Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta’ April 2018 mir-Repubblica Taljana mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-25 ta’ Jannar 2018 fil-Kawża T-91/16, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-247/18 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent u P. Gentili, avvocato dello Stato)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-Repubblika Taljana titlob, konformement mal-Artikoli 56 u 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-25 ta’ Jannar 2018, innotifikata fid-29 ta’ Jannar 2018, fil-Kawża T-91/16, intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9413, tas-17 ta’ Diċembru 2015, innotifikata fit-18 ta’ Diċembru 2015, dwar it-tnaqqis tal-kontribut tal-Fond Soċjali Ewropew għall-programm operattiv għal Sicilia, li jagħmel parti mill-qafas Komunitarju ta’ appoġġ għall-interventi strutturali fir-reġjuni Taljani li huma kkonċernati mill-obbjettiv Nru 1 (POR Sicilia 2000-2006); u tannulla din id-deċiżjoni tal-aħħar.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika Taljana ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018 fil-Kawża T-91/16, li permezz tagħha il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-Italja kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9413, tas-17 ta’ Diċembru 2015, innotifikata fit-18 ta’ Diċembru 2015, dwar it-tnaqqis tal-kontribut tal-Fond Soċjali Ewropew għall-programm operattiv għal Sicilia, li jagħmel parti mill-qafas Komunitarju ta’ appoġġ għall-interventi strutturali fir-reġjuni Taljani li huma kkonċernati mill-obbjettiv Nru 1 (POR Sicilia 2000-2006).

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 39 tar-Regolament 1260/99 1 , tal-Artikoli 4, 6 u 10 tar-Regolament 438/[2001] 2 , tal-Artikolu 317 TFUE u tal-prinċipju ta’ oneru tal-prova

Il-Qorti Ġenerali ma rrilevatx li mill-fatti stess li hija kkonstatat jirriżulta li l-proċedura ta’ awditu miftuħa mill-ġdid mill-Kummissjoni fl-2008 kienet tirrigwarda l-ispejjeż li kienu diġà s-suġġett, fl-2005 u fl-2006, ta’ awditu, li kien ġie konkluż b’mod pożittiv, mingħajr l-okkorrenza ta’ xi fatt ġdid.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 39 tar-Regolament 1260/99, tal-Artikolu 100 tar-Regolament 1083/2006 3 , tal-Artikolu 145 tar-Regolament 1303/2013 4 u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kontradittorju u ta’ aspettattivi leġittimi

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat iġġustifikat, mingħajr ma tat raġuni, it-tul totali ta’ iktar minn seba’ snin tal-proċedura ta’ korezzjoni, li matulu l-Kummissjoni aġixxiet, essenzjalment, b’mod li t-terminu mandatorju ta’ sitt xhur dekkorribbli mis-seduta għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali jibda jiddekorri f’mument li hi stess kienet iffissat b’mod diskrezzjonali, u dan iġib fix-xejn in-natura mandatorja tiegħu.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament 1260/99 u tal-Artikolu 10 tar-Regolament 438/2001. Żnaturament tal-fatti

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rata ta’ żball irrilevata f’dan il-każ kienet tvarja ħafna ratione temporis fir-rigward tal-perijodi ta’ qabel u wara l-31 ta’ Diċembru 2006 kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proġetti “koerenti” jew proġetti oħra. Mandankollu, b’mod illegali, hija kkunsidrat bħala adegwata korrezzjoni determinata permezz ta’ estrapolazzjoni ta’ rata ta’ żball unika ta’ 32.65 % għas-snin kollha tal-programmazzjoni u għat-tipi kollha ta’ proġetti. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità tal-korrezzjonijiet u ta’ rappreżentattività tal-kampjuni.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).

2     Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 438/2001 tat-2 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 132).

3     Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25).

4     Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320).