Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (l-Italja) fit-28 ta’ Ġunju 2018 – FR vs Ministero dell’interno – Commissione Territoriale per il riconoscimento della Protezione Internazionale presso la Prefettura U.T.G. di Milano

(Kawża C-422/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Milano

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FR

Konvenut: Ministero dell’interno (il-Ministeru għall-Intern) – Commissione Territoriale per il riconoscimento della Protezione Internazionale presso la Prefettura U.T.G. di Milano

Domanda preliminari

Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, imsemmija fl-Artikolu 4(3) u fl-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u d-Direttiva 2013/32/UE 1 (b’mod partikolari l-Artikoli 22 u 46 tagħha) għandhom jiġu interpretati fis-sens li: a) id-dritt tal-Unjoni Ewropea jimponi li l-appell, meta d-dritt nazzjonali jipprevedih għall-proċeduri li jirrigwardaw iċ-ċaħda ta’ talba għal rikonoxximent tal-protezzjoni internazzjonali, awtomatikament ikollu effett sospensiv; b) jipprekludu proċedura bħal dik Taljana (Artikolu 35a, paragrafu 13 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 25/2008, kif emendat bid-Digriet Liġi Nru 13/17, li ġie kkonvertit fil-Liġi Nru 46/17), li fiha, l-awtorità ġudizzjarja adita mill-applikant għal ażil – li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda mill-awtorità amminstrattiva inkarigata teżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil u mill-qorti tal-ewwel istanza – tista’ tiċħad it-talba għal sospensjoni tad-deċiżjoni negattiva billi tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fondatezza jew in-nuqqas ta’ fondatezza tal-motivi tar-rikors kontra din id-deċiżjoni, mogħtija mill-qorti msejħa tiddeċiedi dwar is-sospensjoni nnifisha, u mhux ir-riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli?

____________

1 Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).