Language of document : ECLI:EU:C:2013:404

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Akkordji — Artikolu 101 TFUE — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikoli 5 u 23(2) — Kundizzjonijiet suġġettivi ta’ impożizzjoni ta’ multa — Impatt ta’ parir legali jew ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni — Fakoltà ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tikkonstata l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma timponi multa”

Fil-Kawża C‑681/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ Deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2011, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2011, fil-proċeduri

Bundeswettbewerbsbehörde,

Bundeskartellanwalt

vs

Schenker & Co. AG,

ABX Logistics (Austria) GmbH,

Alpentrans Spedition und Transport GmbH,

Logwin Invest Austria GmbH,

DHL Express (Austria) GmbH,

G. Englmayer Spedition GmbH,

Express-Interfracht Internationale Spedition GmbH,

A. Ferstl Speditionsgesellschaft mbH,

Spedition, Lagerei und Beförderung von Gütern mit Kraftfahrzeugen Alois Herbst GmbH & Co. KG,

Johann Huber Spedition und Transportgesellschaft mbH,

Kapeller Internationale Spedition GmbH,

Keimelmayr Speditions- u. Transport GmbH,

Koch Spedition GmbH,

Maximilian Schludermann, fil-kwalità ta’ stralċjarju ta’ Kubicargo Speditions GmbH,

Kühne + Nagel GmbH,

Lagermax Internationale Spedition Gesellschaft mbH,

Morawa Transport GmbH,

Johann Ogris Internationale Transport- und Speditions GmbH,

Logwin Road + Rail Austria GmbH,

Internationale Spedition Schneckenreither Gesellschaft mbH,

Leopold Schöffl GmbH & Co. KG,

“Spedpack”-Speditions- und Verpackungsgesellschaft mbH,

Johann Strauss GmbH,

Thomas Spedition GmbH,

Traussnig Spedition GmbH,

Treu SpeditionsgesmbH,

Spedition Anton Wagner GmbH,

Gebrüder Weiss GmbH,

Wildenhofer Spedition und Transport GmbH,

Marehard u. Wuger Internat. Speditions- u. Logistik GmbH,

Rail Cargo Austria AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi‑president, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič u M. Berger, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász (Relatur), U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot, J.-J. Kasel, M. Safjan, D. Šváby u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Bundeswettbewerbsbehörde, minn MM. T. Thanner u K. Frewein kif ukoll minn N. Harsdorf Enderndorf, bħala aġenti,

–        għal Bundeskartellanwalt, minn A. Mair, bħala aġent,

–        għal Schenker & Co. AG, minn A. Reidlinger u F. Stenitzer, Avukati,

–        għal ABX Logistics (Austria) GmbH, Logwin Invest Austria GmbH u Logwin Road + Rail Austria GmbH, minn A. Ablasser‑Neuhuber u G. Fussenegger, Avukati,

–        għal Alpentrans Spedition und Transport GmbH, Kapeller Internationale Spedition GmbH, Johann Strauss GmbH u Wildenhofer Spedition und Transport GmbH, minn N. Gugerbauer, Avukat,

–        għal DHL Express (Austria) GmbH, minn F. Urlesberger, Avukat,

–        għal G. Englmayer Spedition GmbH, Internationale Spedition Schneckenreither Gesellschaft mbH u Leopold Schöffl GmbH & Co. KG, minn M. Stempkowski u M. Oder, Avukati,

–        għal Express-Interfracht Internationale Spedition GmbH, minn D. Thalhammer, Avukat,

–        għal Kühne + Nagel GmbH, minn M. Fellner, Avukat,

–        għal Lagermax Internationale Spedition Gesellschaft mbH, minn K. Wessely, Avukat,

–        għal Johann Ogris Internationale Transport- und Speditions GmbH u Traussnig Spedition GmbH, minn M. Eckel, Avukat,

–        għal Gebrüder Weiss GmbH, minn I. Hartung, Avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. von Lingen, M. Kellerbauer u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundeswettbewerbsbehörde (Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni) u l-Bundeskartellanwalt (Aġent Federali tal-akkordji) u 31 impriża, fosthom Schenker & Co. AG (iktar ’il quddiem “Schenker”), dwar il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar impriżi kif ukoll tal-kundanna għal multa taħt dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tipprovdi:

“Sabiex jistabbilixxi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tiġix distorta, l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] irridu jiġu applikati effetivament u b’mod uniformi fil-Komunità. […]”

4        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-poteri ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikolu [101 TFUE] u [102 TFUE] f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:

–        jirrikjedu li xi ksur jiġi mitmum,

–        jordnaw miżuri ntermedjarji [provviżorji],

–        jaċċettaw rbit [ħatriet],

–        jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom.”

5        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Is-sejba u t-temm tal-ksur”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu [101 TFUE] jew ta’ l-Artikolu [102 TFUE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. [...] Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.”

6        L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sejba ta’ inapplikabilità”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Fejn l-interess pubbliku tal-Komunità b’relazzjoni għal applikazzjoni ta’ l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] jirrikjedi hekk, il-Kummissjoni, tagixxi fuq l-iniżjattiva tagħha, tista’ b’deċiżjoni issib lill-Artikolu [101 TFUE] mhux applikabli għal xi ftehim, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma, sew għax il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu [101](1) tat-Trattat mhux imwettqa, jew għax il-kondizzjonijiet ta’ l-Artiklu [101](3) tat-Trattat mhux sodisfatt.”

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi hekk:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, jaggixxu fuq l-inizjativa proprju tagħhom, jistgħu jagħtu l-osservazzjonijiet bil-miktub lil qrati nazzjonali ta’ l-Istat Membru tagħhom fuq kwistjonijiet li jirrelataw ma l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [101 TFUE] jew l-Artikolu [102 TFUE]. Bil-permess tal-qorti partikolari, jistgħu jagħtu ukoll l-osservazzjonijiet b’mod orali lil qrati nazzjonali ta’ l-Istat Membru. Fejn l-applikazzjoni koerenti ta’ l-Artikolu [101 TFUE] u l-Artikolu [102 TFUE] jirrikjedi hekk, il-Kummissjoni, tagixxi fuq l-iniżjattiva proprja tagħha, tista tagħti osservazzjonijiet bil-miktub lil qrati ta’ Stati Membri. Bil-permess tal-qorti partikolari, hi tista’ tagħmel ukoll osservazzjonijiet orali.”

8        L-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, meta jwettqu ksur, intenżjonalment jew b’mod negliġenti, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE.

9        Skont l-Artikolu 23(5) tal-istess regolament, “[d]eċiżjonijiet meħuda skond paragrafi 1 u 2 ma humiex ser ikunu ta’ natura tal-liġi kriminali”.

 Id-dritt Awstrijak

10      L-Artikolu 16 tal-liġi tal-1988 dwar l-akkordji (Kartellgesetz 1988, BGBl. 600/1988), fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 1989 sal-31 ta’ Diċembru 2005, jipprovdi:

“L-akkordji ta’ importanza minuri huma akkordji li s-sehem tagħhom mill-provvista, fil-mument meta jidħlu fis-seħħ,

1.      ikun inqas minn 5 % tas-suq nazzjonali kollu u

2.      ikun inqas minn 25 % ta’ suq sussidjarju li jista’ jkun jeżisti fis-suq nazzjonali.”

11      Il-punt 1 tal-Artikolu 18(1) tal-Liġi tal-1988 dwar l-akkordji jipprovdi:

“L-implimentazzjoni ta’ akkordji, anki parzjali, hija pprojbita fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)      sakemm l-awtorizzazzjoni ma hijiex definittivament valida (Artikoli 23 u 26); il-prattiki miftiehma, l-akkordji mhux intenzjonati kif ukoll l-akkordji ta’ importanza żgħira ma humiex esklużi minn din ir-regola, sakemm il-limitu definit fl-Artikolu 16 ma jkunx intlaħaq sussegwentement għall-adeżjoni ta’ impriża”.

12      L-Artikolu 1(1) tal-Liġi tal-2005 dwar l-akkordji (Kartellgesetz 2005, BGBl. I, 61/2005), fis-seħħ minn l-1 ta’ Jannar 2006, jipprovdi:

“Huwa pprojbit kull ftehim bejn impriżi, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi u kull prattiki miftiehma, li għandhom bħala għan jew effett li jwaqqfu, li jirrestrinġu jew ixekklu l-kompetizzjoni (akkordji).”

13      L-Artikolu 2(2), punt 1 tal-Liġi tal-2005 dwar l-akkordji jipprovdi:

“L-akkordji segwenti huma f’kull każ esklużi mill-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 1:

1)      l-akkordji li għalihom jipparteċipaw l-impriżi li l-parti komuni hija iktar baxxa minn 5 % fis-suq nazzjonali kollu u għal 25 % f’eventwali sub-suq lokali li teżisti fis-suq nazzjonali (akkordji ta’ importanza żgħira)”.

14      L-Artikolu 29(1)(a) u (d) tal-Liġi tal-2005 dwar l-akkordji jipprovdi hekk:

“Il-Kartellgericht [qorti fil-qasam tal-akkordji] hija marbuta timponi multi

1)      lil impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq matul is-sena finanzjarja preċedenti, meta, deliberatament jew b’negliġenza,

a)      tikser il-projbizzjoni ta’ akkordji (Artikolu 1), il-projbizzjoni tal-prattiki abbużivi (Artikolu 5), […]

[…]

jew

d)      twettaq ksur għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [101 TFUE] jew [102 TFUE]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu membri tas-Spediteur-Sammelladungs-Konferenz (għaqda ta’ trasportaturi tal-pakketti aggruppati) (iktar ’il quddiem l-“SSK”). L-SSK kienet komunità ta’ interessi li tiġbor fiha parti tal-membri normali taż-Zentralverband der Spediteure (assoċjazzjoni ċentrali tat-trasportaturi) (iktar ’il quddiem iz-“Zentralverband”). Iz-Zentralverband, tammonta għal assoċjazzjoni, li tirrapreżenta l-interessi kollettivi tat-trasportaturi kif ukoll fornituri loġistiċi li għandhom liċenzja tat-trasport.

16      Fit-30 ta’ Mejju 1994, l-SSK ġiet stabbilita fil-forma ta’ soċjetà ċivili, taħt il-kundizzjoni sospensiva tal-awtorizzazzjoni tagħha mill-Kartellgericht. Skont il-punti 1 u 7.1 tal-ftehim qafas tal-SSK, din tal-aħħar kellha bħala għan “li toffri lill-burdnara u lill-konsomaturi finali tariffi iktar vantaġġużi fil-qasam tat-trasport bit-toroq u bit-tren ta’ pakketti aggruppati (fir-rigward tat-tariffi tal-kumpanniji ferrovjarji applikabbli għat-trasport ta’ imnut) u, billi jiġu kkreati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni identiċi, li jiffavorixxu kompetizzjoni leali bejn il-membri tagħha, dan l-għan […] qabel ma jkunu mħaddna, billi josservaw b’mod partikolari l-osservanza tal-liġi Awstrijaka dwar l-akkordji, ta[l-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]”.

17      Fit-28 ta’ Ġunju 1994, ġiet ippreżentata applikazzjoni quddiem il-Kartellgericht sabiex l-SSK tiġi awtorizzata taħt il-forma ta’ akkordju konvenzjonali (“Vereinbarungskartell”). Din l-applikazzjoni kienet tesponi d-dispożizzjonijiet essenzjali tal-imsemmija ftehim qafas u kienet tanalizza s-sitwazzjoni fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u taż-ŻEE. Ġie spjegat li l-SSK kienet tirrigwarda biss l-operazzjonijiet ta’ trasport tal-pakketti aggruppati ġewwa l-Awstrija u li t-trasport bejn l-Awstrija u l-Istati taż-ŻEE ma ġiex affettwat. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li, minħabba ċ-ċokon tas-sehem mis-suq ikkonċernat, jiġifieri inqas minn 2 % tas-suq Awstrijak tat-trasport tal-merkanzija, ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma kienet sinjifikanti, li s-suq ma ngħalaqx u li, barra minn hekk, dan ma kienx miftuħ għall-fornituri barranin. Il-paritätischer Ausschuss für Kartellangelegenheiten (kumitat paritarju għall-akkordji) kkunsidra li l-eżistenza tal-SSK ma kinitx ġustifikata ekonomikament, li wasslet għar-revoka tal-imsemmija applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

18      Permezz ta’ nota tas-6 ta’ Frar 1995, iz-Zentralverband talbet lill-Kartellgericht li tikkonstata li l-SSK kien akkordju minuri (“Bagatellkartell”) fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Liġi tal-1988 dwar l-akkordji u b’hekk seta’ jkun implementat mingħajr awtorizzazzjoni. Il-kostituzzjoni tal-SSK, il-konklużjoni tal-ftehim qafas tagħha, il-mudell tat-tariffi futuri komuni kif ukoll tas-sistema applikabbli għall-klijenti eċċezzjonali ġew komunikati kollha kemm huma f’din in-nota. Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Frar 1996, il-Kartellgericht ikkonstata li l-SSK kien akkordju minuri fis-sens tal-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi. Fin-nuqqas ta’ rikors, dan id-digriet sar res judicata.

19      L-uffiċċju tal-avukati li ntalab jagħti parir mill-Kartellbevollmächtigte (rappreżentant inkarigat mill-akkordji) tal-SSK ukoll ikkunsidra li l-SSK kien jirrapreżenta akkordju minuri. F’ittra tal-11 ta’ Marzu 1996, huwa għadda l-punti li kienu xierqa li jiġu osservati għall-implementazzjoni tal-SSK bħala akkordju minuri. Min-naħa l-oħra, din l-ittra ma ttrattatx il-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dan l-akkordju minuri mad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji.

20      F’dak li jirrigwarda d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2006, il-Liġi tal-2005 dwar l-akkordji, iz-Zentralverband talbet lill-imsemmi uffiċċju tal-avukati jeżamina r-riperkussjonijiet li din il-liġi ġdida kien ikollha fuq l-SSK. Fir-risposta tiegħu tal-15 ta’ Lulju 2005, dan l-istess uffiċċju tal-avukati kkunsidra li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk is-sehem mis-suq tal-SSK kien jaqbeż il-limitu ta’ 5 % tas-suq nazzjonali u, fil-każ fejn dan il-limitu jkun inqabeż, jekk l-akkordji adottati fil-kuntest tal-SSK ma jkunux ikkonċernati mill-projbizzjoni ta’ akkordji. Din ir-risposta ma ttrattatx il-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tal-SSK mad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji.

21      Iz-Zentralverband identifikat, permezz ta’ investigazzjoni li saret permezz tal-posta elettronika, l-ismha tas-suq tal-membri tal-SSK fil-qasam tat-trasport aggruppat tal-pakketti bl-imnut fl-Awstrija għas-snin 2004, 2005 u 2006. Għall-kalkolu tal-ishma differenti tas-suq, hija mxiet mal-prinċipji li jirrigwardaw id-delimitazzjoni tas-suq u mal-kalkolu tal-ishma tas-suq li ġew użati fit-talba għall-konstatazzjoni ppreżentata miz-Zentralverband u d-digriet mogħti fuq dan il-bażi mill-Kartellgericht sussegwentement għall-imsemmija talba. Minn din l-investigazzjoni jirriżulta li l-ishma tas-suq tal-SSK kienu ta’ 3.82 % fl-2005 u ta’ 3.23 % fl-2006. Il-fatt li l-SSK tibqa’ tidher taħt il-livell ta’ 5 % għal dawn is-snin ġiet ikkomunikata għall-inqas lill-membri l-iktar importanti tal-SSK. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa eskluż li, sal-2004 inkluż, il-limitu ta’ 5 % kien inqabeż minħabba adeżjonijiet ġodda.

22      Fil-11 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni sostniet li, lejliet, xi aġenti tagħha kienu wettqu kontrolli mingħajr preavviż fil-bini kummerċjali ta’ diversi fornituri ta’ trasport internazzjonali u li kellha suspetti li l-impriżi kkonċernati setgħu kisru dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jipprojbixxu l-prattiki kummerċjali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

23      Fid-29 ta’ Novembru 2007, id-diskussjonijiet seħħew bejn il-Bord eżekuttiv tal-SSK u l-presidenza taz-Zentralverband kif ukoll ma’ rappreżentant tal-uffiċċju tal-avukati mqabbad bħala konsulent mill-SSK, dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni Awstrijaka u tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropea għall-kollaborazzjoni fi ħdan l-SSK u taz-Zentralverband. Għall-ewwel darba, ġew espressi riżervi fir-rigward tal-legalità tal-istatut tal-akkordju minuri tal-SSK. Ir-riskju tal-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji ġie mqajjem, b’kunsiderazzjoni tad-diffikultajiet li għandhom jiġu kkonstatati jekk ftehimiet jew akkordji huma effettivament ta’ natura li jaffettwaw il-kummerċ interstatali. Il-Bord eżekuttiv tal-SSK b’hekk iddeċieda b’mod unanimu li jxolji immedjatament l-SSK.

24      Fit-18 ta’ Frar 2010, il-Bundeswettbewerbsbehörde talbet lill-Oberlandesgericht Wien, meta kienet qeda tisma’ kawża fil-kwalità ta’ qorti li tiddeċiedi dwar akkordji, li tikkonstata li Schenker kienet kisret b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE, mingħajr madankollu ma kkundannat lil din tal-aħħar għal multa, u li tikkundanna, min-naħa l-oħra, il-konvenuti l-oħra għal multa għall-ksur fl-Artikolu 101 TFUE. Hija sostniet li, mill-1994 sad-29 ta’ Novembru 2007, billi ftehmu dwar it-tariffi tat-trasport nazzjonali ta’ pakketti aggruppati fl-Awstrija, il-konvenuti kienu pparteċipaw għal ksur uniku, kumpless u multiformi għad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni dwar l-akkordji.

25      Il-konvenuti talbu ċ-ċaħda tat-talba tal-Bundeswettbewerbsbehörde u, bl-eċċezzjoni ta’ Schenker, huma kkontestaw b’mod partikolari li wettqu nuqqas, billi sostnew li l-Kartellgericht kienet ikkonstatat li l-SSK kienet akkordju minuri, li dan il-fatt kien magħruf sew u li huma kienu rrikorrew għal konsulenza ta’ uffiċċju tal-avukati affidabbli u b’esperjenza fid-dritt tal-kompetizzjoni. Huma jsostnu li peress li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma kelliex effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

26      Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Frar 2011, l-Oberlandesgericht Wien ċaħdet din it-talba tal-Bundeswettbewerbsbehörde.

27      L-Oberlandesgericht Wien immotivat iċ-ċaħda tal-imsemmija talba billi kkunsidrat b’mod partikolari li l-impriżi inkwistjoni ma kinux wettqu nuqqas meta ftehmu dwar il-prezzijiet, peress li huma setgħu jinvokaw id-digriet tat-2 ta’ Frar 1996 li permezz tiegħu il-Kartellgericht kien ikkonstata li l-ftehim tagħhom kien jammonta għal akkordju minuri. Skont l-Oberlandesgericht Wien, dan id-digriet jimplika li l-SSK ma kellhiex effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li b’hekk ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE. L-Oberlandesgericht Wien tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ tort tal-impriżi kkonċernati jista’ jiġi spjegat ukoll mill-fatt li l-impriżi parteċipanti fl-akkordju kienu talbu qabel il-parir legali fuq il-legalità tal-aġir tagħhom lil uffiċċju tal-avukati speċjalizzat fid-dritt tal-akkordji.

28      Fir-rigward ta’ Schenker, li kienet ippreżentat talba għall-klemenza u kooperat mal-amministrazzjoni fil-proċeduri ta’ investigazzjoni dwar id-dritt tal-akkordji, il-Bundeswettbewerbsbehörde kienet talbet il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tad-dritt Awstrijak tal-akkordji mingħajr kundanna ta’ multa. Din it-talba ġiet miċħuda mill-Oberlandesgericht Wien peress li, skont l-Artikoli 5, 7 u 10 tar-Regolament Nru 1/2003, hija biss il-Kummissjoni li għandha tikkostata ksur mingħajr ma timponi multi.

29      Il-Bundeswettbewerbsbehörde u l-Bundeskartellanwalt appellaw digriet tal-Oberlandesgericht Wien. Permezz ta’ nota tat-12 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub fuq il-kawża pendenti quddiem l-Oberster Gerichtshof, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1/2003.

30      F’dan il-kuntest, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Impriża li tkun kisret l-Artikolu 101 TFUE tista’ tingħata multa, meta l-ksur inkwistjoni jkun seħħ bħala riżultat ta’ żball mill-impriża fir-rigward tal-legalità tal-aġir tagħha u meta dan l-iżball ma jistax jiġi attribwit lilha?

      F’każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

a)      Jista’ jitqies li żball minn impriża fir-rigward tal-legalità tal-aġir tagħha ma jistax jiġi attribwit lilha meta din l-impriża tkun aġixxiet b’mod konformi mal-parir li jkun ingħatalha minn konsulent legali b’esperjenza fil-liġi tal-kompetizzjoni, u meta l-ineżattezza ta’ dan il-parir ma kinitx manifesta u lanqas ma setgħet tinstab mill-impriża bit-twettiq ta’ verifika raġonevoli?

b)      Jista’ jitqies li żball minn impriża fir-rigward tal-legalità tal-aġir tagħha ma jistax jiġi attribwit lilha meta din l-impriża tkun fdat fl-eżattezza ta’ deċiżjoni adottata minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li eżaminat l-aġir attribwit lilha biss fid-dawl tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni u li kkunsidrat l-aġir imsemmi bħala legali?

2)      L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jikkonstataw li impriża pparteċipat f’akkordju li jikser il-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meta ebda multa ma għandha tiġi imposta fuq l-impriża, minħabba l-fatt li din talbet l-applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza?”

 Fuq id-domandi preliminari

31      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet suġġettivi dwar l-impożizzjoni ta’ multa lil persuna li tkun wettqet ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari fuq ir-riperkussjonijiet li parir legali jew deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jista’ jkollha fuq dawn il-kundizzjonijiet. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mingħajr ma timponi multa fuq l-awtur ta’ dan il-ksur f’każ ta’ parteċipazzjoni tal-impriża inkwistjoni għall-program ta’ klemenza.

32      Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali matul perijodu bejn is-sena 1994 u d-29 ta’ Novembru 2007, jiġifieri inparti wara l-1 ta’ Mejju 2004, data li minnha r-Regolament Nru 1/2003 huwa applikabbli. Barra minn hekk, fl-ispjegazzjoni tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi, minbarra għad-dispożizzjoni rilevanti tat-trattat, għal dan ir-regolament bħala bażi ġuridika tad-domandi tagħha.

 Fuq l-ewwel domanda

33      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li impriża li kisret din id-dispożizzjoni tista’ tevita l-impożizzjoni ta’ multa meta l-imsemmi ksur huwa r-riżultat ta’ żball ta’ din l-impriża fuq il-legalità tal-aġir tagħha minħabba l-kontenut ta’ parir legali ta’ avukat jew dik ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

34      B’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, “jew b’intenżjoni jew b’negligenza”, meta huma jwettqu ksur għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE.

35      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u jipprovdi li dawn l-awtoritajiet jistgħu, b’mod partikolari, jimponu multi, penali jew kwalunkwe sanzjoni oħra prevista mid-dritt nazzjonali tagħhom. Issa, ma jirriżultax mill-kliem ta’ dan l-artikolu li l-adozzjoni tal-miżuri ta’ applikazzjoni previsti minn dan ir-regolament teżiġi li jkunu ssodisfatti xi kundizzjonijiet ta’ natura suġġettiva.

36      Madankollu, jekk, fl-interess ġenerali ta’ applikazzjoni uniformi tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE fl-Unjoni, l-Istati Membri jintroduċu kundizzjonijiet ta’ natura suġġettiva fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, jeħtieġ, sabiex ma tiġix ikkontestata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, li dawn il-kundizzjonijiet ikunu għall-inqas stretti daqs dawk previsti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

37      Fir-rigward tad-domanda dwar jekk ksur twettaqx deliberatament jew b’negliġenza u, minħabba dan il-fatt, jista’ jiġi sanċit b’multa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta peress li l-impriża inkwistjoni ma tistax tinjora l-karattru antikompetittiv tal-aġir tagħha, kemm jekk kinitx taf u kemm jekk le, li kienet qed tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-trattat (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 45; tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 107, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, Ġabra p. I‑9555, punt 124).

38      Għalhekk, il-fatt li l-impriża kkonċernata kienet ikklassifikat b’mod ġuridikament żbaljat l-aġir tagħha li fuqu l-konstatazzjoni tal-ksur huwa bbażat ma jistax ikollu bħala effett li jeżenta mill-impożizzjoni ta’ multa sa fejn din ma tistax tinjora l-karattru antikompetittiv tal-imsemmi aġir.

39      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-membri tal-SSK ftehmu dwar it-tariffi tagħhom tat-trasport nazzjonali ta’ pakketti aggruppati fit-territorju kollu Awstrijak. Issa, xi impriżi li ftehmu b’mod dirett fuq il-prezzijiet tagħhom ta’ bejgħ ma jistgħux, evidentement, jinjoraw il-karattru antikompetittiv tal-aġir tagħhom. B’hekk jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kundizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa ssodisfatt.

40      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu eċċezzjonalment jiddeċiedu li ma jimponux multa anki jekk l-impriża tkun kisret deliberatament jew b’negliġenza l-Artikolu 101 TFUE. Dan jista’ jkun partikolarment il-każ meta prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jipprekludi l-impożizzjoni ta’ multa.

41      Madankollu, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li huwa kien forna lill-amministrazzjoni kompetenti (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, Ġabra p. I‑1655, punt 72, u tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C‑545/11, punt 25). B’hekk jirriżulta li parir legali ta’ avukat fi kwalunkwe każ ma jammontax għal aspettattivi leġittimi fil-moħħ ta’ impriża li l-aġir tagħha ma jiksirx l-Artikolu 101 TFUE jew ma jwassalx għall-impożizzjoni ta’ multa.

42      Fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ kompetizzjoni, peress li dawn ma humiex kompetenti sabiex jieħdu deċiżjoni negattiva, jiġifieri deċiżjoni li ssib nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska, C‑375/09, Ġabra p. I‑3055, punti 19 sa 30), huma ma jistgħux idaħħlu f’moħħ l-impriżi aspettattivi leġittimi li l-aġir tagħhom ma jiksirx l-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk jirriżulta mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni eżaminat biss l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.

43      Għandha konsegwentement tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża li kisret din id-dispożizzjoni ma tistax tevita l-impożizzjoni ta’ multa meta l-imsemmi ksur huwa kkawżat minn żball ta’ din l-impriża fuq il-legalità tal-aġir tagħha minħabba l-kontenut ta’ parir legali ta’ avukat jew dak ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

44      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jistgħux jikkonstataw ksur ta’ din id-dispożizzjoni mingħajr ma tiġi imposta multa meta l-impriża kkonċernata pparteċipat f’program nazzjonali ta’ klemenza.

45      Ċertament, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdix speċifikament għall-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ kompetizzjoni sabiex jiġi konstatat ksur tal-Artikolu 101 TFUE mingħajr ma tiġi imposta multa, iżda lanqas ma jeskludi dan.

46      Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE fl-interess ġenerali (ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC, C‑439/08, Ġabra p. I‑12471, punt 56), jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jwettqu biss eċċezzjonalment nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa meta impriża kisret deliberatament jew b’mod negliġenti l-imsemmija dispożizzjoni.

47      Barra minn hekk, għandu jingħad, li tali nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa jiġi konċess taħt program nazzjonali ta’ klemenza biss sa fejn dan ikun implementat b’mod li ma jippreġudikax ir-rekwiżiti tal-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-Artikolu 101 TFUE.

48      B’hekk, fir-rigward tas-setgħa tal-Kummissjoni li tnaqqas il-multi skont il-program tagħha ta’ klemenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tnaqqis tal-multa f’każ ta’ kooperazzjoni tal-impriżi parteċipanti għall-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa ġġustifikat biss jekk tali kooperazzjoni tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni bil-għan li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur u, jekk ikun il-każ, li jintemm, l-aġir tal-impriża għandu wkoll juri spirtu veru ta’ kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 393, 395 u 396).

49      Għal dak li jirrigwarda l-immunità jew in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa, tali trattament, b’hekk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex ma jippreġudikax l-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-Artikolu 101 TFUE, jistgħu jingħataw biss f’sitwazzjonijiet strettament eċċezzjonali, bħal dawk fejn il-kooperazzjoni ta’ impriża tkun determinanti sabiex ikun hemm sejba u repressjoni effettiva tal-akkordju.

50      B’hekk għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll l-Artikoli 5 u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn hija stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu eċċezzjonalment jillimitaw ruħhom li jikkonstataw dan il-ksur mingħajr ma jimponu multa meta l-impriża kkonċernata pparteċipat f’program nazzjonali ta’ klemenza.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża li kisret din id-dispożizzjoni ma tistax tevita l-impożizzjoni ta’ multa meta l-imsemmi ksur huwa kkawżat minn żball ta’ din l-impriża fuq il-legalità tal-aġir tagħha minħabba l-kontenut ta’ parir legali ta’ avukat jew dak ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2)      L-Artikolu 101 TFUE kif ukoll l-Artikoli 5 u 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn hija stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu eċċezzjonalment jillimitaw ruħhom li jikkonstataw dan il-ksur mingħajr ma jimponu multa meta l-impriża kkonċernata pparteċipat f’program nazzjonali ta’ klemenza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.