Language of document :

Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2018 mir-Repubblika tal-Polonja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-507/15, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-358/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-507/15, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni, sa fejn dawn il-motivi, imqajma fir-rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (EU) 2015/1119 tat-22 ta’ Ġunju 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2015) 4076) 1 , ġew miċħuda f’din is-sentenza:

it-tieni parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda l-effettività ta’ kontrolli fuq il-post fir-rigward ta’ gruppi ta’ produtturi rrikonoxxuti minn qabel, u

it-tieni parti tat-tieni motiv, li tirrigwarda l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ telf għall-Fond u l-livell ta’ korrezzjoni b’rata fissa applikata fir-rigward tal-infiq inkors fil-kuntest tal-miżura “Frott u Ħxejjex – Gruppi ta’ Produtturi Rikonoxxuti minn Qabel”,

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (EU) 2015/1119 tat-22 ta’ Ġunju 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2015) 4076), sa fejn hija teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-ammont ta’ EUR 55 375 053.74 f’infiq inkors mill-aġenzija ta’ pagament akkreditata mir-Repubblika tal-Polonja;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika tal-Polonja għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-ammonti ta’ EUR 142 446.05 u EUR 55 375 053.74 fi nfiq inkors mill-aġenzija ta’ pagament akkreditata mir-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest tal-miżuri “Frott u Ħxejjex – Programmi Operazzjonali”, u “Frott u Ħxejjex – Gruppi ta’ Produtturi Rikonoxxuti minn Qabel”, rispettivament.

Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja bi tliet istanzi ta’ ksur b’konnessjoni mal-infiq tagħha fuq il-miżuri li hemm riferiment għalihom hawn fuq. Dan il-ksur kien jirrigwarda, l-ewwel nett, kontrolli fuq il-post rigward l-issodisfar minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi tal-kriterji għar-rikonoxximent (f’termini tan-numru ta’ kontrolli), it-tieni nett, kontrolli fuq il-post li jippreċedu l-għoti ta’ rikonoxximent minn qabel lil gruppi ta’ produtturi jew rikonoxximent lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi, u, it-tielet nett, għajnuna mħallsa lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi għall-ispejjeż ta’ żerriegħa fil-kuntest ta’ programmi operazzjonali.

It-tieni istanza ta’ ksur li hemm riferiment għaliha hawn fuq hija bbażata fuq il-fatt li, skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Pollakki ma vverifikawx, preċedentement għall-għoti ta’ rikonoxximent minn qabel lil gruppi ta’ produtturi u preċedentement għall-għoti ta’ rikonoxximent lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi, il-valur minimu meħtieġ ta’ produzzjoni kkummerċjalizzata, jiġifieri l-kriterju fundamentali għar-rikonoxximent. Fil-fehma tal-Kummissjoni, kontrolli fuq il-post imwettqa mill-awtoritajiet Pollakki f’dan ir-rigward kienu ineffettivi. Il-Kummissjoni qieset li dawn il-kontrolli huma kontrolli ċentrali, u l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ksur kienet il-bażi tal-impożizzjoni tagħha ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % fuq l-infiq b’konnessjoni kemm mal-miżura “Frott u Ħxejjex – Programmi Operazzjonali” kif ukoll mal-miżura “Frott u Ħxejjex – Gruppi ta’ Produtturi Rikonoxxuti minn Qabel”.

Ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem l-aggravji li ġejjin kontra s-sentenza appellata:

1.    Żnaturament tal-fatti billi:

-    l-konstazzjonjiet rigward irregolaritajiet fil-kontrolli ta’ organizzazzjonjiet ta’ produtturi qabel ir-rikonoxximent tagħhom ġew mgħoddija lil kontrolli ta’ gruppi ta’ produtturi qabel ir-rikonoxximent minn qabel;

-    ġie kkonstatat li l-kontrolli ta’ gruppi ta’ produtturi qabel ir-rikonoxximent minn qabel kienu ineffettivi, minkejja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Marzu 2011 li tikkonferma l-effettività ta’ dawn il-kontrolli.

F’dan l-aggravju, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali għaddiet, b’mod mhux xieraq, konstatazzjonijiet rigward irregolaritajiet f’kontrolli ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi — jiġifieri Vegapol u Zrzeszenie Plantatorów Owoców i Warzyw in Łowicz — qabel ir-rikonoxximent tagħhom lill-evalwazzjoni tal-effettività ta’ kontrolli ta’ gruppi ta’ produtturi preċedentement għar-rikonoxximent tagħhom minn qabel. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat b’mod manifest il-fatti rigward il-kontradizzjonijiet allegati mir-Repubblika tal-Polonja bejn l-ittra tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Marzu 2011, li tikkonferma l-effettività tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet Pollakki preċedentement għall-għoti tar-rikonoxximent minn qabel lil gruppi ta’ produtturi, u l-ittra tal-24 ta’ Frar 2014, li fiha l-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja bi ksur f’dan ir-rigward. Dawn l-iżnaturamenti wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeduċi konklużjonijet kompletament żbaljati rigward l-ineffettività tal-kontrolli ta’ gruppi ta’ produtturi preċedentement għall-għoti tar-rikonoxximent minn qabel lil dawn il-gruppi.

2.    Ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fir-rigward tal-livell ta’ korrezzjoni b’rata fissa applikata mill-Kummissjoni.

Fir-rigward ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq stħarriġ ġudizzjarju rigward il-korrettezza tad-determinazzjoni tal-Kummissjoni tal-livell tal-korrezzjoni b’rata fissa tal-miżura “Frott u Ħxejjex – Gruppi ta’ Produtturi rikonoxxuti minn Qabel”. B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Qorti Ġenerali rrestrinġiet l-istħarriġ tagħha esklużivament għal eżami dwar jekk il-kontrolli inkwistjoni kinux kontrolli ċentrali fis-sens tal-Linji gwida tat-23 ta’ Diċembru 1997 għall-kalkolu tal-implikazzjonijiet finanzjarji fit-tħejjija tal-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-kontijiet tat-Taqsima Garanzija FAEGG (Dokument VI/5330/97). Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-elementi l-oħra kollha li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-riskju ta’ telf għall-baġit tal-UE u fl-istabbiliment tal-livell ta’ korrezzjoni b’rata fissa.

3.    Motivazzjoni insuffiċjenti għas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni:

-    kienet ipprovdiet provi prima facie tal-eżistenza ta’ irregolaritajiet fil-kontrolli ta’ gruppi ta’ produtturi qabel ir-rikonoxximent minn qabel; u

-    kienet applikat il-livell korrett ta’ korrezzjoni b’rata fissa.

Fil-kuntest ta’ dan l-appell, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li ma ngħatatx motivazzjoni fis-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel nett, li l-kontrolli ta’ gruppi ta’ produtturi preċedentement għall-għoti ta’ rikonoxximent minn qabel lil dawn il-gruppi kienu ineffettivi u, it-tieni nett, li l-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % fir-rigward tal-miżura “Frott u Ħxejjex – Gruppi ta’ Produtturi rikonoxxuti minn Qabel” ġiet applikata korrettament.

____________

1     ĠU 2015, L 182, p. 39.