Language of document : ECLI:EU:C:2017:215

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

tal-15 ta’ Marzu 2017 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna eżistenti – Artikolu 108(1) TFUE – Skemi ta’ għajnuna favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikoli 17, 18 u 19 – Evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti mas-suq intern – Proposta ta’ miżuri utli – Impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali li jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni – Deċiżjoni ta’ kompatibbiltà – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Effetti legali”

Fil-Kawża C‑414/15 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-24 ta’ Lulju 2015,

Stichting Woonlinie, stabbilita f’Woudrichem (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Woningstichting Volksbelang, stabbilita f’Wijk bij Duurstede (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Stichting Woonstede, stabbilita f’Ede (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn L. Hancher, E. Besselink u P. Glazener, advocaten,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tal-Belġju,

Vereniging van Institutionele Beleggers in Vastgoed, Nederland (IVBN), stabbilita f’Voorburg (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn M. Meulenbelt, advocaat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tagħhom, Stichting Woonlinie, Woningstichting Volksbelang u Stichting Woonstede jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 2015, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (T‑202/10 RENV, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem, id-“digriet ikkontestat”, EU:T:2015:287), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 9963 finali, tal-15 ta’ Diċembru 2009, dwar l-Għajnuna mill-Istat E 2/2005 u N 642/2009 – Il-Pajjiżi l-Baxxi – Għajnuna eżistenti u għajnuna speċifika permezz ta’ proġetti għall-benefiċċju ta’ kumpanniji ta’ akkomodazzjoni (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

2        L-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE], (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364), intitolat “Koperazzjoni skond l-Artikolu [108](1) [TFUE]” jipprevedi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tikseb mill-Istati Membri kkonċernati l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-analiżi mill-ġdid, f’koperazzjoni mal-Istat Membru, ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu [108](1) [TFUE].

2.      Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li skema ta’ għajuna eżistenti m’hijiex, jew m’għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-opinjoni preliminarja tagħha u tagħti lill-Istat Memrbu kkonċernat l-opportunità li jissottometti l-kummenti tiegħu fi żmien xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista testendi l-perjodu preskritt.”

3        L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, rigward il-proposta ta’ miżuri utli, jipprevedi:

“Fejn il-Kummissjoni, fid-dawl tal-informazzjoni sottomessa mill-Istat Membru skont l-Artikolu 17, tikkonkludi li l-iskema ta’ għajnuna eżistenti m’hijiex, jew m’għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, għandha toħroġ rakommandazzjoni li tipproponi miżuri xierqa [utli] lill-Istat Membru kkonċernat. Ir-rakommandazzjoni tista’ tipproponi, b’mod partikolari:

a)      emenda sustantiva ta’ l-iskema ta’ għajnuna;

b)      introduzzjoni ta’ ħtiġijiet proċedurali, jew

ċ)      abolizzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna.”

4        L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, rigward il-konsegwenzi legali ta’ proposta ta’ miżuri utli, jistabbilixxi:

“1.      Fejn l-Istat Membru kkonċernat jaċċetta l-miżuri proposti u jinforma lill-Kummisjsoni dwarhom, il-Kummissjoni għandha tirreġistra dik is-sejba u tinforma lill-Istat Membru dwarha. L-Istat Membru għandu jkun marbut bl-aċċettazzjoni tagħha li jimplimenta l-miżuri xierqa [utli].

2.      Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jaċċettax il-miżuri proposti u l-Kummissjoni, wara li tkun ikkunsidrat l-argumenti tal-Istat Membru kkonċernat, għandha tikkonsidra li dawk il-miżuri huma meħtieġa, għandha tibda l-proċeduri skont l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6, 7 u 9 għandhom jgħoddu mutatis mutandis.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

5        Il-fatti li taw lok għal din il-kawża, kif jirriżultaw essenzjalment mill-punti 1 sa 12 tad-digriet ikkontestat, jistgħu jitqassru kif ġej.

6        L-appellanti huma kumpanniji ta’ akkomodazzjoni (woningcorporaties, iktar ’il quddiem il-‘wocos’) stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-wocos huma organi mingħajr skop ta’ lukru li għandhom il-funzjoni li jixtru, jibnu u joffru għall-kiri bini residenzjali intiż essenzjalment għal persuni żvantaġġati u għal gruppi soċjalment żvantaġġati. Il-wocos jeżerċitaw ukoll attivitajiet oħra, bħall-bini u l-offerta għall-kiri ta’ appartamenti b’kera ogħla, il-bini ta’ appartamenti intiżi għall-bejgħ kif ukoll il-bini u l-offerta għall-kiri ta’ proprjetajiet immobbli ta’ interess ġenerali.

7        Matul is-sena 2002, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew bis-sistema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa lill-wocos. Peress li l-Kummissjoni qieset li l-miżuri ta’ finanzjament tal-wocos setgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna eżistenti, l-awtoritajiet Olandiżi sussegwentement irtiraw in-notifika tagħhom.

8        Fl-14 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Olandiżi ittra taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 659/1999, li tikklassifika s-sistema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa lill-wocos bħala għajnuna eżistenti (Għajnuna E 2/2005) u li tesprimi dubji rigward il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni (iktar ’il quddiem, l-“ittra Artikolu 17”). Preliminarjament, il-Kummissjoni indikat li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom jemendaw il-funzjoni ta’ servizz pubbliku mogħtija lill-wocos, b’mod li l-akkomodazzjoni soċjali tkun intiża għal grupp identifikat, iddefinit b’mod ċar, ta’ persuni żvantaġġati jew ta’ gruppi soċjalment żvantaġġati. Hija rrilevat li l-attivitajiet kummerċjali kollha tal-wocos kellhom jitwettqu skont il-kundizzjonijiet tas-suq u ma setgħux jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat. Finalment, hija indikat li l-offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali kellha tkun adattata għad-domanda tal-persuni żvantaġġati jew tal-gruppi soċjalment żvantaġġati.

9        Wara li ntbagħtet l-ittra Artikolu 17, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi bdew il-proċedura ta’ kooperazzjoni sabiex l-iskema ta’ għajnuna titqiegħed f’konformità mal-Artikolu 106(2) TFUE. Fi tmiem dawn il-konsultazzjonijiet, sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-miżuri inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni pproponiet, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999, il-miżuri utli li ġejjin:

–        il-limitazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali għal grupp partikolari ddefinit b’mod ċar ta’ persuni żvantaġġati jew gruppi soċjalment żvantaġġati;

–        l-eżekuzzjoni ta’ attivitajiet kummerċjali fil‑kundizzjonijiet tas-suq, l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u l‑attivitajiet kummerċjali għandhom ikunu suġġetti għal awditjar distint u għal stħarriġ xieraq;

–        l-addattament tal-offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali għat-talba ta’ persuni żvantaġġati jew ta’ gruppi soċjalment żvantaġġati.

10      Fis-16 ta’ April 2007, il-Vereniging van Institutionele Beleggers in Vastgoed, Nederland (Assoċjazzjoni tal-Investituri tal-Proprjetà Immobbli Istituzzjonali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi) ressqet ilment mal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mogħtija lill-wocos. Fix-xahar ta’ Ġunju 2009, Vesteda Groep BV assoċjat ruħha ma’ dan l-ilment.

11      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2009, l-awtoritajiet Olandiżi aċċettaw il-miżuri utli proposti mill-Kummissjoni, u kkomunikaw lill-istess Kummissjoni l-impenji tagħhom li jemendaw is-sistema ġenerali ta’ għajnuna lill-wocos skont ir-rekwiżiti tal-Kummissjoni.

12      Fil-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

13      Il-miżuri li jinsabu fis-sistema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-wocos u li għalihom tirreferi l-proċedura E 2/2005 huma s-segwenti:

a)      garanziji tal-Istat għal self mogħti mill-Fond ta’ garanzija għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali;

b)      għajnuna mill-Fond ċentrali tal-akkomodazzjoni, għajnuna skont il-proġett jew għajnuna għar-razzjonalizzazzjoni fil-forma ta’ self b’rati preferenzjali jew ta’ sussidji diretti;

c)      bejgħ mill-muniċipalitajiet ta’ artijiet bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq;

d)      id-dritt li jingħata self mill-Bank Nederlandse Gemeenten.

14      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kklassifikat kull waħda minn dawn il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u kkunsidrat li l-iskema Olandiża ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, billi nħolqot qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fil-Pajjiżi l-Baxxi u billi r-riformi sussegwenti ma ġabux magħhom tibdil sostanzjali.

15      Fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat:

“L-awtoritajiet Olandiżi ntrabtu li jemendaw il-funzjonament tal-wocos u l-miżuri li jagħtuhom vantaġġi. Fir-rigward tad-diversi emendi, l-awtoritajiet Olandiżi ressqu abbozzi ta’ dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Ir-regoli l-ġodda huma s-suġġett ta’ digriet ministerjali ġdid li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010 u ta’ liġi ġdida dwar l-akkomodazzjoni li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011 […]”

16      Il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna E 2/2005 dwar is-sistema ta’ finanzjament tal-wocos kif emendata wara l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi. Hija kkonkludiet, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li “l-għajnuna mogħtija abbażi tal-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, jiġifieri marbuta mal-kostruzzjoni u l-offerta għall-kiri ta’ abitazzjonijiet maħsuba għal individwi, inkluż il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastrutturi awżiljarji, [kienu] kompatibbli mal-Artikolu 106(2)TFUE”. Għaldaqstant il-Kummissjoni ħadet nota tal-impenji tal-awtoritajiet Olandiżi rigward l-għajnuna E 2/2005, b’mod konformi mal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 659/1999.

17      Fit-30 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2010) 5841 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat E 2/2005, li temenda l-punti 22 sa 24 tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’din id-deċiżjoni li temenda, il-Kummissjoni kkunsidrat li, abbażi tal-provi disponibbli, hija ma setgħetx tikkonkludi li l-miżura d) li hemm referenza għaliha fid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri d-dritt li jingħata self mill-Bank tal-muniċipalitajiet Olandiżi, kienet tissodisfa l-kriterji kollha ta’ għajnuna mill-Istat.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet ikkontestat

18      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2010, Stichting Woonline, Stichting Allee Wonen, Woningstichting Volksbelang, Stichting WoonInvest u Stichting Woonstede ppreżentaw, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn hija tirreferi għall-għajnuna mill-Istat E 2/2005.

19      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonline et vs Il-Kummissjoni (T‑202/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:765), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli.

20      B’sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonline et vs Il-Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonline et vs Il-Kummissjoni (T‑202/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:765), sa fejn kien iddikjara inammissibbli r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna l-iskema ta’ għajnuna E 2/2005, u ċaħdet ir-rikors għall-bqija. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda l-iskema ta’ għajnuna E 2/2005, kien ammissibbli u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.

21      Il-kawża ġiet assenjata lis-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali.

22      Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni u r-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw in-noti tagħhom f’osservazzjonjiet bil-miktub fis-27 ta’ Marzu u fil-15 ta’ April 2014 rispettivament.

23      Permezz tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala manifestament infondat.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24      Bl-appell tagħhom, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla d-digriet ikkontestata b’mod sħiħ jew parzjalment;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil dawn il-fondazzjonijiet għall-ispejjeż. Addizzjonalment, il-Kummissjoni tosserva li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-aggravji huma fondati, ma tkun teżisti l-ebda raġuni sabiex jiġi annullat id-digriet ikkontestat b’mod sħiħ, peress li l-imsemmija fondazzjonijiet ma fformulaw l-ebda lment kontra ċ-ċaħda tal-ewwel motiv fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat il-miżuri kollha bħala li jagħmlu parti minn skema ta’ għajnuna, u żżid li jkun għaldaqstant xieraq li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.

26      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2016, Stichting Allee Wonen u Stichting WoonInvest informaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li huma kienu qed jirrinunzjaw mill-appell tagħhom. B’digriet tal-21 ta’ Marzu 2016, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni (C‑414/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:229), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ħassar lil Stichting Allee Wonen u lil Stichting WoonInvest mill-Kawża C‑414/15 P u ddeċieda li dawn u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom li jikkorrispondu għall-appell ippreżentat minn dawn il-partijiet.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq evalwazzjoni ineżatta tal-fatti rilevanti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti fil-fatt kienu qed jirreferu għall-ittra Artikolu 17 u li l-istħarriġ tagħha ma kienx jestendi għall-imsemmija ittra

 L-argumenti tal-partijiet

27      Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, dirett kontra l-punti 56 sa 60, 69 sa 74, 81, 82, 86 u 87 tad-digriet ikkontestat, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-motivi li huma kienu qajmu quddiemha fil-fatt kienu jirreferu għall-kontenut tal-ittra Artikolu 17. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 59 tad-digriet ikkontestat, iddeduċiet b’mod żbaljat mis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni (T‑354/05, EU:T:2009:66) li l-istħarriġ tagħha kien limitat għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità tal-impenji meħuda sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati u li ma kienx ikopri l-kwistjoni sottostanti tan-neċessità tal-impenji. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 108(1) TFUE jirriżulta li d-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni għandha tinkludi evalwazzjoni dwar din il-kwistjoni. Din id-deċiżjoni tkopri l-proċedura kollha prevista fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999. L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, għaldaqstant, ikopri wkoll il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni preċedenti kinitx kompatibbli mas-suq intern.

28      Il-Kummissjoni ssostni li deċiżjoni taħt l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma hijiex ibbażata fuq il-konstatazzjoni definittiva li skema ta’ għajnuna eżistenti hija inkompatibbli mas-suq intern. Tali deċiżjoni hija l-espressjoni tal-kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 108(1) TFUE u l-prinċipju bażiku tagħha ma huwiex konstatazzjoni vinkolanti unilaterali tal-Kummissjoni, iżda r-rikonoxximent minn din u l-Istat Membru kkonċernat tal-bżonn li tiġi adattata l-iskema ta’ għajnuna eżistenti. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tispjega fid-deċiżjoni tagħha għalfejn hija tqis li tali skema ma hijiex jew ma għadhiex kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-iskambji li seħħew bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi wara l-ittra Artikolu 17 kienu jikkonċernaw mhux il-kwistjoni dwar jekk l-iskema ta’ għajnuna eżistenti kinitx kompatibbli mas-suq intern, iżda l-mod li bih din l-iskema kellha tiġi adattata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Fil-punti 56 u 57 tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkunsidrat, filwaqt li rreferiet għall-punti 188 u 189 tas-sentenza tagħha tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni (T‑354/05, EU:T:2009:66), li l-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-miżuri utli li kapaċi jissodisfaw il-konklużjoni tagħha li l-iskema ta’ għajnuna eżistenti inkwistjoni ma kinitx jew ma kinitx għadha kompatibbli mas-suq intern u li, konsegwentement, l-istħarriġ li hija kellha teżerċita kellu jkun limitat għall-verifika li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-impenji meħuda kienu tali li jsolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni li kienet tikkawża l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

30      Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 59 ta’ dan id-digriet, li l-istħarriġ li hija kellha teżerċita ma kienx estiż għall-eżami magħmul mill-Kummissjoni tal-iskema ta’ għajnuna preċedenti għall-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi. Hija essenzjalment irriproduċiet din il-konklużjoni fil-punti 73, 82, u 87 tal-imsemmi digriet.

31      Fil-punti 58, 72, 74, 81 u 86 ta’ dan l-istess digriet, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li l-appellanti kienu qed jikkontestaw mhux l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti kif emendata bl-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi, iżda l-eżami magħmul mill-Kummissjoni tas-sistema ta’ finanzjament tal-wocos kif kien jidher fil-leġiżlazzjoni Olandiża inizjali, qabel l-emenda tagħha bl-impenji meħuda minn dawn l-awtoritajiet u li dan l-eżami kien jidher mhux fid-deċiżjoni kontenzjuża iżda fl-ittra Artikolu 17.

32      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 60 tad-digriet ikkontestat, bħala ineffettivi l-argumenti tal-appellanti, żviluppati fil-kuntest tat-tieni motiv, li permezz tagħhom kienu qed jikkritikaw lill-Kummissjoni talli sempliċement, fl-ittra Artikolu 17, ikkonstatat li s-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) ma kienx iddefinit suffiċjentement mingħajr ma wriet l-eżistenza ta’ żball manifest fis-sistema Olandiża ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali, fil-punti 69 sa 75 ta’ dan id-digriet, b’mod impliċitu bħala ineffettivi l-argumenti tal-appellanti żviluppati fil-kuntest tat-tielet motiv, fil-punti 81 u 82 tal-imsemmi digriet, bħala ineffettiv l-argument, żviluppat fil-kuntest tas-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta qieset li s-sistema Olandiża ta’ akkomodazzjoni soċjali kienet tinkludi żball manifest għaliex ma kinitx tinvolvi limiti ta’ dħul speċifiku u, fil-punti 86 sa 88 ta’ dan l-istess digriet, b’mod impliċitu bħala ineffettivi l-ħames u s-seba’ motivi tal-appellanti.

33      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-għajnuna eżistenti, l-Artikolu 108(1) TFUE jagħti kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tagħmel eżami kostanti tagħha mal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni tipproponi lil dawn tal-aħħar il-miżuri utli meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq komuni. Barra minn hekk, l-Artikolu 108(2) TFUE jipprevedi li, jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li għajnuna ma hijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107 TFUE, jew li din l-għajnuna hija użata ħażin, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritt mill-Kummissjoni.

34      Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 659/1999, fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li skema ta’ għajnuna eżistenti ma hijiex, jew ma għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-opinjoni preliminarja tagħha u tagħti lill-Istat Memrbu kkonċernat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahar.

35      Skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, fejn il-Kummissjoni, fid-dawl tal-informazzjoni sottomessa mill-Istat Membru skont l-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, tikkonkludi li skema ta’ għajnuna eżistenti ma hijiex, jew ma għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha toħroġ rakkommandazzjoni li tipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri utli lill-Istat Membru kkonċernat.

36      Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, fejn l-Istat Membru kkonċernat jaċċetta l-miżuri proposti u jinforma lill-Kummissjoni dwarhom, din tal-aħħar għandha tieħu nota ta’ dan u tinforma lill-Istat Membru li hija għamlet hekk.

37      B’hekk, meta hija tadotta deċiżjoni, skont it-termini tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 659/1999, “skond […] l-Artikolu [18] [ta’ dan ir-regolament] [flimkien] ma’ l-Artikolu 19(1) [tal-imsemmi regolament]”, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenza li hija għandha sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, taċċetta l-impenji tal-Istat, meħuda b’rabta mal-miżuri utli li hija kienet ipproponietlu f’rakkomandazzjoni indirizzata skont l-Artikolu 18 ta’ dan l-istess regolament, bħala tali li jindirizzaw it-tħassib tagħha rigward il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti eżaminata ma’ dan is-suq, u ttemm il-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 108(1) TFUE.

38      Tali deċiżjoni tippresupponi neċessarjament li l-Kummissjoni tkun wettqet minn qabel evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata mas-suq intern u, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru kkonċernat, waslet għall-konklużjoni li din l-iskema ma hijiex, jew ma għadhiex, kompatibbli mas-suq intern u li, għaldaqstant, miżuri utli huma neċessarji sabiex tiġi rrimedjata din l-inkompatibbiltà.

39      Bil-kontra ta’ dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tad-digriet ikkontestat, l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet b’dan il-mod u l-konklużjoni li hija waslet għaliha ma jistgħux jitneħħew mill-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni, ħlief jekk jiġi ppreġudikat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti.

40      Deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament flimkien mal-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament, sa fejn hija bbażata fuq il-konstatazzjoni minn qabel tal-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti, tista’ tippreġudika l-interessi tal-benefiċjarji ta’ din l-iskema.

41      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 48 tas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105), li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha bħala effett li temenda mill-1 ta’ Jannar 2011, data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida dwar l-akkomodazzjoni, l-iskema ta’ għajnuna li kienu bbenefikaw minnha sa din id-data l-appellanti billi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom ġew reżi inqas favorevoli minn qabel.

42      Hija r-raġuni li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddikjarat, fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, li l-appellanti għandhom interess leġittimu li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn hija tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005, sa fejn l-annullament ta’ din id-deċiżjoni għandu bħala effett iż-żamma tal-kundizzjonijiet preċedenti li kienu iktar favorevoli għalihom.

43      Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti jippresupponi għaldaqstant li dawn ikunu jistgħu jikkontestaw, f’rikors dirett kontra deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999 flimkien mal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, ukoll l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ta’ din l-iskema kif ukoll il-konklużjoni ta’ din l-istituzzjoni li l-imsemmija skema ma hijiex kompatibbli mas-suq intern u li, għalhekk, miżuri utli huma neċessarji sabiex tiġi rrimedjata din l-inkompatibbiltà.

44      Fir-rigward tal-fatt, li fuqu bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali fil-punti 58, 74 u 86 tad-digriet ikkontestat, li din l-evalwazzjoni tinsab f’dan il-każ mhux fid-deċiżjoni kontenzjuża iżda fl-ittra Artikolu 17, għandu, ċertament, jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżuri intermedji bl-għan li titħejja d-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, fil-prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 50).

45      Fil-fatt, rikors għal annullament dirett kontra atti li jesprimu opinjoni provviżorja tal-Kummissjoni jista’ jobbliga lill-qorti tal-Unjoni tagħmel evalwazzjoni tal-kwistjonijiet li fuqhom l-istituzzjoni kkonċernata ma għadx kellha l-okkażjoni li tiddikjara ruħha u jkollu għalhekk bħala konsegwenza antiċipazzjoni tad-diskussjoni fuq il-mertu u konfużjoni tad-diversi fażijiet tal-proċedura amministrattiva u ta’ dik ġudizzjarja (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 51).

46      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li att intermedju lanqas ma jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors jekk jiġi stabbilit li l-illegalità li huwa vvizzjat biha dan l-att tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li għaliha jikkostitwixxi att ta’ tfassil. F’tali ċirkustanzi, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-miżuri utli proposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999 jikkoinċidu essenzjalment mal-indikazzjonijiet li din l-istituzzjoni kienet tat b’mod preliminari lill-awtoritajiet Olandiżi fl-ittra Artikolu 17. L-analiżi li fuqha ġiet ibbażata din l-ittra ġiet ikkonfermata permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża.

48      Ladarba l-ittra Artikolu 17 tikkostitwixxi l-ewwel stadju tat-tfassil tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellanti ma jistgħux jiġu preklużi milli jinvokaw l-illegalità li tivvizzja l-evalwazzjoni li tinsab f’din l-ittra insostenn tar-rikors tagħhom kontra l-imsemmija deċiżjoni.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ċaħdet l-argumenti tal-appellanti minħabba, minn naħa, li l-istħarriġ li hija kellha teżerċita ma kienx estiż għall-eżami mwettaq mill-Kummissjoni tal-iskema ta’ għajnuna preċedenti għall-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi u, min-naħa l-oħra, essenzjalment li dan l-eżami ma kienx parti mid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

50      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata bl-argument tal-Kummissjoni skont liema l-konklużjoni li l-iskema ta’ għajnuna eżistenti hija inkompatibbli mas-suq intern u li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999 flimkien mal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, ma hijiex ta’ natura definittiva.

51      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, huwa minnu, minħabba l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, stabbilit bl-Artikolu 108(1) TFUE u li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ stħarriġ ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti, il-proċedura segwita skont din id-dispożizzjoni ma twassalx, b’mod differenti minn dik segwita skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, għal konstatazzjoni formali tal-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ skema ta’ għajnuna.

52      Jibqa’ l-fatt li l-konklużjoni li l-iskema ta’ għajnuna eżistenti hija inkompatibbli mas-suq intern kif ukoll il-proposta ta’ miżuri utli li hija timplika neċessarjament jipproduċu, ladarba l-Kummissjoni tkun ħadet nota tal-aċċettazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat ta’ dawn il-miżuri, l-istess effetti legali bħal dawk ta’ tali konstatazzjoni formali fir-rigward ta’ dan l-Istat.

53      Madankollu, peress li l-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna eżistenti jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll għall-ivverifikar tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew użu ħażin ta’ poter (ara, b’mod analogu, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑351/98, EU:C:2002:530, punt 74).

54      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq evalwazzjoni ineżatta tal-fatti rilevanti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-miżuri utli proposti mill-Kummissjoni kienu biss proposti u li hija l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet Olandiżi tal-imsemmija miżuri li kienet għamlithom vinkolanti

 L-argumenti tal-partijiet

55      Fil-kuntest tat-tieni aggravju, dirett kontra l-punti 61 sa 66, 78 sa 80 u 90 sa 95 tad-digriet ikkontestat, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kisret l-Artikolu 108(1) TFUE u r-Regolament Nru 659/1999 meta ddikjarat, sabiex tiċħad l-argumenti tagħhom rigward il-miżuri utli mitluba mill-Kummissjoni, li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu biss proposti u li huma l-awtoritajiet Olandiżi li kienu għamluhom vinkolanti billi aċċettawhom. Is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1996, Salt Union vs Il-Kummissjoni (T‑330/94, EU:T:1996:154), li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tad-digriet ikkontestat, tirrigwarda l-kwistjoni tal-ammissibbiltà u ma hijiex rilevanti. Barra minn hekk, id-digriet ikkontestat għandu bħala riżultat li jneħħi l-effett tas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-interess leġittimu tal-appellanti li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

56      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-Artikolu 108(1) TFUE u r-rwol tal-Kummissjoni fil-proċedura ta’ kooperazzjoni rigward l-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti. Hija ssostni li l-missjoni tagħha fil-kuntest ta’ din il-proċedura hija limitata għall-verifika jekk l-impenji tal-Istat Membru kkonċernat humiex suffiċjenti sabiex jirrendu l-iskema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern u żżid li r-rakkomandazzjonijiet ta’ miżuri utli ma humiex vinkolanti.

57      Barra minn hekk, id-digriet ikkontestat ma jneħħix l-effett tas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105), għaliex l-appellanti għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll il-kompatibbiltà tal-iskema emendata mas-suq intern.

58      Minbarra dan, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jwassalx neċessarjament għaż-żamma tas-sitwazzjoni li kienet tipprevali qabel l-emenda tas-sistema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat għall-wocos, għaliex id-deċiżjoni tal-leġiżlatur Olandiż li ma jipproċedix b’tali emenda hija ta’ natura pubblika u hija bbażata fuq diversi kunsiderazzjonijiet. Fil-fatt, l-Istati Membri huma liberi li jħassru skema ta’ għajnuna eżistenti, li jimmoderawha, jew li jissostitwixxuha bi skema oħra kompatibbli mas-suq intern.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59      Fil-punti 63 u 64 tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat essenzjalment li l-miżuri utli li l-Kummissjoni tista’ tipproponi skont l-Artikolu 108(1) TFUE u l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999 jikkostitwixxu biss proposti li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jaċċetta jew jirrifjuta u li, jekk jaċċettahom, dan l-Istat Membru huwa marbut, b’din l-aċċettazzjoni, li jimplementahom.

60      Fil-punt 65 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali qieset, filwaqt li rreferiet għall-punt 28 tas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑242/00, EU:C:2002:380), kif ukoll għall-punt 52 tas-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑121/10, EU:C:2013:784), li huwa sa fejn dawn il-proposti ta’ miżuri utli jkunu aċċettati minn Stat Membru li huma jkollhom effett vinkolanti fir-rigward ta’ dan l-aħħar. Hija rriproduċiet din l-affermazzjoni fil-punt 79 tal-imsemmi digriet.

61      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala manifestament infondati, fil-punt 66 tad-digriet ikkontestat, l-argument tal-appellanti, żviluppat fil-kuntest tat-tieni motiv, skont liema l-Kummissjoni kienet marret lil hinn mill-kompetenza tagħha meta eżiġiet miżuri utli u meta għamlithom vinkolanti fid-deċiżjoni kontenzjuża, billi ddikjarat li l-appellanti kienu qed isostnu b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet irrikjediet tali miżuri utli u kienet għamlithom vinkolanti f’din id-deċiżjoni, u, fil-punti 78 sa 80 tal-imsemmi digriet, l-argumenti, żviluppati fil-kuntest tar-raba’ u tas-sitt motivi, li permezz tagħhom l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni, minn naħa, talli wettqet żball ta’ liġi u abbużat mill-kompetenzi tagħha meta talbet mill-awtoritajiet Olandiżi definizzjoni ġdida tal-“akkomodazzjoni soċjali” u, min-naħa l-oħra, talli interpretat b’mod żbaljat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 327M, p. 488), billi eżiġiet definizzjoni speċifika tas-SIEĠ.

62      Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, hija d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tieħu nota tal-proposti tal-Istat Membru li tirrendi l-imsemmija proposti vinkolanti (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 59).

63      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza u ċċitata fil-punt 65 tad-digriet ikkontestat, jirriżulta li l-miżuri utli li l-Kummissjoni tipproponi skont l-Artikolu 108(1) TFUE, sa fejn huma aċċettati minn Stat Membru, għandhom effett vinkolanti fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, kif tipprevedi t-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Madankollu, din l-aċċettazzjoni tipproduċi effetti legali biss jekk tkun ġiet ikkomunikata lil din l-istituzzjoni u jekk din tkun ħadet nota u informat b’dan lill-imsemmi Stat Membru, b’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament.

64      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, indipendentement, barra minn hekk, mill-kwistjoni tar-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-adozzjoni ta’ miżuri utli.

65      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punt 65 tad-digriet ikkontestat, żball ta’ liġi u, konsegwentement, ċaħdet b’mod żbaljat bħala manifestament infondati l-argumenti tal-appellanti msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza.

66      Fir-rigward tal-punti 90 sa 95 tad-digriet ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx, f’dawn il-punti, l-argumenti tagħhom rigward il-miżuri utli mitluba mill-Kummissjoni, iżda eżaminat dawk imressqa insostenn tat-tmien motiv tagħhom. B’dan il-motiv, l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni talli abbużat mill-proċedura marbuta mal-għajnuna eżistenti u marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha meta approvat lista eżawrjenti ta’ bini li seta’ jiġi kklassifikat bħala “proprjetà immobbli soċjali”, filwaqt li ma kinitx għamlet rakkomandazzjonijiet li jirreferu għall-istabbiliment ta’ tali lista la fl-ittra Artikolu 17 u lanqas fil-proposti ta’ miżuri utli.

67      Għaldaqstant, it-tieni aggravju, sa fejn, bih, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli qieset li l-miżuri utli proposti mill-Kummissjoni kienu biss proposti u li hija l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet Olandiżi ta’ dawn il-miżuri li kienet għamlithom vinkolanti, ma jistax jikkontesta l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 90 sa 95 tad-digriet ikkontestat.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni aggravju għandu jintlaqa’ sa fejn jirreferi għall-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 61 sa 66 u 78 sa 80 ta’ dan id-digriet.

69      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq, jirriżulta li d-digriet ikkontestat għandu jiġi annullat.

 Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

70      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni.

71      F’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-istħarriġ tad-deċiżjoni kontenzjuża li kellha teżerċita u peress li ma eżaminatx il-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, indipendentement mill-kwistjoni tar-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-adozzjoni ta’ miżuri utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 2015, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (T‑202/10 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2015:287), huwa annullat.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż