Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Kielcach (il-Polonja) fid-29 ta’ Diċembru 2017 – ECO-WIND Construction S.A., bis-sede f’Varsavja vs Samorządowe Kolegium Odwoławcze w Kielcach

(Kawża C-727/17)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Wojewódzki Sąd Administracyjny w Kielcach (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Kielce, il-Polonja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ECO-WIND Construction S.A., bis-sede f’Varsavja

Korp ta’ amministrazzjoni pubblika: Samorządowe Kolegium Odwoławcze w Kielcach (il-Kulleġġ Awtonomu tal-Appell ta’ Kielce, il-Polonja)

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva (UE) Nru 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li taħt “regolament teknikuˮ, li l-abbozz tiegħu għandu jiġi trażmess lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, għandha taqa’ dispożizzjoni legali, li tintroduċi restrizzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tal-installazzjonijiet għall-ħolqien tal-elettriku mir-riħ (windfarms) li permezz ta’ tali dispożizzjoni legali tiġi stabbilita distanza minima mil-lokalizzazzjoni tagħhom sal-bini residenzjali jew bini ta’ użu mħallat, li jinkludi funzjoni ta’ residenza, li din għandha tkun tal-inqas għaxar darbiet l-għoli tat-turbini tar-riħ mil-livell tal-art sal-ogħla punt tal-bini, inklużi l-elementi tekniċi, b’mod partikolari r-‘rotor’ bil-pali?

L-Artikolu 15(2)(a) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern 2 għandu jiġi interpretat fis-sens li taħt ir-regoli li jissuġġettaw it-twettiq jew it-tkomplija ta’ attività ta’ servizzi għal restrizzjoni territorjali b’mod partikolari fil-forma ta’ limiti stabbiliti b’rabta mad-distanza ġeografika minima bejn il-fornituri ta’ servizzi, li għalihom l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 15(7) tal-imsemmija direttiva, għandha taqa’ dispożizzjoni legali li tintroduċi restrizzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tal-installazzjonijiet għall-ħolqien tal-elettriku mir-riħ, li permezz tagħha tiġi stabbilita distanza minima mil-lokalizzazzjoni tagħhom sal-bini residenzjali jew bini ta’ użu mħallat, li jinkludi funzjoni ta’ residenza, li din għandha tkun tal-inqas għaxar darbiet l-għoli tat-turbini tar-riħ mil-livell tal-art sal-ogħla punt tal-bini, inklużi l-elementi tekniċi, b’mod partikolari r-‘rotor’ bil-pali?

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/28/KE tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE 3 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi restrizzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tal-installazzjonijiet għall-ħolqien tal-elettriku mir-riħ li permezz tagħha tiġi stabbilita distanza minima mil-lokalizzazzjoni tagħhom sal-bini residenzjali jew bini ta’ użu mħallat, li jinkludi funzjoni ta’ residenza, li din għandha tkun tal-inqas għaxar darbiet l-għoli tat-turbini tar-riħ mil-livell tal-art sal-ogħla punt tal-bini, inklużi l-elementi tekniċi, b’mod partikolari r-‘rotor’ bil-pali?

____________

1 ĠU 2015, L 241, p. 1.

2 ĠU 2006, L 376, p. 36.

3 ĠU 2009, L 140, p. 16.