Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fit-8 ta’ Ġunju 2018 – Deutsche Lufthansa AG vs Land Berlin

(Kawża C-379/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Deutsche Lufthansa AG

Konvenuta: Land Berlin

Partijiet oħra: Berliner Flughafen Gesellschaft mbH; Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht    

Domandi preliminari

Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li s-sistema ta’ imposti tal-ajruport stabbilita mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandha tiġi ppreżentata għal approvazzjoni quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, mingħajr ma tipprojbixxi lill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u lill-utent tal-ajruport milli jistabbilixxu imposti differenti minn dawk approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni, hija kompatibbli mad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti 1 , b’mod partikolari mal-Artikolu 3, mal-Artikolu 6(3) sa (5) u mal-Artikolu 11(1) u (7) tagħha?

Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fis-sens li utent tal-ajruport ma jistax jikkontesta l-approvazzjoni tas-sistema ta’ imposti mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti iżda jista’ jressaq azzjoni kontra l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport li fil-kuntest tagħha jista’ jsostni li l-imposti stabbiliti fis-sistema ta’ imposti ma humiex ġusti, hija kompatibbli mal-imsemmija direttiva?

____________

1     ĠU 2009, L 70, p. 11.