Language of document : ECLI:EU:C:2018:401

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Artikolu 3 – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Żona ta’ rikompożizzjoni urbana – Possibbiltà ta’ deroga mir-regoli tal-ippjanar urban – Emenda tal-‘pjanijiet u programmi’”

Fil-Kawża C-160/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Raoul Thybaut,

Johnny De Coster,

Frédéric Romain

vs

Région wallonne

fil-preżenza ta’:

Commune d’Orp-Jauche,

Bodymat SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal R. Thybaut, minn B. Cambier, F. Hans u J. Sambon, avukati,

–        għal J. De Coster u F. Romain, minn B. Cambier u F. Hans, avukati,

–        għal Bodymat SA, minn F. Evrard, M. Scholasse u F. Haumont, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, L. Van den Broeck u J. Van Holm, bħala aġenti, assistiti minn B. Hendrickx, avukat,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes, F. Thiran u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ESA”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Raoul Thybaut, Johnny De Coster u Frédéric Romain, minn naħa, u r-Région wallonne, min-naħa l-oħra, dwar il-validità ta’ Digriet tal-Gvern ta’ dan ir-reġjun, tat-3 ta’ Mejju 2012, li jiddelimita żona ta’ rikompożizzjoni urbana relattiva għal żona tal-Commune d’Orp-Jauche (il-Kunsill Komunali ta’ Orp-Jauche, il-Belġju) (Moniteur belge tat-22 ta’ Mejju 2012, p. 29488, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 4 tad-Direttiva ESA:

“L-istima ambjentali hi għodda mportanti biex ikunu integrati l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent fl-Istati Membri, minħabba li din tassigura li dawn l-effetti ta’ pjanijiet u programmi li jkunu ser jiġu mplimentati jkunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għanijiet”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-[Unjoni] Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

b)      ‘stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 3 tal-Direttiva ESA, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”:

“1.      L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.      Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva [2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, p. 1)] […].

3.      Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

[…]”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva ESA, intitolat “Rapport dwar l-ambjent”, jispeċifika, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-informazzjoni rilevanti dwar l-effetti fuq l-ambjent tal-pjanijiet u l-programmi u miksuba fil-livelli l-oħra tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew permezz ta’ leġislazzjoni oħra tal-Komunità tista’ tintuża biex tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Anness I.”

8        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konsultazzjonijiet”, jipprevedi:

“1.      L-abbozz tal-pjan jew il-programm u r-rapport dwar l-ambjent ippreparati skond l-Artikolu 5 għandhom ikunu mqiegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-pubbliku.

2.      L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 u l-pubbliku imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jingħataw opportunità bikrija u effettiva f’limitu ta’ żmien li jkun xieraq sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-abbozz tal-pjan jew il-programm jew is-sottomissjoni tiegħu għall-proċedura leġislattiva.

3.      L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet li għandhom ikunu kkonsultati li, permezz tar-responsabbiltajiet ambjentali speċifiċi tagħhom, x’aktarx ikunu milquta mill-effetti ambjentali ta’ l-implimentazzjoni tal-pjanijiet jew il-programmi.

4.      L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-pubbliku għall-finijiet tal-paragrafu 2, inkluż il-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut minn, jew li jkollu nteress fit-teħid tad-deċiżjonijiet suġġett għal din id-Direttiva, inklużi l-organizzazzjonijiet rilevanti mhux governattivi, bħalma huma dawk li jippromwovu il-protezzjoni ta’ l-ambjent u organizzazzjonijiet oħra interessati.

5.      L-aranġamenti ddettaljati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet u mal-pubbliku għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.”

9        L-Artikolu 11 tad-Direttiva ESA, intitolat “Relazzjoni mal-leġislazzjoni l-oħra tal-Komunità”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Stima ambjentali magħmula skond din id-Direttiva għandha ssir mingħajr preġudizzju għal xi ħtiġiet skond id-Direttiva [85/337] u għal xi ħtiġiet oħra tal-liġi tal-Komunità.”

10      Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EIA”), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġetti elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10 tad-direttiva msemmija. Fost il-proġetti li jidħlu taħt it-Titolu 10 ta’ dan l-anness, intitolat “Proġetti ta’ infrastruttura”, jissemmew, fil-paragrafu (b), il-“proġetti ta’ żvilupp urban, inkluż il-bini ta’ ċentri kummerċjali u ta’ parkeġġi għall-karozzi”.

 Il-Liġi Belġjana

11      L-Artikolu 1 ta’ Kodiċi tal-Wallonie dwar l-iżvilupp tat-territorju, tal-urbaniżmu, tal-patrimonju u tal-enerġija, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KWITUPE”), jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-ippjanar tat-territorju u l-ippjanar urban huma stabbiliti fil-pjanijiet u fir-regolamenti li ġejjin:

1°      il-pjanijiet tas-settur;

2°      il-pjanijiet komunali tal-ippjanar;

3°      ir-regolamenti reġjonali tal-ippjanar urban;

4°      ir-regolamenti komunali tal-ippjanar urban.”

12      L-Artikolu 127 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“(1).      […] il-permess [tal-ippjanar urban] għandu jinħareġ mill-Gvern jew mill-uffiċjal delegat:

[…]

8      meta jkun jikkonċerna atti u xogħlijiet li jinsabu f’żona ta’ konsolidazzjoni tal-art urbana; iż-żona jiġi deċiż mill-Gvern, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq il-proposta tal-kunsill komunali jew tal-uffiċjal delegat; ħlief meta jipproponi ż-żona, il-kunsill komunali għandu jibgħat l-opinjoni tiegħu fi żmien ħamsa u erbgħin jum mid-data tat-talba tal-uffiċjal delegat; fin-nuqqas ta’ dan, l-opinjoni titqies li hija favorevoli; fejn dik l-opinjoni hija negattiva, il-proċedura ma għandhiex titkompla; iż-żona jikkonċerna lil kull proġett ta’ proġett ta’ ppjanar urban ta’ tiġdid u ta’ żvilupp ta’ funzjonijiet urbani li jeħtieġ il-ħolqien, il-modifika, it-tkabbir, it-tħassir jew aċċess għat-toroq permezz tal-art u ta’ spazji pubbliċi; il-proġett ta’ żona u l-evalwazzjoni tal-impatti relattivi għall-proġett ta’ ppjanar urban huma suġġetti minn qabel għall-miżuri partikolari ta’ reklamar u għall-konsultazzjoni tal-kumitat komunali, jekk ikun jeżisti, skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 4; il-Kulleġġ tas-Sindku u tal-Membri Eletti għandu jibgħat l-opinjoni tiegħu fi żmien sebgħin jum mid-data tal-wasla tat-talba tal-uffiċjal delegat; fin-nuqqas ta’ dan, l-opinjoni titqies li hija favorevoli; wara t-twettiq tal-proġett jew fuq il-proposta tal-kunsill komunali jew tal-uffiċjal delegat, il-Gvern għandu jirrevoka jew jemenda ż-żona; id-digriet li jistabbilixxi, jemenda jew iħassar iż-żona għandu jiġi ppubblikat b’referenza fil-Moniteur belge;

[…]

(3).      Sakemm it-talba tiġi ssuġġettata minn qabel għall-miżuri partikolari ta’ reklamar stabbiliti mill-Gvern kif ukoll għall-konsultazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 4(1)(3), meta l-atti u x-xogħlijiet ikunu dawk imsemmija fil-paragrafu 1, subparagrafu 1(1), (2), (4), (5), (7) u(8), u jirrispettaw, jew jagħtu struttura jew inkella jerġgħu jifformaw il-linji ta’ forza tal-pajsaġġ, il-permess jista’ jingħata billi jiġi injorat il-pjan ta’ settur, il-pjan komunali ta’ żvilupp, ta’ regolament komunali ta’ ppjanar urban jew ta’ pjan ta’ allinjament.”

13      L-ewwel u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 181 tal-KWITUPE jipprovdu:

“Il-Gvern jista’ jistabbilixxi li l-esproprjazzjoni ta’ proprjetà immobbli hija ta’ utilità pubblika jekk din tkun tinsab:

[…]

5      f’żona ta’ rikompożizzjoni urbana;

[…]

F’żona ta’ rikompożizzjoni urbana, minkejja n-nuqqas ta’ pjan lokali ta’ żvilupp, jistgħu jiġu applikati s-subparagrafi 3 sa 6 tal-Artikolu 58”.

14      Is-subparagrafi 3 sa 6 tal-Artikolu 58 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxu:

“Jistgħu jaġixxu bħala setgħa li tesproprja: ir-reġjun, il-provinċji, il-muniċipalitajiet, l-entitajiet muniċipali awtonomi, l-assoċjazzjonijiet interkomunali li l-għan soċjali tagħhom huwa l-iżvilupp tat-territorju jew ta’ residenzi u l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-korpi li għandhom is-setgħa legali jew b’digriet li jesproprjaw għal raġunijiet ta’ utilità pubblika.

Meta l-esproprjazzjoni ppjanata jkollha l-għan li jitwettaq xogħol ta’ kostruzzjoni f’parti mit-territorju intiża biex jingħataw permessi għal plots jew permessi ta’ ppjanar urban għall-kostruzzjoni ta’ bini għal użu residenzjali jew kummerċjali, is-sid jew is-sidien li għandhom superfiċi ta’ iktar minn nofs l-artijiet f’dak it-territorju, għandhom id-dritt li jitolbu li jkunu responsabbli, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità li tesproprja u sakemm jiġġustifikaw riżorsi neċessarji, mit-twettiq tax-xogħlijiet meħtieġa għal din il-kostruzzjoni, kif ukoll mill-operazzjonijiet ta’ tqassim ta’ plots u ta’ konsolidazzjoni.

Din it-talba għandha, taħt piena ta’ dekadenza, tiġi introdotta fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni fil-Moniteur belge tad-digriet tal-Gvern li japprova l-pjan ta’ esproprjazzjoni.

Fejn l-esproprjazzjoni għandha l-għan li torganizza x-xogħol ta’ kostruzzjoni tat-territorju allokat għal użu partikolari skont is-subparagrafi 1 u 2 tal-Artikolu 49, is-sid jew sidien jistgħu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti iktar ’il quddiem, jitolbu li jkunu responsabbli mit-twettiq tax-xogħlijiet meħtieġa għal din il-kostruzzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15      Fis-27 ta’ April 2009, il-ministru tal-Wallonie għad-Djar, it-Trasport u l-Iżvilupp Territorjali (il-Belġju) adotta permezz ta’ digriet legali żona ta’ konsolidazzjoni urbana (iktar ’il quddiem iż-“ŻKU”) fir-rigward taċ-Ċentru ta’ Orp-le-Petit, lokalità dipendenti mill-Commune d’Orp-Jauche (il-Kunsill Komunali ta’ Orp-Jauche, il-Belġju). Adit bi tliet rikorsi intiżi kontra dan id-digriet legali, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) annulla l-imsemmi digriet legali permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010.

16      Wara dan l-annullament, proġett ġdid għaż-żona kkunsidrata ta’ 40 000 m2 ta’ ŻKU ġie ppreżentat minn Bodymat. Din il-kumpannija pproponiet li l-bini industrijali antik fiċ-ċentru ta’ Orp-le-Petit jkunu “rikundizzjonat” madwar il-kummerċ ta’ do-it-yourself, fil-kummerċ tal-ikel u ta’ negozji żgħar oħra addizzjonali, u li dan il-kumpless kummerċjali jiġi ssupplimentat b’“residenzi marbuta” kif ukoll bi triq ġdida konnessa man-netwerk tat-toroq eżistenti u bi spazju ta’ parkeġġ.

17      Mid-digriet legali kkontestat jirriżulta li l-abbozz ta’ ŻKU kien akkumpanjat minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa fuq il-bażi tal-format ta’ studju ta’ impatti minn uffiċċju ta’ studji u ta’ konsulenza dwar l-ambjent.

18      Permezz ta’ riżoluzzjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010, il-kunsill komunali ta’ Orp-Jauche adotta ż-ŻKU għaċ-ċentru ta’ Orp-le-Petit u għadda l-fajl kollu relatat miegħu lill-uffiċjal delegat (il-Belġju) sabiex titkompla l-proċedura għat-tħejjija skont il-punt 8 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 127(1) tal-KWITUPE.

19      Permezz ta’ opinjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, l-uffiċjal delegat ippropona l-approvazzjoni taż-ŻKU.

20      Fit-3 ta’ Mejju 2012, il-Gvern tal-Wallonie (il-Belġju), permezz tad-digriet legali kkontestat, approva ż-ŻKU inkwistjoni.

21      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma individwi residenti fil-viċinanza taż-żona kkonċernata minn din iż-ŻKU, adixxew lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) b’rikors intiż għall-annullament tad-digriet legali kkontestat. Dawn iqisu li l-istudju dwar l-Impatt Ambjentali mwettaq f’dan il-każ ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva ESIE peress li dan huwa inkomplet, żbaljat u ma sarx kif suppost. Dawn iqisu li ż-ŻKU jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, u li l-imsemmija direttiva kienet is-suġġett ta’ traspożizzjoni żbaljata fid-dritt Belġjan.

22      B’risposta, Bodymat, intervenjenti fil-kawża prinċipali, issostni li ŻKU għandu l-uniku għan li jiddetermina żona u li ma jinsabx fost l-istrumenti li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent prevista mid-Direttiva ESA.

23      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżami tal-fondatezza tar-rikors fil-kawża prinċipali jeħtieġ id-determinazzjoni preliminari tan-natura u tal-portata ta’ ŻKU.

24      Din il-qorti tenfasizza li l-unika funzjoni ta’ ŻKU hija li tiġi stabbilit żona, jiġifieri l-kontorn ta’ żona ġeografika fejn jista’ jitwettaq “proġett ta’ ppjanar urban ta’ tiġdid u ta’ żvilupp ta’ funzjonijiet urbani li jeħtieġ il-ħolqien, il-modifika, it-tkabbir, it-tħassir jew aċċess għat-toroq permezz tal-art u ta’ spazji pubbliċi”.

25      L-imsemmija qorti tindika wkoll li ŻKU hija distinta minn proġett ta’ żvilupp urban, anki jekk dan tal-aħħar jikkostitwixxi kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ ŻKU. B’dan il-mod, proġett ta’ żvilupp urban jista’, sussegwentement għall-adozzjoni ta’ ŻKU, jiġi emendat jew adattat, iżda jkompli jeħtieġ stima tal-effetti fuq l-ambjent skont il-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam.

26      Wara dawn l-indikazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tispjega l-konsegwenzi legali li tinvolvi l-adozzjoni ta’ ŻKU. L-ewwel nett, l-awtorità li jkollha s-setgħa li toħroġ il-permessi ta’ ppjanar urban hija mibdula. Fit-tieni lok, l-Artikolu 127(3) tal-KWITUPE jipprovdi li dawn il-permessi maħruġa għaż-żona ġeografika hekk definita jistgħu jiddevjaw mill-pjan tas-settur, mill-pjan lokali ta’ żvilupp, minn regolament komunali ta’ ppjanar urban jew minn pjan ta’ allinjament. Fit-tielet lok, il-Gvern jista’ jiddeċiedi li tkun ta’ utilità pubblika l-esproprjazzjoni ta’ proprjetà immobbli inkluża f’ŻKU, skont il-metodi stabbiliti mill-KWITUPE.

27      Din il-qorti tindika li l-inkonvenjenzi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jibżgħu li jseħħu jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom biss bit-twettiq tal-proġett ta’ żvilupp urban. Issa, id-digriet ikkontestat ma jawtorizzax direttament dan il-proġett, peress li dan tal-aħħar għandu jkun suġġett ta’ approvazzjonijiet distinti, fejn għandha titwettaq evalwazzjoni tal-impatt. L-imsemmija qorti ssostni madankollu li d-digriet ikkontestat huwa prerekwiżit neċessarju għall-implimentazzjoni ta’ dak il-proġett. Fil-fatt, permezz tal-adozzjoni taż-ŻKU, il-permessi relatati mal-proġett ta’ żvilupp urban sottostanti jistgħu jinħarġu skont proċedura stabbilita b’mod speċifiku mill-KWITUPE.

28      B’hekk, skont il-qorti msemmija, l-adozzjoni ta’ ŻKU għandha l-effett li tbiddel id-digriet legali, peress li dan jippermetti l-iżvilupp ta’ kwartieri skont proċedura partikolari, li jista’ jwassal biex persuni bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġu ppreġudikati.

29      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fl-istess ħin, għalkemm għal raġunijiet differenti, dwar il-kompatibbiltà tal-punt 8 tal-Artikolu 127(1) tal-KWITUPE kemm mal-Kostituzzjoni Belġjana kif ukoll mad-dritt tal-Unjoni.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni oħra, li tistaqsi lill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) u lill-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiksirx il-Kostituzzjoni Belġjana u dwar jekk iż-ŻKU tikkostitwixxix pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva ESA, filwaqt li ppreċiżat li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ser tiġi effettivament ippreżentata lil din tal-aħħar biss wara l-konferma eventwali, mill-Qorti Kostituzzjonali, tan-nuqqas ta’ ksur tal-Kostituzzjoni Belġjana.

31      B’sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-punt 8 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 127(1), l-Artikolu 127(3), il-punt 5 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 181, u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 181 tal-KWITUPE ma jiksrux il-Kostituzzjoni Belġjana, bil-kundizzjoni li d-“dispożizzjonijiet derogatorji awtorizzati mill-Artikolu 127(3), [għandhom jiġu interpretati] b’mod restrittiv u [li] l-applikazzjoni tagħhom [tkun] debitament motivata, u dan, anki jekk il-leġiżlatur li jkun ħareġ id-digriet ma jkunx irreġistra fid-dispożizzjoni inkwistjoni, fir-rigward tal-permessi mogħtija skont ŻKU, li dawn id-derogi jistgħu jingħataw b’mod eċċezzjonali”.

32      Wara li ngħatat din is-sentenza, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li kienet intiża għaliha.

33      Id-domanda preliminari indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja hija redatta f’dawn it-termini:

“L-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva ESA] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘pjan jew programm’ jinkludi perimetru previst minn dispożizzjoni ta’ natura leġiżlattiva u adottat minn awtorità reġjonali:

–        li l-uniku għan tiegħu huwa li tiġi ddeterminata d-delimitazzjoni ta’ żona ġeografika li tista’ tintuża għat-twettiq ta’ proġett ta’ żvilupp urban, filwaqt li dan il-proġett, li għandu jfittex li jilħaq għan determinat – f’dan il-każ, il-klassifikazzjoni mill-ġdid u l-iżvilupp ta’ funzjonijiet urbani u li jeħtieġ il-ħolqien, il-modifika, it-tkabbir, l-eliminazzjoni jew l-aċċess għat-toroq u tal-ispazji pubbliċi –, jiġġustifika l-adozzjoni tal-perimetru, li timplika għalhekk l-aċċettazzjoni tal-prinċipju tiegħu, iżda li fir-rigward tiegħu għad irid jinħareġ permess li jietieġ evalwazzjoni tal-effetti; u

–        li għandu bħala effett, mill-perspettiva proċedurali, li l-applikazzjonijiet għal permess għal atti jew għal xogħlijiet f’dan il-perimetru jgawdu minn proċedura derogatorja, filwaqt li r-regoli tal-ippjanar applikabbli għall-artijiet ikkonċernati qabel l-adozzjoni tal-perimetru jibqgħu applikabbli, iżda din il-proċedura jista’ jkollha l-benefiċċju li tippermetti l-kisba b’mod iktar faċli ta’ deroga minn dawn ir-regoli;

–        u li jibbenefika minn preżunzjoni ta’ utilità pubblika għat-twettiq ta’ esproprjazzjonijiet fil-kuntest tal-plan ta’ esproprjazzjoni anness miegħu?”

 Fuq id-domanda preliminari

34      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, għalkemm id-domanda preliminari tirreferi biss għall-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA, kif isostnu diversi parteċipanti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha l-għan li tiddetermina kemm jekk ŻKU, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll jekk tali att jinsabx fost dawk li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

35      Issa, il-fatt li qorti nazzjonali, minn aspett formali, tkun ifformulat id-domanda preliminari tagħha billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli sabiex taqta’ l-kawża li l-qorti nazzjonali jkollha quddiemha, irrispettivament minn jekk dik il-qorti tkunx għamlet jew le riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C-549/15, EU:C:2017:490, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ESA jistabbilixxi r-regola li tgħid li evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u l-programmi kollha, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva tissuġġetta tali evalwazzjoni għall-kundizzjoni li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew, għall-pjanijiet hemm imsemmija, jekk dawn jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, L, C-463/11, EU:C:2013:247, punt 32).

37      Għalhekk, id-domanda preliminari għandha tinftiehem bħala li qed tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a), kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva ESA għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ŻKU, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-uniku għan li tiddetermina żona ġeografika li fiha jista’ jsir proġett ta’ ppjanar urban intiżi għar-rikwalifikazzjoni u għall-iżvilupp tal-funzjonijiet urbani u li jeħtieġ il-ħolqien, il-modifika, it-tħassir jew l-aċċess għat-toroq permezz tal-art u ta’ spazji pubbliċi li għar-realizzazzjoni tagħhom ser ikun permess li ssir deroga minn ċerti rekwiżiti urbanistiċi, taqax taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens ta’ din id-direttiva, u għandha tkun is-suġġett ta’ għal stima tal-impatt ambjentali.

38      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Direttiva ESA, l-istima ambjentali hija għodda importanti biex ikunu integrati kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi.

39      Sussegwentement, skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi sabiex jiġi inkoraġġit żvilupp sostenibbli billi tipprovdi li, skont din id-direttiva, għandha ssir evalwazzjoni ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus, C-444/15, EU:C:2016:978, punt 47).

40      Finalment, fid-dawl tal-għan tal-istess direttiva li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit tali livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, id-dispożizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b’mod partikolari dawk li jipprovdu d-definizzjonijiet tal-atti maħsuba minnha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C-290/15, EU:C:2016:816, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari.

42      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA jiddefinixxi l-“pjanijiet u programmi” li tikkonċerna bħala dawk li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, ikunu ġew ippreparati u/jew adottati minn awtorità fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew ippreparati minn awtorità sabiex jiġu adottati mill-parlament jew mill-gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva u, min-naħa l-oħra, ikunu meħtieġa minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi.

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li għandhom jitqiesu bħala “meħtieġa” fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Direttiva ESA u, għaldaqstant, suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent fil-kundizzjonijiet li din tistabbilixxi, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom kif ukoll il-proċedura għall-elaborazzjoni tagħhom (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C-567/10, EU:C:2012:159, punt 31).

44      F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-digriet legali kkontestat kien ġie adottat minn awtorità reġjonali abbażi tal-Artikolu 127 tal-KWITUPE.

45      Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza huma sodisfatti.

46      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA, huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali sistematika dawk il-pjanijiet u l-programmi li, minn naħa, huma mfassla għal ċerti setturi u li, min-naħa l-oħra, jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EIE tista’ tiġi awtorizzata fil-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, C-105/09 u C-110/09, EU:C:2010:355, punt 43).

47      Fir-rigward tal-ewwel minn dawn il-kundizzjonijiet, mill-kliem tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrigwarda b’mod partikolari s-settur “tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-art”.

48      Il-fatt li din id-dispożizzjoni tirreferi kemm għall-“ippjanar tat-territorju” kif ukoll għall-“użu tal-art” jindika b’mod ċar li s-settur imsemmi ma huwiex limitat għall-użu tal-art, mifhum fis-sens strett, jiġifieri l-qtugħ tat-territorju f’żoni u d-definizzjoni tal-attivitajiet permessi fi ħdan dawn iż-żoni, iżda li dan is-settur ikopri neċessarjament qasam iktar wiesa’.

49      ŻKU, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm minħabba l-kliem u l-għan tagħha, li huwa dal li tippermetti devjazzjoni mir-rekwiżiti urbanistiċi li jikkonċernaw kostruzzjonijiet u l-ġestjoni tat-territorju, taqa’ taħt is-settur “tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-art”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tal-imsemmija direttiva.

50      Fir-rigward tat-tieni waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 46 ta’ din il-kawża, sabiex jiġi stabbilit jekk ŻKU, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiddefinixxix il-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EIA tista’ tiġi approvata fil-futur, hemm lok li jiġi eżaminat il-kontenut u l-għan ta’ dan l-att, fid-dawl tal-portata tal-evalwazzjoni ambjentali tal-proġetti, hekk kif prevista mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, C-105/09 u C-110/09, EU:C:2010:355, punt 45).

51      Fost il-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva EIA, jidhru, taħt it-Titolu 10 tagħha, il-proġetti tal-infrastruttura, fosthom, fil-punt (b) ta’ dan it-titolu, il-proġetti ta’ żvilupp urban.

52      Mill-kliem tal-Artikolu 127 tal-KWITUPE jirriżulta li ŻKU, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tistabbilixxi l-kontorn ta’ żona ġeografika fejn jista’ jitwettaq “proġett ta’ ppjanar urban ta’ tiġdid u ta’ żvilupp ta’ funzjonijiet urbani li jeħtieġ il-ħolqien, il-modifika, it-tkabbir, it-tħassir jew aċċess għat-toroq permezz tal-art u ta’ spazji pubbliċi”.

53      B’hekk, fir-rigward tal-kontenut u tal-għan aħħari tiegħu, tali att, li jikkonċerna t-twettiq ta’ proġetti ta’ infrastruttura, b’mod ġenerali, u x-xogħlijiet ta’ żvilupp urban, b’mod partikolari, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti elenkati f’dak l-anness.

54      Fir-rigward tal-punt dwar jekk att, bħall-att ikkontestat, jiddefinixxix il-qafas li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C-290/15, EU:C:2016:816, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet” għandha tinftiehem b’mod kwalitattiv u mhux kwantitattiv. Fil-fatt, għandhom jiġu evitati strateġiji possibbli ta’ evażjoni tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva ESA li jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom minn frammentazzjoni ta’ miżuri, li għalhekk inaqqsu l-effett utli ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C-290/15, EU:C:2016:816, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li għalkemm ŻKU, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minnu nnifsu ma jinkludix rekwiżiti pożittivi, madankollu, jippermetti li ssir deroga mir-rekwiżiti tal-ippjanar urban eżistenti. Din il-qorti tippreċiża, fil-fatt, li d-delimitazzjoni taż-ŻKU permezz tad-digriet legali kkontestat bħala prinċipju timplika l-aċċettazzjoni tal-proġett ta’ żvilupp urban previst, li jista’ jsir permezz ta’ għoti iktar faċli ta’ derogi mir-rekwiżiti tal-ippjanar fis-seħħ. F’dan il-kuntest, din tosserva li, skont l-Artikolu 127(3) tal-KWITUPE u l-kundizzjonijiet stipulati fih, il-permessi għall-iżvilupp urban maħruġa fiż-żona ġeografika ddefinita miż-ŻKU jistgħu jiddevjaw mill-pjan ta’ settur, minn pjan ta’ żvilupp komunali u minn regolament komunali dwar l-ippjanar urban.

57      F’dan ir-rigward, sa fejn il-pjan ta’ settur, il-pjan ta’ żvilupp komunali u r-regolament komunali dwar l-ippjanar urban stess jikkostitwixxu pjanijiet u programmi, fis-sens tad-Direttiva ESA, ŻKU, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li jemenda l-qafas stabbilit minn dawn il-pjanijiet, għandu jirċievi l-istess kwalifikazzjoni u jiġi suġġett għall-istess sistema legali.

58      Minn dan isegwi li, għalkemm tali att ma fihx u ma jistax ikun fih dispożizzjonijiet pożittivi, il-fakultà li huwa jistabbilixxi li tippermetti li jinkisbu iktar faċilment derogi mir-rekwiżiti tal-ippjanar urban fis-seħħ temenda l-awtorizzazzjoni legali u għandha l-effett li tpoġġi liż-ŻKU inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA.

59      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa r-realtà u l-portata tagħhom fid-dawl tal-att ikkonċernat, għandu jitqies li att, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens tal-Artikoli 2(a), tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ESA, u għandu jkun suġġett għal stima tal-impatt ambjentali.

60      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, għalkemm bħala prinċipju d-delimitazzjoni taż-ŻKU timplika l-aċċettazzjoni tal-proġett ta’ żvilupp urban, dan ikun jeħtieġ li jkun is-suġġett ta’ permessi li jeħtieġu stima tal-impatt ambjentali, fis-sens tad-Direttiva EIA.

61      Għandu jitfakkar li l-għan ewlieni tad-Direttiva ESA jikkonsisti f’li “pjanijiet u programmi” li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali waqt l-ippjanar u qabel l-adozzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C-41/11, EU:C:2012:103, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq malajr kemm jista’ jkun sabiex il-konklużjonijiet tagħha jkunu għadhom jistgħu jinfluwenzaw deċiżjonijiet eventwali. Huwa fil-fatt f’dan l-istadju li d-diversi partijiet tal-alternattiva jistgħu jiġu analizzati u li l-għażliet strateġiċi jistgħu jitwettqu.

63      Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva ESA jipprevedi l-possibbiltà li tintuża informazzjoni utli miksuba f’livelli oħra ta’ teħid tad-deċiżjonijiet jew permezz ta’ strumenti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni, l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jippreċiża li evalwazzjoni ambjentali mwettqa skont din hija mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tad-Direttiva EIA.

64      Barra minn hekk, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa skont id-Direttiva EIA ma tistax teżenta mill-obbligu li titwettaq l-istima ambjentali meħtieġa mid-Direttiva ESA sabiex tissodisfa l-aspetti ambjentali speċifiċi għaliha.

65      Sa fejn miżura jew digriet legali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jimplika, kif deskritt fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, modifika tal-qafas legali ta’ referenza li joffri, mingħajr limitazzjoni, il-possibbiltà li ssir devjazzjoni mir-regoli tal-ippjanar urban għall-proġetti kollha mwettqa sussegwentement fiż-żona ġeografika kkonċernata, tali possibbiltà jista’ jkollha impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent. Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti ta’ rinviju, l-alterazzjoni tal-impatt stmat preċedentement tirrikjedi evalwazzjoni ġdida tal-impatt ambjentali.

66      Tali kunsiderazzjoni tippreżerva l-effett utli tad-Direttiva ESA billi tiżgura li l-possibbiltà ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent tkun suġġetta għal stima ambjentali.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA għandhom jiġu interpretati fis-sens li digriet legali li jadotta ŻKU, li għandu l-uniku għan li jiddetermina żona ġeografika li fiha jista’ jsir proġett ta’ ppjanar urban intiż għat-tiġdid u għall-iżvilupp ta’ funzjonijiet urbani u li jeħtieġ il-ħolqien, il-modifika, it-tħassir jew aċċess għat-toroq permezz tal-art u ta’ spazji pubbliċi, li għar-realizzazzjoni tiegħu ser ikun permess li ssir deroga minn ċerti rekwiżiti urbanistiċi, jidħol, minħabba din il-fakultà ta’ deroga, taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, li jistgħu jkollhom impatt sinjifikanti fuq l-ambjent, fis-sens ta’ din id-direttiva, li jeħtieġ stima ambjentali.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandhom jiġu interpretati fis-sens li digriet legali li jadotta żona ta’ konsolidazzjoni urbana, li għandu l-uniku għan li jiddetermina żona ġeografika li fiha jista’ jsir proġett ta’ ppjanar urban intiż għat-tiġdid u għall-iżvilupp ta’ funzjonijiet urbani u li jeħtieġ il-ħolqien, il-modifika, it-tħassir jew aċċess għat-toroq permezz tal-art u ta’ spazji pubbliċi, li għar-realizzazzjoni tiegħu ser ikun permess li ssir deroga minn ċerti rekwiżiti urbanistiċi, jidħol, minħabba din il-fakultà ta’ deroga, taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, li jistgħu jkollhom impatt sinjifikanti fuq l-ambjent, fis-sens ta’ din id-direttiva, li jeħtieġ stima ambjentali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.