Language of document : ECLI:EU:C:2018:96

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2018 (1)

Kawża C59/17

SCI Château du Grand Bois

vs

Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Regolament (KE) Nru 555/2008 – Ristrutturazzjoni u konverżjoni ta’ vinji – Għajnuna għal min ikabbar id-dwieli – Primjum għall-qlugħ tal-art – Kontrolli fil-post mhux imħabbra – Rekwiżit ta’ permess għad-dħul f’art – Art magħluqa jew miftuħa – Invjolabbiltà tad-dar – Dritt għall-proprjetà”






I.      Introduzzjoni

1.        Skont l-Artikolu 81 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 555/2008”) (2), benefiċjarji tal-primjum għall-qlugħ tad-dwieli huma suġġetti għal kontrolli (spezzjonijiet) qabel u wara l-qlugħ effettiv. Wieħed mill-metodi biex jitwettqu tali verifiki huwa permezz ta’ kontrolli fil-post. L-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 555/2008 ikompli jispeċifika li, fil-prinċipju, kontrolli fil-post ma għandhomx jitħabbru.

2.        Qamet tilwima bejn applikant għal primjum, SCI Château du Grand Bois u Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer). Dan wassal lill-Conseil d’Etat (il-Kunsill tal-Istat, Franza) biex jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk ir-Regolament Nru 555/2008 jistax jiġi interpretat bħala li jawtorizza lil uffiċjali tal-kontroll (spetturi) biex jidħlu fil-vinja inkwistjoni biex iwettqu kontrolli fil-post mingħajr ma jiksbu l-permess tal-applikant, filwaqt li fl-istess ħin jiġi rrispettat id-dritt tal-invjolabbiltà tad-domiċilju.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”)

3.        Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”.

4.        Skont l-Artikolu 17(1), “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”.

B.      Ir-Regolament (KE) Nru 479/2008

5.        L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (3) li kien applikabbli fiż-żmien rilevanti kien jipprevedi li “[d]an il-Kapitolu jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ fondi Komunitarji lill-Istati Membri u l-użu ta’ dawk il-fondi mill-Istati Membri permezz ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ […] sabiex jiffinanzjaw miżuri ta’ appoġġ speċifiċi li jassistu s-settur ta’ l-inbid”.

6.        L-Artikolu 4(2) kien jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-programmi ta’ appoġġ u jiżguraw li jkunu internalment konsistenti u mfasslin u implimentati b’mod oġġettiv, b’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi kkonċernati u l-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux ġustifikat bejn il-produtturi.

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli sabiex jagħmlu provvedimenti għal, u jwettqu, l-kontrolli u l-penali neċessarji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-programmi ta’ appoġġ”.

7.        L-Artikolu 11 kien jittratta r-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tal-vinji. L-ewwel paragrafu jindika li “[l]-għan tal-miżuri relatati mar-ristrutturazzjoni u t-trasformazzjoni tal-vinji għandu jkun li tiżdied il-kompetittività tal-produtturi ta’ l-inbid”.

8.        Il-Kapitolu III tat-Titolu V kien jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom għandu jingħata primjum bħala skambju għall-qlugħ tal-vinji (il-“primjum għall-qlugħ”).

9.        L-Anness I(2) kien jiddefinixxi l-qlugħ bħala “l-eliminazzjoni kompleta tad-dwieli minn żona mħawla bid-dwieli”.

C.      Ir-Regolament Nru 555/2008

10.      Il-premessa 73 tar-Regolament Nru 555/2008 tipprevedi li: “[b]iex jgħinu fl-applikazzjoni uniformi tar-regoli mal-Komunità kollha Stati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-persunal tal-korpi kompetenti jkollu setgħat adegwati ta’ investigazzjoni biex jiggarantixxi l-konformità mar-regoli”.

11.      It-Titolu V tar-Regolament ikopri kontrolli fis-settur tal-inbid. L-ewwel kapitolu tiegħu jistabbilixxi l-prinċipji tal-kontrolli li għandhom jitwettqu. L-ewwel dispożizzjoni ta’ dan il-kapitolu, l-Artikolu 76, tipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament jew liġijiet oħra Komunitarji, Stati Membri għandhom jintroduċu kontrolli u miżuri sakemm ikunu meħtieġa biex tkun żgurata l-applikazzjoni sewwa tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 u ta’ dan ir-Regolament. Dawn għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi biex jagħtu protezzjoni adegwata lill-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

B’mod partikulari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)      il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà stabbiliti minn liġijiet Komunitarji jew nazzjonali jew il-qafas nazzjonali jkunu ssorveljati;

[…]

(d)      is-kontrolli u l-miżuri jkunu jaqblu man-natura tal-miżura konċernata ta’ appoġġ. Stati Membri għandhom jiddefinixxu metodi u mezzi ta’ verifika u jispeċifikaw minn għandu jkun soġġett għal kontrolli;

(e)      jitwettqu kontrolli jew b’mod sistematiku jew b’teħid ta’ kampjun […]

(f)      l-operazzjonijiet ammessi għal iffinanzjar komunitarju jkunu ġenwini u konformi mal-liġijiet Komunitarji”.

12.      L-Artikolu 77 jinqara kif ġej:

“1. Il-verifika għandha tkun b’kontrolli amministrattivi u, fejn jaqbel, fil-post.

[…]

3. Ħlief għall-każijiet fejn kontrolli sistematiċi fil-post huma previsti mir-Regolament (KE) Nru 479/2008 jew minn dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli fil-post billi jieħdu kampjun ta’ perċentwali adatt ta’ benefiċjarji/produtturi abbażi ta’ analiżi tar-riskju skond l-Artikolu 79 ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

13.      L-Artikolu 78 jipprovdi li:

“1. Kontrolli fil-post m’għandhomx jitħabbru. Iżda sakemm l-iskop tas-sorveljanza ma jkunx ippreġudikat, jista’ jingħata avviż bil-quddiem strettament limitat għal dak li jkun l-aktar meħtieġ. Tali avviż bil-quddiem ma għandux jaqbeż 48 siegħa, għajr f’każijiet li jkunu dovutement ġustifikati jew għal dawk il-miżuri fejn hemm previsti kontrolli fil-post sistematiċi.

2. Fejn japplika, is-kontrolli fil-post imsemmija f’dan ir-Regolament għandhom jitwettqu flimkien ma’ kull sorveljanza oħra msemmija f’liġijiet Komunitarji.

3. L-applikazzjoni jew l-applikazzjonijiet konċernati għandhom ikunu miċħuda jekk benefiċjarji jew rappreżentanti tagħhom ma jħallux titwettaq sorveljanza fil-post”.

14.      Skont l-Artikolu 80:

“1. Kull sorveljanza fil-post għandha tkun is-suġġett ta’ rapport ta’ kontroll li jagħmilha possibbli li jkunu mistħarrġa d-dettalji tas-kontrolli mwettqa.

Sa fejn kontrolli jkollhom x’jaqsmu ma’ iffinanzjar komunitarju ir-rapport għandu jindika b’mod partikulari:

(a)      l-iskemi ta’ għajnuna u l-applikazzjonijiet issorveljati;

(b)      il-persuni preżenti;

(ċ)      fejn japplika, il-meded agrikoli ssorveljati, il-meded agrikoli mkejla, ir-riżultati tal-qisien għal kull roqgħa raba’ imkejla u l-metodi ta’ kejl użati;

(d)      il-verifika jekk il-medda partikulari kinitx ikkoltivata sewwa fil-każ ta’ skema ta’ taħmil [qlugħ];

(e)      il-kwantitajiet li koperti mis-sorveljanza u r-riżultati tagħhom;

(f)      jekk ingħatax avviż bil-quddiem lill-benefiċjarju/produttur dwar iż-żjara u, jekk iva, kemm;

(g)      kull miżura oħra ta’ kontroll imwettqa.

2. Fejn jinstabu diskrepanzi bejn l-informazzjoni fl-applikazzjoni u s-sitwazzjoni attwali misjuba matul is-sorveljanza mwettqa fil-post jew b’telerilevament, min ikabbar għandu jirċievi kopja tar-rapport ta’ kontroll u għandu jkollu l-opportunità li jiffirmah qabel ma’ l-awtorità kompetenti tiġbed il-konklużjonijiet tagħha mis-sejbiet fir-rigward ta’ kull tnaqqis jew esklużjonijiet li jirriżultaw.”

15.      Bis-saħħa tal-Artikolu 81:

“[…]

2. Meta jingħataw drittijiet ta’ taħwil mill-ġdid kif previst fl-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 479/2008, meded għandhom ikunu vverifikati b’mod sistematiku qabel u wara l-eżekuzzjoni tal-qlugħ. Il-plotts issorveljati għandhom ikunu dawk li għalihom għandu jingħata dritt ta’ taħwil mill-ġdid.

Il-kontroll qabel il-qlugħ għandu jinkludi verifika ta’ l-eżistenza tal-vinja konċernata.

Dan il-kontroll għandu jitwettaq permezz ta’ sorveljanza klassika fil-post. Iżda jekk l-Istat Membru jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu reġistru tal-vinji kompjuterizzat, affidabbli u aġġornat, il-kontroll ikun jista’ jitwettaq b’mod amministrattiv u l-obbligu ta’ kontroll fil-post qabel il-qlugħ jista’ jkun limitat għal 5 % ta’ l-applikazzjonijiet li jkunu daħlu (fuq bażi annwali) biex tkun ikkonfermata l-affidabbiltà tas-sistema amministrattiva ta’ kontroll. Jekk kontrolli fil-post jiżvelaw irregolaritajiet jew diskrepanzi sinifikanti f’reġjun jew f’parti ta’ reġjun, l-awtorità kompetenti għandha żżid kif imiss l-għadd ta’ kontrolli fil-post matul is-sena konċernata u s-sena ta’ wara.

3. Meded li jirċievu primjum għall-qlugħ għandhom ikunu vverifikati b’mod sistematiku qabel u wara l-eżekuzzjoni tal-qlugħ. Il-plotts ivverifikati għandhom ikunu dawk li jkunu s-suġġett ta’ applikazzjoni għal għajnuna.

Il-kontroll qabel il-qlugħ għandu jinkludi verifika ta’ l-eżistenza tal-vinja konċernata, il-medda mħawla u determinata skond l-Artikolu 75 u jekk il-medda partikulari kinitx ikkoltivata sewwa.

Dan il-kontroll għandu jitwettaq permezz ta’ sorveljanza klassika fil-post. Iżda jekk l-Istat Membru jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu mezz ġeografiku li jippermetti l-kejl tar-roqgħa raba’ skond l-Artikolu 75 fir-reġistru tal-vinji kompjuterizzat u informazzjoni aġġornata affidabbli dwar ir-roqgħa raba’ li kienet ikkoltivata sewwa, il-kontroll ikun jista’ jitwettaq b’mod amministrattiv u l-obbligu ta’ kontroll fil-post qabel il-qlugħ jista’ jkun limitat għal 5 % ta’ l-applikazzjonijiet biex tkun ikkonfermata l-affidabbiltà tas-sistema amministrattiva ta’ kontroll. Jekk kontrolli fil-post jiżvelaw irregolaritajiet jew diskrepanzi sinifikanti f’reġjun jew f’parti ta’ reġjun, l-awtorità kompetenti għandha żżid kif imiss l-għadd ta’ kontrolli fil-post matul is-sena konċernata.

4. Verifika li l-qlugħ ikun attwalment twettaq għandha ssir b’kontroll klassiku fil-post jew, fil-każ ta’ qlugħ tar-roqgħa kollha kemm hi tal-vinja, jew jekk ir-riżoluzzjoni tat-telerilevament tkun ugwali jew aħjar minn 1 m², tista’ ssir permezz ta’ telerilevament.

5. F’każ ta’ meded li jirċievu primjum għall-qlugħ, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu u l-paragrafu 4, talanqas wieħed miż-żewġ kontrolli msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jitwettaq permezz ta’ sorveljanza klassika fil-post”.

16.      L-Artikolu 83 jistabbilixxi s-setgħat tal-uffiċjali tal-kontroll:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiffaċilita x-xogħol ta’ l-uffiċjali tal-korpi kompetenti tiegħu. Huwa għandu jiżgura b’mod partikolari li uffiċjali bħal dawn, flimkien, skond il-każ, ma’ uffiċjali ta’ dipartimenti oħra li huwa jawtorizza għal hekk:

(a)      ikollhom aċċess għal vinji, vitikoltura u installazzjonijiet ta’ ħażna, installazzjonijiet għall-ipproċessar ta’ prodotti fis-settur ta’ l-inbid u għal vetturi għat-trasport ta’ dawk il-prodotti;

(b)      ikollhom aċċess għal bini kummerċjali (jew mħażen) u vetturi ta’ kull azjenda bil-ħsieb li jbiegħu, iqiegħdu fis-suq jew iġorru prodotti tas-settur ta’ l-inbid jew prodotti li jistgħu jkunu maħsubin biex jintużaw fis-settur ta’ l-inbid;

[…]

(d)      ikunu jistgħu jieħdu kampjuni ta’ prodotti tas-settur ta’ l-inbid, sustanzi jew prodotti li jistgħu jintużaw għat-tħejjija ta’ prodotti bħal dawn u ta’ prodotti miżmumin bil-ħsieb li jinbiegħu, jitqiegħdu fis-suq jew jinġarru;

(e)      ikunu jistgħu jistudjaw id-dejta taż-żamma tal-kotba u dokumenti oħra ta’ użu fi proċeduri ta’ kontroll, u jagħmlu kopji u estratti tagħhom;

(f)      ikunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa ta’ protezzjoni fir-rigward tat-tħejjija, żamma, trasport, deskrizzjoni, preżentazzjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tas-settur ta’ l-inbid jew prodott maħsub għall-użu fit-tħejjija ta’ prodott bħal dak, jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jaħseb li kien hemm ksur gravi ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, b’mod partikulari fil-każ ta’ trattament frawdulenti jew riskji għas-saħħa”.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

17.      Fid‑29 ta’ Lulju 2009, SCI Château du Grand Bois (ir-“rikorrenti”) ippreżentat applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tal-vinji tagħha għall-istaġun 2008/2009.

18.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2009, id-Direttur Ġenerali tal-Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (l-Istitut Nazzjonali tal-Prodotti tal-Agrikoltura u tal-Baħar, Franza) (“FranceAgriMer”) ċaħad din l-applikazzjoni. Huwa ddikjara li kontrolli fil-post imwettqa fis-27 ta’ Awwissu u fil-15 ta’ Settembru 2009 minn wieħed mill-uffiċjali ta’ kontroll tiegħu fuq ċerti rqajja’ ta’ vinji fl-art tar-rikorrenti żvelaw li l-qlugħ tal-art tal-vinji ma twettaqx skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

19.      Ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem it-Tribunal administratif de Nantes (il-Qorti Amministrattiva ta’ Nantes, Franza) biex tikseb l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, din il-qorti annullat id-deċiżjoni minħabba li, inter alia, l-uffiċjal li wettaq il-kontrolli ma kellux l-awtorizzazzjoni biex jagħmilhom.

20.      Fil‑5 ta’ Frar 2015, il-Cour administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes, Franza) annullat is-sentenza tal-ewwel istanza u ċaħdet l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza. Hija sostniet li r-Regolament Nru 555/2008 ma jeħtieġx lill-uffiċjal li jwettaq il-kontroll biex jagħti avviż minn qabel bid-data ta’ meta ser jitwettaq il-kontroll lil applikant għal primjum għall-qlugħ. Il-fatt li ma ngħata l-ebda permess għad-dħul fi proprjetà privata ma kellu l-ebda impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-fatt li r-rapport tal-kontroll ma indikax jekk ir-rikorrenti ngħatatx avviż ma kellu l-ebda impatt fuq il-legalità tal-operazzjoni ta’ kontrolli.

21.      Ir-rikorrenti appellat quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza). Ir-rikorrenti ssostni li l-Cour administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes) wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-fatt li l-uffiċjal responsabbli mit-twettiq tal-kontroll kien daħal fil-proprjetà tagħha mingħajr il-permess tagħha ma affettwax il-legalità tad-deċiżjoni biex tiġi miċħuda l-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tal-vinji.

22.      Skont il-Conseil d’État (il‑Kunsill tal-Istat), it-tweġiba għal dak l-argument partikolari tiddependi dwar jekk ir-Regolament Nru 555/2008 jawtorizzax lill-uffiċjali responsabbli mit-twettiq tal-kontrolli fil-post biex jidħlu f’art agrikola mingħajr il-permess ta’ min ikabbar id-dwieli. Huwa fi ħdan dan il-kuntest fattwali u legali li l-Conseil d’État (il‑Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

–        “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 76, 78 u 81 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni [tal-Kummissjoni Nru 555/2008] tas‑27 ta’ Ġunju 2008 jawtorizzaw lill-aġenti li jwettqu kontroll fuq il-post jidħlu fl-artijiet ta’ razzett mingħajr ma jkunu kisbu l-kunsens tal-operatur?

–        Fil-każ li tingħata risposta pożittiva għal din l-ewwel domanda, hemm lok li ssir distinzjoni skont jekk l-artijiet inkwistjoni humiex magħluqa jew le?

–        Fil-każ li tingħata risposta pożittiva għal din l-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 76, 78 u 81 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni [tal-Kummissjoni Nru 555/2008] tas‑27 ta’ Ġunju 2008 huma kompatibbli mal-prinċipju tal-invjolabbiltà tad-domiċilju kif iggarantit mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?”

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Grieg u Franċiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ikkonċernati ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tas‑7 ta’ Novembru 2017.

IV.    Evalwazzjoni

24.      Dawn it-tliet domandi fformulati mill-qorti tar-rinviju essenzjalment huma komposti minn element ewlieni wieħed: teżisti bażi legali li tagħti awtorizzazzjoni lill-uffiċjali tal-kontroll biex jidħlu f’art privata mingħajr ma jiksbu permess espliċitu mingħand min ikabbar id-dwieli sabiex iwettqu kontrolli fil-post ta’ vinja? Il-qofol tal-ewwel domanda huwa jekk l-awtorizzazzjoni hijiex implikata fir-Regolament Nru 555/2008. It-tieni u t-tielet domandi jidhru li huma domandi sussegwenti tagħha: it-tieni domanda hija raffinament tal-ewwel waħda – huwa rilevanti jekk l-art kinitx miftuħa jew magħluqa? It-tielet domanda tqajjem il-kwistjoni tal-validità tal-Artikoli 76, 78 u 81 tar-Regolament Nru 555/2008 jekk jinstab li ma hemm l-ebda rekwiżit biex jingħata permess. Is-suġġeriment impliċitu tal-qorti tar-rinviju huwa li jekk jiġu interpretati b’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 555/2008 jistgħu jmorru kontra ċerti drittijiet fundamentali.

25.      Għalhekk it-tliet domandi huma minsuġin flimkien. Il-kwistjoni hija waħda ta’ legalità u bażi legali: hemm dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni Ewropea li tippermetti d-dħul f’art privata, kemm jekk miftuħa kif ukoll jekk magħluqa, sabiex jitwettqu tali kontrolli irrispettivament minn x’jistabbilixxi d-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward?

26.      Ser nipprovdi tweġiba fuq żewġ livelli f’dawn il-konklużjonijiet. L-ewwel nett, peress li ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali ċara li tawtorizza t-twarrib tar-regoli nazzjonali dwar id-dħul f’art privata la fir-Regolament Nru 555/2008 u lanqas fis-sistema u fil-loġika tal-programmi ta’ għajnuna tal-Unjoni, nissuġġerixxi li regoli għad-dħul f’art privata biex jitwettqu kontrolli huma kwistjoni tad-dritt nazzjonali (A). Madankollu, hemm xi limiti fil-firxa tal-għażla disponibbli fl-istabbiliment ta’ dawn ir-regoli nazzjonali, inerenti kemm fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 555/2008 kif ukoll fil-bżonn li jiġu rrispettati ċerti drittijiet fundamentali tal-Unjoni (B).

A.      Id-dritt tal-Unjoni bħala bażi legali suffiċjenti minnu nnifsu

27.      Il-partijiet kollha fil-proċedura bil-miktub u orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – il-Gvern Grieg u Franċiż u l-Kummissjoni – huma tal-istess opinjoni. Huma jaraw li ma hemm l-ebda ħtieġa ta’ permess espliċitu skont ir-Regolament Nru 555/2008 biex wieħed jidħol f’art sabiex iwettaq il-kontrolli neċessarji. Il-kontrolli fil-post huma a priori u ġeneralment awtorizzati mill-applikant għall-għajnuna. Huwa preżunt li l-awtorizzazzjoni biex wieħed jidħol f’art ġejja mis-sistema u mil-loġika tal-kontrolli mwettqa skont ir-Regolament Nru 555/2008. Jista’ jidher anki bħala inerenti fis-sistema ġenerali tal-programmi ta’ għajnuna tal-Unjoni li l-applikant normalment jagħti kunsens għall-passi li jwasslu għad-deċiżjoni jekk tingħatax l-għajnuna jew le, permezz tas-sempliċi preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal għajnuna.

28.      Ma nistax naqbel.

29.      Naturalment ma hemm l-ebda dubju li r-Regolament Nru 555/2008 jeħtieġ lill-Istati Membri li jwettqu kontrolli fil-post. Huwa minnu wkoll li xi elementi addizzjonali dwar kif dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu huma previsti mill-istess regolament. B’dan il-mod u sa dan il-punt, jista’ tassew jingħad li r-Regolament Nru 555/2008 jawtorizza kontrolli b’mod ġenerali. Madankollu, huwa minnu wkoll li r-Regolament Nru 555/2008 ma jittrattax id-dettalji kollha ta’ dawn il-kontrolli. B’mod partikolari, ir-regolament ma jgħid xejn dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u jekk huwiex meħtieġ il-permess ta’ min ikabbar id-dwieli.

30.      Sa ċertu punt, dan huwa l-qofol tal-kwistjoni: x’jista jiġi dedott mis-silenzju tar-Regolament Nru 555/2008 dwar il-kwistjoni tal-awtorizzazzjoni biex wieħed jidħol? Għalija, dan is-silenzju flimkien ma’ numru ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament, li b’mod ċar jistabbilixxu li l-kontrolli huma kwistjoni li trid tiġi indirizzata mill-Istati Membri, ifisser li dan l-element għandu wkoll jiġi rregolat mill-Istati Membri. Għall-kuntrarju, għall-Istati Membri intervenjenti u l-Kummissjoni, il-fatt li r-regolament ma jeħtieġx b’mod espliċitu li jingħata permess ifisser li ma hemmx bżonnu.

31.      Ma nistax naqbel ma’ din il-fehma interpretattiva. Il-fatt li xi ħaġa ma ġietx prevista fil-livell tal-Unjoni ftit li xejn jista’ jwassal għal deduzzjoni li hija awtorizzata mid-dritt tal-Unjoni. Ir-raġunament it-tajjeb, ċertament f’oqsma li jikkonċernaw id-drittijiet tal-individwi u l-proprjetà privata, huwa eżattament l-oppost: peress li ma hija prevista l-ebda awtorizzazzjoni espliċita, ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni.

32.      Fit-taqsima li ġejja, ser nuri kif la r-Regolament Nru 555/2008, b’mod partikolari l-Artikoli 76, 78 u 81 tiegħu, li huma s-suġġett tal-ewwel domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (1), u lanqas il-loġika usa’ tal-programmi ta’ għajnuna tal-Unjoni li hija l-bażi ta’ dan ir-regolament (2) ma jawtorizzaw b’mod ġenerali lill-uffiċjali tal-kontroll biex jidħlu f’art mingħajr il-permess espliċitu ta’ min ikabbar id-dwieli. Huwa għalhekk f’idejn id-dritt nazzjonali biex jiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ permess għal dan l-iskop, kif ukoll fir-rigward tat-tip ta’ art inkwistjoni (3).

1.      Ir-Regolament Nru 555/2008 bħala s-sors tal-awtorizzazzjoni għal dħul f’art privata sabiex jitwettqu l-kontrolli?

33.      Mill-formulazzjoni u mill-kuntest tar-Regolament Nru 555/2008 jirriżulta li dan tal-aħħar ma jirregolax l-aċċess għal art privata biex jitwettqu kontrolli fil-post. Għalhekk ma jistax, minnu nnifsu, ikun bażi legali suffiċjenti biex jawtorizza b’mod ġenerali d-dħul f’art fl-assenza ta’ permess mingħand min ikabbar id-dwieli, sakemm dan il-permess ma jkunx meħtieġ mid-dritt nazzjonali.

34.      L-ewwel nett, huwa ċar abbażi ta’ diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li huwa f’idejn l-Istati Membri biex jagħtu forma speċifika lill-kontrolli differenti previsti fih, inkluż jekk id-dħul f’art privata sabiex jitwettqu kontrolli fil-post huwiex suġġett għall-permess ta’ min ikabbar id-dwieli.

35.      Għall-kontrolli b’mod ġenerali, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 555/2008 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jintroduċu kontrolli u miżuri effikaċi, proporzjonati u dissważivi sa fejn ikunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dak ir-regolament. B’mod partikolari, huwa stabbilit taħt l-Artikolu 76(a) li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali jistgħu jiġu kkontrollati. Skont l-Artikolu 76(d), l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu metodi u mezzi ta’ verifika u jispeċifikaw min għandu jkun suġġett għall-kontrolli. Barra minn hekk, l-Artikolu 83 jipprovdi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiffaċilita x-xogħol tal-uffiċjali tal-kontroll.

36.      Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jindikaw b’mod ċar li filwaqt li r-Regolament Nru 555/2008 jeħtieġ li l-kontrolli jitwettqu, iħalli l-elementi kollha mhux previsti b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet tiegħu f’idejn l-Istati Membri. Għalhekk, dan ir-regolament iħalli marġni sinjifikattiva ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri biex jiddefinixxu kif għandhom jitwettqu.

37.      Din il-konklużjoni tapplika b’mod ugwali għall-kategorija speċifika tal-kontrolli fil-post. L-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 555/2008 jipprevedi karatteristika effettiva waħda biss ta’ dawn il-kontrolli: “[k]ontrolli fil-post m’għandhomx jitħabbru. Iżda sakemm l-iskop tas-sorveljanza ma jkunx ippreġudikat, jista’ jingħata avviż bil-quddiem strettament limitat għal dak li jkun l-aktar meħtieġ. Tali avviż bil-quddiem ma għandux jaqbeż 48 siegħa, għajr f’każijiet li jkunu dovutement ġustifikati jew għal dawk il-miżuri fejn hemm previsti kontrolli fil-post sistematiċi”.

38.      Din id-dispożizzjoni speċifika x’tinvolvi, jekk xejn, fir-rigward tal-permess għal dħul f’art privata? Skont il-Kummissjoni, il-fatt li wieħed ifittex permess espliċitu biex jidħol ikun inkompatibbli mal-fatt stess li kontrolli fil-post, fil-prinċipju, ma jitħabbrux. Rekwiżit bħal dan ikun neċessarjament jeħtieġ avviż minn qabel, filwaqt li dan għandu jibqa’ eċċezzjonali.

39.      Sa ċertu punt, il-Kummissjoni hija korretta: il-fatt li wieħed jitlob permess mingħand min ikabbar id-dwieli biex jidħol f’artu, sakemm dan il-permess ikun meħtieġ taħt id-dritt nazzjonali, ikun fil-fatt qiegħed jimplika komunikazzjoni ma’ dik il-persuna, u b’hekk “jitħabbar” il-kontroll. Madankollu, l-impressjoni tiegħi hija li l-Kummissjoni qiegħda tagħmel argumenti b’impatt wiesa’ abbażi ta’ dispożizzjoni li sempliċement tikkonċerna kwistjoni differenti.

40.      L-ewwel nett, jekk wieħed iħares lejn il-formulazzjoni waħidha, “m’għandhomx jitħabbru” tfisser li “ma għandhomx jitħabbru”. It-tifsira naturali ta’ din il-frażi hija, meta applikata għall-kontrolli, li dawn jistgħu jitwettqu fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma jingħata avviż bil-quddiem lil min ikabbar id-dwieli. Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ dik id-dispożizzjoni (4), flimkien mal-mod ta’ kif l-Artikolu 78 fit-totalità tiegħu huwa abbozzat, juru li “m’għandhomx jitħabbru” tfisser biss mingħajr avviż bil-quddiem. Jirriżulta li ma hemm l-ebda obbligu li wieħed jinforma lil min ikabbar id-dwieli jew lir-rappreżentant tiegħu li ser jitwettaq kontroll jew kwalunkwe parti minnu (5). Għalhekk, l-uffiċjal tal-kontroll jista’ jitfaċċa fi kwalunkwe ġurnata li huwa jogħġbu mingħajr ma jinforma lil min ikabbar id-dwieli dwar iż-żjara.

41.      Madankollu, “m’għandhomx jitħabbru” żgur ma hijiex sinonima ma’ “mhux awtorizzati”. “Mingħajr avviż jew informazzjoni bil-quddiem” ma tfissirx “permess biex wieħed jidħol”. L-għan u l-iskop tan-nuqqas ta’ tħabbir huwa ta’ importanza f’dan ir-rigward. Huwa xieraq li wieħed jassumi li r-raġuni li l-leġiżlatura tal-Unjoni inkludiet dispożizzjoni speċifika dwar il-kontrolli li ma għandhomx jitħabbru kienet biex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ tentazzjoni biex ċerti fatti jiġu ppreżentati f’dawl iktar favorevoli qabel il-kontrolli, u għall-iskop u għat-tul tagħhom biss. Għalhekk, jekk min ikabbar id-dwieli ma jkunx jaf meta kontroll ser iseħħ, jista’ jkun hemm preżunzjoni li l-uffiċjal tal-kontroll ser ikun dejjem kapaċi jara l-istat reali tal-affarijiet.

42.      Jekk dan huwa fil-fatt l-iskop wara din id-dispożizzjoni, ma nistax nara kif, il-fatt li wieħed jikseb permess biex jidħol, jekk meħtieġ taħt id-dritt nazzjonali għat-tip speċifiku ta’ art inkwistjoni, ikun qiegħed ifixkel l-iskop ġenerali tal-kontrolli li ma għandhomx jitħabbru. Huwa tassew konċepibbli li kontrolli mhux imħabbra jistgħu jitwettqu f’ġurnata partikolari filwaqt li fl-istess ħin il-permess biex wieħed jirfes f’dik l-art jintalab mal-wasla u eżatt qabel ma jibda l-kontroll. Tali kontroll żgur li xorta waħda “ma jitħabbarx” fis-sens tal-Artikolu 78, iżda jkun ukoll awtorizzat, mingħajr ma jiġi kompromess bl-ebda mod l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni.

43.      It-tieni nett, hemm l-argument kuntestwali. Minbarra dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija b’mod espliċitu mill-qorti tar-rinviju, dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 555/2008 jikkonfermaw ukoll li huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu regoli proċedurali marbuta ma’ kontrolli fil-post u li l-ebda awtorizzazzjoni għal dħul ma tista’ tiġi dedotta minn dak ir-regolament. B’mod partikolari, l-Artikolu 83(a) tar-Regolament Nru 555/2008 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li uffiċjali tal-kontroll “ikollhom aċċess għal vinji, vitikoltura u installazzjonijiet ta’ ħażna, installazzjonijiet għall-ipproċessar ta’ prodotti fis-settur ta’ l-inbid u għal vetturi għat-trasport ta’ dawk il-prodotti”.

44.      Dan iwassal għal mistoqsija sempliċi: jekk kienet tassew l-intenzjoni tal-leġiżlatura li tipprevedi awtorizzazzjoni “impliċita” għal dħul, mela għaliex hemm dispożizzjoni speċifika li tistabbilixxi li Stati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali tal-kontroll ikollhom aċċess għal vinji?

45.      Binarju usa’ jista’ jitpoġġa bejn l-uffiċjali tal-kontroll fir-Regolament Nru 555/2008 u l-uffiċjali tal-Kummissjoni fir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (6). Skont l-Artikolu 20(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, l-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom is-setgħa li jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezzi ta’ trasport ta’ impriżi biex jinvestigaw ksur ta’ regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni minn dawk l-impriżi. Madankollu, skont ir-Regolament Nru 1/2003, is-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni ma jinkludux id-dħul bil-forza jekk ikun hemm xi mblukkar u konsegwentement għandha tfittex awtorizzazzjoni ġudizzjarja biex tidħol f’sitwazzjoni bħal din. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm l-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom is-setgħa li jidħlu f’dan il-bini kif jogħġobhom, “madankollu, huma ma jistgħux jisfurzaw l-aċċess għall-postijiet jew għal mobbli jew inkella jġiegħlu lill-persunal tal-impriża jipprovdulhom tali aċċess, u lanqas ma jistgħu jagħmlu tfittxijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-diriġenti tal-impriża” (7).

46.      Ovvjament, in-natura tal-bini li fih jista’ jsir dħul fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni taħt ir-Regolament Nru 1/2003 x’aktarx li hija different mill-vinji (8). Madankollu, l-argument li nipproponi b’riferiment għar-Regolament Nru 1/2003 huwa ta’ natura differenti. L-ewwel nett, hija l-analoġija għall-interazzjoni bejn regolament tal-Unjoni li jagħti mandat għall-kontrolli u leġiżlazzjoni nazzjonali li hija iktar rilevanti. B’mod simili għar-Regolament Nru 555/2008, ir-Regolament Nru 1/2003 jeħtieġ ukoll li jitwettqu kontrolli jew investigazzjonijiet. Madankollu, l-għażla ta’ metodi biex jintlaħaq dan, inkluża l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet għad-dħul, titħalla f’idejn l-Istati Membri. It-tieni nett, hemm ċertu kuntrast li għandu jiġi dedott: jekk permess għal dħul lill-uffiċjali tal-Kummissjoni ma jistax jiġi dedott skont ir-Regolament Nru 1/2003 sabiex jiġi inforzat qasam ewlieni tal-politika tad-dritt tal-Unjoni, ma nistax nara, a fortiori, kif għandhom jew jistgħu jingħataw iktar setgħat taħt ir-Regolament Nru 555/2008, fejn uffiċjali tal-kontroll “sempliċement” jikkontrollaw jekk applikant għall-għajnuna jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha biex tinkiseb din l-għajnuna.

47.      Kollox ma’ kollox, fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika fir-Regolament Nru 555/2008 li teskludi jew li teħtieġ li jinkiseb permess biex wieħed jidħol f’art, dan ir-regolament ma jistax jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti li tawtorizza lil uffiċjali tal-kontroll sabiex jaċċedu għal art agrikola, sakemm dan il-permess ma jkunx meħtieġ taħt id-dritt nazzjonali għat-tip speċifiku ta’ art inkwistjoni.

2.      Awtorizzazzjoni għal dħul tingħata permezz tas-sistema u tal-loġika tal-programmi ta’ għajnuna tal-Unjoni?

48.      B’żieda (jew b’mod parallel) mal-argument li l-awtorizzazzjoni għal dħul f’art mingħajr permess espliċitu hija prevista bir-Regolament Nru 555/2008, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jsostnu li l-awtorizzazzjoni tirriżulta proprju mis-sistema u mil-loġika tal-programmi ta’ għajnuna tal-Unjoni. Dan l-argument jiżviluppa kif ġej: il-kontrolli huma, fil-qofol tagħhom, imwettqa minħabba li saret applikazzjoni għal għajnuna. Id-dħul fl-art li għaliha saret l-applikazzjoni għal għajnuna huwa neċessarju biex dawn il-kontrolli jkunu effettivi. Għalhekk, il-permess għad-dħul ikun ingħata b’mod impliċitu mill-applikant permezz tas-sempliċi preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal għajnuna.

49.      Biex isaħħaħ din il-fehma, il-Gvern Franċiż iżid argument ieħor li jirreferi għal stqarrija li tidher fil-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna nazzjonali użata f’dak iż-żmien. Kif sostnut mill-Gvern Franċiż, din il-formola kienet tiddikjara li kull applikant “jikkommetti ruħu li jipprovdi lill-awtoritajiet inkarigati li jwettqu kontrolli kwalunkwe dokument ta’ sostenn mitlub u jippermetti l-verifiki neċessarji” (9). Għalhekk, l-applikant ikun ta l-kunsens għall-passi sussegwenti kollha billi jiffirmaha, inkluż id-dħul tal-uffiċjali tal-kontroll f’artu sabiex iwettqu kontrolli fil-post mingħajr ma jintalab permess.

50.      Jekk l-ewwel induru lejn l-argument speċifiku ppreżentat mill-Gvern Franċiż rigward il-formola nazzjonali, ikolli nammetti li dan l-argument ma narahx rilevanti għal żewġ raġunijiet.

51.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, hemm bżonn numru kbir ta’ passi argumentattivi (u immaġinazzjoni interpretattiva) sabiex tiddawwar id-dikjarazzjoni “B’dan nikkommetti ruħi li nippermetti l-verifiki neċessarji” f’“B’dan nawtorizza uffiċjal tal-kontroll li jidħol f’arti mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħi”. Tali interpretazzjoni estensiva tmur kemxejn kontra l-prinċipju ġenerali ta’ kif wieħed għandu jinterpreta rinunzja tad-drittijiet, li għandu jistrieħ fuq it-tifsira naturali u komuni tal-kliem interpretat, u ma għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’.

52.      It-tieni nett, u forsi iktar importanti, dik il-formola hija dokument nazzjonali. Anki jekk forsi wieħed jista’, b’qari ġeneruż tal-kontenut tagħha, jistrieħ fuqha biex jaċċerta d-drittijiet u l-obbligi tal-applikant skont id-dritt nazzjonali, qiegħed insibha diffiċli biex nara kif tista’ tintuża għall-finijiet biex jiġi interpretat il-kontenut ta’ miżura ta’ dritt tal-Unjoni, li għandha tkun l-istess fl-Istati Membri kollha, irrispettivament mill-varjanti potenzjali fil-kontenut tal-formoli nazzjonali.

53.      Jekk issa nduru għall-argument iktar ġenerali li jinvoka s-sistema u l-loġika kumplessivi tal-programmi ta’ għajnuna tal-Unjoni, li jingħad ukoll li huwa l-bażi tar-Regolament Nru 555/2008, ikolli nammetti li dan l-argument mhux biss ma jikkonvinċinix, iżda huwa wkoll dubjuż minn perspettiva ta’ prinċipju. Minn dan l-argument jispikkaw żewġ livelli: dak speċifiku u dak ġenerali.

54.      B’kunsiderazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ dan il-każ, osservajt fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet li r-regolament minnu nnifsu ma jgħid xejn dwar jekk permess huwiex meħtieġ għal dħul f’art privata sabiex tiġi spezzjonata. Mela allura kif tista’ anki l-iktar persuna li tkabbar id-dwieli li għandha kwalitajiet tassew impressjonanti, li tqatta’ l-iljieli tagħha taqra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti, il-ġurisprudenza, u kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra, tkun taf li din l-awtorizzazzjoni hija inerenti fis-sistema u fil-loġika ta’ dawn il-programmi, jekk ma hija ddikjarata mkien? Jista’ jingħad ukoll li dan japplika wkoll għall-“kunsens ġenerali ex ante” jew għar-“rinunzja” potenzjali fil-formola tal-applikazzjoni: anki jekk kellu jingħad li l-kunsens għall-“verifiki neċessarji” kollha kellu jinkludi kulma huwa neċessarju għal passi sussegwenti sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet biex tingħata l-għajnuna ġewx issodisfatti jew le, huwa għal darba oħra xieraq li wieħed jassumi li dawn il-passi jkunu limitati għal dawk meħuda bil-mod espliċitu previst fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

55.      Madankollu, huwa l-livell iktar ġenerali tal-istess argument li huwa, fil-fehma tiegħi, problematiku ħafna: awtorizzazzjoni li ma hijiex prevista b’mod ċar fil-liġi kif inhi għandha tingħata peress li jingħad li hija neċessarja sabiex tissaħħaħ l-effettività tas-sistema ġenerali. Jekk inwarrbu daqsxejn il-kwistjoni dwar jekk hijiex tassew neċessarja (10), in-natura arbitrarja u miftuħa ta’ dak l-argument hija tassew preokkupanti fi kwalunkwe komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt. Ir-riżultati jiġġustifikaw il-mezzi, irrispettivament minn xi tgħid il-liġi? Jekk dan huwa tassew il-każ, mela r-Regolament Nru 555/2008 mhux biss jawtorizza d-dħul f’art privata magħluqa sabiex jitwettqu fiha kontrolli fil-post, iżda preżumibbilment anki d-dħul bil-forza f’bini ta’ negozju jew anki fid-dar ta’ min ikabbar id-dwieli sabiex tinġabar dokumentazzjoni li tikkonferma irregolaritajiet potenzjali fl-applikazzjoni għal għajnuna tiegħu. Skont l-istess loġika, dawn iż-żewġ eżempji huma previsti b’mod impliċitu, peress li r-Regolament Nru 555/2008 ma jgħid xejn dwar dawn iż-żewġ possibbiltajiet (ma jeħtieġx li jingħata kunsens) u miżura bħal din ċertament issaħħaħ l-“effett utli” tal-leġiżlazzjoni.

56.      Fis-seduta l-Kummissjoni żiedet argument sussidjarju ma’ dan il-ħsieb, li huwa marbut mal-loġika tal-programmi ta’ għajnuna tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ssuġġerixxiet li fil-kuntest preċiż tal-amministrazzjoni tal-benefiċċji (bl-użu tat-terminu Ġermaniż Leistungsverwaltung), ir-rekwiżit ta’ bażi legali huwa inqas strett milli fil-kamp kriminali. Għalhekk ikun inqas importanti li tinstab il-bażi legali rilevanti biex jiġi ġġustifikat dħul fl-art mingħajr permess espliċitu.

57.      Ma naqbilx.

58.      Dawn iż-żewġ raġunamenti, fil-fehma tiegħi, jikkontradixxu b’mod sfaċċat il-prinċipji ta’ legalità tal-azzjoni pubblika kollha u tal-istat tad-dritt. Hija ġurisprudenza stabbilita li “kwalunkwe intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tal-attività privata ta’ kull persuna […] għandu jkollu bażi legali” (11). Protezzjoni kontra intervent arbitrarju jew sproprozjonat minn awtoritajiet pubbliċi hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, hemm ukoll il-prinċipju kostituzzjonali ta’ kompetenza attribwita, li, jekk jittieħed b’mod serju, ikompli jillimita, ċertament fl-oqsma ta’ kompetenzi maqsuma, il-plawżibbiltà ta’ u n-neċessità għal espansjoni funzjonali tal-kompetenza tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, nemmen li l-argument imressaq mill-Kummissjoni b’mod essenzjali jissuġġerixxi li “jekk qegħdin jitħallsu flus, il-legalità ma hijiex (daqshekk) importanti” kien wieħed tentattiv u sussidjarju, u li ma huwiex neċessarju li nkompli nisħaq fuq in-nuqqasijiet tiegħu (12).

59.      Għal dawn ir-raġunijiet, awtorizzazzjoni għal dħul f’art privata mingħajr permess ma tistax tiġi dedotta mis-sistema u mil-loġika tal-programmi ta’ għajnuna tal-Unjoni. B’hekk la r-Regolament Nru 555/2008 u lanqas is-sistema wiesgħa li hija l-bażi tal-programmi ta’ għajnuna tal-Unjoni ma jipprevedu l-konklużjoni li d-dħul f’art privata jkun awtorizzat mingħajr permess, sakemm din l-awtorizzazzjoni ma tkunx meħtieġa għal dak it-tip ta’ art skont id-dritt nazzjonali.

60.      Dan iwassalni għall-punt finali f’dan ir-rigward, imnebbaħ mit-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju: għandha ssir distinzjoni abbażi ta’ jekk l-art inkwistjoni hijiex magħluqa jew le? It-tweġiba qasira tiegħi hija le: il-konklużjoni preċedenti ma tinbidilx abbażi ta’ jekk l-art hijiex miftuħa jew magħluqa.

61.      Dan l-element fattwali, li huwa l-punt ċentrali tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jista’ ma jkunx kompletament rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Id-digriet tar-rinviju ma jgħid xejn dwar jekk l-art inkwistjoni kinitx miftuħa jew magħluqa. Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż stqarr li l-art kienet waħda miftuħa. Fil-konfront ta’ dan il-kuntest fattwali, it-tieni domanda tista’ titqies bħala ipotetika.

62.      Madankollu, din id-domanda hija importanti b’mod indirett għar-risposta li ser tingħata għall-ewwel domanda. Jekk l-art hijiex miftuħa jew magħluqa, ir-risposta li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun koerenti fir-rigward taż-żewġ każijiet. Ma jkunx daqshekk konċepibbli li r-Regolament Nru 555/2008 jiġi interpretat bħala li jawtorizza dħul f’art privata jekk din tkun miftuħa, irrispettivament minn dak li jgħid id-dritt nazzjonali fuq dik il-kwistjoni f’termini ta’ għoti ta’ permess, u bil-kontra ta’ dan jekk din tinzerta tkun magħluqa. Ir-Regolament Nru 555/2008 ugwalment ma jgħid xejn dwar dawn iż-żewġ xenarji.

63.      Madankollu, jekk wieħed jinterpreta r-Regolament Nru 555/2008 b’tali mod li l-uffiċjali tal-kontroll jistgħu jidħlu f’art magħluqa mingħajr il-bżonn ta’ permess mingħand min ikabbar id-dwieli, biex b’hekk effettivament jinħoloq dritt tal-Unjoni bbażat fuq “dritt biex jaqbżu s-sisien” għal uffiċjali tal-kontroll, dan ikun tassew inkompatibbli mad-dritt għall-proprjetà u/jew l-invjolabbiltà tad-dar, kif raġonevolment mistoqsi mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha. B’dan il-mod, it-tieni domanda ssaħħaħ ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda, hekk kif it-tieni domanda tagħmilha iktar ovvja li l-ewwel domanda għandha titwieġeb bħala mhux li tawtorizza b’mod ġenerali d-dħul f’art mingħajr permess, sakemm dan il-permess ma jkunx meħtieġ mid-dritt nazzjonali.

3.      Osservazzjonijiet konklużivi (prattiċi)

64.      Biex inkun assolutament ċar, l-Artikoli 76, 78 u 81 tar-Regolament Nru 555/2008, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament, jistipulaw b’mod ċar kontrolli fil-post (fil-prinċipju mhux imħabbra). Madankollu, dawn ma jipprevedux li kontrolli jitwettqu mingħajr il-permess ta’ min ikabbar id-dwieli biex wieħed jirfes f’artu. Ir-Regolament Nru 555/2008 jħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeċiedu, fi ħdan ċerti limiti (li ser ikunu ppreżentati hawn taħt), jekk id-dħul f’art privata biex jitwettqu dawn il-kontrolli għandux ikun suġġett għall-permess ta’ min ikabbar id-dwieli.

65.      Għaldaqstant, tkun xi tkun l-għażla magħmula mill-Istati Membri fir-rigward ta’ jekk ikunx meħtieġ il-permess espliċitu ta’ min ikabbar id-dwieli għal dħul fl-art, l-awtoritajiet nazzjonali jridu ovvjament iwettqu l-kontrolli f’konformità sħiħa ma’ dawk ir-regoli nazzjonali dwar il-kontrolli fil-post u d-dħul fi proprjetà privata.

66.      Madankollu, f’termini prattiċi, minkejja numru ta’ allegazzjonijiet li jmorru kontra dan matul din il-proċedura, tali kuntest proċedurali x’aktarx li ma jostakolax it-twettiq effettiv tal-kontrolli bi kwalunkwe mod tanġibbli.

67.      L-ewwel nett, huwa kompletament loġiku li l-uffiċjal tal-kontroll jista’ juża metodi nazzjonali għad-dispożizzjoni tiegħu biex jidħol f’art agrikola privata. Ir-regoli fl-Istati Membri jvarjaw f’dan ir-rigward. Madankollu, f’numru ta’ Stati Membri, hemm dritt pubbliku ta’ dħul jew id-dritt ta’ passaġġ minn ġo art agrikola miftuħa li huwa suġġett għal kundizzjonijiet. Pereżempju, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż, id-dritt Franċiż ma jippenalizzax id-dħul f’art privata miftuħa sakemm il-proprjetà ma tkunx ġarrbet danni. Jidher li f’żoni rurali d-dħul f’art agrikola huwa spiss permess mingħajr il-permess espliċitu ta’ min ikabbar id-dwieli. Għalhekk, jekk id-dritt nazzjonali jawtorizza lil kwalunkwe persuna biex tidħol f’art privata f’dawn il-kundizzjonijiet mingħajr permess, l-istess japplika wkoll għall-uffiċjali tal-kontroll.

68.      It-tieni nett, sakemm ikun possibbli li jitwettqu l-kontrolli meħtieġa b’mod effettiv mingħajr id-dħul fl-art jekk il-permess għal dan ikun meħtieġ skont id-dritt nazzjonali, din l-għażla hija ovvjament preferibbli minn dak li jista’ jirriżulta fi dħul mingħajr permess. Kontrolli fil-post mhux dejjem jistgħu jeħtieġu dħul fl-art. Preżumibbilment, il-verifika tat-twettiq tal-qlugħ tista’ xi drabi ssir minn ċerta distanza, pereżempju billi wieħed jittawwal minn fuq is-sies minn triq pubblika jew roqgħa art oħra. Dan jidher li huwa iktar probabbli bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda. Ir-Regolament Nru 555/2008 jistabbilixxi wkoll b’mod espliċitu li kontrolli jistgħu jitwettqu permezz ta’ telerilevament, li ma jeħtieġx preżenza fl-art li qiegħda tiġi investigata (13).

69.      It-tielet nett, il-kontrolli fil-post għandhom jitwettqu b’mod proporzjonat. Din l-idea tidher ċara minn numru ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 555/2008, inkluż l-Artikolu 78(1) li diġà ġie diskuss. Fil-fatt din id-dispożizzjoni ssawwar eċċezzonijiet għan-natura “mhux imħabbra” tal-kontrolli li, inċidentalment kienet ikkwalifikata b’mod kunsiderevoli fl-aħħar inkorporazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni (14). L-eżistenza ta’ eċċezzjonijiet, flimkien ma’ din il-kwalifika, turi li hemm lok mhux ħażin f’din id-dispożizzjoni biex forsi tintwera xi ftit korteżija lejn il-persuna suġġetta għall-kontrolli, mingħajr ma tiġi mfixkla bl-ebda mod l-effettività ta’ dawn il-kontrolli (15). Madankollu, għandu wkoll jiġi rrikonoxxut b’mod ċar li ma hemm l-ebda obbligu legali li jirriżulta mill-Artikolu 78(1) għall-uffiċjali tal-kontroll biex jaġixxu b’dan il-mod.

70.      Fir-raba’ u l-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li jekk wieħed ifittex il-permess minn qabel ta’ min ikabbar id-dwieli għal dħul f’artu f’każijiet li fihom dan il-permess ikun meħtieġ għal dak it-tip ta’ art skont id-dritt nazzjonali, dan ma jkun qiegħed bl-ebda mod jipperikola l-iskop tar-Regolament Nru 555/2008 sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

71.      Skont l-Artikolu 78(3) tar-Regolament Nru 555/2008, l-applikazzjoni għal għajnuna għandha tiġi miċħuda jekk il-benefiċjarji jipprekludu milli jitwettaq kontroll fil-post. Fil-kuntest ta’ regolamenti oħra li jikkonċernaw programmi ta’ għajnuna agrikoli (16), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prevenzjoni milli jitwettqu kontrolli tista’ twassal biss għal konsegwenzi legali serji, bħaċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għal għajnuna kkonċernati. Tali ċaħda hija l-konsegwenza legali tal-fatt li huwa impossibbli li jitwettaq kontroll effettiv dwar jekk ġewx osservati l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-għajnuna (17). Dik l-impossibbiltà tista’ b’mod partikolari tkun ir-riżultat ta’ aġir maħsub min-naħa tal-bidwi iżda wkoll ta’ “kull att jew kull ommissjoni attribwibbli għan-negliġenza tal-bidwi jew tar-rappreżentant tiegħu li kellhom bħala konsegwenza li jipprekludu t-twettiq tal-verifika fil-post fl-intier tagħha, meta dan il-bidwi jew ir-rappreżentant tiegħu ma jkunx adotta kull miżura li setgħet raġonevolment tkun meħtieġa min-naħa tiegħu sabiex jiggarantixxi li din il-verifika ssir fl-intier tagħha” (18).

72.      Fid-dawl ta’ dawn il-konsegwenzi radikali marbutin mat-tfixkil, li jkunu jinkludu naturalment rifjut inġustifikat għal dħul fl-art li trid tiġi spezzjonata, ma nistax nara raġuni għaliex għandu jkun neċessarju, f’isem l-effettività tal-kontrolli, li tinħareġ awtorizzazzjoni ġenerali ta’ dħul f’art agrikola (miftuħa jew magħluqa) mingħajr il-permess ta’ min ikabbar id-dwieli bi ksur tar-regoli applikabbli b’mod nazzjonali. Fil-każ ta’ rifjut inġustifikat, l-applikazzjoni għal għajnuna tkun fi kwalunkwe każ miċħuda u l-applikant ikollu jbati l-konsegwenzi ta’ dan.

73.      Fi ftit kliem, la d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 555/2008, u lanqas is-sistema u l-loġika usa’ tal-programmi ta’ għajnuna tal-Unjoni ma jistgħu jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-uffiċjali li jwettqu kontrolli fil-post biex jidħlu f’art agrikola, kemm jekk miftuħa jew magħluqa, mingħajr ma jkunu kisbu l-permess ta’ min ikabbar id-dwieli, sakemm dan ma jkunx meħtieġ taħt id-dritt nazzjonali. Il-modalitajiet tad-dħul, inkluża l-kwistjoni ta’ jekk huwiex meħtieġ il-permess għal dħul f’tip partikolari ta’ art jew le, huma rregolati mid-dritt nazzjonali.

B.      Id-dritt tal-Unjoni jillimita l-awtonomija tal-Istati Membri fuq kif għandhom jitwettqu l-kontrolli

74.      Il-fatt li d-dritt tal-Unjoni nnifsu ma jipprevedix awtorizzazzjoni għal dħul f’art privata bi ksur tar-regoli nazzjonali dwar id-dħul naturalment ma jfissirx li d-dritt tal-Unjoni huwa totalment irrilevanti. Filwaqt li ma jagħtix dik l-awtorizzazzjoni speċifika, id-dritt tal-Unjoni jipprovdi xi limiti għall-awtonomija tal-Istati Membri fuq kif għandhom jitwettqu l-kontrolli, kif meħtieġ mir-Regolament Nru 555/2008.

75.      Żewġ tipi ta’ dawn il-limiti ser jiġu deskritti fil-qosor f’din it-taqsima konklużiva: dawk li jirriżultaw mir-Regolament Nru 555/2008 nnifsu (1), u dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali – b’mod speċifiku, id-dritt għall-proprjetà u l-invjolabbiltà tad-dar (2).

1.      Il-limiti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 555/2008

76.      L-ewwel nett, bħal f’ħafna oqsma oħra fejn id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi implimentat u infurzat fil-livell nazzjonali (19), bħal fil-kuntest tar-Regolament Nru 555/2008, kif stabbilit b’mod ċar mill-Artikolu 76 tiegħu, il-kontrolli għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati, u dissważivi. Madankollu, kif ipprovat tispjega t-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, “effikaċi” ma jfissirx li “jgħaddi kollox”, bi ksur tal-prinċipju tal-legalità (20).

77.      It-tieni nett, l-Artikolu 80(2) tar-Regolament Nru 555/2008 x’aktarx li jipprevedi (għalkemm għal żmien limitat) dritt għal smigħ. L-Artikolu 80(1) tar-regolament jistabbilixxi li kull kontroll fil-post għandu jkun is-suġġett ta’ rapport tal-kontroll li jagħmel possibbli li jiġu eżaminati mill-ġdid id-dettalji tal-kontrolli mwettqa. Ir-rapport għandu jinkludi ammont ta’ data, bħal min kien preżenti, verifika ta’ jekk iż-żona kkonċernata nżammitx kif xieraq fil-każ ta’ skema ta’ qlugħ, jekk ingħatax avviż minn qabel u, jekk iva, minn kemm qabel. Skont l-Artikolu 80(2) tar-regolament, fejn jinstabu diskrepanzi bejn l-informazzjoni fl-applikazzjoni u s-sitwazzjoni kif kienet waqt il-kontroll, min ikabbar id-dwieli għandu jirċievi kopja tar-rapport tal-kontroll u għandu jkollu l-opportunità biex jiffirmah qabel l-awtorità kompetenti tiġbed il-konklużjonijiet tagħha.

78.      Wieħed jista’ jaħseb x’tista’ tfisser eżatt “opportunità biex jiffirmah”, iżda huwa ċar li l-applikant għal għajnuna għandu d-dritt li jkun informat dwar ir-riżultati fattwali negattivi li jirriżultaw minn kontroll fil-post. Barra min hekk, peress li dan kollu suppost jiġri qabel ma l-awtorità kompetenti tiġbed il-konklużjonijiet tagħha mir-riżultati fir-rigward tad-deċiżjoni finali tagħha, huwa sempliċement loġiku li l-applikant ser jingħata l-possibbiltà li jikkontesta r-riżultati fattwali sfavorevoli tal-awtorità kompetenti.

79.      L-Artikolu 80(2) tar-Regolament Nru 555/2008 jidher li huwa espressjoni speċifika għall-kuntest tad-dritt għal smigħ, bħala komponent tal-prinċipju ġenerali ta’ rispett għad-drittijiet tad-difiża. Hija ġurisprudenza stabbilita li, “[s]kont dan il-prinċipju, li jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod notevoli għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv f’dak li jirrigwarda l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha. L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma suġġetti għal dan l-obbligu meta jieħdu deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli ma tipprovdix espressament tali rekwiżit proċedurali” (21).

80.      Kif eżatt tali dritt għal smigħ ser jitwettaq fil-proċedura nazzjonali hija kwistjoni għall-Istat Membru. Minn naħa waħda, żgur li huwa possibbli li jiġi pprovdut ir-rapport lil min ikabbar id-dwieli xi ġranet wara l-kontroll. Tali għażla ma tkunx teħtieġ il-preżenza ta’ min ikabbar id-dwieli matul il-kontrolli, iżda tkun teħtieġ lill-awtorità kompetenti tistenna qabel ma tiġbed kwalunkwe konklużjoni minn dak ir-rapport sakemm l-applikant ikun iffirmah. Min-naħa l-oħra, huwa ugwalment possibbli għall-Istati Membri li jiżguraw konformità mad-dritt għal smigħ fi stadju iktar kmieni, b’mod partikolari waqt il-kontroll innifsu jew, b’mod iktar preċiż, immedjatament wara li jkun twettaq. Fil-fatt ikun sensibbli – u forsi anki iktar effiċjenti – li jiġi permess lil min ikabbar id-dwieli biex ikun preżenti waqt il-kontroll u eventwalment jiġi mitlub biex jiffirma r-rapport fi tmiem tal-ispezzjoni. F’dan ir-rigward, ikun loġiku għall-uffiċjal tal-kontroll li jfittex li jikseb minn qabel il-permess espliċitu biex jidħol għand min ikabbar id-dwieli, peress li jkun preżenti.

81.      Madankollu, dan l-obbligu ma huwiex previst b’mod espliċitu mir-Regolament Nru 555/2008. Huwa għalhekk id-dritt nazzjonali li għandu jfassal id-dritt għal smigħ kif jidhirlu li huwa xieraq. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri jridu jiżguraw li f’każ li jinstabu diskrepanzi bejn l-informazzjoni fl-applikazzjoni u s-sitwazzjoni attwali identifikata matul il-kontroll fil-post, min ikabbar id-dwieli effettivament jingħata d-dritt għal smigħ qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni formali li taffettwah. F’dan ir-rigward, ir-rapport tal-kontroll għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja kollha deskritta fl-Artikolu 80(1) tar-regolament, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

2.      Il-limiti tad-drittijiet fundamentali

82.      Ir-Regolament Nru 555/2008 jħalli lill-Istati Membri biex jiddeċiedu kif kontrolli fil-post għandhom jitwettqu fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal dħul f’art privata, b’mod speċifiku jekk huwiex meħtieġ permess espliċitu mingħand min ikabbar id-dwieli fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ art (miftuħa jew magħluqa). Peress li d-dritt tal-Unjoni ma jikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti għal dħul f’art mingħajr permess, ma huwiex iktar neċessarju li tiġi indirizzata t-tielet domanda dwar il-kompatibbiltà tal-Artikoli 76, 78 u 81 tar-regolament mal-prinċipju tal-invjolabbiltà tad-dar. Fil-fatt, it-tielet domanda tippreżupponi risposta pożittiva għall-ewwel domanda, li ma hijiex ir-risposta li hija rrakkomandata f’dawn il-konklużjonijiet.

83.      Madankollu, il-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali bħala limiti għall-mod ta’ kif jistgħu jitwettqu kontrolli fil-post tibqa’ parzjalment rilevanti minn angolu differenti, peress li d-dritt tal-Unjoni jimponi limiti fuq l-awtonomija tal-Istati Membri fil-provvista tal-kundizzjonijiet għal dħul f’art privata. Huwa fil-kunsiderazzjoni ta’ din l-aħħar dimensjoni li ser nagħti rendikont qasir ħafna ta’ dawn il-limiti f’din it-taqsima konklużiva.

84.      Fit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qajmet biss id-dritt fundamentali tal-invjolabbiltà tad-dar (Artikolu 7 tal-Karta). Madankollu, hemm dritt ieħor li huwa potenzjalment rilevanti f’din il-kawża: id-dritt għall-proprjetà (Artikolu 17(1) tal-Karta).

85.      Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma intiżi għall-Istati Membri biss meta huma jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, ma hemm l-ebda dubju li l-Istati Membri jaġixxu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta jwettqu kontrolli li huma meħtieġa b’mod espliċitu mir-Regolament Nru 555/2008. B’hekk, id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, huma applikabbli għal din il-kawża.

86.      Din il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt, kif imqajjem mill-Gvern Franċiż, li l-Karta ma tkunx formalment applikabbli rationae temporis għall-fatti tal-kawża. Fil-parti l-kbira, żgur li fir-rigward tad-dritt għall-proprjetà u tal-invjolabbiltà tad-dar, il-Karta tirrappreżenta sempliċement kodifikazzjoni tad-drittijiet fundamentali li huma diġà rrikonoxxuti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (22). Għalhekk, il-Karta tista’ tkun ta’ gwida f’dan il-każ hekk kif wieħed jista’ jibbaża fuqha għal finijiet ta’ interpretazzjoni minkejja li ma kinitx fis-seħħ f’dak iż-żmien (23).

87.      Bl-istess mod, huwa immaterjali li, fid-digriet tagħha, il-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment għall-Karta iżda għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-“Konvenzjoni”). Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawn id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-imsemmija konvenzjoni – għalkemm id-dritt tal-Unjoni jista’ jipprovdi protezzjoni iktar estensiva. Peress li l-invjolabbiltà tad-dar u d-dritt għall-proprjetà huma protetti mid-dritt tal-Unjoni u mill-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-“QEDB”) huma naturalment rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża (24).

88.      Fir-rigward tad-dritt għall-proprjetà, mit-tliet tipi ta’ interferenzi potenzjali ma’ dak id-dritt, x’aktarx li t-tgawdija paċifika tal-proprjetà tista’ potenzjalment titqiegħed f’dubju (25). Dawn il-kunsiderazzjonijiet ikunu naturalment f’idejn il-qorti nazzjonali biex tagħmilhom, iżda x’aktarx li d-dħul mingħajr kunsens billi wieħed jidħol f’art privata miftuħa biex iwettaq dawk il-kontrolli mingħajr ma jkollu l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont id-dritt nazzjonali, iżda wkoll mingħajr ma jikkawża danni lill-proprjetà, x’aktarx li ma jwassalx għal ksur tad-drittijiet fundamentali. Dan it-tip ta’ interferenza jkun probabbilment iġġustifikat għax x’aktarx ma jkunx imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jitwettqu l-kontrolli b’mod effettiv. B’hekk, għalkemm potenzjalment illegali, dak il-mod ta’ kif jitwettqu l-kontrolli x’aktarx li ma jkunx jirriżulta fi ksur tad-dritt fundamentali għall-proprjetà.

89.      Għall-kuntrarju – u f’konnessjoni mat-tieni domanda – jekk l-art inkwistjoni tinzerta magħluqa, id-dħul f’art privata mingħajr il-permess ta’ min ikabbar id-dwieli jkun jikkostitwixxi interferenza iktar sinjifikattiva mad-dritt għall-proprjetà peress li dan ikun effettivament jinvolvi dħul bil-forza. Għal darba oħra kollox ikun jiddependi mill-fatti tal-każ individwali, iżda jidher b’mod ġenerali x’aktarx li din l-interferenza tista’ ma tkunx iġġustifikata.

90.      Fir-rigward tal-invjolabbiltà tad-dar, huwa minnu li matul is-snin, il-QEDB gradwalment espandiet il-kunċett ta’ “dar” biex jinkludi ċertu bini ta’ negozju, bħal uffiċċji jew fergħat professjonali (26). Madankollu, iktar reċenti, din l-evoluzzjoni tidher li sabet il-limiti naturali tagħha fis-sentenzi Leveau u Fillon (27) u Khamidov (28).

91.      Is-sentenza Leveau u Fillon kienet tikkonċerna d-dħul ta’ uffiċjal f’razzett tal-ħnieżer sabiex jiżgura li l-bdiewa kkonformaw mar-regoli li japplikaw għal dawn l-azjendi agrikoli. Il-QEDB iddeċidiet li l-irziezet tal-ħnieżer ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala koperti mill-kunċett ta’ “dar”. Il-QEDB kompliet tenfasizza li t-tifsira ta’ “dar” ma għandhiex tkun sovvertita u tmur kontra s-sens komun (29). Fis-sentenza Khamidov, il-QEDB irrifjutat ukoll li tirrikonoxxi bini industrijali bħal imtieħen, fran u faċilitajiet ta’ ħażna bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “dar” għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni.

92.      Din il-Qorti tal-Ġustizzja, b’segwitu tal-gwida tal-QEDB, irrikonoxxiet ukoll fil-kuntest ta’ ispezzjonijiet fi sbieħ il-jum li l-protezzjoni tad-dar tista’ testendi ruħha għall-bini ta’ negozju (30). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll b’mod espliċitu “d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju” bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni “li issa huwa espress fl-Artikolu 7 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 8 tal-KEDB” (31).

93.      Kif inhi stabbilita bħalissa l-ġurisprudenza, ikun jidher għalhekk li apparti mir-residenzi privati ta’ kwalunkwe natura, hemm kategorija oħra ta’ “dar”, li tkopri ċerti tipi ta’ bini ta’ negozju. Madankollu, din l-aħħar kategorija hija limitata għal postijiet fejn il-ħajja privata u professjonali tal-persuni kkonċernati ssir ħaġa waħda tant li ma hemm l-ebda possibbiltà li effettivament issir distinzjoni bejniethom. Fi kliem sempliċi, din il-protezzjoni sa issa ġiet estiża għal ambjenti tax-xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu f’uffiċċju – għal persuni li effettivament jgħixu fl-uffiċċji tagħhom, fejn tiżvolġi parti kunsiderevoli tal-ħajja privata tagħhom.

94.      Għall-kuntrarju, sempliċi postijiet ta’ produzzjoni, kemm jekk industrijali jew agrikoli, fejn tali taħlita bejn ħajja professjonali u dik privata ma teżistix, x’aktarx li ma humiex ikkwalifikati bħala “djar”. Bl-ebda mod ma nixtieq nitfa’ dubju fuq ir-relazzjoni stretta, kważi intima li x’aktarx teżisti bejn wieħed li jkabbar id-dwieli u l-vinja tiegħu. Xorta waħda, il-loġika deskritta hawn fuq li twassal għal estensjoni limitata tal-kunċett ta’ “dar” biex jinkludi xi bini ta’ negozju sempliċement ma hijiex applikabbli fir-rigward ta’ siti miftuħa tal-produzzjoni, bħal vinji. Barra minn hekk, fid-dawl tal-loġika u tal-iskop tal-kunċett ta’ “dar” fil-kuntest tal-protezzjoni tagħha taħt l-Artikolu 7 tal-Karta, ma nara l-ebda raġuni biex tinkiseb estensjoni ulterjuri ta’ dak il-kunċett.

95.      Għal dawn ir-raġunijiet, ma naħsibx li vinja miftuħa tista’ tikkwalifika bħala parti mill-kunċett ta’ “dar”, sakemm ovvjament xi elementi fattwali oħra li jiġġustifikaw konklużjoni differenti ma jkunux preżenti f’każ partikolari, bħal pereżempju li l-vinja inkwistjoni kienet eżatt maġenb ir-residenza privata jew l-uffiċċju professjonali ta’ persuna (32).

V.      Konklużjoni

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat):

L-Artikoli 76, 78 u 81 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 tas‑27 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid fir-rigward ta’ programmi ta’ appoġġ, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur ta’ l-inbid, ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-uffiċjali li jwettqu kontrolli fil-post biex jidħlu f’art agrikola, kemm jekk hija magħluqa jew le, mingħajr ma jkunu kisbu permess mingħand min ikabbar id-dwieli, sakemm tali permess għad-dħul f’dan tip ta’ art inkwistjoni ma jkunx meħtieġ mid-dritt nazzjonali. Huwa d-dritt nazzjonali li għandu jipprovdi kif isir dħul f’art għall-finijiet tal-kontrolli fil-post u biex jiddetermina kif dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu fi ħdan il-limiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rispett tad-drittijiet fundamentali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 tas‑27 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid fir-rigward ta’ programmi ta’ appoġġ, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur ta’ l-inbid (ĠU 2008, L 170, p. 1).


3      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad‑29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008, L 148, p. 1).


4      Pereżempju bil-Franċiż, “de manière inopinée”; bit-Taljan, “senza preavviso”; bil-Ġermaniż “unangekündigt”; bl-Ispanjol, “sin previo aviso”; u biċ-Ċek, “bez ohlášení”.


5      Ara, fil-kuntest ta’ regolament ieħor rigward skemi ta’ għajnuna għall-bdiewa, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Omejc (C‑536/09, EU:C:2011:398, punt 32).


6      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


7      Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs IlKummissjoniHoechst vs IlKummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 31).


8      Ċertament jekk l-art inkwistjoni kienet miftuħa. Madankollu, it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar art magħluqa. Barra minn hekk, numru ta’ xenarji oħra huma konċepibbli, bħal sitwazzjoni ipotetika ta’ art (magħluqa jew le) li fuqha jkun hemm ukoll abitazzjoni u għalhekk id-domiċilju ta’ min ikabbar id-dwieli. Dawn ix-xenarji jkunu għalhekk iktar viċin tar-Regolament Nru 1/2003.


9      Enfasi miżjuda.


10      Fid-dawl tas-sanzjonijiet pjuttost ibsin li diġà jinsabu fir-regolament – ara l-punt 71 iktar ’il quddiem.


11      Sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19), u tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 27).


12      Permezz ta’ kuntrast ċar f’termini ta’ approċċ, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662) tista’ tintuża bħala eżempju. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma dehritx b’mod partikolari impressjonata b’argumenti li peress li l-fondi tal-Unjoni qegħdin jintefqu, għandu jkun hemm trasparenza massima u aċċess għal informazzjoni dwar id-destinatarji tal-flus minn fondi tal-agrikoltura tal-UE, li jkun jiġġustifika l-provvista ta’ saħansitra iktar informazzjoni minn dik prevista mir-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni kkontestat.


13      Ara l-Artikolu 81(4) tar-Regolament Nru 555/2008.


14      L-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 555/2008 ġie ssostitwit mill-Artikolu 31(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal‑15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU 2016, L 190, p. 23). Din l-aħħar dispożizzjoni turi bidla fl-ispirtu pjuttost kunsiderevoli hekk kif ma għadx hemm ir-regola li l-kontrolli fil-post ma għandhomx jitħabbru, peress li din l-ewwel sentenza sparixxiet mid-dispożizzjoni. Barra minn hekk, issa jista’ jingħata avviż bil-quddiem fi żmien 14‑il ġurnata.


15      Ara iktar ’il fuq il-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas‑17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25 p. 391); Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 73/2009 kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ konformità reċiproka prevista fir-Regolament tal-Kunsill Nru 479/2008) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243).


17      Sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Omejc (C‑536/09, EU:C:2011:398, punt 27), u tal‑24 ta’ Mejju 2012, Hehenberger (C‑188/11, EU:C:2012:312, punti 33 u 34).


18      Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Omejc (C‑536/09, EU:C:2011:398, punt 30).


19      Ara pereżempju s-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2015 Pfeifer & Langen (C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 32); tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski (C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 25) u tal‑11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 45).


20      Ara wkoll f’dan ir-rigward is-sentenza reċenti tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M. A. S. u M. B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 51 sa 58).


21      Sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 38); tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 84); u tad‑9 ta’ Novembru 2017, Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:843, punt 26).


22      F’dak li jikkonċerna d-dritt għall-proprjetà, ara pereżempju s-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 1974, Nold vs IlKummissjoniNold vs IlKummissjoniNold vs IlKummissjoniNold vs IlKummissjoni (4/73, EU:C:1974:51, punti 12 sa 14), u tal‑5 ta’ Ottubru 1994, IlĠermanja vs IlKunsillIlĠermanja vs IlKunsillIlĠermanja vs IlKunsill (C‑280/93, EU:C:1994:367, punt 78); għall-invjolabbiltà tad-dar, ara pereżempju s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs IlKummissjoniHoechst vs IlKummissjoniHoechst vs IlKummissjoniHoechst vs IlKummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 17).


23      Ara, pereżempju, b’riferiment għall-Karta anki qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 91); tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 48); u tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs IlKunsill u IlKummissjoniKadi u Al Barakaat International Foundation vs IlKunsill u IlKummissjoniKadi u Al Barakaat International Foundation vs IlKunsill u IlKummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 335).


24      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs IlKummissjoniDeutsche Bahn et vs IlKummissjoniDeutsche Bahn et vs IlKummissjoniDeutsche Bahn et vs IlKummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 20), u tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu etFlorescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 49).


25      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, EU:C:1979:290, punt 19). Għal iktar eżempji ta’ interferenzi mad-dritt għall-proprjetà, ara pereżempju, f’każ ta’ telf ekonomiku, is-sentenzi tal-QEDB tad‑29 ta’ Novembru 1991, Pine Valley Developments Ltd et vs L-Irlanda (CE:ECHR:1991:1129JUD001274287), u tat‑23 ta’ Jannar 2003, Kienast vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2003:0123JUD002337994). Ara f’ċirkustanzi oħra li jirrelataw mar-regoli Franċiżi li jippermettu d-dħul f’art privata għall-finijiet ta’ kaċċa, is-sentenza tal-QEDB tad‑29 ta’ April 1999, Cassagnou vs Franza (CE:ECHR:1999:0429JUD002508894).


26      Sentenzi tal-QEDB tas‑16 ta’ Diċembru 1992, Niemietz vs Il‑Ġermanja, (CE:ECHR:1992:1216JUD001371088) li jikkonċernaw it-tfittxija ta’ uffiċċju ta’ avukat, u tas‑16 ta’ April 2002, Société Colas Est et vs Franza (CE:ECHR:2002:0416JUD003797197) dwar ispezzjonijiet imwettqa mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja fil-fergħat u fl-uffiċċji ewlenin tal-kumpanniji.


27      Deċiżjoni tal-QEDB tas‑6 ta’ Settembru 2005, Leveau u Fillon vs Franza, (CE:ECHR:2005:0906DEC006351200).


28      Sentenza tal-QEDB tal‑15 ta’ Novembru 2007, Khamidov vs Ir‑Russja, (CE:ECHR:2007:1115JUD007211801).


29      Deċiżjoni tal-QEDB tas‑6 ta’ Settembru 2005, Leveau u Fillon vs Franza, (CE:ECHR:2005:0906DEC006351200).


30      Sentenza tas‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 29).


31      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs IlKummissjoniDeutsche Bahn et vs IlKummissjoniDeutsche Bahn et vs IlKummissjoniDeutsche Bahn et vs IlKummissjoni(C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 19).


32      Ara, b’analoġija, pereżempju, is-sentenza tal-QEDB tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Guţu vs Il‑Moldova (CE:ECHR:2007:0607JUD002028902, § 65), fejn iddeċidiet li d-dħul mingħajr awtorizzazzjoni ta’ uffiċjali tal-pulizija fil-bini tar-rikorrenti – fil-ġnien ta’ quddiem tagħha – kien interferenza mad-dritt tagħha għar-rispett tad-dar.