Language of document : ECLI:EU:C:2009:741

Kawża C-357/09 PPU

Said Shamilovich Kadzoev (Huchbarov)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad)

“Viżi, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Artikolu 15(4) sa (6) — Perijodu ta’ detenzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu li matulu ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija — Kunċett ta’ ‘prospett raġonevoli ta’ tneħħija’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika ta’ immigrazzjoni — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija — Tul massimu — Kalkolu — Inklużjoni tal-perijodu ta’ detenzjoni skontat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija mibdija qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema prevista fid-Direttiva Nru 2008/115

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2008/115, Artikolu 15(5) u (6))

2.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika ta’ immigrazzjoni — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija — Tul massimu — Kalkolu — Esklużjoni tal-perijodu skontat fiċ-ċentru ta’ detenzjoni provviżorju skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-applikanti għal ażil

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2008/115, Artikolu 15)

3.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika ta’ immigrazzjoni — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija — Tul massimu — Kalkolu — Deċiżjoni ta’ deportazzjoni obbligatorja li hija s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzarja — Inklużjoni tal-perijodu ta’ detenzjoni skontat matul il-proċeduri

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2008/115, Artikolu 15(5) u (6))

4.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika ta’ immigrazzjoni — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija — Stħarriġ ġudizzjarju — Terminu massimu ta’ detenzjoni li skada — Teħid inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-prospetti raġonevoli ta’ tneħħija — Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2008/115, Artikolu 15(4) u (6))

5.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika ta’ immigrazzjoni — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija — Prospett raġonevoli ta’ tneħħija — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2008/115, Artikolu 15(4),(5) u (6))

6.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika ta’ immigrazzjoni — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija — Terminu massimu ta’ detenzjoni li skada — Possibbiltà li l-persuna miżmuma ma tiġix liberata immedjatament — Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2008/115, Artikolu 15(4) u (6))

1.        L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni msemmi fid-direttiva għandu jinkludi l-perijodu ta’ detenzjoni skontat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija mibdija qabel ma s-sistema ta’ din id-direttiva ma tkun bdiet tiġi applikata.

(ara l-punt 39 u d-dispożittiv 1)

2.        Il-perijodu li matulu pesuna tkun tqiegħdet f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja abbażi ta’ deċiżjoni meħuda skont dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-applikanti għal ażil ma għandux jiġi kkunsidrat bħala detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.

Fil-fatt, id-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija rregolata mid-Direttiva 2008/115 u d-detenzjoni ordnata fil-konfront ta’ applikant għal ażil, b’mod partikolari skont id-Direttiva 2003/9, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil jistgħu jiċċaqalqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru, u d-Direttiva 2005/85, dwar standards minimi għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat, u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jaqgħu taħt sistemi legali differenti.

Madankollu, jekk applikant għal ażil jibqa’ miżmum taħt sistema ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija filwaqt li kienu għaddejja l-proċeduri ta’ ażil, mibdija wara l-applikazzjonijiet tiegħu għal ażil, il-perijodu ta’ detenzjoni li jikkorrispondi għall-perijodu meta kienu għaddejjin l-imsemmija proċeduri ta’ ażil għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija msemmi fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115.

(ara l-punti 45, 47, 48 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ deportazzjoni obbligatorja tiġi sospiża, minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-persuna interessata kontra din id-deċiżjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, peress li matul il-proċedura, il-persuna interessata kompliet toqgħod f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

Fil-fatt kieku kien mod ieħor, il-perijodu tad-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija jista’ jvarja, jekk ikun il-każ b’mod kunsiderevoli, minn każ għall-ieħor fl-istess Stat Membru jew minn Stat għall-ieħor, minħabba partikolaritajiet u ċirkustanzi tal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali, li jmur kontra l-għan intiż mill-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, li huwa li jiġi ggarantit tul massimu ta’ detenzjoni li jkun komuni għall-Istati Membri.

(ara l-punti 54, 57 u d-dispożittiv 3)

4.        L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax meta l-possibbiltajiet ta’ proroga tat-termini ta’ żmien ta’ detenzjoni msemmija fl-Artikolu 15(6) tal-imsemmija direttiva jiskadu fil-mument tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 62 u d-dispożittiv 4)

5.        L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li prospett raġonevoli li t-tneħħija tista’ ssir b’suċċess fid-dawl tat-termini stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-istess artikolu jikkorrispondi għal prospett raġonevoli ta’ tneħħija u li dan tal-aħħar ma jkunx jeżisti meta jkun jidher li ma tantx huwa probabbli li l-persuna interessata tintlaqa’ f’pajjiż terz fid-dawl tal-imsemmija termini ta’ żmien.

(ara l-punt 67 u d-dispożittiv 5)

6.        L-Artikolu 15(4) u (6) tad-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix, minkejja li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni previst minn din id-direttiva jkun skada, li l-persuna interessata ma tiġix illiberata immedjatament minħabba li ma jkollhiex dokumenti validi, taġixxi b’mod aggressiv u li ma għandhiex mezzi ta’ għixien tagħha u lanqas post fejn toqgħod jew mezzi pprovduti mill-Istat Membru għal dan il-għan.

(ara l-punt 71 u d-dispożittiv 6)