Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 2007 - Schneider Electric vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-351/03)1

("Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità - Dannu subit minn impriża minħabba ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li jivvizzja l-proċedura ta' stħarriġ tal-kompatibbiltà ta' konċentrazzjoni mas-suq komuni")

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Schneider Electric SA (Rueil-Malmaison, Franza) (rappreżentanti: A. Winckler u M. Pittie, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej (rappreżentanti: inizjalment P. Oliver, É. Gippini Fournier u C. Ingen-Housz, wara P. Oliver, O. Beynet u R. Lyal, u fl-aħħar P. Oliver, R. Lyal u F. Arbault, aġenti)

Intervenjenti b'sostenn tar-rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentant: G. de Bergues, aġent)

Intervenjenti b'sostenn tal-konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: W.-D. Plessing u M. Lumma, aġenti)

Suġġett

Rikors għal ħlas ta' kumpens tad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba illegalitajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta' stħarriġ tal-kompatibbiltà ta' konċentrazzjoni bejn Schneider Electric SA u Legrand SA mas-suq komuni.

Dispożittiv

Il-Komunità Ewropea hija kkundannata sabiex tagħmel tajjeb, minn naħa, għall-ispejjeż inkorsi minn Schneider Electric SA sabiex tipparteċipa fil-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta' stħarriġ ta' l-operat tal-konċentrazzjoni li saret wara li ngħataw is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-310/01 u T-77/02) u, minn naħa l-oħra, għaż-żewġ terzi tad-dannu subit minn Schneider Electric minħabba l-ammont tat-tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment ta' Legrand SA li Schneider Electric kellha tagħti lill-akwerenti bħala korrispetti għall-posponiment tad-data li fiha kellu effettivament isir il-bejgħ ta' Legrand sa l-10 ta' Diċembru 2002.

Ir-rikors huwa miċħud għall-kumplament.

Il-partijiet għandhom jibgħatu lill-Qorti tal-Prim'Istanza, f'terminu ta' tliet xhur mid-data wara li fiha tinqara din is-sentenza, l-ammont relatat ma' l-ewwel kap ta' dannu, stabbilit bi ftehim komuni skond ir-regoli dettaljati indikati fil-punt 320 ta' din is-sentenza.

Fin-nuqqas ta' tali ftehim, il-partijiet għandhom, fl-istess terminu, jippreżentaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza t-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni.

Qed tiġi ordnata perizja sabiex jiġi ddeterminat l-ammont relatat mat-tieni kap ta' dannu ta' Schneider Electric imsemmi fil-punt 1 iktar 'il fuq.

Schneider Electric u l-Kummissjoni huma mistiedna sabiex jesprimu ruħhom dwar l-għażla ta' espert jew sabiex jipproponu lill-Qorti tal-Prim'Istanza lista ta' esperti sabiex jinħatar wieħed minnhom mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

Għall-finijiet tal-perizja tiegħu, l-espert ser jiġi nnotifikat, mill-persunal tar-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza, b'kopja awtentika ta' l-annessi 8 u 29 tar-rikors.

L-espert ser jiġi mistieden jippreżenta r-rapport tiegħu f'terminu stipulat.

Ir-rapport ser jiġi nnotifikat lill-partijiet mill-persunal tar-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Il-kumpens ser jiġi ddeterminat mill-ġdid u miżjud minħabba l-interessi moratorji skond il-kriterji stabbiliti fil-punti 345 u 346 ta' din is-sentenza.

L-ispejjeż huma rriżervati.

____________

1 - ĠU C 7, 10.01.2004.