Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ April 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Kroazja

(Kawża C-250/18)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Mataija, E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Kroazja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li billi ma speċifikatx li l-massa ta’ ġebel mormija fil-miżbla ta’ Biljane Donje hija skart, u mhux prodott sekondarju, u għaldaqstant għandha tiġi ttrattata bħala skart, ir-Repubblika tal-Kroazja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98 1 .

tiddikkjara li billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-amministrazzjoni tal-iskart mormi f’Biljane Donje titwettaq mingħajr ma jinħoloq perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, ir-Repubblika tal-Kroazja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98.

tiddikkjara li billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-persuna li jkollha fil-pussess tagħha l-iskart mormi fil-miżbla ta’ Biljane Donje tittratta l-iskart hija stess jew tinkariga għat-twettiq ta’ dan it-trattament, lil aġent jew stabbiliment jew impriża li twettaq operazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart, jew għall-organizzazzjoni ta’ tali trattament, lil kollettur pubbliku jew privat tal-iskart, ir-Repubblika tal-Kroazja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Kroazja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva:

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jistabbilixxi kriterji kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex sustanza jew oġġett, li tirriżulta jew jirriżulta minn proċess ta’ produzzjoni, li l-għan primarju tiegħu ma jkunx il-produzzjoni ta’ tali sustanza jew oġġett, tkun tista’ titqies jew ikun jista’ jitqies bħala prodott sekondarju minflok bħala skart. Ir-Repubblika tal-Kroazja appplikat b’mod skorrett l-Artikolu 5(1) għall-iskart mormi f’Biljane Donje, meta naqset milli tiddetermina li dan kien skart u mhux prodott sekondarju, minkejja li ma kinitx ċerta mill-użu ulterjuri ta’ dan l-iskart fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva.

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva:

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-amministrazzjoni tal-iskart titwettaq mingħajr ma jinħoloq perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent. Minkejja li l-awtoritajiet Kroati stqarrew li l-miżbla ta’ Biljane Donje tinsab f’post li la huwa ddestinat u lanqas ippreparat għar-rimi tal-iskart, fuq art li hija nieqsa minn kull miżura ta’ protezzjoni mill-propagazzjoni lejn l-ilma jew l-arja, sal-lum ma ġiet implimentata l-ebda waħda mill-miżuri adottati mill-awtoritajiet Kroati fir-rigward tal-miżbla. Din is-sitwazzjoni baqgħet ma nbidlitx għal perijodu twil ta’ żmien, u dan neċessarjament iwassal għal ħsara ambjentali. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Kroazja ma adottatx il-miżuri neċessarji kollha sabiex tiżgura li l-amministrazzjoni tal-iskart mormi f’Biljane Donje titwettaq mingħajr ma jinħoloq perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent.

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva:

Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li kull persuna li inizjalment tipproduċi skart jew li jkollha skart fil-pussess tagħha twettaq it-trattament tal-iskart hija stess jew tinkariga għat-twettiq ta’ dan it-trattament, lil aġent jew stabbiliment jew impriża li twettaq operazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart, jew għall-organizzazzjoni ta’ tali trattament, lil kollettur pubbliku jew privat tal-iskart, skont l-Artikoli 4 u 13 tad-Direttiva. L-awtoritajiet Kroati ma żgurawx li l-persuna li jkollha l-iskart fil-pussess tagħha twettaq it-trattament tiegħu jew li tinkariga għat-twettiq ta’ tali trattament waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 15(1). Dan kollu jirriżulta mill-fatt li fil-mument li fih ġie ppreżentat ir-rikors odjern l-iskart kien għadu mormi b’mod illegali f’Biljane Donje, fejn ilu hemm mormi għal perijodu twil ta’ żmien. L-awtoritajiet Kroati ma adottawx miżuri effettivi li jiżguraw li l-persuna li jkollha l-iskart fil-pussess tagħha, hija stess jew permezz tal-persuni msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva, twettaq it-trattament tal-iskart.

____________

1     Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).