Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2018 minn Rose Vision, S.L. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-8 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-45/13 u T-587/15, Rose Vision vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-346/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Rose Vision, S.L. (rappreżentant: J.J. Marín López, abogado)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-8 ta’ Marzu 2018, Rose Vision vs Il-Kummissjoni, T-45/13 RENV u C-587/15, ECLI:EU:T:2018:124;

tagħti lil Rose Vision kumpens għad-danni fit-termini esposti fl-għaxar u fil-ħdax-il aggravju ta’ dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-ftuħ mill-ġdid, fil-Kawża T-587/15, tal-fażi orali tal-proċedura permezz ta’ digiret tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2017, abbażi ta’ argument żbaljat li kien intalab mir-rikorrenti;

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-iżnaturament, fil-kuntest tas-sentenza appellata, tal-evalwazzjoni tal-provi prodotti, li fihom huwa kkonfermat li l-Kummissjoni ssostitwixxiet il-avviż W 2 bl-avviż W 1 ta’ Lulju 2012;

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-fatt li s-sentenza appellata ma tilqax, fil-Kawża T-45/13 RENV, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-inklużjoni ta’ Rose Vision fis-sistema ta’ twissija bikrija (SAR), ibbażata fuq il-fatt li kien ġie attivat l-avviż W 2 mingħajr ma hija ġiet informata, mingħajr ma ġiet ikkomunikata lilha l-motivazzjoni ta’ tali inklużjoni, mingħajr ma ingħata l-opportunità li tesponi l-argumenti tagħha f’dan ir-rigward u mingħajr ma setgħet tappella minn din l-inklużjoni;

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-assenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-argumenti inklużi fir-raba’ motiv tar-rikors fil-Kawża T-587/15, li assolutament ma ġewx eżaminati fis-sentenza appellata;

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-fatt li s-sentenza appellata, minkejja li stabbilixxiet korrettement li l-Kummissjoni ma kinitx osservati t-terminu ta’ xahrejn previst fil-punt II.22(5) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP7 (punt 99 tas-sentenza appellata), li kienet issuperat “b’mod ampju t-termini ta’ xahrejn” u li l-ksur ta’ tali terminu kien “ċensurabbli” (punt 116 tas-sentenza appellata), ma laqgħetx it-talba intiża sabiex ir-rapport finali tal-verifika finanzjarja 11-INFS-025 u r-rapport tal-verifika finanzjarja 11-BA119-016 jiġu ddikjarati kuntrattwalment nulli u mingħajr validità u effikaċja;

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-iżnaturament, fil-kuntest tas-sentenza appellata, tal-evalwazzjoni tal-provi prodotti, li fihom ġie kkonfermat li l-Kummissjoni ikkreditat it-twettiq tal-pagamenti lil Rose Vision fil-proġetti sISI, 4NEM u SFERA;

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-fatt li s-sentenza appellata, wara li rrikonoxxiet li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fil-punt II.22(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP7, billi kkomunikat lil terzi informazzjoni marbuta mal-verifika finanzjarja 11-INFS-025 (punt 158 tas-sentenza appellata), ċaħdet mingħajr ebda raġuni, fil-punti 159 u 160, it-talba tar-rikorrenti li jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tal-verifiki finanzjarji 11-INFS-025 u 11-BA119-016 (punt 215 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Rose Vision fil-Kawża T-45/13 RENV, tat-12 ta’ Settembru 2016);

Aggravju li jikkonsisti fil-ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali previsti fil-kundizzjonijiet ġenerali FP7 u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi ivvalidat l-applikazzjoni fir-rigward ta’ Rose Vision, permezz tal-verifiki finanzjarji 11-INFS-025 u 11-BA119-016, ta’ rekwiżiti ġodda previsti fil-gwida finanzjarja tal-2011, b’tali mod li l-perijodi sottoposti għall-verifika finanzjarja 11-INFS-025 kienu il-perijodi ta’ bejn l-1 ta’ Novembru 2009 u l-31 ta’ Ottubru 2010 (inkonnessjoni mal-proġett FutureNEM) u ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2010 (inkonnessjoni mal-proġetti FIRST u sISI);

Aggravju li jikkonsisti fl-iżnaturament tal-evalwazzjoni tal-provi, u b’mod iktar konkret tad-dokument ta’ Rose Vision tat-30 ta’ Awwissu 2012, li ġie kompletament injorat fis-sentenza appellata;

Aggravju li jikkonsisti fil-fatt li s-sentenza appellata ċaħdet b’mod żbaljat in-neċessità li jingħata kumpens għad-danni abbażi ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali;

Aggravju li jikkonsisti fl-assenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet inklużi fil-paragrafu XII tal-att promotur tal-Kawża T-587/15, li fil-punti 112 sa 117 tiegħu kien jitlob kumpens għad-danni abbażi ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, li assolutament ma ġewx eżaminati fis-sentenza appellata.

____________