Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fl-20 ta’ April 2018 – Verein für Konsumenteninformation vs TVP Treuhand- und Verwaltungsgesellschaft für Publikumsfonds mbH & Co KG

(Kawża C-272/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Verein für Konsumenteninformation

Konvenuta: TVP Treuhand- und Verwaltungsgesellschaft für Publikumsfonds mbH & Co KG

Domandi preliminari

L-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(e) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligazzjonijiet Kuntrattwali (“Konvenzjoni ta’ Ruma”) u fl-Artikolu 1(2)(f) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) 1 tkopri wkoll il-ftehimiet konklużi bejn benefiċjarju u fiduċjarju li għandu parteċipazzjoni f’soċjetà in akkomandita għan-nom tal-benefiċjarju, b’mod partikolari meta jkun hemm konnessjoni bejn l-istatuti tas-soċjetà u l-ftehim fiduċjarju?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (“Direttiva dwar il-klawżoli inġusti”)2 għandu jiġi interpetat fis-sens li klawżola fi ftehim fiduċjarju konkluż bejn professjonist u konsumatur dwar il-ġestjoni ta’ parteċipazzjoni f’soċjetà in akkomandita, li ma kinitx innegozjata individwalment u li tipprovdi li hija applikabbli l-liġi tal-Istat fejn is-soċjetà in akkomandita jkollha s-sede tagħha, hija inġusta jekk l-għan waħdieni tal-ftehim fiduċjarju jkun l-ġestjoni ta’ parteċipazzjoni f’soċjetà in akkomandita u l-benefiċjarju jingħata d-drittijiet u l-obbligi ta’ azzjonist dirett?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

Din ir-risposta tkun differenti jekk, sabiex jipprovdi s-servizzi dovuti, il-professjonist ma jkunx obbligat imur fl-Istat tal-konsumatur sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu iżda jkun marbut jittrasferixxi l-ħlas tad-dividendi jew benefiċċji finanzjarji oħra li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni, kif ukoll jittrażmetti informazzjoni relatata mal-iżvolġiment tal-attività tas-soċjetà? Il-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regoalment Ruma I jew tal-Konvenzjoni ta’ Ruma hija rilevanti f’dan ir-rigward?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

Din ir-risposta tibqa’ valida jekk, barra minn hekk, it-talba għas-sottoskrizzjoni tal-konsumatur tkun ġiet iffirmata fl-Istat ta’ residenza tiegħu, il-professjonist jipprovdi informazzjoni dwar is-soċjetà in akkomandita anki fuq l-internet, u jkun ġie stabbilit kont bankarju fl-Istat tal-konsumatur, li fih il-konsumatur irid jiddepożita somma għall-parteċipazzjoni, minkejja li l-professjonist ma jkollu ebda dritt li jiddisponi minn dan il-kont bankarju? Il-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regoalment Ruma I jew tal-Konvenzjoni ta’ Ruma hija rilevanti f’dan ir-rigward?

____________

1 ĠU 2008, L 177, p 6

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288