li hemm ipprovdut dwarhom fl-Artikolu 5(2) u (3) għandha tkun nulla u bla effett.

2.      Id-Direttiva 2001/29

18.      Id-Direttiva 2001/29 tirrigwarda l-protezzjoni ġuridika tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-kuntest tas-suq intern, b’importanza partikolari mogħtija lis-soċjetà tal-informazzjoni (6).

19.      Din id-direttiva tapplika, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet eżistenti relattivi, b’mod partikolari, għall-protezzjoni ġuridika tal-programmi tal-kompjuter (7).

20.      L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt esklużiv, għall-awturi, li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma li tkun, kollha jew parzjali, ta’ xogħlhom.

B –    Id-dritt nazzjonali

21.      Id-Direttivi 91/250 u 2001/29 ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku intern bil-Liġi tal-1988 dwar id-drittijiet tal-awtur, disinni u privattivi (Copyright, Designs and Patents Act 1988), kif emendata bir-Regolament tal-1992 dwar id-drittijiet tal-awtur (programmi tal-kompjuter) [Copyright (Computer Programs) Regulations 1992], kif ukoll bir-Regolament tal-2003 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Copyright and Related Rights Regulations 2003, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1988”).

22.      L-Artikolu 1(1)(a) tal-liġi tal-1988 jistabbilixxi li d-drittijiet tal-awtur huma drittijiet ta’ proprjetà li jeżistu fuq ix-xogħlijiet oriġinali, letterarji, drammatiċi, mużikali jew artistiċi. Skont l-Artikolu 3(1)(a) sa (d) ta’ din il-liġi “xogħol letterarju” jfisser kull xogħol, ħlief għal xogħol drammatiku jew mużikali, li jinkiteb, jitkellem jew jitkanta, b’mod partikolari tabella jew kompilazzjoni li ma tkunx database, programm tal-kompjuter, materjal ta’ disinn preparatorju għal programm tal-kompjuter, u database.

23.      L-Artikolu 16(1)(a) ta’ dik il-liġi jistabbilixxi li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq xogħol għandu d-dritt esklużiv li jikkopja x-xogħol.

24.      Skont l-Artikolu 16(3)(a) u (b) tal-liġi tal-1988 ir-restrizzjoni mid-drittijiet tal-awtur ta’ atti fuq xogħol tgħodd ukoll għax-xogħol kollu kemm hu jew parti sostanzjali tiegħu, kemm direttament kif ukoll indirettament.

25.      Skont l-Artikolu 17(2) ta’ dik il-liġi, l-att tal-ikkuppjar ta’ xogħol letterarju, drammatiku, mużikali jew artistiku jfisser il-fatt ta’ riproduzzjoni tax-xogħol taħt kull forma materjali. Dan jinkludi l-ħażna tax-xogħol fi kwalunkwe mezz b’mezzi elettroniċi.

26.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 50BA(1) tal-liġi tal-1988 igħid li ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur għal utent legali ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter li josserva, jistudja jew jittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm biex jiddetermina l-ideat u l-prinċipji li huma fil-bażi ta’ kull element ta’ dan il-programm, meta jagħmel kwalukwe att ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna tal-programm li l-utent huwa intitolat jagħmel. L-Artikolu 50BA(2) ta’ din il-liġi jippreċiża li, meta att ikun permess skont il-paragrafu 1, huwa irrilevanti jekk hemmx jew le xi klawżola jew kundizzjoni fi ftehim li l-għan tagħha huwa li tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-att inkwistjoni.

II – Il-fatti u l-kawża prinċipali

27.      SAS Institute Inc. (iktar ’il quddiem “SAS Institute”) żviluppat software analitiku magħruf bl-isem ta’ SAS (iktar ’il quddiem is-“sistema SAS”). Is-sistema SAS hija kumpless integrat ta’ programmi li jippermetti lill-utenti li jagħmlu xogħlijiet ta’ pproċessar u analiżi ta’ data, partikolarment data statistika. Il-komponent essenzjali tas-sistema SAS jismu Base SAS. Huwa jippermetti lill-utenti jiktbu u jħaddmu programmi ta’ applikazzjoni biex tiġi mmanipulata d-data. Dawn l-applikazzjonijiet huma miktubin f’lingwa magħrufa bl-isem ta’ lingwa SAS.

28.      Il-funzjonalità ta’ Base SAS tista’ tiġi estiżi biż-żieda ta’ komponenti supplimentari. Tlieta minn dawn il-komponenti jinteressaw iktar mill-viċin il-kawża prinċipali. Dawn huma SAS/ACCESS, SAS/GRAPH u SAS/STAT (iktar ’il quddiem, flimkien ma’ Base SAS, il-“komponenti SAS”).

29.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-klijenti ta’ SAS Institute, qabel l-avvenimenti li taw lok għal din il-kawża, ma kellhom l-ebda possibbiltà oħra għajr li jkomplu jiksbu liċenzja għall-użu tal-komponenti SAS sabiex ikunu jistgħu jkomplu jħaddmu l-programmi ta’ applikazzjoni tagħhom eżistenti fil-lingwa SAS u biha joħolqu oħrajn ġodda. Fil-fatt, klijent li xtaq jibdel il-fornitur tas-software kien ikun iffaċċjat bil-ħtieġa li jikteb mill-ġdid il-programmi ta’ applikazzjoni eżistenti tiegħu f’lingwa differenti u dan jeħtieġ investiment kunsiderevoli.

30.      Kien għal din ir-raġuni li World Programming Limited (iktar ’il quddiem “WPL”) kellha l-idea li toħloq programm tal-kompjuter alternattiv, il-World Programming System (iktar ’il quddiem is-“sistema WPL”), kapaċi tħaddem programmi ta’ applikazzjoni miktuba bil-lingwa SAS.

31.      WPL ma taħbix il-fatt li l-intenzjoni tagħha kienet li temula mill-qrib kemm jista’ jkun possibbli parti kbira mill-funzjonalitajiet tal-komponenti SAS. Għalhekk hija żgurat li l-istess inputs (8) jipproduċu l-istess outputs (9). WPL xtaqet li l-programmi ta’ applikazzjoni tal-klijenti tagħha jitħaddmu bl-istess mod fis-sistema WPL bħal fil-komponenti SAS.

32.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ma ġiex stabbilit li WPL kellha, biex tagħmel dan, aċċess għall-kodiċi sors (10) tal-komponenti SAS, li hija kkupjat parti kwalunkwe tat-test ta’ dan il-kodiċi jew ukoll li hija kkupjat parti kwalunkwe tal-kunċett strutturali ta’ dan il-kodiċi.

33.      SAS Institute tixtieq li jiġi kkonstatat li l-aġir ta’ WPL jirrappreżenta ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter tagħha. F’żewġ deċiżjonijiet differenti, il-qrati Brittaniċi ddeċidew li ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter il-fatt li kompetitur tad-detentur ta’ dawn id-drittijiet jistudja l-mod kif jaħdem il-programm u mbagħad jikteb il-programm tiegħu biex jemula din il-funzjonalità.

34.      Billi SAS Institute tikkontesta dan l-approċċ, ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija takkuża, prinċipalment, lil WPL:

–        li kkuppjat il-manwali tas-sistema SAS (iktar ’il quddiem il-“manwali SAS”) ippubblikati minn SAS Institute meta ħolqot is-sistema WPL u b’hekk kisret id-drittijiet tal-awtur fuq il-manwali SAS;

–        li, b’dan il-fatt, ikkupjat indirettament il-programmi tal-kompjuter inklużi l-komponenti SAS biex b’hekk kisret id-drittijiet tal-awtur tagħha fuq dawn il-komponenti;

–        li użat verżjoni tas-sistema SAS bl-isem “Learning Edition” bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja li kien hemm f’dik il-verżjoni u tal-impenji meħudin bis-saħħa tagħha, kif ukoll tad-drittijiet tal-awtur tagħha fuq dik il-verżjoni, u

–        li kisret id-drittijiet tal-awtur fuq il-manwali SAS meta ħolqot il-manwali tagħha stess (iktar ’il quddiem il-“manwal WPL”).

III – Id-domandi preliminari

35.      Billi l-High Court of Justice (England and Wales) Chancery Division kellha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja.

“1)      Meta programm tal-kompjuter (iktar ’il quddiem l-‘ewwel programm’) huwa protett bi dritt tal-awtur bħala xogħol letterarju, l-Artikolu 1(2) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat bħala li jfisser illi ma jkunx hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi kompetitur tad-detentur tad-dritt tal-awtur, mingħajr aċċess għall-kodiċi sors tal-ewwel programm, direttament jew permezz ta’ proċess bħad-dekumpiljazzjoni tal-object code, joħloq programm ieħor (iktar ’il quddiem it-‘tieni programm’) li jirriproduċi l-funzjonijiet tal-ewwel programm?

2)      Ir-risposta għall-ewwel domanda hija affettwata b’xi wieħed mill-fatturi li ġejjin:

a)      in-natura u/jew il-portata tal-funzjonalità tal-ewwel programm;

b)      in-natura u/jew il-portata tal-kompetenza, tar-riflessjoni u tax-xogħol dedikati mill-awtur tal-ewwel programm sabiex joħloq il-funzjonalità ta’ dan l-ewwel programm;

ċ)      il-livell ta’ dettall li bih il-funzjonalità tal-ewwel programm ġiet irriprodotta fit-tieni programm;

d)      il-fatt illi l-kodiċi sors tat-tieni programm jirriproduċi aspetti tal-kodiċi sors tal-ewwel programm b’tali mod li jmur lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ sabiex tiġi prodotta l-istess funzjonalità bħall-ewwel programm?

3)      Meta l-ewwel programm jinterpreta u jeżegwixxi programmi ta’ applikazzjoni miktuba minn utenti tal-ewwel programm b’lingwa ta’ ipprogrammar ikkonċepita mill-awtur tal-ewwel programm li tinkludi kliem prinċipali kkonċepiti jew magħżula mill-awtur tal-ewwel programm u sintassi kkonċepita mill-awtur tal-ewwel programm, l-Artikolu 1(2) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi t-tieni programm huwa miktub b’tali mod illi jinterpreta u jeżegwixxi l-programmi ta’ applikazzjoni li jużaw l-istess kliem prinċipali u l-istess sintassi?

4)      Meta l-ewwel programm jaqra minn fajls ta’ data f’format partikolari kkonċepit mill-awtur tal-ewwel programm, u jikteb lejn tali fajls ta’ data, l-Artikolu 1(2) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi t-tieni programm huwa miktub b’tali mod illi jaqra minn fajls ta’ data tal-istess format u jikteb lejn tali fajls?

5)      Ir-risposta għad-domandi 1, 3 u 4 tkun differenti jekk l-awtur tat-tieni programm ħoloq l-imsemmi programm billi:

a)      osserva, studja u ttestja l-funzjonament tal-ewwel programm; jew

b)      qara manwal miktub u ppubblikat mill-awtur tal-ewwel programm li jiddeskrivi l-funzjonijiet ta’ dan l-ewwel programm (iktar ’il quddiem il-‘manwal’; jew

ċ)      għamel iż-żewġ affarijiet imsemmija fil-punt (a) u (b)?

6)      Meta persuna għandha d-dritt tuża kopja tal-ewwel programm bis-saħħa ta’ liċenzja, l-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens illi d-detentur tal-liċenzja għandu dritt, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-awtur, illi jagħmel operazzjonijiet ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna ta’ programm sabiex josserva, jittestja jew jistudja l-funzjonament tal-ewwel programm, sabiex jiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-programm, jekk il-liċenzja tippermetti lid-detentur tal-liċenzja li jagħmel operazzjonijiet ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna tal-ewwel programm meta l-imsemmi programm huwa użat għall-finijiet partikolari permessi mill-liċenzja, iżda l-operazzjonijiet magħmula sabiex josserva, jistudja jew jittestja l-ewwel programm imorru lil hinn mill-ambitu tal-finijiet awtorizzati bil-liċenzja?

7)      L-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat illi l-operazzjonijiet ta’ osservazzjoni, studju jew ittestjar tal-funzjonament tal-ewwel programm għandhom jiġu kkunsidrati bħala magħmula sabiex jiġu deċiżi l-ideat jew il-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-ewwel programm, meta dawn isiru:

a)      sabiex jiġi vverifikat il-mod li bih l-ewwel programm jiffunzjona, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dettalji li ma humiex deskritti fil-manwal, bil-għan li jinkiteb it-tieni programm bil-mod imsemmi fid-domanda 1 […];

b)      sabiex jiġi vverifikat kif l-ewwel programm jinterpreta u jeżegwixxi d-dikjarazzjonijiet miktuba bil-lingwa tal-ipprogrammar illi huwa jinterpreta u jeżegwixxi (ara d-domanda 3 […]);

ċ)      sabiex jiġu vverifikati l-formats tal-fajls ta’ data miktuba lejn l-ewwel programm jew moqrija minn dan l-ewwel programm (ara d-domanda 4 […]);

d)      sabiex jiġi pparagunat ir-rendiment tat-tieni programm mal-ewwel programm bil-għan li jiġu eżaminati r-raġunijiet għalfejn ir-rendiment tagħhom huwa differenti u sabiex jitjieb ir-rendiment tat-tieni programm;

e)      sabiex isiru testijiet paralleli fuq l-ewwel u t-tieni programmi bil-għan li jiġu pparagunati l-outputs tagħhom matul l-iżvilupp tat-tieni programm, b’mod partikolari billi jiġu mgħoddija l-istess skrittijiet ta’ prova kemm mill-ewwel programm kif ukoll mit-tieni programm;

f)      sabiex jiġi vverifikat l-output tal-log fajl iġġenerat mill-ewwel programm bil-għan illi jiġi prodott log fajl identiku jew simili fl-apparenza;

ġ)      sabiex isir mezz li l-ewwel programm jipproduċi data output (fil-fatt, data li tistabbilixxi korrelazzjoni bejn il-kodiċi postali u stati tal-Istati Uniti) bil-għan li jiġi vverifikat jekk din tikkorrispondix jew le mad-databases uffiċjali ta’ tali data, u jekk dan ma jkunx il-każ, it-tieni programm jiġi pprogrammat b’tali mod illi jirrispondi bl-istess mod bħall-ewwel programm għall-istess input data.

8)      Meta l-manwal huwa protett bi dritt tal-awtur fuq xogħol letterarju, l-Artikolu 2(a) [tad-Direttiva 2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens illi hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq il-manwal minħabba l-fatt illi l-awtur tat-tieni programm jirriproduċi jew jirriproduċi b’mod sostanzjali fit-tieni programm xi wieħed mill-elementi li ġejjin deskritti fil-manwal:

a)      l-għażla ta’ operazzjonijiet ta’ statistika li ġew implementati fl-ewwel programm;

b)      il-formuli matematiċi użati fil-manwal sabiex jiddeskrivu dawn l-operazzjonijiet;

ċ)      il-kmandi jew kumbinazzjoni ta’ kmandi li permezz tagħhom dawn l-operazzjonijiet jistgħu jiġu invokati;

d)      l-għażliet li l-awtur tal-ewwel programm ippreveda meta mqabbla mad-diversi kmandi;

e)      il-kliem prinċipali u s-sintassi rikonoxxuta mill-ewwel programm;

f)      l-għażla programmata minn qabel li l-awtur tal-ewwel programm għażel li jimplementa f’każ li kmand jew għażla partikolari ma ġewx speċifikati mill-utent;

ġ)      in-numru ta’ iterazzjonijiet li l-ewwel programm jagħmel f'ċerti ċirkustanzi?

9)      L-Artikolu 2(a) [tad-Direttiva 2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens illi hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq il-manwal minħabba l-fatt illi l-awtur tat-tieni programm jirriproduċi jew jirriproduċi b’mod sostanzjali, f’manwal li jiddeskrivi t-tieni programm, il-kliem prinċipali u s-sintassi rikonoxxuti mill-ewwel programm?”

IV – L-analiżi tiegħi

36.      Fil-fehma tiegħi, id-domandi magħmulin mill-High Court of Justice (England and Wales) Chancery Division jistgħu jiġu ttrattati b’dan il-mod li ġej.

37.      Fl-ewwel lok, bl-ewwel sat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, essenzjalment, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-funzjonalitajiet ta’ programm tal-kompjuter u l-lingwa ta’ programmar humiex ikkunsidrati bħala l-espressjoni ta’ dan il-programm u għalhekk jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur stabbilita minn din id-direttiva.

38.      Fit-tieni lok, bir-raba’ domanda tagħha, nifhem li l-qorti tar-rinviju trid tkun taf, fil-verità, jekk l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma huwiex ikkunsidrat bħala att suġġett għall-awtorizzazzjoni l-fatt għal persuna liċenzjata li tirriproduċi kodiċi jew li tittraduċi l-forma tal-kodiċi ta’ format ta’ fajls tad-data, sabiex tkun tista’ tikteb, fil-programm tal-kompjuter tagħha, kodiċi sors li jaqra u jikteb dan il-format ta’ fajls.

39.      Fit-tielet lok, bil-ħames sas-seba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża l-portata tal-eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur stabbilita fl-Artikolu 5(3) tal-istess direttiva. B’mod partikolari, trid tkun taf jekk l-espressjoni “kull att ta’ tlugħ [loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm [li l-persuna awtorizzata] [t]kun intitolat[a] li [t]agħmel” tinkludix biss l-operazzjonijiet li d-detentur tal-liċenzja ta’ użu ta’ programm tal-kompjuter għandu d-dritt li jagħmel skont dik il-liċenzja u jekk l-iskop li bih isiru dawn l-operazzjonijiet għandux effett fuq il-possibbiltà, għad-detentur ta’ dik il-liċenzja, li jqajjem dik l-eċċezzjoni.

40.      Fl-aħħar nett, bit-tmien u d-disa’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, fi programm tal-kompjuter jew f’manwal ta’ użu, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ użu ta’ programm tal-kompjuter ieħor tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan l-aħħar manwal.

A –    Fuq il-protezzjoni tal-funzjonalitajiet ta’ programm tal-kompjuter u tal-lingwa ta’ programmar skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250

41.      Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju, fil-verità, qed tistaqsi dwar l-għan u l-portata tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 91/250. B’mod partikolari, il-kwistjoni hawnhekk hija jekk il-funzjonalitajiet (11), il-lingwa ta’ programmar, kif ukoll il-formati tal-fajls tad-data ta’ programm tal-kompjuter jikkostitwixxux l-espressjoni ta’ dan il-programm u jistgħux, f’dan is-sens, jiġu protetti mid-dritt tal-awtur bis-saħħa ta’ din id-direttiva.

42.      Infakkar li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/250 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipproteġu l-programmi tal-kompjuter bħala xogħlijiet letterarji. Il-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur japplika għal kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter u mhux għall-ideat u l-prinċipji li huma fil-bażi ta’ kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter (12). L-erbatax-il premessa ta’ din id-direttiva tippreċiża wkoll li, skont il-prinċipju ta’ drittijiet tal-awtur, l-ideat u l-prinċipji li huma fil-bażi tal-loġika, l-algoritmi u lingwi ta’ pprogrammar ma humiex protetti skont din id-direttiva.

43.      Dan il-prinċipju jinsab riprodott ukoll fit-testi internazzjonali. B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) fuq id-dritt tal-awtur (13) jistabbilixxi li l-protezzjoni skont id-drittijiet tal-awtur testendi għall-espressjonijiet u mhux għall-ideat, għall-proċeduri, għall-metodi tal-funzjonament jew għall-kunċetti matematiċi bħala tali.

44.      Ir-raġuni hija li l-oriġinalità ta’ xogħol, li jagħti aċċess għal protezzjoni ġuridika, tinsab mhux f’idea, li naturalment hija ħielsa, imma fl-espressjoni tagħha.

45.      Għal dak li jirrigwarda l-programmi tal-kompjuter, id-Direttiva 91/250 ma tippreċiżax il-kunċett ta’ “espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter”.

46.      Dan in-nuqqas ta’ definizzjoni jirriżulta mir-rieda espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-proposta tagħha għal direttiva (14), il-Kummissjoni Ewropea fil-fatt tippreċiża li “l-esperti sostnew li kull definizzjoni, f’direttiva, ta’ dak li jikkostitwixxi programm bilfors jgħaddi żmienha jekk il-progress tat-teknoloġija jimmodifika n-natura tal-programmi kif nafuhom illum” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (15).

47.      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika li l-elementi ta’ kreattività, ta’ ħila u ta’ inventiva jimmanifestaw ruħhom bil-mod kif il-programm jiġi elaborat. Il-programmatur jiddefinixxi l-kompiti li jridu jitwettqu mill-programm tal-kompjuter u jagħmel analiżi tal-mezzi biex jintlaħqu dawn ir-riżultati. L-awtur ta’ programm tal-kompjuter, bħal awtur ta’ ktieb, jagħżel il-passi li jridu jittieħdu u l-mod ta’ espressjoni ta’ dawn il-passi jagħti lill-programm tal-kompjuter il-karatteristiċi partikolari tiegħu ta’ veloċità, effiċjenza u anki ta’ stil (16).

48.      Għalhekk, il-protezzjoni ta’ programm tal-kompjuter ma tistax tiġi kkonċepita ħlief mill-mument meta l-għażla u l-arranġament ta’ dawn l-elementi jixhdu l-kreattività u l-ħila tal-awtur u għalhekk xogħlu jiġi ddifferenzjat minn dak tal-oħrajn (17).

49.      Fis-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Bezpečnostní softwarová asociace (18), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għan tal-protezzjoni li tagħti d-Direttiva 91/250 ikopri l-programm tal-kompjuter fil-forom kollha tal-espressjoni tiegħu, li jippermettu li jiġi rriprodott f’lingwi tal-informatika differenti, bħall-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett (19). Hija ddeċidiet ukoll li kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter għandha tiġi protetta mill-mument meta r-riproduzzjoni tagħha tikkawża r-riproduzzjoni tal-programm tal-kompjuter stess, filwaqt li b’hekk tippermetti lill-kompjuter jaqdi l-funzjoni tiegħu (20).

50.      Għalhekk, il-protezzjoni ta’ programm tal-kompjuter ma hijiex limitata għall-elementi letterali ta’ dan il-programm, jiġifieri l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett, imma għal kull element ieħor li jesprimi l-kreattività tal-awtur tiegħu.

51.      Fil-kuntest iddefinit b’dan il-mod, wieħed issa għandu jistaqsi jekk il-funzjonalità ta’ programm ta’ kompjuter u l-lingwa ta’ programmar jistgħux jiġu kkunsidrati bħal espressjoni ta’ programm u jibbenefikaw, b’hekk, mill-protezzjoni stabbilita fid-Direttiva 91/250.

1.      Fuq il-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur tal-funzjonalitajiet ta’ programm tal-kompjuter

52.      Il-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter tista’ tiġi ddefinita bħala l-kumpless ta’ possibbiltajiet li toffri sistema informatika, l-azzjonijiet proprji ta’ dan il-programm. Fi kliem ieħor, il-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter hija s-servizz li jistenna l-utent.

53.      Fil-fehma tiegħi, il-funzjonalitajiet ta’ programm tal-kompjuter ma jistgħux, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ protezzjoni mid-dritt tal-awtur skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/250.

54.      Nieħdu eżempju konkret. Meta programmatur jiddeċiedi li jiżviluppa programm tal-kompjuter għall-prenotazzjoni ta’ biljetti tal-ajru, ikun hemm f’dan is-software, multitudini ta’ funzjonalitajiet meħtieġa għal din il-prenotazzjoni. Fil-fatt, il-programm tal-kompjuter għandu, suċċessivament, ikun kapaċi jsib it-titjira mfittxija mill-utent, jivverifika l-postijiet disponibbli, jirriżerva post, jirreġistra d-dettalji personali tal-utent, iqis id-data tal-ħlas online u, fl-aħħar nett joħroġ il-biljett elettroniku ta’ dan l-utent (21). Dawn il-funzjonalitajiet kollha, dawn l-azzjonijiet, huma ddettati minn għan preċiż u limitat. F’dan kollu, dawn l-affarijiet jappartjenu għal idea. Għalhekk, jistgħu jeżistu programmi tal-kompjuter li joffru l-istess funzjonalitajiet.

55.      Min-naħa l-oħra, jeżistu multitudni ta’ mezzi biex wieħed jasal jikkonkretizza dawn il-funzjonalitajiet u huma dawn il-mezzi li jistgħu jkunu protetti mid-drittijiet tal-awtur skont id-Direttiva 91/250. Fil-fatt, kif rajna, il-kreattività, il-ħila u l-inventiva jimmanifestaw ruħhom bil-mod kif inhu elaborat il-programm, kif inkiteb. Il-programmatur juża formuli, algoritmi li, bħala tali, huma esklużi mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (22), billi huma paragunabbli mal-kliem li l-poeta jew ir-rumanzier juża għall-kreazzjoni letterarja tiegħu (23). Madankollu, il-mod kif l-elementi kollha huma rranġati, bħall-istil tal-kitba tal-programm tal-kompjuter, jista’ jirrifletti kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħha u għalhekk tista’ tiġi protetta.

56.      Barra minn hekk, jidhirli li din l-analiżi hija kkonfermata mix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għad-Direttiva 91/250. Fil-fatt, fil-proposta għad-direttiva tagħha l-Kummissjoni tispjega li l-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter mid-drittijiet tal-awtur għandha l-vantaġġ prinċipali li tkopri biss l-espressjoni individwali tax-xogħol u tħalli, għalhekk, il-latitudni mixtieqa lill-awturi l-oħrajn biex joħolqu programmi simili jew anki identiċi sakemm ma jikkupjawx (24). Dan l-aspett huwa partikolament importanti għaliex l-algoritmi li l-programmaturi tal-kompjuter jużaw huma disponibbli, ċertament, f’numru kunsiderevoli, imma mhux illimitat (25).

57.      Jekk jiġi ammess li funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter tista’, bħala tali, tiġi protetta jiġri li tingħata l-possibbiltà li jiġu mmonopolizzati l-ideat, għad-detriment tal-progress tekniku u tal-iżvilupp industrijali.

58.      Barra minn hekk, nifhem li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-riproduzzjoni tal-aspetti tal-kodiċi sors, li jirrigwardaw il-funzjonalità tal-programm tal-kompjuter, fil-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter ieħor tiksirx id-drittijiet esklużivi tal-awtur tal-ewwel programm.

59.      Fil-fehma tiegħi, bħax-xogħlijiet oħra li jistgħu jiġu protetti mid-drittijiet tal-awtur, jista’ jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur il-fatt li tiġi riprodotta parti sostanzjali tal-espressjoni tal-funzjonalitajiet ta’ programm tal-kompjuter.

60.      Fil-fatt, fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (26), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-partijiet differenti ta’ xogħol jibbenefikaw minn protezzjoni skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 bil-kundizzjoni li jkun fihom ċerti elementi li huma l‑espressjoni tal‑kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess ta’ dan ix‑xogħol (27). Billi l-programm tal-kompjuter għandu jkun ikkunsidrat bħala xogħol letterarju fih innifsu (28), għandha tiġi adottata l-istess analiżi għal dak li jirrigwarda l-elementi li jikkostitwixxu l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess tal-programm tal-kompjuter.

61.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-natura u l-portata ta’ funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter irriprodotti fi programm ta’ kompjuter ieħor jew ukoll il-livell ta’ dettall li bih din il-funzjonalità ġiet irriprodotta jistgħux ikollhom effett fuq analiżi bħal din.

62.      Ma naħsibx.

63.      Nerġgħu nieħdu l-eżempju tal-programm tal-kompjuter li jippermetti l-prenotazzjoni ta’ biljett tal-ajru. L-istruttura ta’ dan il-programm tiddefinixxi l-funzjonalitajiet tiegħu u tiddeskrivi l-kumbinazzjoni ta’ dawn il-funzjonalitajiet. L-istess funzjoni ta’ dan il-programm, jiġifieri, għall-utent, li jiġi akkwistat biljett tal-ajru, għandu jiddetta din il-kumbinazzjoni. Għandu jiġi vverifikat jekk it-titjira teżistix, jekk iva, f’liema data u ħin, jekk fadalx postijiet, etc. Ikunu xi jkunu n-natura u l-portata tal-funzjonalità, naħseb li din tal-aħħar jew ukoll il-kumbinazzjoni ta’ diversi funzjonalitajiet jibqgħu assimilabbli ma’ idea u għalhekk ma jistgħux jiġu protetti, bħala tali, mid-drittijiet tal-awtur.

64.      Bl-istess mod, jiena tal-fehma li din l-analiżi ma tistax titpoġġa fid-dubju min-natura u l-portata tal-kompetenza, tar-riflessjoni u tax-xogħol li ġew iddedikati għall-konċezzjoni tal-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter.

65.      Fil-fatt infakkar li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 91/250 jistabbilixxi li programm tal-kompjuter ikun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li huwa kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu stess. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-ebda kriterju ieħor ma japplika għad-determinazzjoni jekk jistax jibbenefika minn protezzjoni (29). B’mod partikolari, it-tmien premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi li l-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jistabbilixxu jekk programm tal-kompjuter huwiex oriġinali jew le, ma għandhom jinkludu l-ebda test dwar il-merti kwalitattivi jew estetiċi tal-programm.

66.      Għalhekk, jiena tal-fehma li sabiex jiġi ddeterminat jekk programm tal-kompjuter jistax jibbenefika minn protezzjoni ġuridika skont id-drittijiet tal-awtur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, mhux il-ħin u x-xogħol iddedikati għall-kunċezzjoni ta’ dan il-programm u lanqas il-livell ta’ kompetenza tal-awtur tiegħu, imma l-grad ta’ oriġinalità tal-kitba tiegħu.

67.      F’din il-kawża, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, meta rriproduċiet il-funzjonalitajiet tal-komponenti SAS, WPL irriproduċietx, fis-sistema tagħha WPL, parti sostanzjali tal-elementi ta’ dawn il-komponenti li huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur ta’ dawn il-komponenti.

2.      Fuq il-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur tal-lingwa ta’ programmar

68.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar jekk il-lingwa ta’ programmar ta’ programm tal-kompjuter tistax tiġi protetta mid-drittijiet tal-awtur skont id-Direttiva 91/250 (30). Fil-fatt, WPL għamlet mezz li s-sistema tagħha WPL tkun tista’ tinterpreta u teżegwixxi l-istruzzjonijiet miktubin fil-lingwa SAS.

69.      Kif rajna, programm tal-kompjuter huwa l-ewwel nett ifformulat f’forma ta’ kodiċi sors. Dan il-kodiċi nkiteb f’lingwa ta’ programmar li taġixxi bħala traduttur bejn l-utent u l-magna. Dan l-utent ikun jista’ jikteb struzzjonijiet f’lingwa li huwa stess ikun jista’ jifhem. Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-lingwa SAS tikkonsisti f’dikjarazzjonijiet, espressjonijiet, għażliet, formati u funzjonijiet espressi f’forma ta’ elementi unitarji, jiġifieri sensiela ta’ karattri użati skont ċerti konvenzjonijiet. Wieħed mit-tipi prinċipali ta’ elementi unitarji tal-lingwa SAS huwa l-isem, pereżempju LOGISTIC u UNIVARIATE. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li l-lingwa SAS għandha s-sintassi proprja tagħha u l-kliem prinċipali tagħha (31).

70.      Skont Patrick Roussel, “il-lingwa ta’ programmar bħala tali tixbah xogħol xjentifiku, kostruzzjoni teoretika li l-finalità tagħha hija li torganizza, tiddefinixxi u tittrażmetti konoxxenzi bil-għan li tikteb sorsi ta’ software f’dikjarazzjoni li tinftiehem mill-bniedem u faċilment mibdula f’istruzzjonijiet eżegwiti minn kompjuter. Il-lingwa ta’ programmar timmaġina metodi partikolari biex jintużaw, tiffaċilita l-eżerċizzju tal-intellett għad-dikjarazzjoni u l-formalizzazzjoni ta’ programmi sorsi tal-kompjuter. B’differenza minn programm, din ma tipproduċix riżultat partikolari minn kompjuter, imma tipprovdi regoli ta’ formulazzjoni lil programm li jippermetti li jinkiseb riżultat” [traduzzjoni libera] (32).

71.      Għaldaqstant, jidhirli li l-lingwa ta’ programmar hija element funzjonali li tippermetti li jingħataw struzzjonijiet lill-magna. Kif rajna dwar il-lingwa SAS, il-lingwa ta’ programmar hija kkostitwita minn kliem u karattri magħrufin minn kulħadd nieqsa għal kollox minn kull oriġinalità. Fil-fehma tiegħi, il-lingwa ta’ programmar għandha tkun paragunabbli mal-lingwa li juża awtur ta’ rumanz. Għalhekk, hija l-mezz li jippermetti li wieħed jesprimi ruħu u mhux l-espressjoni fiha nfisha.

72.      Għaldaqstant, ma naħsibx li, minnha nfisha, tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-espressjoni ta’ programm tal-kompjuter u għalhekk, li tista’ tiġi protetta bid-drittijiet tal-awtur skont id-Direttiva 91/250.

73.      Fil-fehma tiegħi din l-analiżi ma titpoġġiex fid-dubju bil-fatt li l-erbatax-il premessa ta’ din id-direttiva tindika li l-ideat u l-prinċipji li qegħdin fil-bażi tal-loġika, tal-algoritmi u tal-lingwi ta’ pprogrammar ma humiex protetti b’dik id-direttiva. Fil-fatt, SAS Institute tikkunsidra li, interpretata a contrario, din il-premessa turi li l-lingwa ta’ programmar ma hijiex eskluża mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter.

74.      Fil-fehma tiegħi, fil-verità din il-premessa tirrepeti biss il-prinċipju li d-drittijiet tal-awtur jipproteġu l-espressjoni tal-ideat u mhux l-ideat infushom. Għalhekk, bħala tali, il-lingwa ta’ programmar ma tistax tiġi protetta. Iżda, billi l-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter inkiteb f’lingwa ta’ programmar, hija din l-espressjoni bil-lingwa ta’ programmar li tista’ tiġi protetta skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/250.

75.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena nikkunsidra li l-lingwa ta’ programmar, bħala tali, ma hijiex forma ta’ espressjoni tal-programm tal-kompjuter li tista’ tkun is-suġġett ta’ protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur skont din id-dispożizzjoni.

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-funzjonalitajiet ta’ programm tal-kompjuter kif ukoll il-lingwa ta’ programmar ma jistgħux, bħala tali, jiġu protetti mid-drittijiet tal-awtur. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fir-riproduzzjoni ta’ dawn il-funzjonalitajiet fil-programm tal-kompjuter tiegħu, l-awtur ta’ dan il-programm irriproduċiex parti sostanzjali tal-elementi tal-ewwel programm li huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħha.

B –    Fuq il-protezzjoni tal-formati ta’ fajls tad-data mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250

77.      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk WPL wettqitx att ta’ ksur meta ddekodifikat biżżejjed il-format tal-fajls tad-data SAS sabiex tkun tista’ tikteb kodiċi sors, fil-programm tal-kompjuter tagħha, li jaqra u jikteb fajls tad-data f’dan l-istess format.

78.      Din id-domanda twassalna sabiex imbaghad nindagaw jekk, bħala interface loġiku (33), il-format tal-fajls tad-data huwiex espressjoni tal-programm tal-kompjuter li tista’ tiġi protetta skont id-Direttiva 91/250 u jekk, skont dan, jistax ikun suġġett, fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, għal att ta’ dekompilazzjoni għall-interoperabbiltà bejn l-elementi tal-programmi differenti tal-kompjuter.

79.      SAS Institute tiddeskrivi l-formati tal-fajls tad-data bil-mod li ġej. Is-sistema SAS taħżen data fil-fajls u tieħu data minnhom. Biex tagħmel dan, din is-sistema tuża ċertu numru ta’ formati ta’ data, formati li ġew ikkonċepiti minn SAS Institute. Dawn il-formati jistgħu jiġu kkunsidrati bħala formularji battala li s-sistema SAS trid tikkompleta bid-data tal-klijent u li jistabbilixxu postijiet speċifiċi fejn l-informazzjoni partikolari għandha tinkiteb biex din is-sistema tkun tista’ taqra u tikteb b’mod korrett il-fajl (34).

80.      Sabiex il-programm tagħha jkun jista’ jkollu aċċess għad-data tal-utenti maħżuna fil-format ta’ fajls tad-data SAS, WPL għamlet mezz li l-programm tagħha jifhem u jinterpreta dan il-format.

81.      Jidhirli li d-Direttiva 91/250 ma teskludix l-interfaces mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Hija tindika biss, fit-tlettax-il premessa tagħha, li l-ideat u l-prinċipji li huma fil-bażi tal-elementi differenti ta’ programm, inklużi dawk li huma fil-bażi tal-interfaces tiegħu, ma humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur bis-saħħa ta’ din id-direttiva.

82.      Bħal SAS Institute, naħseb li l-format ta’ fajls tad-data SAS jagħmel parti integrali mill-program tal-kompjuter tagħha. Fuq kollox, il-ħdax-il premessa ta’ dik id-direttiva tgħid li l-partijiet tal-programm li jipprovdu għal din l-interkonnessjoni u din l-interazzjoni bejn l-elementi tas-software u l-hardware huma ġeneralment magħrufa bħala “interfaces”. Billi hija parti mill-programm tal-kompjuter, l-interface — hawnhekk l-elementi li joħolqu, jiktbu u jaqraw il-format tal-fajl tad-data SAS — hija b’hekk espressa f’kodiċi sors f’dan il-programm. Għaldaqstant, jekk l-espressjoni tal-interface tikkostitwixxi parti sostanzjali tal-espressjoni tal-programm tal-kompjuter, kif rajna fil-punti 59 u 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija tista’ tiġi protetta mid-drittijiet tal-awtur skont id-Direttiva 91/250.

83.      Wara li ngħad dan, il-kwistjoni issa hija jekk, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, WPL kellhiex id-dritt li twettaq att ta’ dekompilazzjoni biex tiżgura l-interoperabbiltà bejn is-sistema SAS u s-sistema WPL tagħha.

84.      Fil-fatt, l-interface tippermetti l-interoperabbiltà, jiġifieri l-kapaċità li tiġi skambjata l-informazzjoni u li tintuża reċiprokament din l-informazzjoni (35), bejn l-elementi tal-programmi differenti tal-kompjuter (36). L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/250 jistabbilixxi, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, li l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter ma jeħtieġx meta r-riproduzzjoni tal-kodiċi jew it-traduzzjoni tal-forma ta’ dan il-kodiċi skont l-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva jkunu indispensabbli biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-interoperabbiltà ta’ programm tal-kompjuter maħluq b’mod indipendenti ma’ programmi oħrajn. Din hija dik li tissejjaħ id-dekompilazzjoni.

85.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/250 huwa eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter u, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi interpretat b’mod strett. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jippreċiża, fil-wieħed u għoxrin u t-tlieta u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva, li d-dekompilazzjoni għandha tiġi kkunsidrata f’ċirkustanzi preċiżi ħafna biss u li ma għandhiex tiġi applikata b’mod li tikkawża preġudizzju għall-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt jew tippreġudika l-użu normali tal-programm.

86.      Għalhekk, id-dekompilazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata meta ssir mill-persuna liċenzjata, meta l-informazzjoni meħtieġa għall-interoperabbiltà ma tkunx diġà saret aċċessibbli faċilment u malajr għall-persuna liċenzjata u meta tkun limitata għall-partijiet tal-programm ta’ oriġini meħtieġa għal din l-interoperabbiltà (37).

87.      Fil-fehma tiegħi, l-użu tal-kliem “indispensabbli” kif ukoll “meħtieġa” juri r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħmel id-dekompilazzjoni bħala att eċċezzjonali. Fl-opinjoni tiegħi, il-persuna liċenzjata għandha turi l-ħtieġa assoluta li tirriproduċi l-kodiċi jew li tittraduċi l-forma tiegħu għall-finijiet tal-interoperabbiltà mal-elementi tal-programm tagħha stess.

88.      Fl-aħħar nett naħseb li d-dekompilazzjoni ma għandhiex ikollha bħala effett li tippermetti lill-persuna liċenzjata li tikkopja mill-ġdid il-kodiċi tal-programm tal-kompjuter fil-programm tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/250 jistabbilixxi li dan il-proċess jista’ jintuża sabiex l-persuna tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-interoperabbiltà (38) fost l-elementi ta’ programmi tal-kompjuter differenti. Fl-ebda ċirkustanza ma huwa awtorizzat li l-kodiċi tal-programm jiġi kkupjat mill-ġdid.

89.      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet enumerati fl-Artikolu 6(1)(a) sa (ċ) ta’ din id-direttiva humiex sodisfatti.

90.      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, nikkunsidra li l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 għandhom jiġu interpetati fis-sens li ma huwiex ikkunsidrat bħala att suġġett għall-awtorizzazzjoni l-fatt li persuna liċenzjata tirriproduċi kodiċi jew tittraduċi l-forma tal-kodiċi ta’ format ta’ fajls tad-data, biex tkun tista’ tikteb, fil-programm tal-kompjuter tagħha, kodiċi sors li jaqra u jikteb dan il-format ta’ fajls, bil-kundizzjoni li din l-operazzjoni tkun assolutament indispensabbli sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-interoperabbiltà fost l-elementi tal-programmi differenti. Din l-operazzjoni ma għandhiex ikollha bħala effett li din il-persuna liċenzjata tkun tista’ tikkopja mill-ġdid il-kodiċi tal-programm tal-kompjuter fil-programm tagħha, u dan għandu jiġi vverifkat mill-qorti nazzjonali.

 Ċ-      Fuq il-portata tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250

91.      Il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk l-espressjoni “kull att ta’ tlugħ [loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm [li l-persuna awtorizzata] [t]kun intitolat[a] li [t]agħmel”, stabbilita fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250, tinkludix biss l-operazzjonijiet li d-detentur tal-liċenzja ta’ użu ta’ programm tal-kompjuter għandu d-dritt jagħmel skont din il-liċenzja u jekk l-iskop li bih isiru dawn l-operazzjonijiet għandux effett fuq il-possibbiltà, għad-detentur ta’ dik il-liċenzja, li jinvoka dik l-eċċezzjoni.

92.      L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa ċar. L-osservazzjoni, l-istudju jew l-ittestjar tal-funzjonament ta’ programm tal-kompjuter huma intiżi biex jiġu ddeterminati l-ideat u l-prinċipji li huma fil-bażi ta’ kwalunkwe element ta’ dan il-programm. Dik id-dispożizzjoni tidħol fil-kuntest tal-estensjoni tal-prinċipju ddikjarat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva li jgħid li l-ideat u l-prinċipji fil-bażi ta’ kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter ma humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur.

93.      Fil-fehma tiegħi, l-effett utli tal-Artikolu 5(3) ta’ dik id-direttiva huwa li jiġi evitat li permezz ta’ klawżoli kuntrattwali, id-detentur tad-drittijiet ta’ programm tal-kompjuter ma jipproteġix indirettament l-ideat u l-prinċipji fil-bażi ta’ dan il-programm. F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/250 tgħid li kull dispożizzjoni li tmur kontra l-Artikolu 5(3) tagħha għandha tkun nulla u bla effett.

94.      Madankollu, jekk din l-aħħar dispożizzjoni tippermetti lill-persuna intitolata li tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li huma fil-bażi ta’ kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter, xorta jibqa’ l-fatt li hija tinkludi din il-possibbiltà (39). Għalhekk, din il-persuna tista’ tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm fil-limitu tal-operazzjonijiet li għandha dritt tagħmel (40).

95.      Jiena naħseb li l-espressjoni “kull att ta’ tlugħ [loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm [li l-persuna awtorizzata] [t]kun intitolat[a] li [t]agħmel”, jirrigwarda l-atti awtorizzati skont l-Artikolu 4(a) u (b) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250. Fil-fatt, id-drittijiet esklużivi tad-detentur jinkludu d-dritt li jsiru u li jiġu awtorizzati ċerti atti (41). Dan id-detentur biss għandu jiddetermina dawn l-atti fil-liċenzja li jagħti. Pereżempju, jista’ jawtorizza r-riproduzzjoni tal-programm tal-kompjuter tiegħu, imma mhux it-traduzzjoni jew l-adattament tiegħu.

96.      Barra minn hekk, ċerti atti, skont l-Artikolu 5(1) ta’ dik id-direttiva, ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detentur, ħlief għal dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, meta jeħtieġu biex jippermettu lill-akkwirent leġittimu li juża l-programm tal-kompjuter b’mod li jikkonforma mal-iskop tiegħu, inkluż biex jiġu kkoreġuti l-iżbalji. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jippreċiża, fis-sbatax-il premessa tad-Direttiva 91/250 li l-operazzjonijiet ta’ loading u tħaddim meħtieġa għal dan l-użu ma jistgħux jiġu pprojbiti b’kuntratt.

97.      Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb li l-espressjoni “kull att ta’ tlugħ [loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm [li l-persuna awtorizzata] [t]kun intitolat[a] li [t]agħmel”, hija relatat mal-operazzjonijiet li għalihom din il-persuna kisbet awtorizzazzjoni mid-detentur tad-dritt kif ukoll mal-operazzjonijiet ta’ loading u tħaddim meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter b’mod li jikkonforma mal-iskop tiegħu.

98.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-għanijiet li għalihom il-funzjonament ta’ programm tal-kompjuter ġie osservat, studjat jew ittestjat (42) għandhomx effett fuq il-possibbiltà li tiġi invokata l-eċċezzjoni stabblita fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250.

99.      Kif rajna, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li wieħed ikun jista’ jiddetermina l-ideat u l-prinċipji li huma fil-bażi ta’ kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter, iżda mingħajr ma jkun hemm preġudizzju għad-drittijiet esklużivi tal-awtur ta’ dan il-programm.

100. Fil-fehma tiegħi, mill-kliem u s-sinjifikat ta’ dik id-dispożizzjoni jirriżulta li din ma jistax ikollha bħala effett li l-persuna, li jkollha d-dritt tuża kopja ta’ programm tal-kompjuter, ikollha aċċess għall-informazzjoni protetta mid-drittijiet tal-awtur bħall-kodiċi sors jew il-kodiċi oġġett.

101. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kumpless tal-elementi preċedenti, naħseb li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250, moqri flimkien mal-Artikolu 4(a) u (b) u l-Artikolu 5(1) ta’ dik id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “kull att ta’ tlugħ [loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm [li l-persuna awtorizzata] [t]kun intitolat[a] li [t]agħmel”, tirrigwarda operazzjonijiet li għalihom din il-persuna kisbet awtorizzazzjoni mid-detentur tad-dritt kif ukoll għall-operazzjonijiet meħtieġa ta’ loading u ta’ tħaddim meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter b’mod konformi mal-iskop tiegħu. L-osservazzjoni, l-istudju jew l-ittestjar tal-funzjonament ta’ programm tal-kompjuter magħmulin skont din id-dispożizzjoni ma għandhomx ikollhom bħala effett li jippermettu lill-persuna, li jkollha d-dritt tuża kopja ta’ dan il-programm, ikollha aċċess għal informazzjoni protetta mid-drittijiet tal-awtur, bħall-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett.

 D-      Fuq il-protezzjoni tal-manwal ta’ użu ta’ programm tal-kompjuter mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29

102. Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, fi programm tal-kompjuter jew f’manwal ta’ użu, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ użu ta’ programm ieħor tal-kompjuter tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-manwal.

103. Il-manwali SAS huma xogħlijiet tekniċi li jiddokumentaw b’mod eżawrjenti u dettaljat il-funzjonalità ta’ kull parti ta’ kull komponent SAS, l-inputs meħtieġa u, jekk ikun il-każ, l-outputs mistennija. Għandhom skop utilitarju u huma kkonċepiti biex jagħtu lill-utenti kwantità kbira ta’ informazzjoni fuq l-aġir estern tas-sistema SAS. Huma ma jinkludux informazzjoni fuq l-aġir intern ta’ dik is-sistema.

104. Il-qorti tar-rinviju tindika li kull manwal SAS huwa xogħol letterarju oriġinali li jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur skont id-Direttiva 2001/29.

105. L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi d-dritt esklużiv, għal awtur, li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tiegħu “b’kull mezz u f’kull forma”. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-ksur allegat jirrigwarda wkoll ir-riproduzzjoni ta’ manwali għall-ħolqien ta’ xogħol li jidher f’forma differenti, bħal programm tal-kompjuter, ma jeskludix din ir-riproduzzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija.

106. Fil-fatt, fis-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi fuq il-portata tal-protezzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29. Hija qalet li skont il-wieħed u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva, l-atti koperti mid-dritt ta’ riproduzzjoni għandhom jinftiehmu f’sens wiesa’. Dan ir-rekwiżit ta’ definizzjoni wiesgħa tal-imsemmija atti hija, barra minn hekk, imsemmija fid-diċitura tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li juża espressjonijiet bħal “diretta jew indiretta”, “temporanja jew permanenti”, “b’kull mezz” u “f’kull forma” (43).

107. Għaldaqstant, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 għandu jkollha portata li, fil-fehma tiegħi, tinkludi wkoll ir-riproduzzjoni ta’ ċerti elementi fil-manwal ta’ programm tal-kompjuter ieħor milli dik fil-programm tal-kompjuter innifsu.

108. Il-kwistjoni issa hi jekk, bir-riproduzzjoni fil-manwal WPL u fis-sistema WPL ta’ ċerti elementi inklużi fil-manwali SAS, WPL kisritx id-drittijiet tal-awtur li SAS Institute għandha fuq dawn il-manwali.

109. Kif rajna fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-drittijiet tal-awtur huma ggwidati mill-prinċipju li jgħid li l-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur testendi għall-espressjonijiet u mhux għall-ideat, għall-proċeduri, għall-metodi ta’ funzjonament jew għall-kunċetti matematiċi bħala tali.

110. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tgħidilna li WPL irripproduċiet, b’mod partikolari, mill-manwali SAS il-kliem prinċipali, is-sintassi, il-kmandi u l-kumbinazzjoni ta’ kmandi, l-għażliet, il-valuri pprogrammati minn qabel kif ukoll l-iterazzjonijiet sabiex tirriproduċihom fil-programm tagħha, kif ukoll fil-manwal WPL.

111. Fil-fehma tiegħi, dawn l-elementi, bħala tali, ma jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur.

112. Fil-fatt, fir-rigward tal-lingwa ta’ programmar rajna, fil-punti 69 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li hija kkostitwita minn kliem, karattri u li għandha regoli tas-sintassi propji tagħha u użu ta’ kliem prinċipali tagħha.

113. L-għażliet stabbiliti skont il-kmandi differenti jikkostitwixxu forma ta’ sottoaġir fir-rigward ta’ kmand partikolari. Dan is-sottoaġir jippermetti li jiġu kkontrollati d-dettalji tal-aġir mitlub. Għal dan l-iskop, biżżejjed jiżdied kliem wara l-isem tal-kmand.

114. Fir-rigward tal-valuri pprogrammati minn qabel implementati fil-każ fejn kmand jew għażla partikolari ma jiġux speċifikati mill-utent, huma jippermettu lis-sistema SAS li tawtorizza li ismijiet tal-kmand, tal-għażliet jew ta’ ismijiet tad-data ma jissemmewx f’ċerti ċirkustanzi, fejn dawn il-valuri jieħdu l-post tal-vojt maħluq.

115. Għal dak li jirrigwarda l-għażla tal-operazzjonijiet statistiċi, mill-osservazzjonijiet sottomessi minn WPL jirriżulta li l-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet statistiċi hija pprovokata mill-kitba ta’ struzzjonijiet fil-lingwa SAS. Il-manwali SAS jinkludu deskrizzjoni ta’ kull operazzjoni statistika miżjuda mal-verżjonijiet suċċessivi tas-sistema SAS. Is-sistema WPL tipproponi l-istess għażla ta’ operazzjonijiet statistiċi għall-utenti li jiktbu l-programmi ta’ applikazzjoni fil-lingwa SAS. Is-sistema WPL ma tirriproduċix id-deskrizzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet statistiċi, imma teżegwixxihom biss.

116. Dejjem skont WPL, il-formuli matematiċi li hemm fil-manwali SAS jiddeskrivu l-output li jkun ikalkolat mill-input. Dan ma huwiex il-kodiċi tal-programm meħtieġ biex issir sensiela ta’ kalkoli. Fil-fatt, formula matematika tista’ tiġi implementata b’diversi modi. Il-programmaturi ta’ WPL kitbu kodiċi sors kapaċi jeżegwixxi l-kalkoli kif deskritti fil-formuli matematiċi.

117. Fl-aħħar nett, is-sistema SAS fiha operazzjoni statistika partikolari li tispiċċa bi tmien iterazzjonijiet. Sa fejn din il-miżura għandha effett, skont WPL, fuq ir-riżultat finali, il-programmaturi, wara li kienu qraw il-manwali SAS, ħolqu kodiċi sors kapaċi wkoll li jeżegwixxi tmien iterazzjonijiet.

118. Mill-kumpless ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li dawn id-diversi elementi jikkorrispondu, fil-fehma tiegħi, għall-ideat, proċeduri, metodi ta’ funzjonament jew kunċetti matematiċi. Għalhekk ma jistgħux, bħala tali, jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur mogħtija mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29.

119. Min-naħa l-oħra, l-espressjoni ta’ dawn l-ideat, proċeduri, u metodi ta’ funzjonament jew kunċetti matematiċi tista’ tiġi protetta, skont dik id-dispożizzjoni, jekk ikollha natura oriġinali.

120. Fil-fatt, huwa biss permezz tal-għażla, tad-dispożizzjoni u tal-kumbinazzjoni ta’ tali elementi li l-awtur jista’ jesprimi l-kreattività tiegħu b’mod oriġinali u jasal għal riżultat li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali (44).

121. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwa l-każ f’din il-kawża.

122. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, fi programm tal-kompjuter jew f’manwal ta’ użu, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ programm tal-kompjuter ieħor tista’ tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-manwal tal-aħħar jekk — u dan għandha tivverifikah il-qorti nazzjonali — l-elementi hekk irripprodotti huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess.

V –    Konklużjoni

123. Fid-dawl tal-kumpless tal-elementi msemmijin iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej id-domandi magħmulin mill-High Court of Justice (England and Wales) Chancery Division:

“1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-funzjonalitajiet ta’ programm tal-kompjuter kif ukoll il-lingwa ta’ programmar ma jistgħux, bħala tali, jiġu protetti mid-drittijiet tal-awtur. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fir-riproduzzjoni ta’ dawn il-funzjonalitajiet fil-programm tal-kompjuter tiegħu, l-awtur ta’ dan il-programm irriproduċiex parti sostanzjali tal-elementi tal-ewwel programm li huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħha stess.

2)      L-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma huwiex ikkunsidrat bħala att suġġett għall-awtorizzazzjoni l-fatt li persuna liċenzjata tirriproduċi kodiċi jew tittraduċi l-forma tal-kodiċi ta’ format ta’ fajls tad-data, sabiex tkun tista’ tikteb, fil-programm tal-kompjuter tagħha, kodiċi sors li jaqra u jikteb dan il-format ta’ fajls, bil-kundizzjoni li din l-operazzjoni tkun assolutament indispensabbli sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-interoperabbiltà fost l-elementi tal-programmi differenti. Din l-operazzjoni ma għandhiex ikollha bħala effett li din il-persuna liċenzjata tkun tista’ tikkopja mill-ġdid il-kodiċi tal-programm tal-kompjuter fil-programm tagħha, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

3)      L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250, moqri flimkien mal-Artikolu 4(a) u (b) u l-Artikolu 5(1) ta’ dik id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “kull att ta’ tlugħ [loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm [li l-persuna awtorizzata] [t]kun intitolat[a] li [t]agħmel” tirrigwarda operazzjonijiet li għalihom din il-persuna kisbet awtorizzazzjoni mid-detentur tad-dritt kif ukoll għall-operazzjonijiet meħtieġa ta’ loading u ta’ tħaddim għall-użu ta’ programm tal-kompjuter b’mod konformi mal-iskop tiegħu. L-osservazzjoni, l-istudju jew l-ittestjar tal-funzjonament ta’ programm tal-kompjuter magħmulin skont din id-dispożizzjoni ma għandhomx ikollhom bħala effett li jippermettu lill-persuna, li jkollha d-dritt tuża kopja ta’ dan il-programm, ikollha aċċess għall-informazzjoni protetta mid-drittijiet tal-awtur, bħall-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett.

4)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, fi programm tal-kompjuter jew f’manwal ta’ użu, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ programm tal-kompjuter ieħor tista’ tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-awtur fuq dan il-manwal tal-aħħar jekk — u dan għandha tivverifikah il-qorti nazzjonali — l-elementi hekk irriprodotti huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess”.


1       —      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 —      Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114).


3 —      Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


4 —      Ara l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames premessa ta’ din id-direttiva.


5 —      Ara l-erbatax-il premessa tad-Direttiva 91/250.


6 —      Ara l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.


7 —      Ara l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2001/29.


8 —      L-inputs hija d-data li jdaħħlu l-utenti.


9 —      L-outputs huma r-riżultati tal-inputs ipproċessati mill-programm tal-kompjuter.


10 —      Fl-oriġini ta’ programm tal-kompjuter hemm il-kodiċi sors miktub mill-programmatur. Dan il-kodiċi, ikkostitwit minn kliem, jinftiehem mill-intellett tal-bniedem. Madankollu l-magna ma tkunx tista’ teżegwih. Sabiex dan ikun jista’ jiġri, ikollu jiġi kkompilat biex jiġi ttradott fil-lingwa tal-magna f’forma binarja, l-iktar spiss iċ-ċifri 0 u 1. Dan huwa dak li jissejjah l-kodiċi oġġett.


11 —      Il-qorti tar-rinviju tidher li tuża b’mod indifferenti l-kliem “funzjoni” u “funzjonalità” fid-domandi preliminari tagħha u fit-test tad-deċiżjoni tagħha tar-rinviju. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, ser nuża biss, f’dawn il-konklużjonijiet il-kelma “funzjonalità”.


12 —      Ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250.


13 —      It-trattat, adottat f’Geneva fl-20 ta’ Diċembru 1996, ġie approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 33 p. 208).


14 —      Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter [COM(1988) 816 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”].


15 —      Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(1) li jidher fit-tieni parti tal-proposta għal direttiva, bl-isem “Dispożizzjonijiet speċifiċi”.


16 —      Ara l-punt 2.3 tal-proposta għal direttiva.


17 —      Ara l-punt 2.5 tal-proposta għal direttiva.


18 —      C‑393/09, Ġabra p. I‑13971.


19 —      Punt 35.


20 —      Punt 38.


21 —      Ara s-sentenza tal-High Court of Justice (England and Wales) tat-30 ta’ Lulju 2004, Navitaire Inc. v. EasyJet, ([2004] EWHC 1725 [Ch], punti 116 u 117).


22 —      Ara l-erbatax-il premessa u l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.


23 —      Ara l-punt 2.4 tal-proposta għal Direttiva.


24 —      Ara l-punt 3.7 tal-proposta għal Direttiva.


25 —      Idem.


26 —      C‑5/08, Ġabra p. I‑6569.


27 —      Punt 39.


28 —      Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/250. Ara wkoll l-Artikolu 1(2) tal-proposta għal Direttiva.


29 —      Ara, ukoll, l-Artikolu 1(3) tal-proposta għal Direttiva.


30 —      Ara l-punti 67 sa 69 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


31 —      Ara l-punt 11 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


32 —      Ara P. Roussel, “La maîtrise d’un langage de programmation s’acquiert par la pratique”, RevueCommunication Commerce électronique Nru 4, April 2005, studju 15.


33 —      Il-partijiet kif ukoll il-qorti tar-rinviju jidhru li jammettu li l-format tal-fajls tad-data SAS huwa interface loġiku.


34 —      Ara l-punt 96 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ SAS Institute.


35 —      Ara t-tnax-il premessa tad-Direttiva 91/250.


36 —      Ara l-ħdax-il premessa ta’ din id-direttiva.


37 —      Ara l-Artikolu 6(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 91/250.


38 —      Enfasi tiegħi.


39 —      Ara, ukoll, it-tmintax-il premessa tad-Direttiva 91/250.


40 —      Enfasi tiegħi.


41 —      L-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva.


42 —      Dawn l-għanijiet huma enumerati fil-paragrafi (a) sa (ġ) tas-seba’ domanda.


43 —      Punti 41 u 42.


44 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Infopaq International, iċċitata ikar ’il fuq (punt 45).