Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2018 minn Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fit-3 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-431/12, Distillerie Bonollo et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-461/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd (rappreżentanti: K. Adamantopoulos, P. Billiet, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Distillerie Bonollo SpA, Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA, Distillerie Mazzari SpA, Caviro Distillerie Srl, Comercial Química Sarasa, SL, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-431/12 fl-intier tagħha; u

tikkundanna lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ispejjeż tal-appellanti ta’ dan l-appell kif ukoll dawk tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-431/12.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni aggravju wieħed insostenn tal-appell. Għaldaqstant, is-sentenza kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest fl-applikazzjoni tal-liġi meta tistabbilixxi li l-Artikolu 11(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 1 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, li warajh ġie adottat ir-Regolament Nru 626/2012 2 , (“ir-Regolament Bażiku”) ma jippermettix lill-Istituzzjonijiet tal-UE li jikkostruwixxu l-valur normali tal-prodott ikkonċernat fil-kalkoli tal-marġni tad-dumping matul analiżi tal-antidumping parzjali interim, jekk, matul l-investigazzjoni ta’ antidumping oriġinali, l-Istituzzjonijiet tal-UE kienu użaw minflok bejgħ domestiku reali għal dan l-iskop.

L-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li l-kostruzzjoni tal-valur normali ma tikkostitwixxix metodoloġija differenti mill-istabbiliment tal-valur normali b’riferiment għal bejgħ domestiku reali billi t-tnejn jimmiraw li jistabbilixxu bl-aħjar mod valur normali billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristika speċifika ta’ kull każ; u d-data tal-kost/prezzijiet li tiżviluppa biż-żmien. Tabilħaqq, l-Artikoli 2(1) sa 2(6) tar-Regolament Bażiku jipprovdu għal diversi ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-użu ta’ valur normali kkostruwit għall-kuntrarju ta’ użu ta’ bejgħ domestiku reali għal skopijiet tal-kalkoli tal-marġni tad-dumping fuq bażi ta’ każ b’każ. Il-limitazzjoni tad-diskrezzjoni tal-Istituzzjonijiet tal-UE li jikkostruwixxu valur normali f’analiżi parzjali interim, fejn kienu użaw bejgħ domestiku reali għall-istess skop f’investigazzjonijiet preċedenti, tneħħi mill-Istituzzjonijiet tal-UE il-kapaċità li jirrikorru għal diversi alternattivi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Bażiku. Peress li hemm differenzi sostanzjali fil-kost bejn l-aċidu tartariku prodott naturalment jew sintetikament, il-kostruzzjoni ta’ valur normali analogu fl-Arġentina fir-Regolament 626/2012 irriflettiet l-aħjar il-fatt li l-produttur analogu Arġentin iffabbrika l-aċidu tartariku bl-użu tal-metodu naturali li materjalment huwa ogħla mill-metodu sintetiku użat mill-appellanti.

It-tieni nett, l-appellanti tissottometti insostenn tal-aggravju tagħha li, fl-investigazzjoni oriġinali tal-antidumping, ġew identifikati żewġ kategoriji ta’ esportaturi: esportaturi li jikkooperaw bħall-appellanti li ngħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”) skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Bażiku; u produtturi li ma jikkooperawx li ma ngħatawx MET u li magħhom l-Istituzzjonijiet tal-UE applikaw il-metodoloġija tal-“aħjar informazzjoni disponibbli” skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku. Matul l-analiżi parzjali interim li rriżultat fl-adozzjoni tar-Regolament 626/2012, il-produtturi li jikkooperaw bħall-appellanti ċċaħdu mill-MET mill-Istituzzjonijiet tal-UE u l-valur normali tagħhom kien stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Bażiku b’riferiment għall-Arġentina, il-pajjiż analogu magħżul mill-Kummissjoni. Din il-kategorija ta’ esportaturi ma kinitx preżenti matul l-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, anki jekk l-Artikolu 11(9) tar-Regolament Bażiku kellu jiġi interpretat bħala li jwaqqaf lill-Istituzzjonijiet tal-UE milli jużaw valuri normali kkostruwiti għall-kuntrarju ta’ bejgħ domestiku reali f’analiżi parzjali interim, quod non, xorta ma jwaqqafx l-Istituzzjonijiet tal-UE milli jużaw valur normali kkostruwit fir-rigward ta’ klassi ġdida ta’ esportaturi, kooperazzjoni notevoli iżda ma ngħatawx MET, li ħarġet għall-ewwel darba fl-analiżi parzjali interim.

Finalment, diversi konstatazzjonijiet tas-sentenza kkontestata jmorru kontra ġurisprudenza stabbilita tal-UE u tad-WTO dwar l-istabbiliment ta’ valur normali kif ukoll l-iżgurar ta’ paraguni ġusti tal-prezz u li jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża tal-esportaturi.

____________

1 ĠU 2009, L 343, p. 51.

2 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012 tas-26 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2012, L 182, p. 1).