Language of document : ECLI:EU:C:2016:146

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Marzu 2016 1(1)

Kawża C‑695/15 PPU

Shiraz Baig Mirza

vs

Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Regolament Nru 604/2013 (Dublin III) – Eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-Istati Membri li jibagħtu applikant lejn pajjiż terz sigur – Obbligi tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, f’każ tat-teħid lura tal-applikant”





I –    Introduzzjoni

1.      Din il-kawża tinsab fil-kuntest tal-wasla bil-massa, fl-Unjoni Ewropea, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jaqsmu l-Ungerija biex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Awstrija.

2.      F’dan il-każ, iċ-ċittadin ikkonċernat, ta’ nazzjonalità Pakistana, daħal fit-territorju Ungeriż mis-Serbja. L-ewwel nett huwa ppreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali lill-awtoritajiet Ungeriżi, imbagħad telaq mingħajr permess lejn ir-Repubblika Ċeka, qabel ma fl-aħħar nett ittieħed lura fil-kura tal-awtoritajiet Ungeriżi. Peress li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda bħala inammissibbli, l-awtoritajiet Ungeriżi qed jikkunsidraw li jibagħtu liċ-ċittadin Pakistani lejn is-Serbja, li huma jqisu bħala pajjiż terz sigur.

3.      Wara li ġie ppreżentat ir-rikors quddiemha mill-applikant kontra l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Ungeriżi, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jikkontempla li jibgħat applikant għall-protezzjoni internazzjonali “lejn pajjiż terz sikur”, konformement mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), mingħajr ma jagħmel analiżi fil-mertu tal-applikazzjoni tiegħu.

4.      L-ewwel nett nenfasizza li l-possibbiltà ta’ tneħħija ma tidhirx li toħloq problema ta’ prinċipju. Fil-fatt, għall-kuntrarju, din hija prevista mit-testi. Minn dan jirriżulta li applikant onest, li ma jitlaqx mill-Istat Membru li jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu fih, jirriskja li jintbagħat lejn pajjiż terz sigur, mingħajr ma l-applikazzjoni tiegħu tkun is-suġġett ta’ eżami fil-mertu.

5.      X’jiġri għalhekk mill-applikant li jitlaq mill-Istat Membru li jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu fih biex imur, f’kundizzjonijiet illegali, fi Stat Membru ieħor? X’inhi l-proċedura li għandha tiġi segwita meta l-persuna kkonċernata mbagħad tittieħed lura mill-ewwel Stat Membru? B’hekk, l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III, li skontu “l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha [għandu] jitkompla”, jipprekludi ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli, u jipprekludi t-tneħħija immedjata tal-persuna kkonċernata lejn pajjiż terz sigur?

6.      Dawn huma d-domandi fundamentali li jinsabu fil-qalba tad-dibattiti f’din il-kawża. Din hija s-suġġett tal-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, peress li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jinsab f’detenzjoni fl-Ungerija.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Dublin III

7.      Skont l-Artikolu 2(d) tal-imsemmi regolament, “[…] ‘eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2011/95/UE [(3)] u d-Direttiva 2013/32/UE [(4)] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-Regolament”.

8.      Skont l-Artikolu 2(e) tal-imsemmi regolament, “[…] ‘irtirar ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser azzjonijiet li bihom l-applikant itemm il-proċeduri mibdijin bis-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, skont id-Direttiva 2013/32/UE jew b’mod espliċitu jew taċitu”.

9.      L-Artikolu 3 tar-Regolament Dublin III, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz […]. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.      Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi ttrasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

3.      Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt, li jibgħat applikant lejn pajjiż terz sikur, soġġett għar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti mid-Direttiva 2013/32/UE.”

10.    Skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament “[l]-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabiliti f’dan il-Kapitlu [(5)] għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha għand Stat Membru”.

11.    Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, “[f]ejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali […] li applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini [fruntiera] għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dik ir-responsabbilità għandha tieqaf 12‑il xahar wara d-data li fiha l-qsim irregolari tal-konfini jkun seħħ”.

12.    L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali” jiddisponi:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

L- Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. […]”

13.    Skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru responsabbli”:

“1.      L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[…]


(c)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

[…]

2.      […].

F’każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(c), meta l-Istat Membru responsabbli ma kienx kompla bl-eżami ta’ applikazzjoni minħabba l-irtirar tagħha mill-applikant qabel ma ttieħdet deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-sustanza [fil-mertu], dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni sussegwenti kif previst fid-Direttiva 2013/32/UE. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitlesta l-eżami tal-applikazzjoni.

[…]”

2.      Id-Direttiva 2013/32

14.    L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Proċedura f’każ ta’ rtirar impliċitu jew ta’ abbandun tal-applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.      […]

L-Istati Membri jistgħu jassumu li l-applikant ikun impliċitament irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha għall- protezzjoni internazzjonali partikolarment meta jiġi aċċertat li:

[…]

(b)      huwa/hija jkun/tkun ħarab/ħarbet jew telaq/telqet mingħajr awtorizzazzjoni mill-post fejn huwa/hija kien/kienet jgħix/tgħix jew fejn kien/kienet miżmum/miżmuma, mingħajr ma kkuntattja/kkuntattjat l-awtorità kompetenti fi żmien raġonevoli […]

2.      Istati Membri għandhom jiżguraw li applikant li jerġa’ jirrapporta lill-awtorità kompetenti wara li tittieħed deċiżjoni ta’ twaqqif kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ikollu d-dritt li jitlob li jerġa’ jinfetaħ il-każ tiegħu jew li jippreżenta applikazzjoni ġdida li ma għandhiex tkun suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 40 u 41.

[…]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali persuna ma tiġix espulsa [imneħħija] kuntrarjament għall-prinċipju ta’ non-refoulement.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtorità determinanti terġa’ taqbad l-eżami mill-istadju fejn kien twaqqaf.

3.      Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament [Dublin III].”

15.    L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, tat-Taqsima II tal-Kapitolu III, jiddisponi:

“1.      Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[…]

(c)      pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu [sigur] għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

[…]”

16.    Skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu [sigur]”:

“1.      L-Istati Membi jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu [sigur] biss fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali tiġi trattata skont il-prinċipji li ġejjin fil-pajjiż terz kkonċernat:

(a)      il-ħajja u l-libertà ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f’xi grupp soċjali jew l-opinjoni politika;

(b)      ma hemmx riskju ta’ ħsara serja kif definit fid-Direttiva 2011/95/UE;

(c)      jiġi rispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra;

(d)      tkun rispettata l-projbizzjoni tal-espulsjoni [tneħħija] ta’ persuna, bi ksur tad-dritt tal-libertà mit-tortura u minn trattament krudili, inuman jew degradanti kif stabbilit fid-dritt internazzjonali; kif ukoll

(e)      tkun teżisti l-possibbiltà li ssir talba għall-istatus ta’ rifuġjat u, jekk jinstab li l-persuna konċernata tkun rifuġjat, li din tirċievi protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

2.      L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:

(a)      regoli li jirrikjedu konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli li dik il-persuna tmur f’dak il-pajjiż;

(b)      regoli dwar il-metodoloġija li biha l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ruħhom li l-kunċett tal-pajjiz terz bla periklu jista’ jiġi applikat għal xi pajjiż partikolari jew għal xi applikant partikolari. Tali metodoloġija għandha tinkludi l-konsiderazzjoni, każ b’każ, tas-sigurtà tal-pajjiż għal applikant partikolari u/jew l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi kkunsidrati bħala ġeneralment bla periklu;

(c)      regoli konformi mad-dritt internazzjonali, li jippermettu eżami individwali li jiddetermina jekk pajjiż terz konċernat huwiex bla periklu għal applikant partikolari u li, bħala minimu, għandu jippermetti lill-applikant jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu fuq il-bażi li l-pajjiż terz huwa ta’ periklu fiċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. L-applikant għandu jkun permess li jikkontesta l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu u l-pajjiż terz skont il-punt (a).

3.      Meta jimplementaw deċiżjoni bbażata biss fuq dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom:

(a)      jinformaw lill-applikant dwar dan; kif ukoll

(b)      jipprovdulu/jipprovdulha dokument li jinforma lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz, fl-ilsien ta’ dak il-pajjiż, li l-applikazzjoni ma kinetx eżaminata fis-sustanza [fil-mertu] tagħha.

[…]

5.      L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni perjodikament dwar il-pajjiżi li għalihom jiġi applikat dan il-kunċett konformement mad-dispożizzjonijet ta’ dan l-Artikolu.”

17.    L-Artikolu 39 tad-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ pajjiż terz Ewropew bla periklu [sigur]”, jiddisponi:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jipprovdi li ma jsirx eżami jew li ma jsirx eżami sħiħ tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u tas-sigurtà tal-applikant fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu kif deskritt fil-Kapitolu II f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti tkun stabbilixxiet, abbażi tal-fatti, li l-applikant ikun qiegħed ifittex li jidħol jew daħal illegalment fit-territorju tiegħu minn pajjiż terz bla periklu [sigur] skont il-paragrafu 2.

2.      Pajjiż terz jista’ jkun ikkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu biss għall-finijet tal-paragrafu 1 fejn:

(a)      ikun irratifika u josserva d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra mingħajr limitazzjonijiet ġeografiċi;

(b)      daħħal fis-seħħ proċedura ta’ asil preskritta mil-liġi; kif ukoll

(c)      ikun irratifika l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u josserva d-dispożizzjonijiet tagħha, inklużi l-istandards relatati ma’ rimedji effettivi.

3.      L-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz Ewropew bla periklu fuq il-bażi li l-pajjiż terz ikkonċernat mhuwiex sikur fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu.

4.      L-Istati Membri konċernati għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali l-modalitajiet għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 u l-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet skont dawk id-dispożizzjonijiet konformement mal-prinċipju ta’ non-refoulement, inklużi dispożizzjonijiet għal eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għal raġunijiet umanitarji jew politiċi jew għal raġunijiet tad-dritt internazzjonali pubbliku.

[...]”

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

1.      Il-liġi Ungeriża dwar id-dritt għall-ażil

18.    Skont l-Artikolu 51(2)(e) tal-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-dritt għall-ażil (a menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dritt għall-ażil”), “[l]-applikazzjoni [għall-ażil] tkun inammissibbli jekk, fir-rigward tal-applikant, jeżisti pajjiż terz li jista’ jitqies bħala pajjiż terz sigur fir-rigward tiegħu”.

19.    Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, “[l]-applikazzjoni ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2(e) iktar ’il fuq ħlief jekk l-applikant

(a)      għex f’pajjiż terz sigur u kellu l-possibbiltà li japplika għal protezzjoni effikaċi f’dan il-pajjiż […];

(b)      għadda mit-territorju ta’ pajjiż bħal dan u kellu l-possibbiltà, fil-pajjiż inkwistjoni, li japplika għal protezzjoni effikaċi […]”

20.    Skont l-Artikolu 53 ta’ din il-liġi “[l]-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tiċħad l-applikazzjoni permezz ta’ digriet jekk din tiddeċiedi li teżisti waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 51(2)”.

2.      Id-digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015

21.    Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Governattiv 191/2015 (VII.21.) dwar id-determinazzjoni, fil-livell nazzjonali, ta’ pajjiżi ta’ oriġini kklassifikati bħala siguri u ta’ pajjiżi terzi siguri [191/2015. (VII. 21.) Kormányrendelet a nemzeti szinten biztonságosnak nyilvánított származási országok és biztonságos harmadik országok meghatározásáról, iktar ’il quddiem id-“digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015”]:

“Huma meqjusu bħala pajjiżi terzi siguri […] l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Istati kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea – minbarra t-Turkija –, l-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Istati tal-Istati Uniti tal-Amerka li ma japplikawx il-piena tal-mewt, kif ukoll:

1.       l-Isvizzera,

2.       il-Bosnja-Ħerzegovina,

3.       il-Kosovo,

4.      il-Kanada,

5.       l-Awstralja,

6.       in-New Zealand.”

22.    F’dan ir-rigward, infakkar li fid-19 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika tas-Serbja ppreżentat applikazzjoni għall-adeżjoni formali lill-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tat opinjoni pożittiva fit-12 ta’ Ottubru 2011 u rrakkomandat li s-Serbja tingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat. Imbagħad, fi Frar 2012, il-Kunsill ġie mistieden jieħu deċiżjoni dwar l-għoti lis-Serbja tal-istatus ta’ pajjiż kandidat, deċiżjoni li ġiet ikkonfermata mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2012 (6).

23.    L-Artikolu 3(2) tad-digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015 jiddisponi:

“Jekk applikant għall-ażil ikun għex fit-territorju ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi kklassifikati bħala siguri skont il-lista tal-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi terzi siguri jew l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, jew jekk ikun għadda mit-territorju ta’ wieħed minn dawn il-pajjiżi, huwa jista’ juri, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil prevista fil-liġi dwar id-dritt għall-ażil, li, fil-każ partikolari tiegħu, huwa ma kellux il-possibbiltà li f’dan il-pajjiż jikseb protezzjoni effettiva fis-sens tal-Artikolu 2(i) tal-liġi dwar id-dritt għall-ażil.”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24.    Fis-7 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li huwa ċittadin Pakistani, ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija, wara li kien daħal illegalment fit-territorju Ungeriż mis-Serbja f’Awwissu 2015.

25.    Matul il-proċedura nazzjonali, huwa telaq lejn post mhux magħruf. Għalhekk, l-awtorità nazzjonali responsabbli mill-fajl tiegħu, mingħajr ma l-ewwel ċaħdet l-applikazzjoni tiegħu bħala inammissibbli, għalqet l-eżami tal-applikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2015.

26.    Sussegwentement, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali nstab fir-Repubblika Ċeka fi triqtu lejn l-Awstrija. L-awtoritajiet Ċeki talbu lill-Ungerija tieħu lura lill-persuna kkonċernata, talba li l-Ungerija laqgħet, konformement mal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Dublin III.

27.    Skont il-qorti tar-rinviju, mill-atti proċedurali ma jirriżultax li l-awtoritajiet Ċeki kienu ġew informati li fl-Ungerija, l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali seta’ jwassal, fid-dawl tal-lista tal-pajjiżi terzi siguri stabbiliti permezz ta’ digriet, sabiex il-persuna kkonċernata tintbagħat lejn is-Serbja, mingħajr ma jsir eżami tal-applikazzjoni tagħha fir-rigward tal-mertu.

28.    Wara li ttieħed lura mill-Ungerija, fit-2 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta t-tieni applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija. Din l-applikazzjoni kienet is-suġġett ta’ tieni proċedura li matulha l-persuna kkonċernata tqiegħdet f’detenzjoni.

29.    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali nstema’ fil-kuntest ta’ din it-tieni proċedura fit-2 ta’ Novembru 2015. Matul din l-intervista, huwa ġie informat bil-fatt li l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali setgħet tiġi miċħuda bħala inammissibbli, sakemm ma setax jagħti prova, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, li s-Serbja ma hijiex pajjiż terz sigur fil-konfront tiegħu. Għalkemm il-persuna kkonċernata fir-risposta tagħha sostniet li ma kinitx sigura fis-Serbja, l-awtoritajiet Ungeriżi, peress li ma kinux konvinti mill-provi prodotti f’dan ir-rigward, ċaħdu l-applikazzjoni tagħha bħala inammissibbli. Fid-deċiżjoni tagħhom, dawn ordnaw ukoll ir-ritorn u t-tneħħija tal-persuna kkonċernata.

30.    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li permezz tiegħu sostna li huwa ma xtaqx li jintbagħat lura s-Serbja fejn huwa ma jkunx sigur.

31.    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li titlob l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3(3) tar-Regolament [Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li

a)      l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jibagħtu applikant lejn pajjiż terz li huwa sigur biss qabel ma jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli jew jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt ukoll wara li jiddeterminaw dan?

b)      Ir-risposta għad-domanda preċedenti hija differenti jekk l-Istat Membru jistabbilixxi li huwa l-Istat responsabbli mhux fiż-żmien meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-ewwel darba quddiem l-awtoritajiet tiegħu skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Dublin III u l-Kapitolu III tal-imsemmi regolament iżda meta jirċievi l-applikant minn Stat Membru ieħor wara trasferiment jew talba għal teħid lura skont il-Kapitoli V u VI tar-Regolament Dublin III?

2)      Jekk, abbażi tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għall-ewwel domanda, id-dritt li applikant jintbagħat lejn pajjiż terz li huwa sigur jista’ jiġi eżerċitat ukoll wara trasferiment imwettaq skont il-proċedura Dublin:

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt ukoll jekk, matul il-proċedura Dublin, l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment ma jkunx ġie informat bir-regoli nazzjonali rilevanti li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jew bil-prassi applikata mill-awtoritajiet nazzjonali?

3)      L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III jista’ jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ applikant li ttieħed lura skont l-Artikolu 18[(1)](ċ) ta’ dan ir-regolament, il-proċedura għandha titkompla fl-istadju fejn ġiet interrotta matul il-proċedura preċedenti?”

32.    Fir-rigward tal-urġenza, il-qorti tar-rinviju tinnota li, meta jitqies it-tul normali ta’ proċedura ordinarja għal deċiżjoni preliminari, hemm riskju reali, fil-każ ta’ tali proċedura, li din ma tkunx tista’ twassal għall-konklużjoni tal-proċedura nazzjonali, b’mod speċjali peress li, ladarba jinħeles, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun jista’ jerġa’ jitlaq mill-ġdid lejn post mhux magħruf.

33.    Wara l-laqgħa amministrattiva tal-11 ta’ Jannar 2016, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tissuġġetta din il-kawża għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura.

IV – L-evalwazzjoni tad-domandi preliminari

A –    Fir-rigward tal-ewwel domanda

34.    L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III.

35.    Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar jekk il-fatt li Stat Membru jkun inħatar bħala responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (domanda sekondarja a), jew li saħansitra jkun irrikonoxxa r-responsabbiltà tiegħu fil-kuntest tal-Artikolu 18 u jkun ħa lura lill-applikant (domanda sekondarja b), jostakolax lil dan l-Istat Membru milli sussegwentement jibgħat lill-applikant lejn pajjiż terz sigur, konformement mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III.

36.    B’mod preliminari, infakkar li r-responsabbiltà tal-Ungerija fir-rigward tal-applikant tirriżulta minn rikonoxximent tar-responsabbiltà meta l-persuna kkonċernata ttieħdet lura, iżda li din ir-responsabbiltà setgħet tiġi aċċettata anki fin-nuqqas ta’ rikonoxximent ċar, kemm bl-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, billi l-applikant qasam illegalment il-fruntiera Ungeriża mis-Serbja, kif ukoll konformement mal-Artikolu 3(2) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq, peress li l-Ungerija kienet l-ewwel Stat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

37.    Ladarba sar dan il-kumment preliminari, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda magħmula tirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III. Skont din id-dispożizzjoni, “[k]ull Stat Membru għandu jżomm id-dritt, li jibgħat applikant lejn pajjiż terz sikur, soġġett għar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti mid-Direttiva 2013/32/UE”.

38.    Bħalma l-Gvern Ġermaniż enfasizza ġustament matul is-seduta, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju taż-żamma tad-dritt ta’ tneħħija, mingħajr ma tipprevedi ebda limitu fiż-żmien. Għalhekk ma hemm xejn li jippermetti li wieħed jaħseb li d-dritt għat-tneħħija tal-persuna kkonċernata għandu jintemm wara li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli.

39.    Barra minn hekk, jekk “[k]ull Stat Membru”, inkluż għalhekk Stat li ma jkunx intiż li jkun l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Dublin III (7), jingħata d-dritt “li jibgħat applikant lejn pajjiż terz sikur”, ikun minn tal-inqas stramb li l-Istati Membri li jkunu effettivament responsabbli mill-eżami tal-fajl jiċċaħħdu minn din il-possibbiltà.

40.    Lanqas l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 ma jipprekludi dan il-qari tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament “Dublin III”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 ma jipprevedix limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mir-Regolament Dublin III.

41.    L-iktar l-iktar, wieħed jista’ jqajjem il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jiċċaħħad mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III jekk, minflok ma jagħmel użu minnha sa mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni inizjali għall-protezzjoni internazzjonali, dan iniedi eżami fil-mertu tal-applikazzjoni u jinvoka l-possibbiltà ta’ tneħħija biss fi stadju ulterjuri tal-proċedura. Ċerti awturi fil-fatt jidhru li jipprevedu r-revoka tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3 f’tali ċirkustanzi, billi jargumentaw dwar l-aspettattivi leġittimi tal-applikant wara l-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni tiegħu (8).

42.    F’dan il-każ, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, tali kunsiderazzjonijiet madankollu ma humiex xierqa. Minn naħa, l-applikant innifsu ma weriex bona fide meta telaq mill-Ungerija qabel ma ntemmet il-proċedura tiegħu. L-aġir tiegħu ftit li xejn huwa kompatibbli mal-kunċett tal-aspettattivi leġittimi. Min-naħa l-oħra, peress li t-tluq antiċipat lejn Stat Membru ieħor iwassal għall-irtirar tal-applikazzjoni, konformement mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2013/32, dispożizzjoni li l-liġi nazzjonali hija f’armonija magħha, u peress li l-awtoritajiet Ungeriżi konsegwentement ikklassifikaw il-fajl tal-applikant, it-tieni applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, ippreżentata wara r-ritorn tiegħu fl-Ungerija, ħolqot fajl separat li l-eżami tiegħu ma huwa affettwat bl-ebda mod mill-proċedura preċedenti.

43.    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li Stat Membru ġie ddeterminat bħala l-Istat “responsabbli” mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ma jistax jipprekludi li l-imsemmi Stat Membru mbagħad jibgħat lill-applikant lejn pajjiż terz sigur, konformement mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III.

44.    Din il-konstatazzjoni fi kwalunkwe każ tapplika għall-applikant onest li qatt ma telaq mit-territorju tal-ewwel Stat Membru li ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu fih.

45.    Is-sitwazzjoni madankollu tista’ tidher f’dawl differenti jekk l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jittieħed lura, wara tluq mhux awtorizzat, mill-ewwel Stat Membru skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Dublin III. Dan l-Istat għalhekk huwa marbut, konformement mal-Artikolu 18(2) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq, ilesti l-eżami tal-fajl tiegħu. Din hija s-sitwazzjoni prevista mit-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari.

46.    Jidher li l-qorti tar-rinviju tqis li mill-Artikolu 18 jista’ jirriżulta obbligu fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli li jwettaq analiżi fil-mertu tal-fajl tal-applikant meħud lura. Tali obbligu jkun jipprekludi ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu bħala inammissibbli u t-tneħħija tal-applikant mingħajr eżami fil-mertu tal-applikazzjoni tiegħu, konformement mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III.

47.    Dan il-qari kkombinat tal-Artikoli 3 u 18 tar-Regolament Dublin III madankollu ma huwiex meħtieġ.

48.    Minn naħa, l-Artikolu 18(2)(2) tal-imsemmi regolament ma jiddeċidix dwar id-dritt li l-applikant jintbagħat lejn pajjiż terz. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tenfasizza biss il-prinċipju li jgħid li l-eżami ta’ proċedura ppreżentata fl-ewwel Stat Membru (9) għandu “jitlesta”, iżda mingħajr ma tipprekludi t-teħid lura tal-persuna kkonċernata lejn pajjiż terz u mingħajr ma tirrikjedi eżami tal-mertu tal-applikazzjoni tagħha għall-protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt għall-kuntrarju, jidher normali li jitqies li l-eżami ta’ applikazzjoni inammissibbli jkun assolutament “[komplut]”, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III, ladarba tali applikazzjoni tiġi miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr ma ssir analiżi fil-mertu.

49.    Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li fihom applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli ma humiex previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III, iżda fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. Skont din id-dispożizzjoni, fil-punt (c), applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli meta “pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu [sigur] għall-applikant, taħt l-Artikolu 38”. Bl-istess mod, l-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-Istat Membru responsabbli ma jwettaqx “eżami sħiħ” tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, meta jiġi stabbilit li “l-applikant ikun […] daħal illegalment fit-territorju tiegħu minn pajjiż terz [Ewropew] bla periklu [sigur]”.

50.    Konsegwentement, ma huwiex meħtieġ eżami fil-mertu tal-applikazzjoni fil-każ fejn jiġu ssodisfatti jew il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 33 tad-direttiva, jew il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 39 ta’ din l-istess direttiva.

51.    Għandhom isiru l-kummenti segwenti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

52.    L-ewwel nett, il-fatt jekk Stat Membru responsabbli huwiex marbut iwettaq eżami sħiħ tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li tkun ġiet ippreżentata lilu la għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-liġi nazzjonali u lanqas fid‑dawl tal-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III, iżda fir-rigward tad-Direttiva 2013/32.

53.    Imbagħad, fir-rigward tal-Artikolu 33(2)(c) tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni u tippermetti lill-Ungerija tiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli biss bil-kundizzjoni li s-Serbja tkun tista’ titqies li hija “pajjiż terz bla periklu [sigur]” fis-sens tal-Artikolu 38 tal-imsemmija direttiva. Għall-finijiet utli kollha nfakkar li l-klassifikazzjoni tas-Serbja bħala pajjiż terz sigur li tinsab fil-liġi nazzjonali ma tistax teħles lill-qorti adita bil-kawża milli twettaq l-analiżi proprja tagħha, sabiex tkun “[issodisfatta] li persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali tiġi trattata skont il-prinċipji [elenkati fl-Artikolu 38 tad-direttiva] fil-pajjiż terz kkonċernat”, f’dan il-każ is-Serbja.

54.    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi nnotat li dan it-test jipprevedi sistema ssemplifikata għaċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet ta’ applikanti minn pajjiżi terzi Ewropej siguri meta dawn l-applikanti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ikunu daħlu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

55.    Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprevedi tliet kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv sabiex is-Serbja tkun tista’ taqa’ taħt il-kategorija ta’ pajjiżi terzi Ewropej siguri: l-ewwel nett, din għandha tkun irratifikat il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra mingħajr l-ebda limitazzjoni ġeografika u tkun osservat id-dispożizzjonijiet tagħha; it-tieni nett, din għandu jkollha proċedura tal-ażil prevista mil-liġi; u t-tielet nett, din għandha tkun irratifikat il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u tkun osservat id-dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari l-istandards dwar ir-rimedji effettivi.

56.    Huwa biss jekk jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi li l-Ungerija tista’, minn naħa, tinvoka l-Artikolu 39 tad-Direttiva biex tirrinunzja għal eżami komplut tal-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, tikkunsidra li tibgħat lill-applikant lejn is-Serbja skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III. Sa fejn l-Artikolu 2 tad-digriet governattiv ma fihx informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward, hija l-qorti adita bil-kawża li għandha tivverifika minn qabel jekk ġewx issodisfatti t-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-każ tas-Serbja.

57.    Jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 33 jew tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2013/32, l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III ma jipprekludix iċ-ċaħda tal-applikazzjoni u t-teħid lura tal-persuna kkonċernata lejn pajjiż terz sigur fis-sens tad-direttiva.

58.    Kull qari ieħor tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, u b’mod partikolari dak li jkun jikkonsisti fl-istabbiliment tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III bħala prinċipju assolut tal-eżami fil-mertu tal‑applikazzjoni, kulma jagħmel huwa li jiffavorixxi b’mod mhux dovut l-ipproċessar tal-fajl tal-applikant li ħarab u jaqa’ taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III, meta mqabbel ma’ applikant onest li l-Artikolu 18 ma jistax japplika għalih.

59.    Agħar minn hekk, kieku l-Artikolu 18 effettivament kellu l-effett li jiggarantixxi trattament favorevoli lill-applikant meħud lura, din id-dispożizzjoni tħeġġeġ lill-applikanti kollha jaħarbu lejn Stat Membru ieħor, sempliċement bl-iskop li jevitaw ċaħda tal-applikazzjoni tagħhom bħala inammissibbli u li jevitaw ordnijiet immedjati ta’ tneħħija.

60.    Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li l-fatt li Stat Membru jkun ġie ddeterminat bħala l-Istat “responsabbli” mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, minkejja li jkun irrikonoxxa r-responsabbiltà tiegħu fil-kuntest tal-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III u minkejja li jkun ħa lura lill-applikant, ma jistax jipprekludi lil dan l-Istat Membru milli sussegwentement jibgħat lill-applikant lejn pajjiż terz sigur, konformement mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III, meta l-kundizzjonijiet previsti fid-Direttiva 2013/32 ikunu ssodisfatti.

B –    Fir-rigward tat-tieni domanda

61.    Fil-każ fejn Stat Membru, fil-prinċipju, jibqa’ liberu li jeżerċita d-dritt li jibgħat applikant lejn pajjiż terz sigur wara li jieħu lura lil dan l-applikant minn Stat Membru ieħor, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta jitqies l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III u d-dritt tal-applikant għal azzjoni ġudizzjarja effettiva, huwiex possibbli li l-applikant jintbagħat lura lejn pajjiż terz sigur minkejja li l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment ma jkunx ġie informat, matul il-proċedura ta’ teħid lura, dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli meta applikant jintbagħat lejn pajjiżi terzi siguri u l-prassi applikata mill-awtoritajiet kompetenti f’dan il-qasam.

62.    Għandhom isiru tliet kummenti dwar din id-domanda.

63.    L-ewwel nett, in-nuqqas ta’ informazzjoni fl-Istat Membru rikjedenti, li huwa l-Istat li l-applikant ħarab lejh, dwar il-prassi ulterjuri tal-Istat mitlub, f’dan il-każ l-Ungerija, ma jistax jinfluwenza l-legalità tal-proċeduri li għandhom jiġu implementati fl-Istat mitlub.

64.    Il-proċedura ta’ trasferiment (li tirriżulta mill-Istat rikjedenti) u l-proċedura relatata mal-eżami tal-applikazzjoni (fl-Istat mitlub) huma żewġ proċeduri distinti, li kull waħda minnhom tosserva r-regoli proprji tagħha. Għalkemm dawn għandhom jiggarantixxu azzjoni ġudizzjarja effettiva lill-persuna kkonċernata, il-garanziji li għandhom jiġu applikati favur l-applikant mat-trasferiment tiegħu huma deskritti fl-Artikoli 26 et seq tar-Regolament Dublin III u ma jinkludux garanziji partikolari fir-rigward tal-prassi tal-Istat mitlub.

65.    Sussegwentement, għalkemm l-Artikolu 38(5) tad-Direttiva 2013/32 jeżiġi li “[l]-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni perjodikament dwar il-pajjiżi [terzi siguri] li għalihom jiġi applikat dan il-kunċett”, ma huwiex previst obbligu simili favur l-Istati Membri (10).

66.    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 18(2)(2) in fine tar-Regolament Dublin III jiddisponi li l-eżami tal-applikazzjoni għandu jitlesta fl-Istat mitlub. Għalkemm dan il-prinċipju jeskludi l-okkorrenza ta’ xi żvantaġġ għad-detriment tal-applikant, dan tal-aħħar madankollu ma jistax jistenna status iktar favorevoli minn dak li kien ingħata qabel ma ħarab. F’termini sempliċi, l-applikant ma jistax jeċċepixxi nuqqas ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat rikjedenti, li huwa jkun daħal fih f’kundizzjonijiet illegali, biex jevita l-applikazzjoni tal-prassi komunement aċċettata fl-Istat mitlub, li huwa l-Istat responsabbli fis-sens tar-Regolament Dublin III.

67.    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa possibbli li l-applikant jintbagħat lejn pajjiż terz sigur minkejja li l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment ma jkunx ġie informat, matul il-proċedura ta’ teħid lura, dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli meta l-applikanti jintbagħtu lejn pajjiżi terzi siguri u lanqas dwar il-prassi applikata mill-awtoritajiet kompetenti f’dan il-qasam.

C –    Fuq it-tielet domanda

68.    Fil-każ li l-Istat Membru responsabbli jibqa’ liberu li jeżerċita d-dritt li jibgħat applikant lejn pajjiż terz sigur wara t-teħid lura tal-applikant, tqum id-domanda dwar jekk l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III jistax jiġi interpretat fis-sens li l-proċedura għandha titkompla fl-istadju fejn ġiet interrotta matul l-eżami tal-ewwel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata fl-Istat Membru responsabbli.

69.    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi enfasizzat, minn naħa, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III ma jeħtieġx li l-Istati Membri jkomplu bl-eżami tal-applikazzjoni fl-istadju li fih kien ġie interrott. Skont dan l-artikolu, huwa permess li l-awtoritajiet kompetenti jew ikomplu l-eżami tal-applikazzjoni inizjali, li titqies li ġiet irtirata, jew jippermettu lill-applikant jippreżenta applikazzjoni ġdida.

70.    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 28(2)(4) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi espressament li l-“Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtorità […] terġa’ taqbad l-eżami mill-istadju fejn kien twaqqaf”, u b’hekk tħallihom f’libertà sħiħa biex jipprevedu t-tkomplija tal-eżami fl-istadju inkwistjoni, jew biex iniedu mill-ġdid il-proċedura mill-bidu.

71.    Għalhekk it-tielet domanda għandha tingħata risposta fis-sens li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III ma jeħtieġx li l-Istati Membri jkomplu bl-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-istadju li fih kien ġie interrott.

V –    Konklużjoni

72.    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari kif ġej:

Il-fatt li Stat Membru jkun ġie ddeterminat bħala l-Istat “responsabbli” mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, minkejja li jkun irrikonoxxa r-responsabbiltà tiegħu fil-kuntest tal-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III u jkun ħa lura lill-applikant, ma jistax jostakola li dan l-Istat Membru sussegwentement jibgħat lill-applikant lejn pajjiż terz sigur, konformement mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III, meta l-kundizzjonijiet previsti fid-Direttiva 2013/32 ikunu ssodisfatti.

Huwa possibbli li l-applikant jintbagħat lejn pajjiż terz sigur minkejja li l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment ma jkunx ġie informat, matul il-proċedura ta’ teħid lura, dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli meta l-applikanti jintbagħtu lura lejn pajjiżi terzi siguri u lanqas dwar il-prassi applikata mill-awtoritajiet kompetenti f’dan il-qasam.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III ma jeħtieġx li l-Istati Membri jkomplu l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-istadju li fih kien ġie interrott.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 180, p. 31).


3 –      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9).


4 –      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60).


5 –      Dan huwa l-Kapitolu III, intitolat “Il-kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”.


6 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-“konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew” tal-1 u tat-2 ta’ Marzu 2012, EUCO 4/3/12, punt 39.


7–      Fil-punti 24 sa 26 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jidher li l-Kummissjoni tixtieq tqis li l-implementazzjoni tal-Artikolu 3(3) minn Stat Membru tippresupponi li dan ikun irrikonoxxa li huwa l-Istat responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni. Ara wkoll il-punt 52 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.


8 –      Filzwieser, Ch./Sprung, A., Dublin III-Verordnung, Wien/Graz 2014, p. 103, K 24.


9 –      Skont din id-dispożizzjoni, huwa mixtieq li l-Istat Membru kkonċernat jew ikompli bl-eżami tal-applikazzjoni inizjali, li jkun ġie interrott wara t-tluq tal-persuna kkonċernata li jkun wassal għall-irtirar impliċitu skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2013/32, jew li jippermettilha tippreżenta applikazzjoni ġdida.


10 –      Ara, f’dan is-sens, il-punt 27 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Ungerija.