Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja) fis-26 ta’ Jannar 2018 – Carlos Escribano Vindel vs Ministerio de Justicia

(Kawża C-49/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Carlos Escribano Vindel

Konvenut: Ministerio de Justicia

Domandi preliminari

Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens [li] ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 31.Uno tal-Ley 39/2010, de 22 de diciembre, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2011 (Liġi 39/2010, tat-22 ta’ Diċembru 2010, dwar il-finanzi pubbliċi għas-sena 2011), li tistabbilixxi perċentwali differenti ta’ tnaqqis li rriżultaw iktar onerużi għal dawk il-membri tal-ġudikatura li r-rimunerazzjoni tagħhom hija l-iktar baxxa, li b’hekk ġew issuġġettati għal sagrifiċċju ikbar fil-kuntest tal-kontribuzzjoni lejn il-finanzi pubbliċi (prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni)?

Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ preservazzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja permezz ta’ remunerazzjoni ġusta, stabbli u konformi mal-funzjonijiet eżerċitati mill-membri tal-ġudikatura għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkluża fl-Artikolu 31.Uno tal-Ley 39/2010, de 22 de diciembre, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2011 (Liġi 39/2010, tat-22 ta’ Diċembru 2010, dwar il-finanzi pubbliċi għas-sena 2011), li la tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, la tal-anzjanità, u lanqas tal-importanza tal-kompiti mwettqa mill-membri ta’ din tal-aħħar u li sabiex tippreżerva l-vijabbiltà tal-ispejjeż pubbliċi, timponi sagrifiċċju iktar oneruż unikament fuq dawk il-membri tal-ġudikatura li r-remunerazzjoni tagħhom hija l-iktar baxxa (prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja) ?

____________