Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fit-23 ta’ Novembru 2015 – W et vs Sanofi Pasteur MSD SNC, Caisse primaire d’assurance maladie des Hauts-de-Seine, Caisse Carpimko

(Kawża C-621/15)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: W et

Konvenuti: Sanofi Pasteur MSD SNC, Caisse primaire d’assurance maladie des Hauts-de-Seine, Caisse Carpimko

Domandi preliminari

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi 1 jipprekludi, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-laboratorji farmaċewtiċi għat-tilqimiet li huma jimmanufatturaw, metodu ta’ prova li permezz tiegħu l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, fl-eżerċizzju tas-setgħa sovrana tagħha ta’ evalwazzjoni, tista’ tqis li l-punti ta’ fatt invokati mir-rikorrent jikkostitwixxu preżunzjonijiet serji, preċiżi u konkordanti, ta’ natura li jagħtu prova tad-difett tat-tilqima u tal-eżistenza ta’ rabta kawżali tagħha mal-marda, minkejja l-konstatazzjoni li r-riċerka medika ma tistabbilixxix rabta bejn it-tilqima u s-seħħa tal-marda?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 1, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/374, iċċitata iktar ’il fuq, jipprekludi sistema ta’ preżunzjonijiet li permezz tagħha l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-difett relatat ma’ tilqima u d-dannu subit mill-vittma dejjem titqies bħala stabbilita fil-preżenza ta’ ċerti indikazzjonijiet ta’ kawżalità?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/374, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prova, li għandha tiġi prodotta mill-vittma, tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-difett relatat ma’ tilqima u d-dannu subit minnha tista’ titqies li ġiet prodotta biss jekk din ir-rabta tkun stabbilita b’mod xjentifiku?

____________

1  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257.