Language of document : ECLI:EU:C:2016:689

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Settembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Soċjetà tal-informazzjoni – Moviment liberu tas-servizzi – Netwerk wireless lokali (WLAN) professjonali – Tqegħid għad-dispożizzjoni libera tal-pubbliku – Responsabbiltà tal-persuni li jipprovdu servizzi intermedji – ‘Mere conduit’ – Direttiva 2000/31/KE – Artikolu 12 – Limitazzjoni tar-responsabbiltà – Utent mhux magħruf minn dan in-netwerk – Ksur tad-drittijiet tad-detenturi ta’ drittijiet fuq xogħol protett – Obbligu ta’ protezzjoni tan-netwerk – Responsabbiltà ċivili tal-professjonist”

Fil-Kawża C‑484/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht München I (qorti reġjonali I ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

Tobias Mc Fadden

vs

Sony Music Entertainment Germany GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, D. Šváby, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T. Mc Fadden, minn A. Hufschmid u C. Fritz, avukati,

–        għal Sony Music Entertainment Germany GmbH, minn B. Frommer, R. Bisle, M. Hügel, avukati,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.‑P. Wojcik u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Tobias Mc Fadden u Sony Music Entertainment Germany GmbH (iktar ’il quddiem “Sony Music”), dwar l-eventwali responsabbiltà ta’ T. Mc Fadden fl-użu, minn terz, tan-netwerk wireless lokali [Wireless local area network (WLAN)] li T. Mc Fadden jopera, bil-għan li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr awtorizzazzjoni, fonogramm prodott minn Sony Music.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 98/34

3        Fit-22 ta’ Ġunju 1998, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards tekniċi u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

4        Il-premessi 2 u 19 tad-Direttiva 98/48 jipprovdu:

“(2)      Billi varjetà wiesgħa ta’ servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat [KE, li saru l-Artikoli 46 u 57 TFUE,] ser tibbenefika mill-opportunitajiet li tista’ toffri s-Soċjetà ta’ l-Informatika li din tiġi fornuta mill-bogħod b’mod elettroniku u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi.

[...]

(19)      Billi, skond l-Artikolu 60 tat-Trattat [KE, li sar l-Artikolu 57 TFUE,] kif interpretat bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kelma ‘servizzi’ tfisser dawk li huma normalment ipprovduti għal rimunerazzjoni; billi din il-karatteristika hija nieqsa fil-każ ta’ l-attivitajiet li Stat iwettaq mingħajr kunsiderazzjoni ekonomika fil-kuntest tad-dmirijiet tiegħu f’oqsma partikolari soċjali, kulturali, edukattivi u ġudizjarji [...]”

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

[...]

2.      ‘servizz’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

[...]”

 Id-Direttiva 2000/31

6        Il-premessi 18, 41, 42 u 50 tad-Direttiva 2000/31 huma fformulati kif ġej:

“(18) Servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jifirxu fuq medda aktar kbira ta’ attivitajiet ekonomiċi li jseħħu on-line; [...] servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni ma humiex biss ristretti għal servizzi li jagħtu bidu għal kuntatti online imma wkoll, sakemm dawn jirrappreżentaw attività ekonomika, jestendu għal servizzi li mhumiex imħallsa minn dawk li jirċevuhom, bħal ma huma l-offerta ta’ informazzjoni online jew komunikazzjonijiet kummerċjali, jew dawk li jipprovdu għodod li jippermettu riċerka, aċċess u akkwist ta’ dettalji; servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jinkludu wkoll servizzi li jikkonsistu [...] li jipprovdi [fil-provvista ta’] aċċess għal network ta’ komunikazzjoni [...].

[...]

(41)      Din id-Direttiva toħloq bilanċ bejn l-interessi differenti nvoluti u tistabbilixxi prinċipji li fuqhom ftehim u normi industrijali jkunu jistgħu jiġu ibbażati.

(42)      L-eżenzjonijiet mir-responsabbilità stabbilita f’din id-Direttiva jkopru biss każi meta l-attività ta’ dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni tkun limitata għall-proċess tekniku ta’ operat u tagħti aċċess għal qafas ta’ komunikazzjoni li fuqu informazzjoni disponibbli minn partijiet terzi tkun trasmessa jew temporanjament maħżuna, bl-iskop biss li tagħmel it-trasmissjoni aktar effiċjenti; din l-attività hija sempliċement teknika, awtomatika u passiva fin-natura, li timplika li dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni la jkollu tagħrif u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trasmessa jew maħżuna.

[...]

(50)      Huwa importanti li d-direttiva proposta dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ dritt ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni u f’din id-Direttiva jidħlu fis-seħħ fl-istess skala ta’ żmien bil-għan li jkun stabbilit qafas ċar ta’ regoli rilevanti dwar il-kwistjoni ta’ responsabbilità ta’ intermedjarji għad-drittijiet ta’ l-awtur u jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet fil-livell tal-Komunità.”

7        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

(a)      ‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’: servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [98/34];

(b)      ‘dak li jipprovdi servizz’: kull persuna naturali jew legali li tipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni;

[...]”

8        Fit-Taqsima 4, intitolata “Responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz”, tal-Kapitolu II tagħha, l-imsemmija direttiva fiha l-Artikoli 12 sa 15.

9        L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “‘Mere conduit’”, jipprovdi:

“1.      Meta servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun ipprovdut li jikkonsisti fit-trasmissjoni f’network ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, jew tal-proveddiment ta’ aċċess lejn network ta’ komunikazzjoni, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni trasmessa, bil-kundizzjoni li dak li jipprovdi:

(a)      ma jkunx beda t-trasmissjoni;

(b)      ma jkunx għażel dak li jirċievi t-trasmissjoni; u

(ċ)      ma jkunx għażel jew immodifika l-informazzjoni li tkun tinstab fit-trasmissjoni.

[...]

3.      Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibilità għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali tal-Istati Membri, li jinħtieġu li dak li jipprovdi s-servizz li jwaqqaf jew li ma jħallix li jsir ksur.”

10      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/31, intitolat “‘Caching’”, jipprovdi:

“1.      Meta jkun provdut servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni li jikkonsisti fit-trasmissjoni fuq network ta’ komunikazzjoni minn informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għal ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta’ dik l-informazzjoni, mwettqa biss għall-iskop li tagħmel aktar effiċjenti t-tmexxija tat-trasmissjoni ta’ l-informazzjoni lil oħrajn li jirċievu s-servizz fuq talba tagħhom, bil-kundizzjoni li:

(a)      dak li jipprovdi ma jkunx immodifika l-informazzjoni;

(b)      dak li jipprovdi jkun konformi mal-kundizzjonijiet dwar l-aċċess ta’ l-informazzjoni;

(ċ)      dak li jipprovdi jkun konformi mar-regoli li jirrigwardaw l-aġġornament ta’ l-informazzjoni, speċifikata f’manjiera ferm rikonoxxuta u wżata mill-industrija;

(d)      dak li jipprovdi ma jkunx indaħal fl-użu legali ta’ teknoloġija, ferm rikonoxxuta u użata mill-industrija, biex jakkwista’ dettalji dwar l-użu ta’ l-informazzjoni;

u

(e)      dak li jipprovdi jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf aċċess għall-informazzjoni li hu jkun żamm malli jkun kiseb it-tagħrif dwar il-fatt li l-informazzjoni fis-sorsi inizjali tat-trasmissjoni tneħħiet min-network, jew l-aċċess għaliha jkun twaqqaf, jew li qorti jew awtorità amministrattiva tkun ordnat dik it-tneħħija jew it-twaqqif.”

11      L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Hosting” jipprovdi:

“1.      Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a)      dak li jipprovdi [s-servizz] attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti;

jew

(b)      dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux ikun applikabbli meta dak li jirċievi s-servizz ikun jaġixxi permezz ta’ l-awtorità jew tal-kontroll ta’ dak li jipprovdi.

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa [li teħtieġ] li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

12      L-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-ebda obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ”, jipprovdi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.”

 Id-Direttiva 2001/29/KE

13      Il-premessa 16 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), tiddikjara:

“Responsabbiltà legali għall-attivitajiet fl-ambitu tan-network tirrigwarda mhux biss drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati iżda wkoll oqsma oħra, bħal defamazzjoni, reklamar qarrieq, jew ksur ta’ trademarks, u hija indirizzata orizzontalment fid-Direttiva [2000/31] li jikkjarifika u jarmonizza diversi kwistjonijiet legali dwar servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni inkluż kummerċ elettroniku. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f’perijodu ta’ żmien simili għal dak għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar kummerċ elettroniku, minħabba l-fatt li dik id-Direttiva tipprovdi qafas armonizzat ta’ prinċipji u disposizzjonijiet relevanti fost oħrajn għall-partijiet importanti ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet dwar ir-risponsabbiltà f’dik id-Direttiva.”

 Id-Direttiva 2004/48/KE

14      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“[...]

3.      Din id-Direttiva ma għandhix taffettwa:

(a)      [...] id-Direttiva [2000/31] in ġenerali u b’mod partikolari l-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva [2000/31];

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

15      L-Artikoli 7 sa 10 tat-Telemediengesetz (liġi dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi), tas-26 ta’ Frar 2007 (BGBl. I, p. 179), kif emendata l-aħħar bil-liġi tal-31 ta’ Marzu 2010 (BGBl. I, p. 692) (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi”), jittrasponu l-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31 fid-dritt nazzjonali.

16      L-Artikolu 7 tal-liġi dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi huwa fformulat kif ġej:

“1)      Skont il-liġijiet ġenerali, il-persuni li jipprovdu servizzi huma responsabbli għall-informazzjoni tagħhom stess, li huma jqiegħdu għad-dispożizzjoni bil-għan li tintuża.

2)      Il-persuni li jipprovdu servizzi fis-sens tal-Artikoli 8 sa 10 ma humiex obbligati jissorveljaw l-informazzjoni li huma jittrażmettu jew jaħżnu, u lanqas li jfittxu attivament fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali. Obbligi imposti mil-liġijiet ġenerali sabiex ineħħu informazzjoni jew jirrendu l-użu tagħha impossibbli ma humiex affettwati mill-assenza ta’ responsabbiltà tal-persuna li tipprovdi servizzi skont l-Artikoli 8 sa 10. [...]”

17      L-Artikolu 8(1) tal-liġi dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jipprovdi:

“Il-persuni li jipprovdu servizzi ma humiex responsabbli għall-informazzjoni li huma jittrażmettu fuq netwerk ta’ komunikazzjoni jew li huma jipprovdu aċċess għaliha għal finijiet ta’ użu bil-kundizzjoni li huma:

1.      ma jkunux bdew it-trażmissjoni;

2.      ma jkunux għażlu d-destinatarju tat-trażmissjoni;

3.      ma jkunux għażlu jew immodifikaw l-informazzjoni li tinsab fit-trażmissjoni.

L-ewwel sentenza ma tapplikax meta l-persuna li tipprovdi servizzi tikkollabora b’mod deliberat ma’ xi wieħed mid-destinatarji tas-servizz tagħha bil-għan li twettaq attivitajiet illegali.”

18      L-Artikolu 97 tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte (Urheberrechtsgesetz) (liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati), tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I, p. 1273), kif emendata l-aħħar bil-liġi tal-1 ta’ Ottubru 2013 (BGBl. I, p. 3728) (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati”), jipprovdi:

“1)      Fil-każ ta’ ksur illegali tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt ieħor protett minn din il-liġi, il-persuna leża tista’ titlob li jitwaqqaf id-dannu; fil-każ ta’ riskju ta’ repetizzjoni tal-ksur, hija tista’ titlob il-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni. Id-dritt li jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni jeżisti wkoll meta jkun jidher għall-ewwel darba li hemm riskju ta’ ksur.

2)      Min iwettaq ksur b’mod intenzjonat jew b’negliġenza għandu jikkumpensa lill-persuna leża għad-dannu li jirriżulta minnu. [...]”

19      L-Artikolu 97a tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jipprovdi:

“1)      Il-persuna leża għandha tagħti avviż ta’ intimazzjoni lill-persuna li twettaq vjolazzjoni qabel ma tibda proċeduri ġudizzjarji għal inibizzjoni u tagħtiha l-opportunità li tirriżolvi t-tilwima billi tieħu l-impenn li żżomm lura milli twettaq il-ksur, flimkien ma’ klawżola penali xierqa.

[...]

3)      Sa fejn l-intimazzjoni tkun iġġustifikata, [...] jista’ jintalab ir-rimbors tal-ispejjeż neċessarji. [...]”

 Il-ġurisprudenza nazzjonali dwar ir-responsabbiltà indiretta tal-persuni li jipprovdu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (Störerhaftung)

20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Ġermaniż, persuna tista’ tinżamm responsabbli fil-każ ta’ ksur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati mwettaq minnha direttament (Täterhaftung) jew indirettament (Störerhaftung). Fil-fatt, l-Artikolu 97 tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati huwa interpretat mill-qrati Ġermaniżi fis-sens li, fil-każ ta’ ksur, persuna li, mingħajr ma tkun l-awtur ta’ dan il-ksur jew kompliċi fih, tikkontribwixxi għalih b’mod deliberat tista’ tinżamm responsabbli (Störer).

21      F’dan ir-rigward, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet, f’sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Sommer unseres Lebens (I ZR 121/08), li l-persuna privata li topera netwerk wifi b’aċċess għall-internet tista’ tiġi kklassifikata bħala “Störer” meta ma tkunx ipproteġiet in-netwerk tagħha permezz ta’ password, b’mod li tippermetti lil terz jikser drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati. Skont dik is-sentenza, huwa raġonevoli li tali operatur tan-netwerk jieħu miżuri għall-protezzjoni, bħal sistema ta’ identifikazzjoni permezz ta’ password.

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      T. Mc Fadden jiġġestixxi impriża li toffri materjal ta’ dawl u ta’ ħoss għall-bejgħ jew għall-kiri.

23      Huwa jopera netwerk wireless lokali li joffri, madwar l-impriża tiegħu, aċċess b’xejn u anonimu għall-internet. Sabiex jipprovdi dan l-aċċess għall-internet, T. Mc Fadden juża s-servizzi ta’ impriża ta’ telekomunikazzjoni. L-aċċess għal dan in-netwerk kien volontarjament mhux protett sabiex jattira l-attenzjoni tal-klijenti tal-ħwienet biswit, tal-persuni li jkunu għaddejjin u tal-ġirien għall-kumpannija tiegħu.

24      Madwar l-4 ta’ Settembru 2010, T. Mc Fadden biddel l-isem tan-netwerk tiegħu minn “mcfadden.de” għal “freiheitstattangst.de”, u dan b’riferiment għal dimostrazzjoni favur il-protezzjoni tad-data personali u kontra s-sorveljanza eċċessiva mill-Istat.

25      Fl-istess perijodu, xogħol mużikali tqiegħed bla ħlas għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet, mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, permezz tan-netwerk wireless lokali operat minn T. Mc Fadden. Dan tal-aħħar isostni li ma wettaqx il-ksur allegat, iżda ma setax jeskludi li dan twettaq minn xi wieħed mill-utenti tan-netwerk tiegħu.

26      Sony Music hija l-produttriċi tal-fonogramm ta’ dan ix-xogħol.

27      B’ittra tad-29 ta’ Ottubru 2010, Sony Music intimat lil T. Mc Fadden sabiex jirrispetta d-drittijiet tagħha fuq l-imsemmi fonogramm.

28      Wara din l-intimazzjoni, T. Mc Fadden ippreżenta azzjoni dikjaratorja negattiva (negative Feststellungsklage). Sony Music irrispondiet billi ressqet diversi kontrotalbiet intiżi sabiex jiksbu mingħand T. Mc Fadden, l-ewwel nett, il-ħlas ta’ danni minħabba r-responsabbiltà diretta tiegħu fil-ksur tad-drittijiet tagħha fuq l-imsemmi fonogramm, it-tieni nett, il-waqfien tal-ksur tad-drittijiet tagħha taħt piena ta’ penalità, u t-tielet nett, ir-rimbors tal-ispejjeż tagħha relatati mal-intimazzjoni u mal-kawża.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2014, mogħtija fil-kontumaċja fil-konfront ta’ T. Mc Fadden, il-qorti tar-rinviju ċaħdet it-talba ta’ dan tal-aħħar u laqgħet il-kontrotalbiet ta’ Sony Music.

30      T. Mc Fadden ippreżenta oppożizzjoni kontra din id-deċiżjoni, billi argumenta li ma setax jinżamm responsabbli skont id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi li jittrasponu l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31.

31      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ oppożizzjoni, Sony Music talbet, prinċipalment, il-konferma tal-imsemmija deċiżjoni u, sussidjarjament, fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha ma tirrikonoxxix ir-responsabbiltà diretta ta’ T. Mc Fadden, li dan tal-aħħar jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ danni abbażi tal-ġurisprudenza Ġermaniża dwar ir-responsabbiltà indiretta (Störerhaftung) tal-operaturi ta’ netwerk wireless lokali, u dan minħabba li ma ħax miżuri ta’ protezzjoni tan-netwerk wireless lokali tiegħu u, għaldaqstant, ippermetta lil terzi jiksru d-drittijiet ta’ Sony Music.

32      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li hija ttendi li tqis li l-ksur tad-drittijiet ta’ Sony Music twettaq mhux minn T. Mc Fadden personalment, iżda minn utent mhux magħruf tan-netwerk wireless lokali tiegħu. Madankollu, hija tipprevedi li r-responsabbiltà indiretta (Störerhaftung) ta’ T. Mc Fadden tista’ tiġi stabbilita, minħabba li dan tal-aħħar ma pproteġiex in-netwerk li ppermetta t-twettiq ta’ dan il-ksur minn persuna anonima. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-eżenzjoni mir-responsabbiltà, prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, li huwa traspost fid-dritt Ġermaniż permezz tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-liġi dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, tipprekludix kwalunkwe forma ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà ta’ T. Mc Fadden.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht München I (qorti reġjonali I ta’ Munich, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-ewwel parti tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri[ja] flimkien mal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-espressjoni ‘normalment ipprovdut għal remunerazzjoni’ tfisser li l-qorti nazzjonali għandha tiddetermina:

a.      jekk il-persuna kkonċernata konkreta, li tipprevalixxi ruħha mill-kwalità ta’ persuna li tipprovdi servizz, tipprovdix dan is-servizz konkret normalment għal remunerazzjoni, jew

b.      jekk hemmx persuni li jipprovdu servizz fis-suq li jipprovdu dan is-servizz jew servizzi simili għal remunerazzjoni, jew

c.      jekk il-parti l-kbira ta’ dawn is-servizzi jew servizzi simili humiex ipprovduti għal remunerazzjoni?

2)      L-ewwel parti tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-espressjoni ‘proveddiment ta’ aċċess lejn network ta’ komunikazzjoni’ tfisser li, sabiex persuna li tipprovdi servizz tkun konformi ma’ din id-direttiva, huwa importanti biss li jirriżulta li jiġi pprovdut aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni (pereżempju, għall-internet)?

3)      L-ewwel parti tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri[ja] flimkien mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li għal ‘tipprovdi’ fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(b) [ta’ din id-direttiva] huwa suffiċjenti li s-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jkun fil-fatt tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utent, f’dan il-każ li [netwerk wireless lokali] WLAN miftuħ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utent, jew, pereżempju, huwa neċessarju wkoll li, barra minn hekk, ikun hemm ‘pubbliċità’?

4)      L-ewwel parti tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-espressjoni ‘ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni trasmessa’ tfisser li huma bħala prinċipju esklużi, fir-rigward tal-persuna kkonċernata minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, drittijiet eventwali għall-projbizzjoni, kumpens, il-ħlas tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni u tal-ispejjeż ġudizzjarji kontra l-persuna li tipprovdi aċċess, jew dawn huma esklużi f’kull każ [meta jkunu relatati] mal-ewwel ksur tad-drittijiet tal-awtur stabbilit?

5)      L-ewwel parti tal-Artikolu 12(1) moqrija flimkien mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw lill-qorti nazzjonali, f’kawża prinċipali, tordna lill-persuni li jipprovdu aċċess sabiex jastjenu fil-futur milli jippermettu lil terzi li jipprovdu, permezz ta’ konnessjoni tal-internet konkreta, xogħol partikolari protett mid-drittijiet tal-awtur f’borża [fuq pjattaforma] ta’ skambju fuq l-internet għal konsultazzjoni online?

6)      L-ewwel parti tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ir-regola prevista fl-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2000/31 għandha tiġi applikata b’analoġija għal dritt li tinkiseb projbizzjoni?

7)      L-ewwel parti tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti imposti fuq persuna li tipprovdi servizz huma limitati għall-fatt li tali persuna hija kull persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni?

8)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għas-seba’ domanda, liema rekwiżiti supplimentari għandhom jiġu imposti fuq persuna li tipprovdi servizz fl-ambitu tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2000/31?

9)      L-ewwel parti tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, fid-dawl tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ggarantita mid-drittijiet fundamentali u li toħroġ mid-dritt għall-proprjetà [Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], fid-dawl ukoll tar-regoli previsti fid-[D]irettivi 2001/29 u 2004/48, u fid-dawl tal-libertà tal-informazzjoni kif ukoll tal-libertà tal-intrapriża ggarantit[a] mid-drittijiet fundamentali tal-Unjoni (Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali [...] li tordna lill-persuna li tipprovdi aċċess, taħt piena ta’ penalità, li tastjeni fil-futur milli tippermetti li terzi jipprovdu, permezz ta’ konnessjoni tal-internet konkreta, xogħol partikolari, jew partijiet minnu, protett mid-drittijiet tal-awtur f’borża [fuq pjattaforma] ta’ skambju fuq l-internet (peer-to-peer) għal konsultazzjoni online, b’mod li l-persuna li tipprovdi aċċess ikollha b’dan il-mod l-għażla ta’ miżuri tekniċi li hija tista’ konkretament tadotta sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-ordni?

[10)] Dan japplika wkoll jekk il-persuna li tipprovdi aċċess tista’ fil-prattika tosserva l-projbizzjoni ġudizzjarja biss billi twaqqaf il-konnessjoni tal-internet, jew billi tissuġġettaha għal password, jew billi teżamina l-komunikazzjonijiet kollha trażmessi permezz ta’ din il-konnessjoni sabiex tivverifika li x-xogħol inkwistjoni protett mid-drittijiet tal-awtur ma jerġax jiġi trażmess b’mod illegali, meta dan huwa sa mill-bidu nett stabbilit u ma jidhirx biss fl-istadju tal-proċedura ta’ infurzar jew ta’ sanzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

34      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk servizz, bħal dak ipprovdut mir-rikorrent fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni wireless pubbliku u bla ħlas, jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, għandux jiġi interpretat fis-sens li servizz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi pprovdut mill-operatur ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni u li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ dan in-netwerk bla ħlas għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jikkostitwixxi “servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” fis-sens ta’ din l-ewwel dispożizzjoni.

36      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 u lanqas l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni”. Madankollu, dan l-artikolu tal-aħħar jirreferi għal dan il-għan għad-Direttiva 98/34.

37      F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-premessi 2 u 19 tad-Direttiva 98/48 jirriżulta li l-kunċett ta’ “servizz” użat fid-Direttiva 98/34 għandu jinftiehem fis-sens li għandu l-istess tifsira bħal dik li tinsab fl-Artikolu 57 TFUE. Issa skont dan l-Artikolu 57, jitqiesu li huma “servizzi”, b’mod partikolari, is-servizzi normalment mogħtija bi ħlas.

38      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 jipprovdi li l-kunċett ta’ “servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika” jinkludi kull servizz normalment ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod b’mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta’ destinatarju ta’ servizzi.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni previsti fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 huma biss dawk li normalment jiġu pprovduti għal remunerazzjoni.

40      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31 li tiddikjara li, għalkemm is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ma humiex ristretti biss għas-servizzi li jagħtu lok għall-konklużjoni ta’ kuntratti online, iżda jestendu għal servizzi oħra, dan japplika bil-kundizzjoni li dawn is-servizzi jirrappreżentaw attività ekonomika.

41      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li servizz ta’ natura ekonomika li jiġi pprovdut bla ħlas ma jista’ qatt jikkostitwixxi “servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, ir-remunerazzjoni għal servizz ipprovdut minn persuna li tipprovdi servizzi fil-kuntest tal-attività ekonomika tiegħu ma titħallasx neċessarjament mill-persuni li jibbenefikaw minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Papasavvas, C‑291/13, EU:C:2014:2209, punti 28 u 29).

42      Dan japplika b’mod partikolari meta servizz ipprovdut bla ħlas jiġi pprovdut minn persuna li tipprovdi servizzi għal skopijiet ta’ reklamar għal oġġetti mibjugħa jew għal servizzi pprovduti minn din il-persuna li tipprovdi servizzi, u l-ispiża ta’ din l-attività tkun għalhekk integrata fil-prezz tal-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti jew ta’ dawn is-servizzi (sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et, 352/85, EU:C:1988:196, punt 16 u tal-11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 56).

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi pprovdut mill-operatur ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni u li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ dan in-netwerk bla ħlas għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jikkostitwixxi “servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” fis-sens ta’ din l-ewwel dispożizzjoni meta jiġi pprovdut mill-persuna li tipprovdi servizzi kkonċernata għal skopijiet ta’ reklamar għal oġġetti mibjugħa jew għal servizzi pprovduti minn din il-persuna li tipprovdi servizzi.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

44      Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex is-servizz previst f’din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti fil-provvista ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, jitqies li ġie pprovdut, dan l-aċċess għandu biss jitqiegħed għad-dispożizzjoni jew jekk għandhomx jiġu ssodisfatti rekwiżiti addizzjonali.

45      B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk, minbarra l-provvista ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, huwiex neċessarju, minn naħa, li teżisti relazzjoni kuntrattwali bejn id-destinatarju u l-persuna li tipprovdi s-servizz u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar tagħmel reklamar għall-imsemmi servizz.

46      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “‘Mere conduit’”, jirriżulta li l-provvista tas-servizz previst f’din id-dispożizzjoni għandu jinvolvi t-trażmissjoni f’netwerk ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni.

47      Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li l-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista f’din l-istess dispożizzjoni tapplika biss fir-rigward tal-informazzjoni trażmessa.

48      Fl-aħħar nett, mill-premessa 42 tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li l-attività ta’ “‘mere conduit’” hija ta’ natura purament teknika, awtomatika u passiva.

49      Minn dan jirriżulta li l-provvista ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni ma għandhiex tmur lil hinn mill-kuntest ta’ tali proċess tekniku, awtomatiku u passiv li jiżgura l-eżekuzzjoni tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mitluba.

50      Fit-tieni lok, la mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2000/31 u lanqas mill-għanijiet li din tal-aħħar tfittex li tilħaq ma jirriżulta li l-provvista ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni għandha tissodisfa rekwiżiti addizzjonali, bħall-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn id-destinatarju u l-persuna li tipprovdi dan is-servizz jew li din tal-aħħar tagħmel użu minn mezzi ta’ reklamar sabiex tippromwovi l-imsemmi servizz.

51      Huwa minnu li jista’ jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2000/31 jirreferi, fil-verżjoni fformulata bil-Ġermaniż, għall-verb anbieten, li jista’ jinftiehem li jirreferi għall-idea ta’ proposta kuntrattwali u, għalhekk, għal ċerta forma ta’ reklamar.

52      Madankollu, in-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni teskludi li, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies separatament f’waħda mill-verżjonijiet tagħha, iżda għall-kuntrarju teżiġi li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Eleftheri tileorasi u Giannikos, C‑52/10, EU:C:2011:374, punt 23).

53      Issa l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-imsemmi Artikolu 2(b), b’mod partikolari dawk bl-Ispanjol, biċ-Ċek, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bit-Taljan, bil-Pollakk jew bis-Slovakk jużaw verbi li ma jesprimux tali idea ta’ proposta kuntrattwali jew ta’ reklamar.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex is-servizz previst f’din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti fil-provvista ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, jitqies li ġie pprovdut, dan l-aċċess ma għandux imur lil hinn mill-kuntest tal-proċess tekniku, awtomatiku u passiv li jiżgura l-eżekuzzjoni tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mitluba, filwaqt li ma għandu jiġi ssodisfatt ebda rekwiżit addizzjonali.

 Fuq is-sitt domanda

55      Permezz tas-sitt domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva tapplika b’analoġija għall-imsemmi Artikolu 12(1).

56      F’dan ir-rigward, mill-istruttura nfisha tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħmel distinzjoni bejn is-sistemi applikabbli għall-attivitajiet ta’ “‘mere conduit’”, ta’ ħażna ta’ informazzjoni fil-forma li tissejjaħ “caching” u ta’ hosting, peress li dawn l-attivitajiet huma rregolati minn dispożizzjonijiet differenti ta’ din id-direttiva.

57      F’dan il-kuntest, minn paragun tal-Artikolu 12(1), tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet huma suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni differenti skont it-tip ta’ attivitajiet ikkonċernat.

58      B’mod partikolari, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Hosting”, jipprovdi, b’mod partikolari, li, sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà stabbilita minn din id-dispożizzjoni favur il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ hosting ta’ siti internet, dawn tal-aħħar għandhom jaġixxu mingħajr dewmien, malli jsiru konxji minn informazzjoni illegali, sabiex ineħħuha jew iwaqqfu l-aċċess għaliha.

59      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 ma jissuġġettax l-eżenzjoni mir-responsabbiltà li huwa jipprevedi għall-benefiċċju tal-persuni li jipprovdu aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni għall-osservanza ta’ tali kundizzjoni.

60      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sitwazzjonijiet tal-persuna li tipprovdi servizzi ta’ hosting ta’ sit internet, minn naħa, u tal-persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, min-naħa l-oħra, ma humiex simili fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31.

61      Fil-fatt, mill-premessa 42 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti mill-imsemmija direttiva ġew previsti fid-dawl tal-fatt li l-attivitajiet imwettqa mid-diversi kategoriji ta’ persuni li jipprovdu servizzi previsti, b’mod partikolari mill-persuni li jipprovdu servizzi ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni u mill-persuni li jipprovdu servizzi ta’ hosting ta’ siti internet, huma kollha ta’ natura purament teknika, awtomatika u passiva u li, konsegwentement, dawn il-persuni li jipprovdu servizzi la huma konxji mill-informazzjoni hekk trażmessa jew maħżuna u lanqas ma għandhom kontroll fuqha.

62      Madankollu, is-servizz ipprovdut mill-persuna li tipprovdi servizzi ta’ hosting ta’ sit internet, li jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni, huwa kkaratterizzat mit-tul tiegħu. Konsegwentement, din il-persuna li tipprovdi servizzi ta’ hosting tista’ ssir konxja min-natura illegali ta’ ċerta informazzjoni li hija taħżen f’mument sussegwenti għal dak li fih titwettaq din il-ħażna u meta tkun għadha f’pożizzjoni li tieħu azzjoni intiża sabiex tneħħiha jew twaqqaf l-aċċess għaliha.

63      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, is-servizz ta’ trasport tal-informazzjoni li hija tipprovdi normalment ma jestendix fiż-żmien, b’mod li, wara li tkun ittrażmettiet informazzjoni, hija ma tkun għad għandha ebda kontroll fuqha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, kuntrarjament għall-persuna li tipprovdi servizzi ta’ hosting ta’ sit internet, sikwit ma tkunx f’pożizzjoni li, f’mument sussegwenti, tieħu azzjonijiet intiżi sabiex ineħħu ċerta informazzjoni jew sabiex iwaqqfu l-aċċess għaliha.

64      Fi kwalunkwe każ, mill-punt 54 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 ma jipprevedi ebda rekwiżit addizzjonali minbarra dak, għas-servizz inkwistjoni, li jiġi pprovdut aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, liema aċċess ma għandux imur lil hinn mill-kuntest tal-proċess tekniku, awtomatiku u passiv li jiżgura l-eżekuzzjoni tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mitluba.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva ma tapplikax b’analoġija għall-imsemmi Artikolu 12(1).

 Fuq is-seba’ u t-tmien domandi

66      Permezz tas-seba’ u tat-tmien domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżistu rekwiżiti differenti minn dak imsemmi f’din id-dispożizzjoni, li għalihom hija suġġetta persuna li tipprovdi servizzi ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni.

67      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, jipprovdi espressament biss rekwiżit wieħed fir-rigward ta’ tali persuna li tipprovdi servizz, jiġifieri li tkun persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

68      F’dan ir-rigward, mill-premessa 41 jirriżulta li, meta adotta d-Direttiva 2000/31, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa bilanċ bejn id-diversi interessi inkwistjoni. Minn dan isegwi li din id-direttiva kollha, u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) tagħha, għandha titqies li tirrifletti dan il-bilanċ stabbilit mill-imsemmi leġiżlatur.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tissostitwixxi lilha nfisha għal-leġiżlatur tal-Unjoni billi tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal kundizzjonijiet li dan il-leġiżlatur ma jipprevedix.

70      Fil-fatt, l-issuġġettar tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għall-osservanza ta’ rekwiżiti li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex espressament jista’ jkollu l-effett li jqiegħed fid-dubju dan il-bilanċ.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-seba’ u għat-tmien domandi għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżistux rekwiżiti oħra, minbarra dak imsemmi f’din id-dispożizzjoni, li għalihom hija suġġetta l-persuna li tipprovdi servizzi ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda

72      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li persuna leża minħabba l-ksur tad-drittijiet tagħha fuq xogħol titlob il-projbizzjoni tat-tkomplija ta’ dan il-ksur, kumpens għad-danni u l-ħlas tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni u tal-ispejjeż ġudizzjarji kontra persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni li s-servizzi tagħha jkunu ntużaw sabiex jitwettaq dan il-ksur.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jipprovdu servizz ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni ma jinżammux responsabbli għall-informazzjoni li tkun ġiet trażmessa lilhom mid-destinatarji ta’ dan is-servizz, bit-tripliċi kundizzjoni, stabbilita minn din id-dispożizzjoni, li dawn il-persuni li jipprovdu servizz ma jkunux bdew tali trażmissjoni, li ma jkunux għażlu d-destinatarju ta’ din it-trażmissjoni u li la jkunu għażlu u lanqas ikunu mmodifikaw l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija trażmissjoni.

74      Minn dan isegwi li, meta l-imsemmija kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, ir-responsabbiltà ta’ persuna li tipprovdi l-aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni ma tiġix stabbilita u, għaldaqstant, fi kwalunkwe każ ikun eskluż li d-detentur ta’ drittijiet tal-awtur ikun jista’ jitlob kumpens għad-danni mingħand din il-persuna li tipprovdi servizzi għar-raġuni li l-konnessjoni ma’ dan in-netwerk tkun intużat minn terzi sabiex jinkisru d-drittijiet tiegħu.

75      Konsegwentement, fi kwalunkwe każ, ikun ukoll eskluż li d-detentur ta’ drittijiet tal-awtur ikun jista’ jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni jew tal-ispejjeż ġudizzjarji sostnuti għall-finijiet tat-talba tiegħu għad-danni. Fil-fatt, sabiex tkun fondata, tali talba anċillari tippreżupponi li t-talba prinċipali nfisha tkun fondata, ħaġa li hija pprojbita mill-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31.

76      Madankollu, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2000/31 jispeċifika li dan l-artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà, għal qorti nazzjonali jew għal awtorità amministrattiva, li teżiġi li persuna li tipprovdi servizzi twaqqaf ksur ta’ drittijiet tal-awtur jew li ma tħallihx isir.

77      Konsegwentement, meta terz ikun wettaq ksur permezz tal-konnessjoni mal-internet li tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tiegħu minn persuna li tipprovdi servizz ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva ma jipprekludix li l-persuna leża minħabba dan il-ksur titlob lil awtorità jew lil qorti nazzjonali li din il-persuna li tipprovdi servizzi tiġi pprojbita milli tippermetti t-tkomplija ta’ dan il-ksur.

78      Konsegwentement, għandu jitqies li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, ikkunsidrat waħdu, lanqas ma jeskludi li din l-istess persuna tkun tista’ titlob ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni u tal-ispejjeż ġudizzjarji sostnuti fl-okkażjoni ta’ azzjoni legali, bħal dawk imsemmija fil-punti preċedenti.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuna li tkun ġiet leża minħabba l-ksur tad-drittijiet tagħha fuq xogħol tkun tista’ titlob kumpens għad-danni mingħand persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni għar-raġuni li aċċess partikolari pprovdut minnha jkun intuża minn terzi sabiex jinkisru d-drittijiet tal-persuna leża, kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni jew tal-ispejjeż ġudizzjarji sostnuti għall-finijiet tat-talba tagħha għad-danni. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li din il-persuna leża titlob il-projbizzjoni tat-tkomplija ta’ dan il-ksur, kif ukoll il-ħlas tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni u tal-ispejjeż ġudizzjarji kontra persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni li s-servizzi tagħha jkunu ntużaw sabiex jitwettaq dan il-ksur, fil-każ li dawn it-talbiet ikunu intiżi, jew ikunu konsegwenti, għall-adozzjoni ta’ ordni meħuda minn awtorità jew qorti nazzjonali li tipprojbixxi lil din il-persuna li tipprovdi servizzi milli tippermetti t-tkomplija tal-imsemmi ksur.

 Fuq il-ħames, id-disa’ u l-għaxar domandi

80      Permezz tal-ħames, tad-disa’ u tal-għaxar domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fis-sitt lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll tar-regoli previsti mid-Direttivi 2001/29 u 2004/48, fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni ta’ ordni li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżiġi li persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni li jippermetti lill-pubbliku jaqbad mal-internet, taħt piena ta’ penalità, timpedixxi lil terzi milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz ta’ din il-konnessjoni mal-internet, xogħol partikolari jew partijiet minnu protetti mid-drittijiet tal-awtur, fuq pjattaforma ta’ skambju fuq l-internet (peer-to-peer), meta din il-persuna li tipprovdi servizzi jkollha tabilħaqq l-għażla tal-miżuri tekniċi li għandha tadotta sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-ordni, iżda jkun diġà ġie stabbilit li l-uniċi miżuri li din tal-aħħar tista’ tadotta jikkonsistu jew fis-sospensjoni tal-konnessjoni mal-internet jew fil-protezzjoni tagħha permezz ta’ password jew fl-eżami tal-informazzjoni kollha trażmessa permezz ta’ din il-konnessjoni.

81      Preliminarjament, huwa paċifiku li sa fejn ordni, bħal dik prevista mill-qorti tar-rinviju fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżiġi li persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni kkonċernat timpedixxi r-repetizzjoni ta’ ksur ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, hija taqa’ taħt il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali previst fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

82      Barra minn hekk, sa fejn, minn naħa, l-imsemmija ordni timponi fuq l-imsemmija persuna li tipprovdi aċċess obbligu li jista’ jaffettwa l-attività ekonomika tagħha u sa fejn, min-naħa l-oħra, hija tista’ tillimita l-libertà li għandhom id-destinatarji ta’ tali servizz li jibbenefikaw minn aċċess għall-internet, għandu jiġi kkonstatat li hija tikser id-dritt għal-libertà tal-intrapriża tal-persuna li tipprovdi tali aċċess, protett permezz tal-Artikolu 16 tal-Karta, kif ukoll id-dritt għal-libertà tal-informazzjoni tal-imsemmija destinatarji, li l-protezzjoni tiegħu huwa żgurat mill-Artikolu 11 tal-Karta.

83      Issa meta diversi drittijiet fundamentali protetti mid-dritt tal-Unjoni jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, l-awtoritajiet jew il-qorti nazzjonali kkonċernata għandhom jiżguraw li jiġi ggarantit bilanċ ġust bejn dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 68 u 70).

84      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ordni li tħalli f’idejn persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni l-obbligu li tiddetermina l-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu sabiex jinkiseb ir-riżultat imfittex tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, twassal għal dan il-bilanċ ġust (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 62 u 63).

85      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-ipoteżi li l-miżuri li jista’ jadotta fil-prattika d-destinatarju ta’ ordni huma limitati għal tlieta, jiġifieri l-eżami tal-informazzjoni kollha trażmessa permezz ta’ konnessjoni mal-internet, il-waqfien ta’ din il-konnessjoni, jew il-protezzjoni tagħha permezz ta’ password.

86      Għalhekk huwa biss abbażi ta’ dawn it-tliet miżuri previsti mill-qorti tar-rinviju li l-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina l-kompatibbiltà tal-ordni prevista mad-dritt tal-Unjoni.

87      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, is-sorveljanza tal-informazzjoni kollha trażmessa, tali miżura għandha tiġi eskluża mill-bidu nett, għaliex tmur kontra l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 li jipprojbixxi li jiġi impost, b’mod partikolari fuq il-persuni li jipprovdu aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, obbligu ġenerali ta’ sorveljanza tal-informazzjoni li huma jittrażmettu.

88      F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-miżura li tikkonsisti fil-waqfien komplet tal-konnessjoni mal-internet, għandu jiġi kkonstatat li l-implementazzjoni tagħha twassal għal ksur serju tal-libertà tal-intrapriża tal-persuna li, anki jekk fuq bażi anċillari biss, twettaq attività ekonomika li tikkonsisti fil-provvista ta’ aċċess għall-internet, billi hija tiġi pprojbita kompletament, de facto, milli twettaq din l-attività sabiex jiġi rrimedjat ksur limitat tad-drittijiet tal-awtur mingħajr ma tiġi prevista l-adozzjoni ta’ miżuri inqas restrittivi ta’ din il-libertà.

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali miżura għandha titqies li ma tosservax ir-rekwiżit li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali li għandhom jiġu rrikonċiljati (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ ordni, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 49, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punti 35 u 41).

90      F’dak li jirrigwarda, it-tielet nett, il-miżura li tikkonsisti fil-protezzjoni tal-konnessjoni mal-internet permezz ta’ password, għandu jiġi rrilevat li din il-miżura tista’ tirrestrinġi kemm id-dritt għal-libertà tal-intrapriża tal-persuna li tipprovdi servizz ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni kif ukoll id-dritt għal-libertà tal-informazzjoni tad-destinatarji ta’ dan is-servizz.

91      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li tali miżura ma tippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-dritt għal-libertà tal-intrapriża tal-persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, peress li hija limitata għall-aġġustament, b’mod marġinali, ta’ waħda mill-modalitajiet tekniċi ta’ eżerċizzju tal-attività ta’ din il-persuna li tipprovdi servizzi.

92      Fit-tieni lok, ma jidhirx li miżura li tikkonsisti fil-protezzjoni tal-konnessjoni mal-internet hija ta’ natura li tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għal-libertà tal-informazzjoni tad-destinatarji ta’ servizz ta’ aċċess għal netwerk tal-internet, sa fejn teżiġi biss minn dawn tal-aħħar li jitolbu li jiksbu password, meta jitqies, barra minn hekk, li din il-konnessjoni tikkostitwixxi biss wieħed minn diversi mezzi sabiex wieħed jaċċedi għall-internet.

93      Fit-tielet lok, huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-miżura adottata għandha tkun immirata b’mod strett, fis-sens li għandha sservi biex ittemm il-ksur, magħmul minn terz, tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati mingħajr ma l-possibbiltà għall-utenti tal-internet, li jużaw is-servizzi ta’ din il-persuna li tipprovdi servizzi, li jkollhom aċċess b’mod leġittimu għal informazzjoni, tisfa’ affettwata. Fin-nuqqas ta’ dan, l-interferenza tal-imsemmija persuna li tipprovdi servizzi fil-libertà tal-informazzjoni tal-imsemmija utenti ma tkunx iġġustifikata fid-dawl tal-għan imfittex (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 56).

94      Madankollu, ma jidhirx li miżura adottata minn persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, li tikkonsisti fil-protezzjoni tal-konnessjoni ta’ dan in-netwerk mal-internet, tista’ taffettwa l-possibbiltà li għandhom l-utenti tal-internet li jużaw is-servizzi ta’ din il-persuna li jaċċedu għal informazzjoni b’mod leġittimu, peress li ma tinvolvi ebda mblukkar ta’ sit internet.

95      Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri li jittieħdu mid-destinatarju ta’ ordni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta din tiġi implementata, għandhom ikunu effikaċi biżżejjed sabiex jiggarantixxu protezzjoni effettiva tad-dritt fundamentali inkwistjoni, jiġifieri għandu jkollhom l-effett li jimpedixxu jew, tal-inqas, li jirrendu diffiċli t-twettiq tal-konsultazzjonijiet mhux awtorizzati tal-oġġetti protetti u li jiskoraġġixxu serjament lill-utenti tal-internet li jużaw is-servizzi tad-destinatarju ta’ din l-ordni milli jikkonsultaw dawn l-oġġetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom bi ksur tal-imsemmi dritt fundamentali (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 62).

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li miżura li tikkonsisti fil-protezzjoni tal-konnessjoni mal-internet permezz ta’ password tista’ tiddisswadi lill-utenti ta’ din il-konnessjoni milli jiksru drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, sakemm dawn l-utenti jkunu obbligati jiżvelaw l-identità tagħhom sabiex jiksbu l-password meħtieġa u għalhekk ma jkunux jistgħu jaġixxu b’mod anonimu, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

97      Fil-ħames lok, għandu jitfakkar li, skont il-qorti tar-rinviju, minbarra t-tliet miżuri msemmija minnha, ma teżisti ebda miżura oħra li persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ timplementa fil-prattika sabiex tikkonforma ruħha ma’ ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

98      Peress li ż-żewġ miżuri l-oħra ġew esklużi mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk jitqies li persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni ma għandhiex tipproteġi l-konnessjoni tagħha mal-internet, dan iwassal sabiex id-dritt fundamentali għall-proprjetà intellettwali jiċċaħħad minn kull protezzjoni, ħaġa li tmur kontra l-idea ta’ bilanċ ġust (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punti 37 u 38).

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, miżura intiża sabiex tipproteġi l-konnessjoni mal-internet permezz ta’ password għandha titqies li hija neċessarja sabiex tiżgura protezzjoni effettiva tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.

100    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi speċifikati f’din is-sentenza, il-miżura li tikkonsisti fil-protezzjoni tal-konnessjoni għandha titqies li tista’ toħloq bilanċ ġust bejn, minn naħa, id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal-libertà tal-intrapriża tal-persuna li tipprovdi servizz ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni kif ukoll id-dritt għal-libertà tal-informazzjoni tad-destinatarji ta’ dan is-servizz.

101    Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames, għad-disa’ u għall-għaxar domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tar-regoli previsti mid-Direttivi 2001/29 u 2004/48, fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, l-adozzjoni ta’ ordni li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżiġi li persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni li jippermetti lill-pubbliku jaqbad mal-internet, taħt piena ta’ penalità, timpedixxi lil terzi milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz ta’ din il-konnessjoni mal-internet, xogħol partikolari jew partijiet minnu protetti mid-drittijiet tal-awtur, fuq pjattaforma ta’ skambju fuq l-internet (peer-to-peer), meta din il-persuna li tipprovdi servizzi jkollha l-għażla tal-miżuri tekniċi li għandha tadotta sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-ordni, anki jekk din l-għażla tkun limitata biss għall-miżura li tikkonsisti fil-protezzjoni tal-konnessjoni mal-internet permezz ta’ password, sakemm l-utenti ta’ dan in-netwerk ikunu obbligati jiżvelaw l-identità tagħhom sabiex jiksbu l-password meħtieġa u għalhekk ma jkunux jistgħu jaġixxu b’mod anonimu, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

102    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), moqri flimkien mal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards tekniċi u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi pprovdut mill-operatur ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni u li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ dan in-netwerk bla ħlas għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jikkostitwixxi “servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” fis-sens ta’ din l-ewwel dispożizzjoni meta jiġi pprovdut mill-persuna li tipprovdi servizzi kkonċernata għal skopijiet ta’ reklamar għal oġġetti mibjugħa jew għal servizzi pprovduti minn din il-persuna li tipprovdi servizzi.

2)      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex is-servizz previst f’din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti fil-provvista ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, jitqies li ġie pprovdut, dan l-aċċess ma għandux imur lil hinn mill-kuntest tal-proċess tekniku, awtomatiku u passiv li jiżgura l-eżekuzzjoni tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mitluba, filwaqt li ma għandu jiġi ssodisfatt ebda rekwiżit addizzjonali.

3)      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva ma tapplikax b’analoġija għall-imsemmi Artikolu 12(1).

4)      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżistux rekwiżiti oħra, minbarra dak imsemmi f’din id-dispożizzjoni, li għalihom hija suġġetta l-persuna li tipprovdi servizzi ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni.

5)      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuna li tkun ġiet leża minħabba l-ksur tad-drittijiet tagħha fuq xogħol tkun tista’ titlob kumpens għad-danni mingħand persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni għar-raġuni li aċċess partikolari pprovdut minnha jkun intuża minn terzi sabiex jinkisru d-drittijiet tal-persuna leża, kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni jew tal-ispejjeż ġudizzjarji sostnuti għall-finijiet tat-talba tagħha għad-danni. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li din il-persuna leża titlob il-projbizzjoni tat-tkomplija ta’ dan il-ksur, kif ukoll il-ħlas tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni u tal-ispejjeż ġudizzjarji kontra persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni li s-servizzi tagħha jkunu ntużaw sabiex jitwettaq dan il-ksur, fil-każ li dawn it-talbiet ikunu intiżi, jew ikunu konsegwenti, għall-adozzjoni ta’ ordni meħuda minn awtorità jew qorti nazzjonali li tipprojbixxi lil din il-persuna li tipprovdi servizzi milli tippermetti t-tkomplija tal-imsemmi ksur.

6)      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tar-regoli previsti mid-Direttivi 2001/29 u 2004/48, fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, l-adozzjoni ta’ ordni li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżiġi li persuna li tipprovdi aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni li jippermetti lill-pubbliku jaqbad mal-internet, taħt piena ta’ penalità, timpedixxi lil terzi milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz ta’ din il-konnessjoni mal-internet, xogħol partikolari jew partijiet minnu protetti mid-drittijiet tal-awtur, fuq pjattaforma ta’ skambju fuq l-internet (peer-to-peer), meta din il-persuna li tipprovdi servizzi jkollha l-għażla tal-miżuri tekniċi li għandha tadotta sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-ordni, anki jekk din l-għażla tkun limitata biss għall-miżura li tikkonsisti fil-protezzjoni tal-konnessjoni mal-internet permezz ta’ password, sakemm l-utenti ta’ dan in-netwerk ikunu obbligati jiżvelaw l-identità tagħhom sabiex jiksbu l-password meħtieġa u għalhekk ma jkunux jistgħu jaġixxu b’mod anonimu, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.