Language of document : ECLI:EU:C:2009:511

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2009 1(1)

Kawża C‑304/08

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs e. V.

vs

Plus Warenhandelsgesellschaft mbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest legali

A –   Id-dritt Komunitarju

B –   Il-liġi nazzjonali

III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

IV – Il-proċeduri quddeim il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   L-argumenti tal-partijiet

VI – Evalwazzjoni ġuridika

A –   Osservazzjonijiet preliminari

B –   L-ammissibbiltà tat-talba

1.     Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.     Ir-rilevanza tad-domanda preliminari għad-domanda prinċipali

C –   L-eżami tad-domanda preliminari

1.     Il-kunċett ta’ “prattiċi [prattiki] kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29

2.     Il-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva tad-Direttiva 2005/29

3.     L-istrutturi taż-żewġ liġijiet

a)     Id-dospożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29

i)     Konverġenza sħiħa u massima tal-għan leġiżlattiv tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali

ii)   L-istruttura normattiva tad-Direttiva 2005/29

b)     Id-dispożizzjonijiet tal-UWG

i)     L-istruttura normattiva tal-projbizzjoni riżultanti mill-Artikoli 3 u 4, Nru 6, tal-UWG

c)     Il-kompatibbiltà tal-liġi kkontestata mad-Direttiva 2005/29

i)     Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva

ii)   L-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva

–       L-Artikolu 5(4) u (5) tad-Direttiva 2005/29

–       L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29

4.     Sintesi

VII – Konklużjoni

“Ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari – Suġġett ammissibbli ta’ interpretazzjoni – Rilevenza għad-deċiżjoni li trid tittieħed – Offerti konġunti – Direttiva 2005/29/KE – Interpretazzjoni konformi mad-direttiva – Armonizzazzjoni – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiki kummerċjali żleali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi bħala prinċipju l-prattiki kummerċjali li jissuġġettaw il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew logħob promozzjonali għax-xiri ta’ prodott jew servizz ”






I –    Introduzzjoni

1.        Fil-proċeduri preżenti, istitwiti abbażi tal-Artikolu 234 KE, il‑Bundesgerichtshof (il-Ġermanja – iktar ’il quddiem: il-qorti tar-rinviju) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal‑konsumatur fis-suq intern (2) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva 2005/29). Il‑kwistjoni titratta essenzjalment il-kompatibblità, mad-dritt Komunitarju, ta’ regoli nazzjonali li jistabbilixxu l-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ prattika kummerċjali li tissuġġetta l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew logħba promozzjonali għall-akkwist ta’ prodott jew servizz.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn rikors ippreżentat minn Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs (assoċjazzjoni Ġermaniża li tissielet kontra l-kompetizzjoni żleali – iktar ’il quddiem: ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), li permezz tiegħu talbet l-inibizzjoni u r-rimbors tal-ispejjeż intimatorji, peress li l-istabbilimenti kummerċjali għall-bejgħ bl-imnut, bl-isem ta’ Plus Warenhandelsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem: il-“konvenuta fil-kawża prinċipali”) kisru l-liġi tal-kompetizzjoni, f’pubbliċità li wettqu waqt kampanja promozzjonali.

II – Il-kuntest legali

A –    Id-dritt Komunitarju

3.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

d)      ‘prattiċi [prattiki] kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa “prattiċi [prattiki] kummerċjali”) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi.

[…] ”.

4.        L-Artikolu 3(1) tad-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott”.

5.        L-Artikolu 4 tad-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva”.

6.        Taħt il-titolu “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, l-Artikolu 5 tad-direttiva jiddisponi:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali

u

b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

3.      Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta’ reklamar ta’ stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li ma humiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment.

4.      B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

a)      jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)      ikunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.      Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

7.        L-offerti li jorbtu l-kompetizzjonijiet jew l-logħob promozzjonali ma’ tranżazzjonijiet kummerċjali, ma humiex iċċitati fil-lista tal-prattiki kummerċjali meqjusa bħala żleali, fl-ebda ċirkustanza stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva.

B –    Il-liġi nazzjonali

8.        Il-liġi Ġermaniża kontra l-kompetizzjoni żleali tat-3 ta’ Lulju 2004 (3) (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb – iktar ’il quddeim: l-UWG), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 1 tal-Ewwel Liġi ta’ Emendi, tat-22 ta’ Diċembru 2008 (4), għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1 tagħha li tipproteġi, minn kompetizzjoni żleali, lill-kompetituri, lill-konsumaturi u lill-atturi l-oħra tas-suq. Tipproteġi fl-istess waqt, l-interess ġenerali li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

9.        Fil-verżjoni preċedenti tiegħu, l-Artikolu 3 tal-UWG kien jiddisponi:

“L-atti ta’ kompetizzjoni żleali li huma ta’ natura li jostakolaw l-kompetizzjoni b’mod li mhux negliġibbli għad-detriment tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew tal-atturi l-oħra tas-suq, huma illegali”.

10.      Din id-dispożizzjoni nżammet, anki wara l-emenda leġiżlattiva ta’ Diċembru 2008, fil-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 3(1) tal-UWG. Biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29, jiżdiedu miegħu żewġ paragrafi oħra. Il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 3 tal-UWG tipprovdi:

“(1) Huma illegali l-prattiki kummerċjali żleali li huma ta’ natura li jaffetwaw b’mod sostanzjali l-interessi tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew tal-atturi l-oħra tas-suq.

(2) Il-prattiki kummerċjali diretti lill-konsumaturi huma fi kwalunkwe ċirkustanza illegali jekk ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ diliġenza professjonali mitlub mill-kummerċjant, jekk ikunu tali li jbiddlu b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni fid-dawl tal-fatti kollha u li jwassluh għal deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jasal biex jieħu. Il-kriterju ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward huwa l-konsumatur medju jew, meta l-prattika kummerċjali tkun diretta speċifikament lil grupp partikolari ta’ konsumaturi, membru medju ta’ dak il-grupp. Il-prattiki kummerċjali li l-kummerċjant jista’ jipprevedi li huma diretti biss lil grupp kjarament identifikabbli ta’ konsumaturi u li huwa b’mod partikolari vulnerabbli minħabba diżabbiltà mentali jew fiżika, l-età jew il-kredulità tagħhom, huma evalwati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp.

(3) Il-prattiki kummerċjali diretti lill-konsumaturi, elenkati fl-anness għal-liġi preżenti, huma illegali fi kwalunkwe ċirkustanza ”.

11.      L-Artikolu 4 tal-UWG (il-verżjoni preċedenti), li essenzjalment baqa’ l-istess wara l-emendi ta’ Diċembru 2008, jipprovdi:

“Tkun ħatja ta’ att żleali fis-sens tal-Artikolu 3, kwalunkwe persuna

[…]

6.       li tissuġġetta l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew logħob promozzjonali għall-akkwist ta’ prodott jew servizz, sakemm il-kompetizzjoni jew il-logħob ma jkunux intrinsikament marbuta mal-imsemmi prodott jew servizz;

[…]”.

III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12.      Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-konvenuta, li għandha madwar 2,700 kumpanija sussidjarja fil-Ġermanja, nidiet il-kampanja “Ihre Millionenchance” (“Iċ-ċans tiegħek li tirbaħ miljuni!”), matul il-perijodu bejn is-16 ta’ Settembru u t-13 ta’ Novembu 2004, billi stiednet lill-pubbliku bl-islogan “ixtri, akkumula l-punti u ilgħab il-lottu b’xejn”. Matul dan il-perijodu, il-klijenti setgħu jakkumulaw xi “punti bonus” billi jiksbu punt għal kull ħames Ewro li jonfqu f’daqqa meta jixtru. Malli jgħaqqdu l-20 punt, setgħu jipparteċipaw b’xejn fit-tlugħ tal-lotterija tal-kumpanija “Deutscher Lottoblock” tas-6 ta’ Novembru 2004 jew f’dik tas-27 ta’ Novembru. Għal dan l-għan, il-klijenti kellhom, b’mod partikolari, jiġbru formola ta’ parteċipazzjoni minn waħda mill-kumpaniji sussidjarji tal-konvenuta, iwaħħlu fuq din il-formula l-punti bonus u jniżżlu sitt numri tal-għażla tagħhom fil-kaxxi tal-lottu. Il-konvenuta kienet tiġbor il-formoli mill-kumpaniji sussidjarji u tibgħathom lil kumpanija terza, li kienet tiżgura li l-klijenti kienu jipparteċipaw fit-tlugħ permezz tan-numri magħżula tagħhom.

13.      Billi kkunsidrat li, abbażi tal-Artikolu 4(6) tal-UWG, din l-attività promozzjonali kienet qed tassoċja, b’mod illegali, il-bejgħ mal-logħob tal-ażżard, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet il-kawża quddiem il-Landgericht Duisburg, li laqgħet it-talbiet tagħha u ordnat lill-konvenuta twaqqaf il-prattika kompetittiva konsistenti fil-promozzjoni – permezz tal-pubbliċità diretta lill-konsumatur finali jew xort’oħra – tal-bejgħ ta’ prodotti permezz ta’ logħba promozzjonali li fiha x-xerrej jirċievi punti bonus li jippermettulu jipparteċipa fit-tlugħ tal-lottu Ġermaniż.

14.      Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Oberlandesgericht Düsseldorf, li ordnat sempliċiment li d-dispożittiv relatat mal-ordni jkun ikkompletat biż-żieda tal-kelma “b’xejn”, biex tiġi spjegata aħjar n-natura konkreta tal-ksur.

15.      Fl-appell tagħha ta’ “Reviżjoni”, li ġie awtorizzat mill-Prim’Awla Ċivili tal-Bundesgerichtshof, l-intimata kompliet issostni t-talbiet tagħha u talbet iċ-ċaħda tar-rikors.

16.      Peress li qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 4(6) tal-UWG mad-Direttiva 2005/29, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċedura u ressqet id‑domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29/KE dwar il-prattiċi kummerċjali żleali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha prattika kummerċjali li tagħmel il-parteċipazzjoni ta' konsumaturi għal kompetizzjoni jew logħob promozzjonali suġġetta għax-xiri ta' prodott jew ta' servizz hija bħala prinċipju illeċita, indipendentement minn jekk l-inizjattiva ta' reklamar taffettwax, fil-każ partikolari, l-interessi tal-konsumaturi?”

IV – Il-proċeduri quddeim il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Id-digriet tar-rinviju tal-5 ta’ Ġunju 2008 ġie ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2008.

18.      L-osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati fit-terminu stipulat fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika tal-Finlandja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju tal-Belġju u tar-Repubblika Taljana, kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

19.      Fil-kuntest tal-miżuri amministrattivi tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsija lill-partijiet u lill-intervenjenti l-oħra, li rrispondew għall-istess.

20.      Waqt il-proċedura orali li seħħet fil-11 ta’ Ġunju 2009, ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet mill-mandatarju tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-aġenti tal-Gvernijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Awstrijaka, kif ukoll mill-aġent tal-Kummissjoni.

V –    L-argumenti tal-partijiet

21.      Il-Gvern Spanjol u l-Gvern Ċek eskludew l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 fil-każ preżenti.

22.      Il-Gvern Spanjol iqajjem l-ewwel nett l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari, peress li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali iseħħu fi Stat Membru wieħed biss. Jirreferi f’dan ir-rigward għall-ġurisprudenza Jägerskiöld (5). Sussidjarjament, jinvoka n-nuqqas tal-applikabbiltà tad-direttiva peress li l-fatti li fuqhom jissejsu r-rikorsi nazzjonali jippreċedu mhux biss l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, iżda wkoll dak għall-adozzjoni tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-poter li tinterpreta dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jirriżultawx minn traspożizzjoni u li wara kollox ġew adottati qabel l-adozzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda element konkret li jindika li l-komportament tal-konsumatur medju seta’ jinbidel b’mod sostanzjali.

23.      Il-Gvern Ċek jesponi li għad-differenza tad-Direttiva 2005/29, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati ma għandhomx l-għan li jipproteġu, minn prattiki kummerċjali żleali, lill-konsumaturi, iżda li jħarsu l-kompetizzjoni u għaldaqstant li jipproteġu lill-kompetituri. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 u, għaldaqstant, ma jistgħux imorru kontriha.

24.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Finlandiż, Portugiż, Belġjan, Ġermaniż u Taljan huma tal-opinjoni li d-Direttiva 2005/29 ma tostakolax projbizzjoni bħal dik prevista fl-UWG.

25.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqajjem l-kwistjoni li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tal-UWG ma tistax tapplika ħlief jekk, minn naħa, il-prattika kummerċjali tkun, skont l-Artikolu 3 tal- UWG, tali li taffetwa, b’mod li mhux sempliċiment negliġibbli, il-kompetizzjoni, għad-detriment tal-kompetituri, tal-konsumaturi u tal-atturi l-oħra tas-suq u jekk, min-naħa l-oħra, tkun tali li tbiddel, b’mod sostanzjali, il-kapaċità tal-konsumatur li jiddeċiedi fid-dawl tal-fatti kollha, u għaldaqstant twasslu għal deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jasal li jieħu. Il-qorti tar-rinviju żbaljat meta tefgħet dubju fuq il-kompatibbiltà tal-Artikolu 4(6) tal-UWG mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29.

26.      Il-Gvern Finlandiż josserva l-ewwel nett li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2005/29 huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur. Id-Direttiva tistabbilixxi regoli ġenerali li jippermettu li jiġu identifikati u pprojbiti l-prattiki kummerċjali żleali, bil-possibbiltà tal-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti, relatati mal-projbizzjoni ta’ miżuri li jippromwovu l-bejgħ. Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, tikkonkretizza l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2005/29, mingħajr ma tmur lil hinn mill-Artikolu 2 tagħha. Għaldaqstant hija konformi mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva.

27.      Skont il-Gvern Portugiż, l-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jelenka l-prattiki kummerċjali li huma meqjusa bħala żleali fi kwalunkwe ċirkustanza u jipprojbixxi b’mod partikolari, fil-punt 16 tiegħu, il-prattika “(f)ejn il-kummerċjant isostni li prodotti jistgħu jiffaċilitaw ir-rebħ f’logħob ta’ l-ażżard”. Il-Gvern Portugiż jidher madanakollu li qed jeskludi li l-kampanja pubbliċitarja kkontestata tammonta għal tali prattika, peress li s-sempliċi xiri ta’ prodott jew servizz fih innifsu ma jagħtix lok għall-possibbiltà tar-rebħ. Il-Gvern Portugiż jikkonkludi li d-dispożizzjonijiet Ġermaniżi, b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 4 tal-UWG, huma kompatibbli mad-Direttiva 2005/29, peress li l-projbizzjonijiet li jirriżultaw minn dawn it-testi, meħuda flimkien, ma jiksrux l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.

28.      Il-Gvern Belġjan iqis li r-regola tal-Artikolu 4(6) tal-UWG, li tipprojbixxi r-rabta bejn il-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni u l-obbligu tax-xiri, sakemm ma jkunx hemm l-osservanza ta’ ċerti regoli, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29. Barra minn hekk, l-offerti konġunti, li huma s-suġġett ta’ din il-projbizzjoni, jammontaw għal tip ta’ bejgħ li, skont il-ġurisprudenza Keck u Methouard (6), ma huwiex ta’ natura li jostakola l-kummerċ intra-Komunitarju. Huma biss ir-riklami kummerċjali diretti lill-konsumaturi li jistgħu jikkostitwixxu prattiki kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29. F’dan il-każ, ikun il-kompitu tal-qrati nazzjonali li jistabbilixxu, fid-dawl taċ-cirkustanzi tal-każ partikolari, jekk id-dispożizzjonijiet u l-kriterji tad-Direttiva 2005/29 ġewx osservati jew le.

29.      Il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Taljan iqisu li minħabba l-formolazzjoni u l-mod sistematiku ta’ kif ġiet abbozzata d-Direttiva 2005/29, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jipprojbixxu prattiki kummerċjali oħra minbarra dawk elenkati fl-Anness I, jekk il-komportament ikun jista’ jitqies bħala wieħed żleali, fid-dawl tal-kriterji elenkati fl-Artikolu 5.

30.      Għal dak li għandu x’jaqsam, b’mod konkret, mal-prattika kummerċjali kkontestata, il-Gvern Ġermaniż iqis li jekk il-parteċipazzjoni f’logħba jew kompetizzjoni promozzjonali tkun suġġetta għall-akkwist ta’ prodott, din tkun tikkostitwixxi, inekwivokament, prattika kummerċjali żleali, li tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba għall-ġustifikazzjoni ta’ din il-kwalifika. Għaldaqstant, il-projbizzjoni ġenerali ta’ offerta konġunta bħalma hija dik inkwistjoni, hija kompatibbli mas-sens u mal-għan tad-Direttiva 2005/29.

31.      Fir-rigward tal-premessa 7 tad-Direttiva 2005/29, li tistabbilixxi li l-projbizzjoni ta’ ċerti prattiki kummerċjali għandha tkun preċeduta mill-eżami taċ-cirkustanzi tal-każ konkret, il-Gvern Taljan josserva li dan ir-rekwiżit jista’ jiġi sodisfatt billi l-operatur jitħalla jressaq il-prova opportuna tal-legalità tal-aġir tiegħu. Konsegwentement, skont il-Gvern Taljan, il-projbizzjoni tal-Artikolu 4(6) tal-UWG hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva.

32.      Min-naħa l-oħra, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jqisu bħala inkompatibbli mad-Direttiva, leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 4(6) tal-UWG, li tipprojbixxi b’mod assolut kwalunkwe prattika kummerċjali li tissuġġetta l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’logħba jew kompetizzjoni promozzjonali għall-akkwist ta’ prodott jew ta’ servizz, mingħajr il-ħtieġa li jiġi stabbilit jekk il-miżura promozzjonali konkreta, taffetwax jew le l-interessi tal-konsumaturi. Peress li din il-prattika ma tirriżultax mil-lista tal-Anness I, din tista’ tiġi pprojbita biss jekk din tikkwalifika bħala żleali abbażi tal-eżami tal-każ partikolari fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29.

33.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tgħid li l-għan ta’ projbizzjoni ġenerali, li ma jippermettix li jkun hemm assoċjazzjoni bejn il-parteċipazzjoni u l-logħob promozzjonali u l-obbligu tax-xiri, kien diġà ġie diskuss fil-kuntest ta’ proposta tal-Kummissjoni, bl-għan li jiġi adottat regolament relatat mal-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern, u dan jixhed li l-leġiżlatur Komunitarju kien diġà konxju tal-problema. Li kieku dan tal-aħħar ried jinkludi din il-projbizzjoni ġenerali fid-Direttiva 2005/29, huwa kien jintroduċi din il-prattika kummerċjali b’mod espliċitu fil-lista tal-Anness I.

34.      Skont il-Gvern Pollakk, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kkontestata tal-UWG, mad-Direttiva 2005/29, tiddependi fuq l-għan li l-liġi nazzjonali trid tikseb. Billi bbaża ruħu qabel kollox fuq il-premessa 5 tad-Direttiva, il-Gvern Pollakk josserva li l-leġiżlatur Komunitarju jiddistingwi b’mod ċar bejn il-prattiki kummerċjali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi, għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar, li d-Direttiva għandha l-għan li tirregola, u l-prattiki li jaffetwaw l-interessi ekonomiċi tal-kompetituri, li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29. Għaldaqstant, wieħed ma jistax ipoġġi fid-dubju l-kompatibbiltà tad-Direttiva 2005/29 ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li tipproteġi lill-kompetituri.

35.      Billi jirreferi b’mod partikolari għall-proċedura preliminari li nfetħet fuq talba tal-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fil-kawża Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C-540/08), li għadha pendenti, il-Gvern Awstrijak issottometta, waqt is-seduta, li d-Direttiva 2005/29 għandha, l-ewwel u qabel kollox, l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi u għaldaqstant ma tapplikax għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom l-għan li jħarsu l-interessi tal-kompetituri, liema interessi ma humiex affetwati mid-Direttiva 2005/29. Il-Gvern Awstrijak isejjes l-argument tiegħu b’mod partikolari fuq il-premessa 8 tad-Direttiva, kif wkoll fuq il-proposta tal-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern. Sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, minkejja kollox, favur l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/29, il-Gvern Awstrijak jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li din id-Direttiva tippermetti dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikoli 3 u 4, Nru 6, tal-UWG.

VI – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

36.      Din il-kawża toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kompatibblità tad-dritt Komunitarju mal-projbizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-offerti konġunti. Jista’ jkun hemm xi indikazzjonijiet li huma utli biex wieħed iwieġeb għad-domanda preliminari, fis-sentenza tat-23 ta’ April 2009, fil-kawża VTB-VAB u Galatea (7), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ukoll intalbet tinterpreta d-Direttiva 2005/29. Bħal f’din il-kawża, il-kwistjoni fil-każ inkwistjoni hija dik li jiġi stabbilit jekk u f’liema miżura l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw regoli li jipprojbixxu strettament l-offerti konġunti, mingħajr l-evalwazzjoni tal-prattika kummerċjali fil-każ partikolari, fid-dawl tal-armonizzazzjoni ta’ parti mil-liġi dwar il-prattiki kummerċjali żleali mid-Direttiva 2005/29.

37.      Kif enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi tal-21 ta’ Ottubru 2008 fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq (8), id-Direttiva 2005/29, adottata fil-21 ta’ Mejju 2005 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, għandha l-għan li toħloq qafas legali uniformi ta’ regoli li jikkonċernaw il-prattiki kummerċjali żleali. Skont il-premessa 5 ta’ din id-direttiva, dan l-għan għandu jintlaħaq permezz tal-armonizzazzjoni tal-liġi dwar il-prattiki kummerċjali żleali fl-interess tal-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-moviment liberu transkonfinali fis-suq intern (9). L-għan leġiżlattiv tagħha huwa għalhekk l-armonizzazzjoni ta’ dan il-qasam tal-ħajja, fuq il-livell Komunitarju (10).

38.      Skont l-Artikolu 20 tagħha, id-Direttiva 2005/29 daħlet fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-12 ta’ Ġunju 2005. Skont l-Artikolu 19(1) tagħha, l-Istati Membri kienu marbuta li jwettqu t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali sa mhux iktar tard mit-12 ta’ Ġunju 2007, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi meħtieġa, iżda b’terminu addizzjonali ta’ sitt snin għal ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali iktar rigorużi. L-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi madanakollu, saret biss obbligatorja mit-12 ta’ Diċembru 2007.

39.      Formalment, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssodisfat l-obbligu tat-traspożizzjoni permezz tal-Ewwel Liġi ta’ Emenda tal-UWG tat-22 ta’ Diċembru 2008, li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2008 (11). Madanakollu, id-dispożizzjoni kkontestata tal-Artikolu 4(6) tal-UWG ma ġietx adottata biex tiġi trasposta d-Direttiva 2005/29 u din id-dispożizzjoni fil-fatt, tmur lura għal leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti. Fid-digriet tagħha, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt Komuniatrju. Kif ipprevediet abbażi tax-xogħlijiet preparatorji (12) li hija kellha, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29, la ġabet magħha l-emenda u lanqas ir-revoka tal-Artikolu 4(6).

B –    L-ammissibbiltà tat-talba

1.      Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

40.      Il-Gvern Spanjol isejjes l-eċċezzjoni tiegħu tal-inammissibbiltà, l-ewwel u qabel kollox fuq in-nuqqas tad-dimensjoni Komunitarja tad-domanda preliminari. Jinvoka s-sentenza Jägerskiöld (13), li skont il-punt 45 tagħha "(i)d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal sitwazzjoni, bħal dik tal-kawża prinċipali, li l-elementi tagħha kollha huma limitati għall-konfini ta’ Stat Membru wieħed". Jekk il-Gvern Spanjol qed jirreferi f’dan ir-rigward għan-nuqqas tal-element transkonfinali, l-argument tiegħu jfisser, mill-aspett proċedurali, li fil-fatt qed jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

41.      L-ewwel nett, irid jiġi osservat li d-domanda preliminari inkwistjoni f’din il-kawża, kienet tikkonċerna esklużivament l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi primarja dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Huwa minnu li jinħtieġ element transkonfinali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet (14). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja madanakollu għandha l-opportunità li tinterpreta att sekondarju tad-dritt Komunitarju, jiġifieri direttiva fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE u dan almenu jikkostitwixxi differenza waħda bejn iż-żewġ kawżi.

42.      Irid ukoll jiġi mfakkar li fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 234 KE, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun pendenti l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni li tintervjeni, biex teżamina, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża pendenti quddiemha, kemm in-neċessità tad-deċiżjoni preliminari, biex ikun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (15).

43.      Konsegwentement, sakemm id-domandi li jitressqu jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (16), sakemm ma jkunx manifest li t-talba għal deċiżjoni preliminari, x’aktarx li tkun ser twassalha biex tippronunċja ruħha fuq kontroversja fittizja jew biex tifformula opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mal-għan tal-kontroversja, jew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt jew tad-dritt meħtieġa biex twieġeb b’mod utli għad-domandi li sarulha (17).

44.      Wieħed għalhekk irid iwieġeb għall-argument tal-Gvern Spanjol billi jgħid li l-evalwzzjoni biex jiġi stabbilit jekk is-sitwazzjoni hijiex waħda puramanent interna, hija waħda ti tolqot l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u mhux l-ammissibbiltà tat-talba (18). Irid ukoll jiġi mfakkar li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-ġurisdizzjoni tagħha, dan għamlitu fl-interess inekwivoku tal-uniformità fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti kkonċernati tad-dritt Komunitarju, ikunu xi jkunu s-sitwazzjonijiet tal-applikazzjoni tagħhom, biex fil-ġejjieni jiġu evitati d-diverġenzi fl-interpretazzjoni (19).

45.      L-argument tal-Gvern Spanjol għalhekk għandu jiġi miċħud.

2.      Ir-rilevanza tad-domanda preliminari għad-domanda prinċipali

46.      Proċeduralment, l-argument li l-Gvern Spanjol qiegħed jagħmel abbażi tal-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2005/29, iwassal biex tiġi kkontestata r-rilevanza tad-domanda preliminari għad-deċiżjoni prinċipali.

47.      Kif diġà rajna, il-preżunzjoni tar-rilevanza, marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali, ma tistax tiġi injorata ħlief f’każijiet eċċezzjonali, u b’mod partikolari meta jirriżulta b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju f’dawn id-domandi, ma għandha xejn x’taqsam mar-realtà jew mal-għan tal-vertenza prinċipali (20).

48.      Fil-każ preżenti, id-domanda preliminari mhix għalkollox nieqsa mir-rilevanza għad-deċiżjoni li trid tittieħed fil-kawża prinċipali, peress li kif jindika d-digriet tar-rinviju, ir-“Reviżjoni” tad-deċiżjoni tiddependi, għal dak li għandu x’jaqsam mal-ordni tal-inibizzjoni, fuq il-punt li jiġi stabbilit jekk l-Artikoli 3 u 4, Nru 6, tal-UWG humiex kompatibbli mad-Direttiva 2005/29 (21). Fl-affermattiv, l-appell għar-“Reviżjoni” għandu jiġi miċħud. Jekk min-naħa l-oħra l-projbizzjoni tal-kompetizzjonijiet jew tal-logħob promozzjonali, bl-obbligu tax-xiri, stipulata fl-Artikolu 4(6) tal-UWG tmur lil hinn mill-protezzjoni prevista fid-direttiva, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata u r-rikors miċħud, inkwantu tirrigwardja l-ordni tal-inibizzjoni.

49.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/29, inkwantu din hija ta’ rilevanza għall-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, ma nara l-ebda mod kif din tista’ tiġi affetwata mill-argument tal-Gvern Spanjol, li jisħaq li l-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali jippreċedu d-dħul fis-seħħ, jiġifieri l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/29; fil-fatt, il-proċedimenti għall-inibizzjoni, li fil-prim’istanza ntrebħu mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma, kif indikat fid-digriet tar-rinviju (22), immirati kontra ksur potenzjali. Jekk wieħed janalizza konkretament l-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fuq il-liġi interna applikabbli, dan ifisser li l-liġi dwar l-inibizzjoni kienet qed tipproduċi, sa dakinhar, l-effetti ġuridiċi fil-konfront tal-konvenuta. Sakemm il-liġi dwar l-inibizzjoni tkompli tipproduċi l-effetti tagħha (23), il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni, bħalma huwa l-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG mad-Direttiva 2005/29 tibqa’ attwali u rilevanti għall-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll għall-qorti nazzjonali li trid tiddeċiedi dwar il-vertenza.

50.      Din il-kwistjoni tassumi importanza akbar peress li fid-data tar-rinviju, fil-5 ta’ Ġunju 2008, it-terminu tat-12 ta’ Ġunju 2007, stipulat għat-traspożizzjoni, kif ukoll l-aħħar terminu għall-applikazzjoni, stipulat għat-12 ta’ Diċembru 2007, kienu, t-tnejn li huma, ilhom li skadew. F’din id-data, il-liġi nazzjonali kienet għadha ma ġietx emendata u l-leġiżlatur Ġermaniż ma jidhirx li kellu f’moħħu t-tneħħija tal-projbizzjoni tal-bejgħ konġunt, stipulat fl-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG; il-qorti nazzjonali barra minn hekk tidher li kienet konxja minn dan, kif juri d-digriet tar-rinviju.

51.      Fl-ipotesi, a priori mhix eskluża, tal-inkompatibbiltà tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tal‑UWG mad-Direttiva 2005/29, il-fatt li l-proċedimenti għall-inibizzjoni, inizjati abbażi tar-regoli nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, huma mmirati għall-ġejjieni, kellu jimponi fuq il-qorti nazzjonali, fil-funzjoni tagħha bħala qorti Komunitarja, l-obbligu li jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, jekk ikun il-każ anki qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni. Dan jirriżulta mill-prinċipju li d-dritt Komunitarju jipprevali fuq dak nazzjonali (24), kif ukoll mill-obbligu tal-Istati Membri, irrikonnoxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jieħdu, kif jitlob l-Artikolu 10(2) KE, u l-Artikolu 249(3) KE, kwalunkwe miżura meħtieġa biex jintlaħaq l-għan stabbilit mid-Direttiva.

52.      Kif enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi konġunti C‑261/07 (VTB-VAB) u C‑299/07 (Galatea) (25), dan jinkludi l-obbligu li wieħed jastjeni minn dak kollu li jista’ jikkomprometti t-twettiq tal-għan tad-Direttiva. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mill-applikazzjoni konġunta tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tat-Trattat KE u tad-direttiva stess li, waqt il-perjodu tat-traspożizzjoni, l-Istati Membri destinatarji għandhom jastjenu mid-dispożizzjonijiet li jkunu ta’ natura li jistgħu jikkompromettu serjament it-twettiq tar-riżultat preskritt mid-direttiva (26). Dan l-obbligu ta’ astinenza jestendi għall-organi kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (27). Huwa l-kompitu ta’ dawn tal-aħħar li jevalwaw jekk dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, humiex ta’ natura li jikkompromettu t-twettiq tar-riżultat preskritt mid-direttiva (28).

53.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Adelener et(29) iddeċidiet li mid-data li fiha direttiva tidħol fis-seħħ, il-qrati tal-Istati Membri għandhom kemm jista’ jkun jastjenu milli japplikaw il-liġi interna b’mod li jirriskja li jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tal-perjodu għat-traspożizzjoni, it-twettiq tal-għan tad-direttiva.

54.      Wieħed irid ukoll iqis il-fatt li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kamp tal-applikazzjoni tad-direttiva jinkludi mhux biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-għan espliċitu tagħhom huwa dak tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-direttiva, id-dispożizzjonijiet nazzjonali preeżistenti, suxxettibbli li jiżguraw il-konformità tal-liġi nazzjonali mad-direttiva (30). Fil-kawża preżenti, dan jinkludi wkoll id-dispożizzjonijiet tal-UWG, inklużi l-Artikoli 3 u 4, Nru 6, li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/29.

55.      Għaldaqstant, meta l-ġudikant nazzjonali jkun tal-fehma li mal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva, li tkun se tiġi trasposta ftit wara, il-liġi nazzjonali tista’ tikkomprometti l-għan ta’ dik id-direttiva (31), għandu sa mill-fażi tat-traspożizzjoni, jadotta dawk il-miżuri li huma meħtieġa għat-twettiq tal-għan ta’ dik id-direttiva.

56.      Għaldqastant, peress li l-proċedimenti għall-inibizzjoni, inizjati abbażi tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, huma mmirati għall-ġejjieni, il-qrati Ġermaniżi kellhom, mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Dirttiva 2005/29, id-dritt li jeżaminaw il-kompatibbiltà tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG mad-direttiva u f’każ ta’ dubju, li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni, abbażi tal-Artikolu 234, l-ewwel paragrafu, subinċiż (b), KE.

57.      Id-domanda magħmula għalhekk, mhix nieqsa mir-rilevanza għas-soluzzjoni tal-vertenza fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari hija ammissibbli.

C –    L-eżami tad-domanda preliminari

58.      Preliminarjament, irid jiġi mfakkar, li fil-kuntest tal-proċeduri ppreżentati abbażi tal-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Madanakollu, għandha ġurisdizzjoni biex tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-kompatibbiltà, biex tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha (32).

59.      Id-domanda preliminari għandha l-għan li tiddetermina jekk id-Direttiva 2005/29 hijiex kompatibbli ma’ dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l‑punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG. Għal dan il-għan, irid l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk din id-dispożizzjoni taqax, minħabba l-għan tagħha, fil-kamp tal-applikazzjoni sostantiv u suġġettiv tad-Direttiva 2005/29. Irid sussegwentement jiġi eżaminat jekk din id-direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-projbizzjoni tal-prattika kummerċjali kkontestata riżultanti mill-Artikoli 3 u 4, Nru 6, tal-UWG.

1.      Il-kunċett ta’ “prattiċi [prattiki] kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29

60.      Moqrija inkonnessjoni mal-Artikolu 3 tal-UWG, id-dispożizzjonijiet tal‑punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG jipprojbixxu lil kull kummerċjant milli jissuġġetta l‑parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’ kompetizzjoni jew logħba promozzjonali għall-akkwist ta’ prodott jew ta’ servizz, sakemm il-kompetizzjoni jew il-logħba ma jkunux, min-natura tagħhom, marbuta mal-oġġett jew mas-servizz. Fi kliem ieħor, jipprojbixxu l-assoċjazzjoni ta’ żewġ oġġetti jew servizzi differenti, għall-finijiet tal-bejgħ u għaldaqstant jistipulaw il-projbizzjoni rigoruża tal-offerti konġunti (33).

61.      Kif esponejt b’mod dettaljat fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi konġunti C‑261/07 (VTB-VAB) u C‑299/07 (Galatea) (34) u kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fis-sentenza li tat f’dawn il-kawżi (35), l-offerti konġunti jikkostitwixxu atti kummerċjali li bla dubju jagħmlu parti minn strateġija kummerċjali ta’ operatur u huma direttament immirati għall-promozzjoni u għall-bejgħ kontinwu.

62.      Għaldaqstant jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tagħha.

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva tad-Direttiva 2005/29

63.      Kif ġustament josserva l-Gvern Pollakk, il-kwistjoni dwar jekk l‑punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva tad-direttiva, jiddependi mill-punt li jiġi stabbilit jekk, bħad-direttiva nnifisha, għandux l-għan li jipproteġi lill-konsumaturi.

64.      Id-direttiva ma tirregolax fil-fatt, għajr ir-relazzjonijiet B2C (“business to consumer”), jiġifieri bejn il-professjonisti u l-konsumaturi. Dan jirriżulta mill-premessa 8 li tistipula li d-direttiva ma tipproteġix direttament ħlief l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi (36). Madanakollu, kif juru l-premessa  6 u l-iktar il-premessa 8, l-interessi ekonomiċi ta’ dawk il-kompetituri li jaġixxi b’mod leċitu, għandha wkoll tingħatalhom il-protezzjoni mistħoqqa (37).

65.      Kuntrarjament għall-Gvern Ċek (38), ma għandi l-ebda dubju li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG għandu t-tifsira u l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

66.      L-ewwel nett, skont l-ewwel artikolu tagħha, l-UWG sservi sabiex tipproteġi lill-kompetituri u lill-operaturi l-oħra, iżda wkoll lill-konsumaturi, kontra l-kompetizzjoni żleali (39). It-tieni nett, il-mod ta’ kif huwa abbozzat, kif ukoll it-tifsira u l-għan tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG isostnu din l-interpretazzjoni. Din id-dispożizzjoni fil-fatt tikkodifika l-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (40) dwar il-verżjoni preċedenti tal-ewwel artikolu tal-UWG, li tistabbilixxi li huwa anti-kompetittiv, li wieħed jissuġġetta l-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet jew f’logħob promozzjonali, għax-xiri ta’ oġġett jew għat-talba ta’ servizz. Skont ix-xogħlijiet preparatorji (41), l-għan tat-test huwa li jipproteġi lill-konsumatur minn kwalunkwe dannu eċċessiv li jista’ jiġi kkawżat fuq il-livell tal-libertà li jiddeċiedi, minħabba l-isfruttament tal-passjoni tal-logħob. Il-punt tat-tluq huwa li offerta, li tallaċja l-parteċipazzjoni f’logħba promozzjonali mal-bejgħ ta’ oġġett, tista’ tbiddel radikalment id-deċiżjoni dwar l-akkwist, anki ta’ konsumatur medju raġonevoli, b’mod li din id-deċiżjoni ma tibqax imsejsa fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali, iżda fuq il-ħerqa tar-rebħ inkwistjoni. Barra minn hekk dan jirrifletti s-sentiment unanimu tad-duttrina (42).

67.      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva tad-Direttiva 2005/29

3.      L-istrutturi taż-żewġ liġijiet

68.      Biex jiġi stabbilit jekk id-Direttiva 2005/29 tippermettix dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l- punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG, iż-żewġ leġiżlazzjonijiet iridu jiġu eżaminati u kkomparati kemm mill-perspettiva normattiva kif ukoll mill-perspettiva tal-istruttura regolatorja.

a)      Id-dospożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29

i)      Konverġenza sħiħa u massima tal-għan leġiżlattiv tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali

69.      Kif diġà ġie espost inizjalment (43), il-mira tad-Direttiva 2005/29 hija l-armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli legali tal-Istati Membri, li jikkonċernaw il-prattiki kummerċjali żleali. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-istrumenti legali, settorjali u speċifiċi li jikkonċernaw l-armonizzazzjoni tal-liġi dwar il-konsumaturi, eżistenti sa dak iż-żmien, id-Direttiva 2005/29 ma timmirax biss għall-armonizzazzjoni minima, iżda wkoll għall-konverġenza massima bejn ir-regoli tad-dritt nazzjonali, li bir-riżerva ta’ ċerti eċċezzjonijiet, ma tippermettix lill-Istati Membri jżommu jew jadottaw regoli iktar ħorox, anki jekk dan ikun sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni lill-konsumatur (44). Kull waħda minn dawn il-konklużjonijiet jirriżultaw minn interpretazzjoni kemm tal-preambolu kif ukoll tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ din id-direttiva.

70.      Dan jirriżulta, minn naħa, mill-premessa 11 tad-Direttiva 2005/29, li tistipula li l-konverġenza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li tiżgura l-imsemmija direttiva, għandha toħloq livell komuni u għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u, min-naħa l-oħra, mill-Premessa 12, li tistipula li l-konsumaturi u l-professjonisti jistgħu għalhekk iserħu fuq qafas regolatorju msejjes fuq kunċett legali ddefinit b’mod ċar li jirregola l-aspetti kollha tal-prattiki kummerċjali żleali fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Referenza oħra għall-metodu ta’ konverġenza tal-liġi, tirriżulta mill-ewwel artikolu tad-Direttiva 2005/29, li jistipula li l-għan tal-imsemmija direttiva huwa li tikkontribwixxi għat-titjib fil-protezzjoni tal-konsumaturi u għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

71.      L-għan li jkun hemm regolazzjoni eżawrjenti u massima fuq il-livell Ewropew, fil-qasam tal-ħajja li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, joħroġ ċar mill-premessa 14 u mill-premessa 15 ta’ din id-direttiva, li jagħmlu referenza għal armonizzazzjoni sħiħa. Dan jirriżulta, barra minn hekk, mill-klawżola dwar is-suq intern fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29, li tistipula li l-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas il-moviment liberu tal-merkanzija, għal raġunijiet li jaqgħu f’qasam, li għalih din id-direttiva tipprevedi l-konverġenza tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

72.      Bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 3(5), tad-Direttiva 2005/29 jistabbilixxi li, għal perijodu ta’ sitt snin li għandu jibda jiddekorri mit-12 ta’ Ġunju 2007, l-Istati Membri għandu jkollhom il-fakultà li jżommu fis-seħħ dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali, fl-oqsma ta’ konverġenza, affetwati minn din id-direttiva. Huwa minnu li din l-eċċezzjoni hija limitata għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw id-direttivi u li jkollhom fihom xi klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima (45). L-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29 jinkludi fl-aħħar nett l-eċċezzjoni addizzjonali rigward is-servizzi finanzjarji fis-sens tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU L 271, p. 16), u l-beni immobbli.

ii)    L-istruttura normattiva tad-Direttiva 2005/29

73.      Id-dispożizzjoni ċentrali tad-Direttiva 2005/29 hija l-klawżola ġenerali stipulata fl-Artikolu 5(1), li tistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe prattika żleali. L-Artikolu 5(2), jippreċiża dak li wieħed għandu jifhem bi “żleali”. Skont din id-dispożizzjoni, prattika kummerċjali hija żleali, minn naħa, jekk tmur kontra r-rekwiżiti tad-“diliġenza professjonali” u min-naħa l-oħra, jekk tkun suxxettibbli li “toħloq distorsjoni sostanazjali” fl-imġiba ekonomika. Skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, huma b’mod partikolari żleali dawk il-prattiki kummerċjali qarrieqa (l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29) jew aggressivi (l-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva). Il-paragrafu 5 tal-istess artikolu jirreferi għall-Anness I tad-Direttiva 2005/29 u għall-prattiki kummerċjali hemmhekk imsemmija, “li f’kull ċirkustanza huma kkunsidrati żleali”. Din il-lista tapplika bl-istess mod fl-Istati Membri kollha u ma tistax tiġi emendata ħlief permezz tal-emenda tad-Direttiva 2005/29.

74.      Konsegwentement, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-liġi mill-qrati nazzjonali u mill-awtoritajiet amministrattivi, l-ewwel u qabel kollox trid issir referenza għall-prattiki żleali elenkati fl-Anness I. Jekk prattika kummerċjali taqa’ fl-ambitu ta’ wieħed minn dawn il-każijiet, għandha tiġi pprojbita. Għaldaqstant, ma hemmx għalfejn wieħed jipproċedi għal analiżi iktar dettaljata, pereżempju dwar l-effetti tal-prattika kkonċernata. Jekk il-każ partikolari ma jkunx jaqa’ f’din il-lista, ikun irid jiġi eżaminat jekk jikkorrispondix għal xi wieħed mill-eżempji rregolati mill-klawżola ġenerali, dwar il-prattiki kummerċjali qarrieqa jew aggressivi. Huwa biss f’dan in-nuqqas, li japplika l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2005/29 (46).

b)      Id-dispożizzjonijiet tal-UWG

75.      Skont ġurisprudenza stabbilita, kull Stat Membru li lilu tkun indirizzata d-direttiva, huwa obbligat li jieħu, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-effett sħiħ tad-direttiva, skont l-għan li din tkun trid tikseb (47). Dan jinkludi l-obbligu tal-leġiżlatur nazzjonali li jittrasponi b’mod korrett id-direttiva kkonċernata (48). Mill-mod ta’ kif huwa abbozzat, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE jħalli l-għażla tal-forma u mal-metodu f’idejn l-organi nazzjonali. Din il-libertà tal-għażla hija mogħtija b’mod partikolari lil-leġiżlatur nazzjonali.

76.      Għal din ir-raġuni, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li t-traspożizzjoni tad-direttiva fil-liġi interna ma titlobx neċessarjament li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva jiġu adottati kelma b’kelma, f’regola legali espliċita u speċifika (49). L-importanti huwa li t-testi tat-traspożizzjoni jirriflettu r-rekwiżiti taċ-ċarezza u tas-sigurtà legali, biex l-għan tad-direttiva jitwettaq fit-totalità tiegħu, meta l-qrati nazzjonali tal-Istat inkwistjoni jiġu biex japplikawhom (50).

77.      Biex jiġi stabbilit jekk jikkorrispondix, u f’liema miżura jikkorrispondi l‑punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG mar-rekwiżiti tad-direttiva, iridu l-ewwel u qabel kollox jiġu analizzati l-elementi prinċipali ta’ din id-dispożizzjoni.

i)      L-istruttura normattiva tal-projbizzjoni riżultanti mill-Artikoli 3 u 4, Nru 6, tal-UWG

78.      Fil-verżjoni tat-3 ta’ Lulju 2004, li kienet fis-seħħ fid-data tat-talba preliminari u li għaldaqstant għandha tapplika hawnhekk, l-Artikolu 3 tal-UWG jistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe kompetizzjoni żleali. Dan it-test fundamentali tal-liġi dwar il-prattiki kummerċjali jieħu l-forma ta’ klawżola ġenerali, applikabbli għas-sanzjoni ta’ kwalunkwe ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. B’riżerva għal ċerti emendi li ma humiex daqshekk importanti, din il-klawżola ġenerali ġiet miżmuma, anki wara l-emendi leġiżlattivi tal-2008, fil-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 3(1) tal-UWG.

79.      Il-liġi sostantiva dwar il-ksur tal-kompetizzjoni, hija ddefinita b’referenza għall-kunċett tal-“iżlealtà fil-kompetizzjoni”. L-UWG hija strutturata b’mod li d-dispożizjonijiet ġenerali tal-Kapitolu 1 (l-Artikoli 1 sa 7) jiġbru fihom, minbarra l-oqsma li huma koperti fl-ewwel artikolu u d-definizzjonijiet, fl-Artikolu 2, ir-regoli dwar il-projbizzjoni (l-Artikoli 3 sa 7); il-konsewgwenzi legali (l-Artikolu 8 sa 10) tal-ksur ta’ waħda mill-projbizzjonijiet u l-preskrizzjoni (l-Artikolu 11) huma rregolati mill-Kapitolu 2, filwaqt li l-liġi proċedurali formali hija rregolata mill-Kapitolu 3. Il-Kapitolu 4 (l-Artikoli 16 sa 19) fih dispożizzjonijiet penali li jissanzjonaw il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-Kapitolu 5 (l-Artikoli 20 sa 22) jiġbor fih id-dispożizzjonijiet finali.

80.      L-Artikolu 4 tal-UWG jistabbilixxi indiċi ta’ eżempji – li jinkludi l-parteċipazzjoni f’logħob jew kompetizzjonijiet promozzjonali, rilevanti għall-kawża preżenti – biex jikkonkretizza l-projbizzjoni ġenerali ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali, riżultanti mill-klawżola ġenerali fl-Artikolu 3 tal-UWG (51). Dan l-indiċi jiġbor fih il-kategoriji li fis-sustanza ħarġu mill-ġurisprudenza u mid-duttrina Ġermaniża. L-indiċi tal-eżempji jirriżulta mill-volontà tal-leġiżlatur li jeħles lill-ġudikanti mill-obbligu li jiddeterminaw il-kriterju tal-“iżlealtà” (52) u li jsaħħaħ it-trasparenza (53). Peress li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG ma jagħmilx ħlief jikkonkretizza l-kriterju tal-“iżlealtà”, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-UWG iridu jikkonkorru ma’ dawk ta’ din id-dispożizzjoni – jew ma’ dawk ta’ xi eżempji oħra, ikunu liema jkunu – biex miżura tkun tista’ tikkwalifika bħala waħda anti-kompetittiva (54). L-Artikolu 3 tal-UWG jesiġi li l-atti ta’ kompetizzjoni żleali (jew il-prattiki kummerċjali, skont it-terminoloġija tal-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 3(1) tal-UWG) jkunu tali li jxekklu l-kompetizzjoni b’mod mhux negliġibbli, għad-detriment tal-kompetituri, tal-konsumaturi u tal-atturi l-oħra tas-suq. Konsegwentement, l-att kompetittiv (jew il-prattika kummerċjali, skont it-terminoloġija tal-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 3(1) tal-UWG) ikkontestat, mhux biss irid ikun twettaq fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni konkreta, iżda għandu barra minn hekk, jeċċedi l-limitu determinat, jiġifieru jrid ikollu ċertu impatt fuq il-kompetizzjoni u jaffetwa b’mod partikolari l-interessi tal-kategoriji tal-persuni protetti.

81.      It-twaqqif ta’ “limitu de minimis” jew tar-“rekwiżit tal-perċettibbiltà” iħaffef ix-xogħol tal-qrati nazzjonali u jevitalhom il-kompitu tal-eżami ta’ prattiki abbużivi ta’ importanza minima (55). Il-kriterju determinanti biex tiġi analizzata l-kompatibbiltà tal-liġi kkontestata mad-Direttiva 2005/29 huwa, fl-opinjoni tiegħi, il-livell li fih il-qrati nazzjonali, li huma kompetenti biex jisimgħu l-kawżi dwar il-kompetizzjoni, jistabbilixxu dan il-limitu.

c)      Il-kompatibbiltà tal-liġi kkontestata mad-Direttiva 2005/29

i)      Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva

82.      Biex ikun jista’ jingħad li dispożizzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, wieħed ma jridx jirreferi biss għall-mod ta’ kif hija abbozzata dik id-dispożizzjoni, iżda jrid ukoll iqis il-mod ta’ kif hija interpretata mill-qrati nazzjonali (56). Peress li tirrifletti l-interpretazzjoni tal-liġi kif applikata għas-suġġetti kollha tad-dritt, il-ġurisprudenza ta’ Stat Membru tikkostitwixxi kriterju indispensabbli fl-eżami tal-konformità, mad-dritt Komunitarju, tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali u tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt (57).

83.      Fil-fatt, minkejja li meta l-kundizzjonijiet tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG jiġu vverifikati, hija biss l-“żlealtà” li tiġi stabbilita, b’mod li biex il-prattika tkun tista’ titqies bħala pprojbita mil-liġi nazzjonali, iridu wkoll jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-UWG, jirriżulta mid-digriet tar-rinviju (58) li l-ġurisprudenza tal-ogħla qrati Ġermaniżi tqis, b’mod espliċitu, li fil-każ tal‑punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG, in-natura sostanzjali tar-restrizzjoni għall-kompetizzjoni, għandha dejjem tkun preżunta (59). Dan joħroġ mir-referenza għad-duttrina (60), mill-analiżi tad-dispożizzjoniet nazzjonali, kif ukoll mill-mod ta’ kif hija abbozzata d-domanda preliminari stess, li tistqarr li l-liġi kkontestata tipprojbixxi l-offerti konġunti “indipendentement minn jekk l-inizjattiva ta’ reklamar taffetwax, fil-każ partikolari, l-interessi tal-konsumatur”. Il-mod ta’ kif hija abbozzata d-domanda, donnu jindika li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG huwa interpretat daqs li kienu l-ġudikant nazzjonali ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni fil-każ konkret. Din tidher ukoll li hija l-ipoteżi li fuqha serraħ il-Gvern Ġermaniż fl-ewwel osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, fejn invoka l-projbizzjoni “ġenerali” jew “assoluta” fil-konfront ta’ din il-liġi nazzjonali (61).

ii)    L-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva

84.      Minn hawn ’il quddiem, ser neżamina jekk din l-interpretazzjoni tal‑punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG hix kompatibbli mad-direttiva, inkwantu din twassal sabiex tipprojbixxi kwalunkwe offerta konġunta, inkluża l-parteċipazzjoni f’logħob jew f’kompetizzjoni promozzjonali. Għal dan il-għan ser insegwi s-sistema analitika deskritta fil-punt 74.

–       L-Artikolu 5(4) u (5) tad-Direttiva 2005/29

85.      Irid jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li l-prattika kummerċjali pprojbita mill‑punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG ma tikkorrispondi għall-ebda waħda mill-prattiki elenkati fl-Anness I tad-direttiva (62). Dan jgħodd b’mod partikolari għal dik esposta fil-punt 16 ta’ dan l-anness, jiġifieri d-dikjarazzjoni li ċerti prodotti jżidu l-opportunitajiet tar-rebħ f’logħob tal-ażżard. Hija forma partikolari ta’ pubbliċità, iżda mhix offerta konġunta fil-veru sens tal-kelma. Indipendentament minn dan, u kif sewwa jenfasizza l-Gvern Portugiż, il-konvenuta fil-kawża prinċipali mhix qed tgħid li x-xiri ta’ prodott huwa biżżejjed biex jiggaratixxi l-possibbiltà tar-rebħ. Hija sempliċiment toffri l-possibbiltà tal-parteċipazzjoni f’logħba tal-ażżard, li fi kwalunkwe każ hija aċċessibbli għal kulħadd, mingħajr ma twiegħed lix-xerrej li l-possibbiltajiet tiegħu tar-rebħ ikunu akbar.

86.      Peress li l-offerti konġunti ma humiex inklużi fost il-prattiki kummerċjali elenkati fl-Anness I, meqjusa bħala żleali fi kwlunkwe ċirkustanza, ma jistgħux fil-prinċipju jiġu pprojbiti ħlief jekk ikunu żleali, għar-raġuni pereżempju li huma qarrieqa jew aggressivi, fis-sens tad-direttiva (63). Il-prattika pprojbita mill‑punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG ma tistax tikkwalifika bħala waħda qarrieqa jew aggressiva fis-sens tal-Artikolu 5(4) tad-direttiva.

–       L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29

87.      Skont id-direttiva, il-projbizzjoni tista’ biss tiġi ppronuċjata jekk il-prattika kummerċjali tkun waħda żleali, għaliex tikser ir-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u peress li, fil-konfront tal-prodott ikkonċernat, tinfluwenza jew hija ta’ natura li tinfluwenza b’mod sostanzjali l-komportament ekonomiku tal-konsumatur medju. Għal dan il-għan, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u (b), għandhom jikkonkorru (64).

88.      Il-Gvern Ġermaniż, li fis-sustanza qed iserraħ fuq il-periklu tal-manipulazzjoni, riżultanti mit-tentazzjoni li l-logħob jeżerċita fuq il-konsumaturi, iqis li dan huwa preċiżament il-każ tal-prattika kummerċjali pprojbita mill‑punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG.

Il-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza professjonali

89.      Il-kunċett tad-“diliġenza professjonali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(h) tad-direttiva bħala “l-istandard ta’ sengħa u kura speċjali li kummerċjant huwa raġjonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward ta’ konsumaturi, proporzjonat ma’ prattika onesta fis-suq u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fede fil-qasam ta’ attività tal-kummerċjant”.

90.      Din id-definizzjoni, li tirreferi b’mod partikolari għall-kunċett legali, mhux iddefinit, tal-“prattika onesta fis-suq” timplika l-valutazzjoni tal-prinċipju, li jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, skont il-karatteristiċi kulturali u d-drawwiet (65). Dan ma jmurx kontra l-konverġenza tal-leġiżlazzjonijiet, rikjesta mid-Direttiva 2005/29, b’mod konformi mal-premessa 13, li twassal għall-eliminazzjoni tal-ostakoli għas-suq intern, riżultanti mill-applikazzjoni tal-klawżoli ġenerali u tal-prinċipji legali diverġenti, iktar u iktar meta l-Istati Membri għandhom, b’mod espliċitu, ċerta libertà ta’ regolazzjoni f’kuntest speċifikament determinat (66). Id-Direttiva 2005/29 dan tirrikonoxxih, barra minn hekk, fil-premessa 7 tagħha, li tistipula li “(m)a tindirizzax rekwiżiti legali konnessi ma’ gosti u deċenza li jvarjaw ħafna bejn Stati Membri”. Tagħti bħala eżempju, s-solleċitazzjoni fit-toroq, li f’ċerta Stati Membri tista’ ma tintlaqax tajjeb. L-Istati Membri “jkunu jistgħu għalhekk ikomplu jipprojbixxu prattiki kummerċjali fit-territorju tagħhom, b’konformità mal-liġi Komunitarja, għal raġunijiet ta’ gosti u deċenza anki meta dawn il-prattiki ma jillimitawx il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur.”

91.      Il-fatt li l-logħob tal-ażżard jikkostitwixxi riskju għas-soċjetajiet tal-Istati Membri (67), li għandhom għalhekk ikunu f’qagħda li jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jillimitaw il-perikli li jġib miegħu l-vizzju tal-logħob, ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward. Fiċ-ċentru ta’ din il-ġurisprudenza, hemm il-bilanċ bejn, minn naħa, il-libertajiet tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi ġenerali mandatarji, bħalma huma l-protezzjoni tal-konsumaturi, il-protezzjoni kontra l-frodi u t-tentazzjoni taċ-ċittadini, marbuta mal-logħob, li jonfqu b’mod eċċessiv, kif ukoll il-ħarsien tal-ordni soċjali b’mod ġenerali (68). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompetenza tal-Istati Membri li “jistipulaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u eventwalment li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-oqsma tal-ordni morali, reliġjuż jew kulturali, kif ukoll il-konsegwenzi li moralment jew finanzjarjament jistgħu jkunu ta’ preġudizzju għall-individwu u għas-soċjetà li tkun midħla tal-logħob u l-imħatri, jistgħu jkunu ta’ natura tali li jiġġustifikaw l-eżistenza, għall-benefiċċju tal-awtoritajiet nazzjonali, ta’ entità li tevalwa u tiddetermina r-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni soċjali”, kemm-il darba l-miżuri adottati jirrispetaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (69).

92.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-rekwiżit ta’ koerenza stabbilit fil-ġurisprudenza, jitlob l-estensjoni tal-prinċipji ċċitati iktar ’il fuq għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2005/29, u b’mod partikolari għall-kunċett tal-“prattika onesta fis-suq”, billi l-Istati Membri jingħataw, fil-limiti stabbiliti mid-dritt Komunitarju, marġni ta’ diskrezzjoni suffiċjenti biex jadottaw il-miżuri li jippermettulhom jissieltu kontra l-perikli tal-vizzju tal-logħob.

93.      Skont l-analiżi ġenerali tal-Gvern Ġermaniż, din il-prattika kummerċjali, imsejsa fuq l-attrazzjoni tal-logħob, taqa’ fl-ambitu tal-kategorija tar-riżervi relatata mal-ordni morali. Kif sewwa josserva l-Gvern Ġermaniż, l-użu tal-logħob promozzjonali fil-pubbliċità għandu l-kapaċità li jipprovoka l-passjoni għal logħob. Huwa minħabba l-potenzjal tar-rebħ – li jista’ jkun kbir ħafna – li dan il-logħob jeżerċita ċertu qawwa provokattiva. Jista’ jattira l-attenzjoni ta’ klijenti potenzjali jew jiġbidhom lejn ċerti għanijiet, fil-kuntest tal-istrateġija pubbliċitarja inkwistjoni. Mhux faċli għalhekk li wieħed jiċħad għal kollox l-argument, li prattika kummerċjali bħal din, hija, f’ċerti aspetti, manipulattiva, u tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tmur kontra d-diliġenza professjonali.

94.      Għaldaqstant, prattika kummerċjali li tissuġġetta l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew logħba promozzjonali, għall-akkwist ta’ oġġett jew servizz, tista’ f’ċerti ċirkustanzi tmur kontra r-rekwiżit ta’ diliġenza professjonali fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2005/09.

Il-kapaċità li tbiddel sostanzjalment il-komportament tal-konsumatur medju

95.      Bil-frażi “toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, […], tal-konsumatur medju” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b), wieħed irid jifhem, skont id-definizzjoni legali misjuba fl-Artikolu 2(e), “l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni informata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra”. Din id-dispożizzjoni tipproteġi l-libertà tal-konsumatur li jiddeċiedi (70).

96.      Fid-dawl tar-riskji esposti iktar ’il fuq (71), u s-suppożizzjoni ta’ marġni ta’ diskrezzjoni adegwata, attribwita lill-Istati Membri, il-fatt li wieħed jissuġġetta l-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet jew logħob promozzjonali għal tranżazzjonijiet kummerċjali, jista’ fil-prinċipju jbiddel b’mod sostanzjali l-komportament tal-konsumatur fil-konfront tal-akkwisti tiegħu. Kif sewwa josserva l-Gvern Ġermaniż (72), xejn ma jeskludi li l-perspettiva ta’ parteċipazzjoni b’xejn, f’logħba promozzjonali, tinċita lill-konsumatur biex jonfoq iktar milli previst, biex jiżgura l-parteċipazzjoni tiegħu. Jista’ wkoll jiġi mħajjar jixtri iktar mingħand l-operatur, biex isostni din il-parteċipazzjoni.

97.      Għaldaqstant, globalment, il-kundizzjonijiet għall-appikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2005/29, huma fil-prinċipju, sodisfatti.

Il-ħtieġa li wieħed iqis b’mod globali ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari

98.      Wieħed huwa madanakollu ġġustifikat li jiddubita jekk din l-attitudni globali tweġibx verament għas-sens u għall-għan tad-direttiva, kif ukoll għall-volontà tal-leġiżlatur Komunitarju. Kif diġà enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi konġunti C‑261/07 (VTB-VAB) u C‑299/07 (Galatea) (73), ma hemmx risposta ta’ valur universali għall-kwistjoni tal-offerti konġunti, jiġifieri jekk dawn ikunux żleali jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29; ir-risposta tiddependi minn valutazzjoni tal-prattika kummerċjali fil-każ partikolari.

99.      Dan jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 7 tad-direttiva, li tistipula li jkun raġjonevoli, fl-applikazzjoni tad-direttiva, b’mod partikolari tal-klawżoli ġenerali tagħha, li jitqies il-kuntest tal-każ individwali kkonċernat. Il-kliem “b’mod partikolari” jikkonferma li l-eżami tal-każ partikolari, mhix limitata għall-applikazzjoni tal-klawżola ġenerali tal-Artikolu 5(1), iżda testendi wkoll għal dik tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9, li jikkonkretizzawha. Il-premessa 7 turi li l-leġiżlatur Komunitarju wkoll jikkondividi l-ipoteżi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 2005/29 għandhom jiġi eżaminati fid-dawl tal-każ partikolari, jekk il-prattika kummerċjali ma tkunx tirriżulta mill-Anness I. Dan jirriżulta minn raġjonament a contrario sensu tat-tielet frażi tal-premessa 17, li tistipula li l-prattiki kummerċjali elenkati fl-Anness I “huma l-uniċi li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9”.

100. Il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe offerta konġunta riżultanti mill‑punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG, kif interpretata iktar ’il fuq, twassal finalment biex ittawwal il-lista tal-Anness I, f’kuntest fejn l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jagħmlu dan, minħabba l-armonizzazzjoni sħiħa u massima stabbilita mid-Direttiva 2005/29 (74). Il-projbizzjoni imposta fuq l-Istati Membri biex ma jikkompletawx din il-lista unilateralment, hija kkorraborata mill-fatt li, skont l-Artikolu 5(5), emenda bħal din tkun timplika r-reviżjoni tad-direttiva nnifisha, li tirrikjedi l-kodeċiżjoni, skont il-proċedura tal-Artikolu 251 KE.

101. Huwa f’idejn il-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet amministrattivi li l-leġiżlatur Komunitarju jafda l-kompitu tal-evalwazzjoni tan-natura leali ta’ prattika kummerċjali fil-każijiet konkreti, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-influwenza tagħha fuq il-komportament ekonomiku tal-konsumatur medju. Dan huwa li tindika b’mod espliċitu l-premessa 18 tad-Direttiva 2005/29 (75). Huma dawn il-qrati u l-awtoritajiet li huma fdati bil-kompitu, skont l-Artikoli 11 u 12 tad-direttiva, li jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva, fil-kuntest tas-sistemi ta’ sanzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali (76). Madanakollu, l-għan tat-traspożizzjoni effettiva fil-livell tal-Istati Membri jiġi ppreġudikat meta l-leġiżlatur Ġermaniż jistabbilixxi projbizzjonijiet ta’ prinċipju, li jiżdiedu ma’ dawk tal-Anness I, mingħajr ma titħalla l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-organi li huma kompetenti biex jinterpretaw u jeżegwixxu l-liġijiet, li lilhom ilkoll hija indirizzata d-direttiva (77).

102. Fil-kuntest tal-Artikolu 5(2) tad-direttiva, l-eżami taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ partikolari, hija iktar meħtieġa milli wieħed jista’ jippreżumi, peress li kwalunkwe rabta stabbilita bejn it-tranżazzjoni kummerċjali u l-parteċipazzjoni f’logħba promozzjonali tipproduċi awtomatikament l-effett manipulattiv fis-sens mixtieq mill-Gvern Ġermaniż. Il-kriterju tal-“karattru sostanzjali”fl-Artikolu 5(2)(b), bil-fors li jimplika l-eżami tal-każ partikolari (78). Madanakollu, wieħed jista’ jimmaġina każijiet fejn l-attrazzjoni tal-parteċipazzjoni f’logħba jew kompetizzjoni promozzjonali, ma jkollux jew ikollu influwenza minima fuq il-komportament tax-xiri tal-konsumatur.

103. Għalhekk, mingħajr ma nixtieq nippreġudika l-analiżi tal-qrati nazzjonali, li fuqhom jaqa’ l-kompitu tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-proċedimenti relatati mal-kawża prinċipali (79), wieħed jista’ jgħid li l-potenzjal ta’ parteċipazzjoni fit-tlugħ tal-lottu, mhux li tant iħajjar lill-konsumatur medju biex jagħmel xirja ta’ iktar minn EUR 100, iktar u iktar meta l-ewwel nett dan l-ammont huwa relattivament għoli u t-tieni nett meta l-logħba inkwistjoni hija aċċessibbli għal kulħadd. F’dan ir-rigward wieħed irid jingħaqad mal-argument tal-Gvern Spanjol li jistqarr li l-konsumatur medju li jixtieq jipparteċipa fit-tlugħ tal-lottu, normalment mhux ser joqgħod jistenna li jonfoq EUR 100 f’xirja (80). Bħal fl-ipoteżi tal-każ preżenti, dan il-konsumatur normalment ikun f’qagħda li jinduna li l-vantaġġ huwa limitat għall-parteċipazzjoni gratwita fit-tlugħ tal-lottu, liema parteċipazzjoni hija suġġetta għall-akkwist ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 100 fi prodotti. F’dan il-kuntest ikun jista’ jiddeċiedi liberament jixtieqx jipparteċipa fl-azzjoni promozzjonali jew jippreferix jakkwista l-bżonnijiet tiegħu mingħand wieħed mill-kompetituri (81).

104. Bħala sunt, jista’ jingħad li fl-interpretazzjoni li ngħatatilha, dispożizzjoni nazzjonali li, bħall-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG, tipprevedi l-projbizzjoni tal-prinċipju tal-offerti konġunti, mingħajr l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-każ partikolari, hija essenzjalment iktar restrittiva u iktar ħarxa mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29.

105. F’dan il-kuntest irid jiġi osservat li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG jikkonċerna qasam li jaqa’ fl-ambitu tal-armonizzazzjoni sħiħa u li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29 ma japplikawx għalih. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(9) tad-direttiva lanqas ma tapplika f’dan il-każ.

Dwar l-irtirar tal-proposta tar-regolament tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern

106. Iridu jiġu stabbiliti x’ser ikunu l-konsegwenzi fuq din l-interpretazzjoni, jekk il-proposta għar-regolament tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern tiġi rtirata (82). Il-Gvern Ġermaniż jirreferi għall-varji emendi li saru lil din il-proposta fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva (83) biex jintlaħaq konsensus fost l-Istati Membri u fi ħdan il-Parlament fir-rigward tal-ħtieġa tal-projbizzjoni tal-prinċipju tal-offerti konġunti (84).

107. Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li fil-kuntest tal-adozzjoni tal-UWG, li daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Lulju 2004, il-leġiżlatur Ġermaniż kien għamel referenza għall-proposta emendata tal-Kummissjoni u kien iġġustifika l-adozzjoni tal‑punt 6 tal-Artikolu 4 abbażi tal-argument tal-Parlament, li n-nuqqas ta’ osservanza tal-kompetizzjoni hija dovuta għall-fatt li l-miżura għandha l-għan li tisfrutta l-passjoni għal-logħob u b’hekk tfixkel id-deċiżjoni tal-konsumatur.

108. Madanakollu, kuntrarjament għal dak espost mill-Gvern Ġermaniż, la l-proposta għar-regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ u lanqas l-emendi previsti fil-kuntest ta’ din il-proċedura leġiżlattiva, ma jikkontribwixxu għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29, peress li l-Gvern Ġermaniż qed jinvoka hawnhekk, proposta għal regola tad-dritt Komunitarji li definittivament qatt ma daħlet fis-seħħ. Ma jistax għalhekk jipprevalixxi ruħu mill-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (85). Kif jistqarr huwa stess, il-proċeduri relatati mad-Direttiva 2005/29 saru parzjalment fl-istess żmien. Bħala rappreżentant kostituzzjonali ta’ Stat Membru, rappreżentat fil-Kunsill, il-Gvern Ġermaniż ipparteċipa b’mod determinanti fiż-żewġ proċeduri leġiżlattivi u kien għaldaqstant informat kontinwament dwar l-andament tagħhom (86). Għalhekk ma jistax jinvoka b’mod validu n-nuqqas tal-għarfien tiegħu fir-rigward (87).

109. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-responsabbiltà partikolari tal-gvernijiet irrapreżentati fil-Kunsill fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-direttivi. Peress li l-gvernijiet tal-Istati Membri jipparteċipaw fix-xogħlijiet preparatorji tad-direttivi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandhom ikunu f’qagħda li jelaboraw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, meħtieġa għall-implementazzjoni tagħhom sat-terminu konċess (88).

110. Sa mhux iktar tard mill-irtirar tal-proposta tal-Kummissjoni (89), il-Gvern Ġermaniż kellu, eventwalment, jivverifika f’liema miżura l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 kien jestendi għall-oqsma li sa dak iż-żmien kienu koperti mir-regolament ipproġettat. Il-ħtieġa li jaġixxi b’dan il-mod kienet iktar evidenti fid-dawl tal-fatt li oriġinarjament, id-Direttiva 2005/29 kienet maħsuba, minn naħa, biex tintroduċi regoli ġenerali sussidjarji tad-dritt Komunitarju, fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u min-naħa l-oħra biex twettaq l-armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli fil-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-prattiki kummerċjali żleali (90). Sakemm l-irtirar seħħ f’mument meta t-terminu stipulat għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29, kien għadu qed jiddekorri, kien il-kompitu tal-leġiżlatur Ġermaniż li jqis dawn il-kunsiderazzjonijiet fl-adozzjoni tal-liġi nazzjonali.

111. Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud.

4.      Sintesi

112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissottometti li interpretazzjoni tal-Artikolu 3 u tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG, kif prattikata mill-ogħla qrati Ġermaniżi, li tipprojbixxi b’mod assolut, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali, kwalunkwe offerta konġunta li tipprevedi l-parteċipazzjoni f’logħob jew kompetizzjonijiet promozzjonali, mhix konformi mad-Direttiva 2005/29 (91).

113. Għaldaqstant, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix regola nazzjonali li tistabbilixxi li prattika kummerċjali li tissuġġetta l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew logħba promozzjonali għall-akkwist ta’ oġġett jew servizz, hija illegali fi kwalunkwe ċirkustanza, indipendentement minn jekk il-miżura promozzjonali konkreta taffettwax l-interessi tal-konsumaturi.

VII – Konklużjoni

114. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domanda preliminari, tal-Bundesgerichtshof kif ġej:

“L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill\ 84/450/KEE, u d-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali”) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tistabbilixxi li, prattika kummerċjali li tissuġġetta l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew f’logħba promozzjonali, għall-akkwist ta’ oġġett jew servizz, hija illegali fi kwalunkwe ċirkustanza, indipendentement minn jekk il-miżura promozzjonali konkreta taffettwax l-interessi tal-konsumaturi.”


1 – Lingwa oriġinali: Il-Ġermaniż.


2 – Direttiva 2005/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149 p.22).


3 – BGBl. I p. 1414.


4 – BGBl. I p. 2949.


5 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999 (C‑97/98, Ġabra p. I‑7319, punt 45).


6 – Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097).


7 – VTB-VAB (C‑261/07 u C-299/07, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra).


8 – Ara l-punt 48 tal-konklużjonijiet.


9 – Id-Direttiva 2005/29 timplementa, fuq il-livell leġiżlattiv, il-viżjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-protezzjoni tal-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea, kif espost fil-Green Paper tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2001 [COM (2001) 531 finali]. F’din il-Green Paper il-Kummissjoni turi d-diżappunt tagħha għall-fatt li s-suq intern tal-konsum ma laħaqx il-potenzjal tiegħu u li se jibqa’ lura fl-iżvilupp tas-suq intern għal dak li għandu x’jaqsam mat-tranżazzjonijiet B2C (“business to consumer”, jiġifieri r-relazzjonijiet ta’ komunikazzjoni u ta’ kummerċ bejn l-impriżi u l-persuni privati, b’kuntrast għar-relazzjonijiet ta’ komunikazzjoni u ta’ kummerċ bejn l-impriżi u l-awtoritajiet, misjuba bħala B2B, “business to business”). Il-konsumaturi ftit li xejn jagħmlu użu mill-vantaġġi diretti tas-suq intern permezz ta’ akkwisti transkonfinali. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li dan huwa kkawżat mill-għadd ta’ leġiżlazzjonijiet sparpaljati, bħall-frammentazzjoni tal-miżuri eżekuttivi, li jiskoraġġixxu lill-konsumaturi. Il-Green Paper tipproponi fost oħrajn, l-adozzjoni ta’ direttiva qafas għall-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali fil-qasam tal-lealtà tal-prattiki kummerċjali fil-kuntest B2C. Dawn l-inizjattivi, bil-għan li jistabbilixxu direttiva qafas, irriżultaw fid-Direttiva 2005/29.


Skont C. Wendehorst, , “Auf dem Weg zu einem zeitgemäßen Verbraucherprivatrecht: Umsetzungskonzepte”, f’Neuordnung des Verbraucherprivatrechts in Europa? (edizzjoni ta’ Brigitta Jud/Christiane Wendehorst), Vjenna 2009, p. 166, l-armonizzazzjoni minima ma setgħetx tqajjem is-suq intern fuq saqajh, kif ittamat, fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Ir-raġunijiet għal dan jidhru b’mod partikolari fid-differenzi sostanzjali fit-traspożizzjonijiet fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi. Dawn id-differenzi jikkostitwixxu ostakolu għas-suq intern għaliex il-konsumatur medju mhuwiex konxju tar-regoli kollha minimi ggarantiti fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, l-intraprendituri huma skoraġġiti milli jagħmlu offerti transkonfinali minħabba l-ispejjeż għall-adattament tal-għadd ta’ regoli differenti ta’ protezzjoni. Għal din ir-raġuni, il-leġiżlatur Ewropew ried li minn hemm ’il quddiem jinkludi fid-direttivi tiegħu, mhux biss ir-regoli minimi, iżda wkoll regoli massimi, fil-kamp tal-protezzjoni tal-konsumaturi, li sejjaħ armonizzazzjoni sħiħa.


10 – Ara wkoll, F. Henning-Bodewig, “Die Richtlinie 2005/29/EG über unlautere Geschäftspraktiken”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht Internationaler Teil, 2005, Volum 8/9, p. 629, u partikolarment p. 630; J. Massaguer, El nuevo derecho contra la competencia desleal – La Directiva 2005/29/CE sobre las Prácticas Comerciales Desleales, Cizur Menor, 2006, p. 14, u b’mod partikolari p. 51 u 53; H.-W. Micklitz, “Das Konzept der Lauterkeit in der Richtlinie 2005/29/EG”, Droit de la consommation/Konsumentenrecht/Consumer law, Liber amicorum Bernd Stauder, Bâle, 2006, p. 299, u b’mod partikolari p. 306; J. Kessler, “Lauterkeitsschutz und Wettbewerbsordnung – Zur Umsetzung der Richtlinie 2005/29/EG über unlautere Geschäftspraktiken in Deutschland und Österreich”, Wettbewerb in Recht und Praxis, Volum 7, 2007, p. 716; G. De Cristofaro, “La Direttiva 2005/29/CE – Contenuti, rationes, caratteristiche”, Le pratiche commerciali sleali tra imprese e consumatori, Turin, 2007, p. 32 et seq; L. Di Mauro, “L’iter normativo: Dal libro verde sulla tutela dei consumatori alla direttiva sulle pratiche commerciali sleali”, Le pratiche commerciali – Direttive comunitaria ed ordenamento italiano, Milan, 2007, p. 26, li jikkunsidra li l-għan tad-Direttiva 2005/29 huwa l-armonizzazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali.


11 – Minħabba t-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 2005/29, il-Kummissjoni fetħet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (ksur 2007/0890); ir-rikors ġie ppreżentat fis-16 ta’ Lulju 2008 abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 226 KE. Ir-risposta tal-Gvern Ġermaniż tas-6 ta’ Ottubru 2008 ġiet ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2008. Permezz ta’ att li ddaħħal fir-reġistru fl-24 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni ddikjarat, abbażi tal-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet qed tirrinunzja għall-atti. Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Marzu 2009, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna t-tħassir tal-kawża (Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja) mir-reġistru u ordna lir-Repubblika tal-Ġermanja tħallas l-ispejjeż tal-kawża.


12 – Ara l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punt 8 tad-digriet tar-rinviju.


13 – Is-sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 45.


14 – F’dan is-sens, ara U. Becker,  EU-Kommentar (edizzjoni ta’ Jürgen Schwarze), L-Ewwel Edizzjoni, Baden-Baden 2000, l-Artikolu 28, punt 19, p. 437. K. Lenaerts, D. Arts, u I. Maselis, Procedural Law of the European Union, Sweet & Maxwell, It-Tieni Edizzjoni, Londra 2006, punt 6‑024, p. 191, josservaw li meta l-Qorti tiġi mitluba teżamina l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija u tal-kapital, tibda billi tivverifika jekk il-fatti jippreżentawx rabta mad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, jekk dawn il-fatti jiżvolġu esklużivament fi Stat Membru wieħed, id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tat-Trattat ma jkunux applikabbli.


15 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, Ġabra p. I‑3763, punti 33 u 34), tat-8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher (C‑231/89, Ġabra p. I‑4003, punti 18 u 19), tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, Ġabra p. I‑4161, punt 24) u tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. I‑271, punt 36).


16 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38), tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et (C‑18/01, Ġabra p. I‑5321, punt 19), tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider (C‑380/01, Ġabra p. I‑1389, punt 21), tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C‑295/05, Ġabra p. I‑2999, punt 30) u s-sentenza VTB-VAB u Galatea (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 32).


17 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, Ġabra p. 3045, punt 18), tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et (C‑422/93 sa C‑424/93, Ġabra p. I‑1567, punt 29), tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 61), tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali (C‑314/96, Ġabra p. I‑1149, punt 19), PreussenElektra (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 39), Schneider (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 22), tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tal-Vallonja (C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 29), u s-sentenza VTB-VAB (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 33).


18 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-11 ta’ Settembru 2008, fil-kawża CEPAV DUE et (C‑351/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).


19 – Ara s-sentenzi Dzodzi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 37), Leur-Bloem (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 32), tal-11 ta’ Jannar 2001, Kofisa Italia (C‑1/99, Ġabra p. I‑207, punt 32), tad-29 ta’ April 2004, British American Tobacco (C‑222/01, Ġabra p. I‑4683, punt 40), tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C‑3/04, Ġabra p. I‑2505, punt 16), u tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 21).


20 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Foglia (punt 18), Zabala Erasun et (punt 29), Bosman (punt 61), Djabali (punt 19), Schneider (punt 22), Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Vallonja (punt 29), u VTB-VAB Galatea (punt 33).


21 – Ara l-punt 7 tad-digriet tar-rinviju.


22 – Ara l-punt 9 tad-digriet tar-rinviju.


23 – L-azzjoni inibitorja, irregolata mill-Artikolu 8(1) tal-UWG tikkorrispondi għal dritt sostantiv ta’ natura patrimonjali, u mhux għal sempliċi rimedju proċedurali. Kemm jekk tinġieb fil-każ ta’ ksur, fl-eventwalità tar-reċidiva (l-Artikolu 8(1), l-ewwel sentenza, tal-UWG), kif ukoll jekk tinġieb għal finijiet kawtelatorji, f’każ ta’ ksur oriġinali (l-Artikolu 8(1), it-tieni sentenza tal-UWG), hija azzjoni difensiva li tista’ tinġieb hekk kif ikun hemm theddida imminenti tal-ksur, kommess mill-persuna li kontriha tinġieb l-azzjoni. Ma timplikax li l-interessi tal-persuna interessata diġà ġew affetwati u li hemm ir-riskju ta’ ksur ulterjuri (ir-riskju tar-reċidiva). Tinħtieġ biss l-imminenza tal-ewwel ksur (ir-riskju tal-ewwel ksur). Il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-azzjoni inibitorja, jiġifieri biex jitneħħa l-ewwel ksur, huwa l-Artikolu 3, inkonnessjoni mal-eżempji tal-Artikolu 4 u mad-dispożizzjonijiet partikolari tal-Artikoli 5 sa 7 tal-UWG (H. Piper,  Kommentar zum Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb [edizzjoni ta’ Henning Piper u Ansgar Ohly], Ir-Raba’ Edizzjoni, Munich 2006, l-Artikolu 8, punti 3 u 5 tal-marġni).


24 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, Ġabra  p. 1); tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141); tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125), u tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629).


25 – Ara l-konkluzjonijiet tiegħi VTB-VAB u Galatea (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 60).


26 – Sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, Ġabra p. I‑7411, punt 45); tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL (C‑14/02, Ġabra p. I‑4431, punt 58); tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 67), u tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057 punt 121).


27 – Sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 8); tal-4 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, Ġabra p. I‑3325, punt 26); Inter-Environnement Wallonie (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 40); tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et (C‑131/97, Ġabra p. I‑1103, punt 48), u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 110).


28 – Sentenza Inter-Environnement Wallonie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 46). Fl-istess sens, ara P. Vcelouch,  Kommentar zu EU- und EG-Vertrag (editur: H. Mayer), Vjenna 2004, l-Artikolu 249, punt 45, p. 16.


29 – Sentenza Adelener et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 123).


30 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso (C‑81/05, Ġabra p. I‑7569, punt 29), u VTB-VAB u Galatea (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 35).


31 – L-intervent tal-qorti nazzjonali jippresupponi l-eżistenza tar-riskju li, mal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, l-għanijiet tad-direttiva jistgħu jiġu ppreġudikati (ara f’dan is-sens, ukoll, C. Hoffmann, “Die zeitliche Dimension der richtlinienkonformen Auslegung”, Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2006, Volum 46, p. 2216). F’sens analogu, ara W. Schrœder, EUV/EGV Kommentar (edizzjoni ta’ Rudolf Streinz), l-Artikolu 249 KE, punt 139, p. 2197: skont dan l-awtur, l-amministrazzjonijiet u t-tribunali huma biss obbligati jadottaw interpretazzjoni li hija konformi mad-direttivi, f’każijiet eċċezzjonali, meta l-miżuri leġiżlattivi tat-traspożizzjoni jistgħu jinftehmu fis-sens li ser jimpedixxu t-twettiq tal-għanijiet tad-direttiva.


32 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi Costa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24), tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster (C‑17/00, Ġabra p. I‑9445, punt 23), u tas-16 ta’ Jannar 2003, Pansard et. (C‑265/01, Ġabra p. I‑683, punt 18).


33 – F’dan is-sens, H. Köhler, Wettbewerbsrecht – Kommentar zum Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb, Munich 2007, § 4, punt 6.6, p. 308, u D. Seichter,  “Der Umsetzungsbedarf der Richtlinie über unlautere Geschäftspraktiken”, Wettbewerb in Recht und Praxis, p. 1095, jesponu b’mod espliċitu l-projbizzjoni tal-bejgħ konġunt, mill-Artikolu 4, punt 6, tal-UWG.


34 – Ara l-punti 68 sa 70 tal-konklużjonijiet.


35 – Is-sentenza VTB-VAB u Galatea (iċcitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 48 u 50).


36 – F’dan is-sens, ara T. Hoeren,  “Das neue UWG – der Regierungsentwurf im Überblick”, Betriebs-Berater, 2008, p. 1183; J Stuyck,  “The Unfair Commercial Practices directive and its Consequences for the Regulation of Sales Promotion and the Law of Unfair Competition”, The regulation of unfair commercial practices under EC directive 2005/29 – New rules and new techniques, Norfolk 2007, p. 166.


37 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi VTB-VAB u Galatea (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 71 u 72).


38 – Ara l-punt 73 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ċek.


39 – R. Lutz,  “Veränderungen des Wettbewerbsrechts im Zuge der Richtlinie über unlautere Geschäftspraktiken”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, 2006, Heft 11, p. 909, jenfasizza li l-UWG tipproteġi mhux biss l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif tagħmel id-Direttiva 2005/29, iżda wkoll dawk tal-kompetituri l-oħra, skont l-Artikolu 1 tal-UWG, li għalhekk tinkludi l-oqsma B2C u B2B.


40 – Ara fost oħrajn, is-sentenzi Bundesgerichtshof tas-17 ta’ Novembru 1972, I ZR 71/71 (konkors promozzjonali), tas-17 ta’ Frar 2000, I ZR 239/97 (Space Fidelity Peep-Show), tat-13 ta’ Ġunju 2002, I ZR 173/01 (offerta konġunta I) u tat-13 ta’ Novembru 2003, I ZR 40/01 (irkant invers II).


41 – Ara l-abbozz tal-liġi tal-Gvern Ġermaniż (BT‑Drucksache 15/1487, p. 17).


42 – Ara H. Piper,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 23), l-Artikolu 4, punt 6, punt 1 fil-marġni, p. 348; M. Hecker,  Lauterkeitsrecht – Kommentar zum Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (editur: K.-H. Fezer), Munich 2005, Vol. 1, l-Artikolu 4, punt 6, punt 33, p. 707.


43 – Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44 – Ara s-sentenza VTB-VAB u Galatea (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 52). F’dan is-sens, J. Massaguer,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 15; G. Abbamonte,  “The unfair commercial practices directive and its general prohibition”, The regulation of unfair commercial practices under EC directive 2005/29 – New rules and new techniques, Norfolk 2007, p. 19, kif ukoll L. De Brouwer,  “Droit de la Consommation – La directive 2005/29/CE du 11 mai 2005 relative aux pratiques commerciales déloyales”, Revue de Droit Commercial Belge, Volum 7, Settembru 2005, p. 796, li jiddeduċi mill-armonizzazzjoni massima permezz tad-Direttiva 2005/29 li l-Istati Membri ma għandhomx il-fakultà li jistabbilixxu regoli iktar ħorox, anki jekk dawn ikollhom l-għan li jiggarantixxu livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumaturi. G. De Cristofaro, op. cit., p. 32, iqis li l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva u lanqas jistabbilixxu livell ogħla ta’ protezzjoni għal konsumaturi. Skont J. Kessler, op. cit., p. 716, id-direttiva ma tipprevedix biss standards minimi: timpedixxi wkoll lill-Istati Membri li jżommu fis-seħħ miżuri li, fil-pretiż interess tal-konsumaturi, imorru lil hinn mill-kontenut sostantiv tad-direttivi u jistabbilixxu għalhekk rekwiżiti iktar ħorox.


45 – Fost id-direttivi li jinkludi klawżoli għall-armonizzazzjoni minima fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29, wieħed isib b’mod partikolari s-segwenti: id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU L 372, p. 31); id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, p. 59); id-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 1994, dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare (ĠU L 280, p. 83); id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU L 144, p. 19); id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, p. 27), u d-Direttiva tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23).


46 – Ara wkoll, l-iskema analitika proposta minn G. De Cristofaro, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 12, u F. Henning-Bodewig, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 631.


47 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 1977, Verbond van Nederlandse Ondernemingen (51/76, Ġabra p. 113, punt 22), tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, punt 48), tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, Ġabra p. I‑5403, punt 55), tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑336/97, Ġabra p. I‑3771, punt 19), tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑97/00, Ġabra p. I‑2053, punt 9), tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja (C‑478/99, Ġabra p. I‑4147, punt 15) u tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑233/00, Ġabra p. I‑6625, punt 75).


48 – It-traspożizzjoni tad-direttiva hija parti integrali minn proċedura leġiżlattiva maqsuma f’żewġ fażijiet, li fiha t-tieni fażi trid titwettaq fuq il-livell nazzjonali. L-implementazzjoni sostantiva fil-livell nazzjonali tikkonkretizza l-liġi tad-direttiva (ara f’dan ir-rigward P. Vcelouch, op. cit. punti 48 u 50, p. 17 u 18).


49 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑131/88, Ġabra p. I‑825, punt 6), tal-20 ta’ Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑96/95, Ġabra p. I‑1653, punt 35), tal-15 ta’ Novembru 2001, Il-Kumissjoni vs L-Italja (C‑49/00, Ġabra p. I‑8575, punti 21 u 22), u tat-28 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑410/03, Ġabra p. I‑3507, punt 60). Dan il-prinċipju jitqajjem minn D. Seichter,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 33), p. 1088, fir-rigward tat-traspożizzjoni mandatarja tad-Direttiva 2005/29 fil-liġi Ġermaniża.


50 – F’dan is-sens, ara M. Ruffert,  f’ Calliess u Ruffert (Edituri), Kommentar zu EUV/CEV, It-Tielet Edizzjoni, 2007, l-Artikolu 249, punt 49, p. 2135. Skont ġurisprudenza stabbilita, it-traspożizzjoni ta’ direttiva għandha tiżgura b’mod effettiv l-applikazzjoni tagħha. Is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑217/97, Ġabra p. I‑5087, punt 31), tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑214/98, Ġabra p. I‑9601, punt 49), u tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, Ġabra p. I‑6325, punt 26).


51 – Skont H. Köhler,  “Die UWG-Novelle”, Wettbewerb in Recht und Praxis, 2009, p. 112, il-kunċett tal-iżlealtà fl-Artikolu 3 tal-UWG għandu jiġi kkonkretizzat b’referenza għall-eżempji ta’ komportamenti żleali stipulati fl-Artikoli 4 sa 6 tal-UWG.


52 – F’dan is-sens ara, H.Köhler,  Wettbewerbsrecht – Kommentar zum Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 33), Artikolu 3, punt 6, p. 152; H. Piper,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 23), Artikolu 4, punt 2, p. 243.


53 – Ara l-abbozz tal-liġi Ġermaniża (BT‑Drucksache 15/1487, p. 18).


54 – Ara l-abbozz tal-liġi Ġermaniża (BT‑Drucksache 15/1487, p. 17). Fl-istess sens, ara M. Hecker,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 42), Artikoli 4 sa 6, punt 25, p. 704; ara wkoll, H. Köhler,  Wettbewerbsrecht – Kommentar zum Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 34), Artikolu 4, punt 6.4, p. 309.


55 – F’dan is-sens, ara S. Charaktiniotis,  Die lauterkeitsrechtlichen Zulässigkeitsschranken der Kopplungsangebote nach der Aufhebung der Zugabenverordnung, Frankfurt am Main 2006, p. 164. Skont H. Köhler,  “Die Bagatellklausel in § 3 UWG”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, 1/2005, p. 1, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-UWG esposti iktar ’il fuq, għandhom l-għan li jipprojbixxu proċedimenti kontra prattiki li l-impatt tagħhom huwa negliġibbli.


56 – K. Lenaerts,. D. Arts, u I. Maselis, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 14), punt 5-056, p. 162, josservaw li l-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi nazzjonali, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-interpretazzjoni li tingħatalhom mill-qrati nazzjonali. L-interpretazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju kienet is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof fil-kawża C‑42/95, Siemens vs Nold (sentenza tad-19 ta’ Novembru 1996, Ġabra p. I‑6017) kif ukoll ta’ talba tal-Hof van beroep te Gent (Belġju) fil-Kawża C‑205/07, Gysbrechts u Santurel Inter (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Ġabra p. I-9947).


57 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-4 ta’ Settembru 2008, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, C-338/06, Ġabra p. I‑10139, punt 89).


58 – Punti 10, 15, 20 u 21.


59 – Ara pereżempju s-sentenza tal-Oberlandesgericht Celle, tal-10 ta’ Jannar 2008 (indiċi: 13 U 118/07). Din is-sentenza tosserva li kuntrarjament għall-Artikolu 4, punt 1, tal-UWG, il-mod ta’ kif huwa abbozzat il-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG ma jitlobx li l-libertà tad-deċiżjoni tal-konsumatur tista’ tiġi influwenzata. Skont l-Oberlandesgericht, il-leġiżlatur jippreżumi fir-realtà l-eżistenza ta’ din l-influwenza meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni, stabbiliti fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-UWG ikunu sodisfatti.


60 – Skont H. Köhler,  “Die Bagatellklausel in § 3 UWG”, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 55), p. 6, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, meta l-parteċipazzjoni f’konkors jew logħba promozzjonali tkun suġġetta għall-akkwist ta’ prodott jew servizz, l-interessi tad-destinatarji dejjem jiġu ppreġudikati serjament, peress li biex jipparteċipaw, jiġu kostretti jagħmlu akkwist mhux pjanat. L-awtur jikkonkludi minn dan, li l-eżami ulterjuri relatata mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għad-detriment tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew tal-operaturi l-oħra fis-sens tal-Artikolu 3 tal-UWG, hija superfluwa.


61 – Ara l-punti 9 u 14 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż tal-14 ta’ Ottubru 2008, li jistipulaw li “l-projbizzjonijiet assoluti addizzjonali tal-prattiki żleali huma kompatibbli mal-mod ta’ kif hija strutturata d-direttiva” u “liġi nazzjonali li tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali ta’ tali offerta konġunta hija konsegwentement kompatibbli mal-għan ta’ din id-direttiva”.


Irid jingħad li dawn il-osservazzjonijiet jikkontradixxu parzjalment dawk żviluppati mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub tad-19 ta’ Mejju 2009, fejn ġie sottomess li “l-Artikolu 3 tal-UWG fil-verżjoni tat-3 ta’ Lulju 2004 u l-Artikolu 3(1) u (2) tal-UWG fil-verżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2008, jiggarantixxu għalhekk li l-legalità tal-offerti konġunti fis-sens tal-Artikolu 4, punt 6, tal-UWG fil-verżjoni korrispondenti, għandha tiġi eżaminata skont iċ-cirkustanzi tal-każ partikolari” (punti 15 sa 17). Igħid wkoll li l-projbizzjoni tal-prattiki promozzjonali, stabbilita fl-Artikolu 4 tal-UWG fil-verżjoni tat-3 ta’ Lulju 2004, mhix projbizzjoni ġenerali li tapplika awtomatikament. L-applikazzjoni tagħha anżi, hija suġġetta għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-UWG. Dawn il-konklużjonijiet jippresupponu l-eżami tal-prattika kompetittiva skont iċ-cirkustanzi tal-każ partikolari. L-istess jista’ jingħad għall-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 3 tal-UWG wara t-traspożizzjoni tad-direttiva.


62 – R. Lutz,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 39), p. 910, jistabbilixxi wkoll li l-Artikolu 4, punt 6, tal- UWG ma jaqa’ fl-ambitu tal-ebda wieħed mill-eżempji stipulati fid-direttiva. Jistaqsi għalhekk jekk din ir-regola tistax tinżamm fis-seħħ.


63 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi VTB-VAB u Galatea (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 82).


64 – Ara f’dan is-sens G. Abbamonte,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), p. 21; J. Massaguer, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 58.


65 – Fl-istess sens: H.-W. Micklitz, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 308, u J. Massaguer, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 69; skont dan tal-aħħar, id-definizzjoni ta’ “diliġenza professjonali” li tinsab fl-Artikolu 2(h) tad-direttiva tista’ twassal għal diverġenzi fl-interpretazzjoni peress li l-kunċetti li tuża mhumiex konkreti, bħal pereżempju dak tal-“prattiki onesti fis-suq” u l-“bona fede”.


66 – J. Glöckner,  u F. Henning-Bodewig,  “EG-Richtlinie über unlautere Geschäftspraktiken: Was wird aus dem ‘neuen’ UWG?”, Wettbewerb in Recht und Praxis, 11/2005, p. 1323, jenfasizzaw l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-direttiva u l-fatt li dan il-marġni huwa akbar minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-dritt Komunitarju. Minħabba n-natura vaga tal-kunċett tal-iżlealtà, il-leġiżlaturi nazzjonali żammew il-fakultà li jittrasponu l-klawżola ġenerali billi jissanzjonaw il-prattiki kummerċjali li jmorru kontra l-prattiki tajbin, il-bona fede u l-prattiki onesti fis-suq, fl-isfond tal-osservanza tat-tradizzjonijiet nazzjonali, sakemm dawn il-kunċetti konkreti ma jiksrux il-kunċett tal-iżlealtà, riżultanti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 2(h), meħuda flimkien, tad-Direttiva 2005/29. Fuq l-istess linja, fir-rigward tal-kunċett tal-“prattiki onesti fis-suq”, ara, H.-W. Micklitz op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 309 et seq. L-awtur huwa tal-opinjoni li l-Istati Membri jgawdu marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni tal-prattiki tajbin u l-onesta.


67 – Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Otttubru 2008, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Baw International (C‑42/07, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punti 28 sa 33), l-avukat ġenerali Bot jenfasizza r-riskji li l-logħob tal-ażżard u tal-flus jiġġeneraw fis-soċjetà. Jistgħu, fl-opinjoni tiegħu, iwasslu lil min jilgħab biex jikkomprometti l-qagħda ekonomika, familjari u anki sanitarja tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-logħob tal-ażżard u tal-flus, minħabba d-dħul li jġib miegħu, jista’ jkun suxxettibbli għal manipulazzjonijiet min-naħa tal-organizzatur, li forsi jkun irid idawwar ir-riżultat tat-tlugħ bix-xorti jew tal-partita sportiva favur tiegħu. Fl-aħħar nett, il-logħob tal-ażżard jista’ jkun mezz għal ħasil tal-flus akkwistati minn sorsi illegali.


68 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C‑275/92, Ġabra p. I‑1039, punti 57 sa 60), tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C‑124/97, Ġabra p. I‑6067, punti 32 u 33), tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C‑67/98, Ġabra p. I‑7289, punti 30 u 31), tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, Ġabra p. I‑13031, punti 60 sa 67), u tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punti 45 sa 49). Ara wkoll s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustiżzja AELE tal-14 ta’ Marzu 2007, EFTA Surveillance Authority vs Norway (E-1/06, EFTA Court Report 2007, punt 34) u tat-30 ta’ Mejju 2007, Ladbrokes Ltd. vs The Government of Norway, Ministry of Culture and Church Affairs and Ministry of Agriculture and Food (E-3/06, EFTA Court Report 2007, punt 44).


69 – Ara s-sentenzi Schindler (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punt 61), Läärä et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punt 35), Zenatti (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punt 33), Gambelli (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punt 63), Placanica et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punt 47). Ara wkoll s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja AELE tal-14 ta’ Marzu 2007, EFTA Surveillance Authority vs Norway (E-1/06, EFTA Court Report 2007, punt 29) u tat-30 ta’ Mejju 2007, Ladbrokes Ltd. vs The Government of Norway, Ministry of Culture and Church Affairs and Ministry of Agriculture and Food (E-3/06, EFTA Court Report 2007, punt 42).


70 – Iżda mhux l-interess ekonomiku tal-konsumaturi. Skont G. Abbamonte,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), p. 23, din id-dispożizzjoni tissejjes fuq l-ipoteżi li l-prattiki kummerċjali żleali jfixklu bħala regola ġenerali l-preferenzi tal-konsumatur, billi jaffetwaw il-libertà tiegħu u/jew il-kapaċità tiegħu li jiddeċiedi. Iwasslu għalhekk lil konsumaturi biex jakkwistaw prodotti superfluwi, illi fin-nuqqas kienu jqisu ta’ valur minimu. L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2005/29 ma jirrikjedix madanakollu li l-konsumatur isofri preġudizzju ekonomiku. Skont l-awtur, dan ir-rekwiżit kien ikun sproporzjonat u kien inaqqas mil-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea.


71 – Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72 – Ara l-punt 23 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.


73 – Punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħi.


74 – G. Abbamonte, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), p. 21, josserva li l-Istati Membri ma għandhomx il-fakultà li jikkompletaw huma stess il-lista limitattiva tal-prattiki kummerċjali pprojbiti, elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29. Li kieku kienu awtorizzati jagħmlu dan, kienet tiġi affetwata l-armonizzazzjoni sħiħa mixtieqa mid-direttiva u kienet tiġi ppreġudikata wkoll iċ-ċertezza legali. Skont D. Seichter,  op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 33), p. 1095, il-projbizzjoni tal-offerti konġunti fl-Artikolu 4, punt 6, tal-UWG għandha tiġi abbrogata, peress li din teċċedi l-kategoriji rregolati mill-Anness I.


75 – Fl-istess sens, ara U. Bernitz, “The Unfair Commercial Practices Directive: Its Scope, Ambition and Relation to the Law of Unfair Competition”, The Regulation of Unfair Commercial Practices under EC Directive 2005/29 ─ New Rules and New Techniques, Norfolk, 2007, p. 39, li jinvoka wkoll il-premessa 18 tad-Direttiva 2005/29. Din il-premessa tistipula s-segwenti, jiġifieri li “(i)l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw il-fakultà ta’ ġudizzju tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat”. Barra minn hekk, il-premessa 20 tad-Direttiva 2005/29 tinvoka r-rikors għal azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja.


76 – L-Istati Membri jirrikonoxxu sistemi differenti ta’ sanzjonijiet relatati mal-prattiki żleali, li jirriżultaw minn żviluppi storiċi u strutturi differenti tal-ordinament ġuridiku. Sal-ġurnata ta’ llum, id-dritt Komunitarju għadu ma laħaqx livell ta’ konformità, ħlief limitatament, fir-rigward tas-sanzjonijiet u tal-proċedura, iżda jonqos milli jistabbilixxi sistema determinata fil-ġlieda kontra l-prattiki żleali. Id-Direttiva 2005/29 ma ġġib l-ebda tibdil fir-rigward tal-aċċettazzjoni tas-sistemi differenti għall-implementazzjoni. Jibqa’ l-kompitu tal-leġiżlatur nazzjonali li jistabbilixxi jekk il-ġlieda kontra l-prattiki żleali għandhiex tiġi eżegwita b’mezzi tad-dritt amministrattiv, tad-dritt kriminali jew tad-dritt ċivili, kif jikkonferma l-Artikolu 11(1), it-tielet inċiż, tad-Direttiva 2005/29. Huwa ammess li wieħed jgħaqqad sistemi differenti ta’ sanzjonijiet. Huma dawn is-sistemi li jistgħu jistabbilixxu hix proċedura ġudizzjarja u/jew kontroversja amministrattiva li għandha tintervjeni (ara, f’dan ir-rigward, C. Alexander, “Die Sanktions-und Verfahrensvorschriften der Richtlinie 2005/29/CE über unlautere Geschäftspraktiken im Binnenmarkt – Umsetzungsbedarf in Deutschland?”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, 2005, Volum 10, p. 810, u J. Massaguer, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 144).


77 – J. Stuyck, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 36), p. 170, jesponi li d-Direttiva tirrikjedi evalwazzjoni għal kull każ partikolari, tan-natura żleali tal-prattika kummerċjali. Iqis li d-Direttiva 2005/29 hija ta’ ostakolu biex tkun tista’ tinżamm fis-seħħ dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut ċerti forom ta’ promozzjoni tal-bejgħ, bħal bejgħ bi skont, l-offerti għall-parteċipazzjoni f’lotterija, il-kupuni, bejgħ f’każ ta’ xoljiment eċċ. jew regoli astratti, mingħajr mal-ġudikant ikun jista’ jiddetermina skont il-każ partikolari, jekk prattika żleali hix żleali fir-rigward tal-konsumaturi.


78 – F’dan is-sens, ara A. Bloß,  “Zum Kopplungsverbot für Preisausschreiben und Gewinnspielen”, f’Zeitschrift für Medien- und Kommunikationsrecht, Vol. 5, 2008, p. 487. Skont dan l-awtur, id-direttiva tesiġi l-eżami tal-każ partikolari, speċjalment tal-kriterju tan-natura sostanzjali. Li kieku l-leġiżlatur Komunitarju ried jirregola l-prattika li tissuġġetta l-parteċipazzjoni f’logħba promozzjonali għall-obbligu tax-xiri, seta’ jinkludiha fl-Anness I tad-direttiva. Il-konnessjoni bejn ix-xiri u l-logħob mhix fiha nnifisha ta’ natura li tbiddel sostanzjalment il-komportament tal-konsumatur fir-rigward tal-akkwisti li jagħmel. L-Artikolu 4, punt 6, tal-UWG jeskludi madanakollu, l-eżami tal-każ partikolari, għalkemm l-elementi li jikkostitwixxu prattika żleali, indikati fid-direttiva, jippermettuha. F’dan ir-rigward, mhux daqshekk versosimili li l-projbizzjoni ġenerali tal-offerti konġunti fl-Artikolu 4, punt 6, tal-UWG tista’ tinżamm fis-seħħ. S. Leible,  “BGH: Vereinbarkeit des deutschen Gewinnspiel-Kopplungsverbots mit der EG-Richtlinie über unlautere Geschäftspraktiken”, f’ Lindenmaier-Möhring Kommentierte BGH-Rechtsprechung, 2008, 269263, jissottometti illi li kieku l-leġiżlatur ried jistabbilixxi l-projbizzjoni assoluta tal-logħob u l-konkorsi promozzjonali, marbuta mal-obbligu tax-xiri, indipendentament minn jekk din il-prattika tistax tbiddel b’mod inadegwat il-komportament tal-konsumatur, seta’ jinkludi dawn il-konkorsi u l-logħob, fil-lista tal-prattiki kummerċjali meqjusa bħala żleali fi kwalunkwe ċirkustanza, li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29.


79 – Skont P. Craig, u G. De Búrca, EU Law, Ir-Raba’ Edizzjoni, Oxford 2008, p. 492, l-Artikolu 234 KE jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta t-Trattat, iżda ma jippermettilhiex tapplikah għall-każijiet partikolari. Id-distinzjoni bejn l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni timmarka l-linja ta’ demarkazzjoni bejn il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qrati nazzjonali. L-interpretazzjoni hija l-kompitu tal-ewwel, filwaqt li l-applikazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni għall-vertenza konkreta, tappartjeni lil qrati nazzjonali.


80 – Ara l-punt 11 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol.


81 – Fl-istess sens: D. Seichter,  “EuGH-Vorlage zum Kopplungsverbot (‘Millionen-Chance’)”, juris PraxisReport Wettbewerbs- und Immaterialgüterrecht, 8/2008, nota 2.


82 – Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern, tal-15 ta’ Jannar 2002, [COM (2001) 546 finali].


83 – Proposta emendata tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern, tal-25 ta’ Ottubru 2002 [COM (2002) 585 finali].


84 – Punti 18 sa 21 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.


85 – Ara l-kunsiderazzjonijiet li żviluppajt fil-konklużjonijiet tiegħi VTB-VAB u Galatea (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7) dwar l-argumenti parzjalment identiċi tal-Gvern Belġjan u tal-Gvern Franċiż.


86 – Jirriżulta mill-abbozz tal-liġi (BT‑Drucksache 15/1487, p. 12) li l-Gvern Ġermaniż kien jaf dak iż-żmien, li l-opinjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea kienet maqsum bejn żewġ abbozzi, relatati mal-liġi dwar il-prattiki kummerċjali żleali. Min-naħa kien hemm il-proposta, emendata wara l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, tar-regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern, li skont il-Gvern Ġermaniż, ġiet riġettata, minnu stess u “mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri”. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż jirreferi għal abbozz ta’ direttiva li fi kliemu “kien iktar kompatibbli mal-ideat tal-Gvern Ġermaniż”.


87 – Ara l-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, C-319/06, Ġabra p. I-4323), li fihom niddefendi l-opinjoni li gvern, bħala rappreżentant kostituzzjonali ta’ Stat li huwa rrapreżentat fil-Kunsill, huwa meqjus li għandu konoxxenza tad-dikjarazzjonijiet interpretattivi mħejjija minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva.


88 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ Marzu 1983, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (301/81, Ġabra p. 467, punt 11) u tat-23 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑319/99, Ġabra p. I‑10439, punt 10).


89 – Id-deċiżjoni dwar l-irtirar ġiet ippubblikata fil-ĠU 2006, C 64, p. 3. Huwa minnu li l-Kummissjoni kienet diġà ħabbritha fil-komunikazzjoni tagħha “Riżultat tal-eżami tal-proposti leġiżlattivi pendenti quddiem il-leġiżlatur” (COM (2005) 462 finali, p. 10, tas-27 ta’ Settembru 2005).


90 – Fl-istess sens, ara J. Stuyck, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 36), p. 161, li jippreżumi li ċerti Stati Membri ma kinux qed jirrealizzaw li l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-proposta rtirata, li kienet tikkonċerna r-relazzjoni bejn l-operatur ekonomiku u l-konsumatur, kienu ġew adotatti mid-Direttiva 2005/29 (fid-dawl tal-għan tagħha tal-armonizzazzjoni sħiħa).


91 – Ara l-punti 81 sa 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.