Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2018 minn Toontrack Music AB mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-22 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T-771/16 – Toontrack Music AB vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-48/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Appellant: Toontrack Music AB (rappreżentant: L.-E. Ström, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata

b’mod prinċipali, tiddeċiedi definittivament il-kawża billi tilqa’ t-talbiet ifformulati quddiem il-Qorti Ġenerali;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    Il-motivi invokati mill-appellanti insostenn tat-talbiet tagħha huma li d-deċiżjoni appellata, skont l-ewwel aggravju, hija illegali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b), (c) u (2), skont it-tieni aggravju, tikser l-Artikolu 76 u skont it-tielet aggravju, tikser l-Artikolu 65 u l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea 1 [li ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea 2 ].

2.    Skont l-ewwel aggravju, is-sentenza appellata hija żbaljata inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod żbaljat li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 13 945 423 “EZMIX”, li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni, hija deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, u li hija nieqsa mill-karattru distintiv meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) u mill-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament. Peress li s-sintamma EZMIX tikkostitwixxi, b’mod komplessiv, sinjal distintiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li kienu jeżistu raġunijiet għal rifjut previsti mir-Regolament Nru 207/2009. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-kawża fir-rigward tat-tifsira, l-użu u l-assoċjazzjonijiet tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mingħand il-pubbliku rilevanti. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

3.    Skont it-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball proċedurali billi marret kontra l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 billi żnaturat il-provi prodotti. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-faċilità hija argument ta’ bejgħ importanti ħafna fis-settur tat-tagħmir u tas-softwer użati għar-reġistrazzjonijiet mużikali u li tikkostitwixxi wieħed mill-fatturi prinċipali meħuda inkunsiderazzjoni. L-analiżi u l-provi li jissostanzjaw dawn il-kunsiderazzjonijiet huma għal kollox żbaljati. Il-Qorti Ġenerali twettaq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 76 inkwantu kien hemm żnaturament tal-provi prodotti fil-kawża. Il-lakuni fl-analiżi wasslu għal konklużjoni mhux ipprovata u żbaljata, li ma hija ssostanzjata minn ebda mill-fatti li ngħataw importanza deċiżiva mill-Qorti Ġenerali għas-soluzzjoni tat-tilwima.

4.    Skont it-tielet aggravju, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 65 u 75 tar-Regolament Nru 207/2009 u, b’hekk wettqet żball proċedurali billi naqset milli tagħti lill-appellanti l-possibbiltà li tinstema’ fir-rigward ta’ fatt li fuqu hija bbażata s-sentenza kkontestata u tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

5.    Dan il-fatt, li ssemma għall-ewwel darba fid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, ma ġiex ipprovat mill-EUIPO u r-riferiment għalih ħasad lill-appellanti. Il-provi prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza sabiex tikkontesta l-eżattezza ta’ dan il-fatt għaldaqstant setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss quddiem il-Qorti Ġenerali fejn b’hekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi l-provi kompleti, bi ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

____________

1 ĠU 2009, L 78, p. 1.

2 ĠU 2017, L 154, p. 1.