Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fl-14 ta’ Ġunju 2018 – Tim SpA - Direzione e coordinamento Vivendi SA vs Consip SpA, Ministero dell’Economia e delle Finanze

(Kawża C-395/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Tim SpA - Direzione e coordinamento Vivendi SA

Konvenuti: Consip SpA, Ministero dell’Economia e delle Finanze

Domandi preliminari

L-Artikoli 57 u 71(6) tad-Direttiva 2014/24/UE 1 , jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 80(5) tad-decreto legislativo n. 50 del 2016 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 tal-2016), li tipprevedi l-esklużjoni tal-operatur ekonomiku offerent fil-każ li tiġi kkonstatata, fl-istadju tas-sejħa għal offerti, raġuni għal esklużjoni li tirrigwarda lil subappaltatur li jagħmel parti mit-tliet subappaltaturi indikati fl-istadju tal-offerta, minflok ma timponi lill-offerent is-sostituzzjoni tas-subappaltatur indikat?

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-possibbiltà tal-esklużjoni tal-offerent hija fost dawk permessi lil Stat Membru, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, iddikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat UE, li għalih isir riferiment fil-“premessa” 101 tad-Direttiva 2014/24/UE u li huwa indikat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mill-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 80(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 tal-2016, li tipprevedi li, fil-każ li tiġi kkonstatata, fl-istadju tas-sejħa għal offerti, raġuni għal esklużjoni li tirrigwarda subappaltatur indikat, fi kwalunkwe każ jiġi eskluż l-operatur ekonomiku offerent, anki fejn ikun hemm subappaltaturi oħra mhux esklużi u li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-eżekuzzjoni tas-servizzi li għandhom jiġu ssubappaltati jew fejn l-operatur ekonomiku jiddikjara li jirrinunzja għas-subappalt, inkwantu jkollu l-mezzi sabiex jeżegwixxi s-servizzi huwa stess?

____________

1 Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).