Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-30 ta' Novembru 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad - il-Bulgarija) - Said Shamilovich Kadzoev (Huchbarov)

(Kawża C-357/09)1

(Viża, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta' persuni - Direttiva 2008/115/KE - Ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment - Artikolu 15(4) sa (6) - Perijodu ta' detenzjoni - Kunsiderazzjoni tal-perijodu li matulu ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni ta' tneħħija - Kunċett ta' 'prospett raġonevoli ta' tneħħija')

Lingwa tal-kawża: Il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad - il-Bulgarija

Partijiet fil-kawża prinċipali

Said Shamilovich Kadzoev (Huchbarov)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Administrativen sad Sofia-Grad - Interpretazzjoni tal-Artikolu 15(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98) - Skadenza tal-perijodu massimu ta' detenzjoni stabbilit fl-Artikolu 15 ta' din id-direttiva, fir-rigward ta' ċittadin ta' pajjiż terz li jkun f'sitwazzjoni illegali - Skadenza ta' dan il-perijodu massimu fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva, iżda qabel it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, li ma jistabbilixxix limiti ta' żmien għad-detenzjoni - Applikazzjoni tar-regoli tad-direttiva wara t-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali u n-nuqqas ta' effett retroattiv għall-każijiet pendenti - Nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-perijodu massimu ta' detenzjoni, taż-żmien li għadda minn meta nbdiet il-proċedura ta' kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta' tneħħija meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali - Ammissibbiltà possibbli ta' skadenza ta' dan il-perijodu, ibbażata fuq in-nuqqas ta' dokumenti tal-identità u l-mezzi ta' għixien u l-imġieba aggressiva tal-persuna kkonċernata - Kunċett ta' "prospett raġonevoli ta' tneħħija".

Dispożittiv

L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu massimu ta' detenzjoni li huwa msemmi fid-direttiva għandu jinkludi l-perijodu ta' detenzjoni skontat fil-kuntest ta' proċedura ta' tneħħija mibdija qabel ma s-sistema ta' din id-direttiva ma tkun bdiet tiġi applikata

Il-perijodu li matulu pesuna tkun ġiet imqegħda f'ċentru ta' detenzjoni temporanja abbażi ta' deċiżjoni meħuda skont dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-applikanti għal ażil m'għandux jiġi kkunsidrat bħala detenzjoni għal raġunijiet ta' tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta' deportazzjoni obbligatorja tiġi sospiża, minħabba proċedura ta' rikors ġuridiku ppreżentat mill-persuna interessata kontra din id-deċiżjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta' detenzjoni għal raġunijiet ta' tneħħija, peress li matul il-proċedura, il-persuna interessata kompliet toqgħod f'ċentru ta' detenzjoni temporanja.

L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax meta l-possibbiltajiet ta' proroga tal-perijodi ta' detenzjoni msemmija fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 huma estinti fil-mument tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li prospett raġonevoli li t-tneħħija tista' ssir b'suċċess fid-dawl tat-termini stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 ta' dan l-istess artikolu jikkorrispondi għal prospett raġonevoli ta' tneħħija u li dan tal-aħħar ma jkunx jeżisti meta jkun jidher li ma tantx huwa probabbli li l-persuna interessata tintlaqa' f'pajjiż terz fid-dawl tal-imsemmija termini ta' żmien.

L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix, meta l-perijodu massimu ta' detenzjoni stabbiliti minn din id-direttiva jkun skada, li l-persuna interessata ma tiġix illiberata immedjatament minħabba li m'għandhiex dokumenti validi, li kellha aġir aggressiv u li m'għandhiex mezzi ta' għixien tagħha u lanqas post fejn toqgħod jew mezzi pprovduti mill-Istat għal dan il-għan.

____________

1 - ĠU C 267, 07.11.2009.