Language of document : ECLI:EU:C:2016:889

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

23 ta’ Novembru 2016 (*)

“Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Århus – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Artikolu 6(1) – Riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika – Kunċett ta’ “informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent” – Dokumenti li jirrigwardaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanza attiva inkluża fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva glifosat”

Fil-Kawża C‑673/13 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders, P. Ondrůšek u P. Oliver kif ukoll minn L. Pignataro-Nolin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

sostnuta minn:

American Chemistry Council Inc. (ACC),

CropLife America Inc.,

National Association of Manufacturers of the United States of America (NAM),

stabbiliti f’Washington (l-Istati Uniti), irrappreżentati minn M. Abenhaïm, avukat, K. Nordlander, advokat, u P. Harrison, solicitor,

CropLife International AISBL (CLI), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn D. Abrahams, barrister, R. Cana u E. Mullier, avukati, kif ukoll minn A. Patsa, dikigoros,

European Chemical Industry Council (Cefic),

European Crop Protection Association (ECPA),

stabbiliti fi Brussell, irrappreżentati minn I. Antypas u D. Waelbroeck, avukati, kif ukoll minn D. Slater, solicitor,

European Crop Care Association (ECCA), stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn S. Pappas, dikigoros,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u A. Lippstreu, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma:

Stichting Greenpeace Nederland, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), stabbilita fi Brussell,

irrappreżentati minn B. Kloostra u A. van den Biesen, advocaten,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuti minn:

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn E. Karlsson u L. Swedenborg, kif ukoll minn A. Falk, U. Persson, C. Meyer-Seitz u N. Otte Widgren, bħala aġenti,

intervenjent fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Berger kif ukoll E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Ottubru 2013, Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il-Kummissjoni (T‑545/11, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”, EU:T:2013:523), li permezz tagħha din il-qorti annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Awwissu 2011, li tirrifjuta l-aċċess għall-volum 4 tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, stabbilit mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inkwantu Stat Membru relatur, tas-sustanza attiva glifosat, skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Århus

2        Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”), fl-Artikolu 4 tagħha, intitolat “Aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent”, tipprevedi:

“1.      Kull parti għandha tagħmel mod li, taħt ir-riżerva tal-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-informazzjoni dwar l-ambjent mitluba minnhom […].

[…]

4.      Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkollu effett ħażin fuq:

[…]

d)      il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali meta din il-kunfidenzjalità hija protetta bil-liġi sabiex jitħares interess ekonomiku leġittimu. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni fuq l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi żvelata;

[…]

Ir-raġunijiet għal rifjut imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud tal-interess pubbliku fl-iżvelar u skont jekk din l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent.

[…]”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ aċċess għal dokumenti

3        Il-premessa 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), tgħid:

“L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti […].”

4        L-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

[…]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

5        Il-premessi 2 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), jgħidu:

“(2)      Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent […] jisħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti informazzjoni adegwata dwar l-ambjent u opportunitajiet effettivi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tiswir ta’ deċiżjonijiet dwar l-ambjent, sabiex b’hekk tiżdied ir-responsabbiltà u t-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jsir kontribut għall-kuxjenza pubblika u jiżdied l-appoġġ għad-deċiżjonijiet meħuda. […]

[…]

(15)      Fejn ir-Regolament [Nru 1049/2001] jipprevedi eċċezzjonijiet, dawn għandhom japplikaw, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f’dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent. Ir-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku fl-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent. […]”

6        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw taħt il-[Konvenzjoni ta’ Århus], billi jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, partikolarment billi:

[…]

b)      jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-ambjent tiġi progressivament magħmula disponibbli u mxerrda lill-pubbliku sabiex jinkisbu kemm id-disponibbiltà kif ukoll it-tixrid sistematiċi l-aktar ampji tagħha. Għal dak il-għan għandu jiġi promoss, fejn disponibbli, l-użu, partikolarment, tat-teknoloġija informatika tat-telekomunikazzjoni u/jew elettronika;

[…]”

7        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

[…]

d)      ‘informazzjoni dwar l-ambjent’ tfisser kwalunkwe informazzjoni f'għamla miktuba, viżwali, li tinstema', elettronika jew fi kwalunkwe forma materjali oħra dwar:

i)      l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturali inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi organiżmi ġenetikament modifikati, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

ii)      fatturi, bħalma huma s-sustanzi, l-enerġija, l-istorbju, ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjuattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ [rilaxx] ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi ta’ l-ambjent msemmija fil-punt (i);

[…]”

8        L-Artikolu 3 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Ir-Regolament [Nru 1049/2001] għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità […].”

9        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprevedi:

“Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament [Nru 1049/2001], […] għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. […]”

 Il-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ inklużjoni ta’ sustanzi attivi

10      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92, tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 342), jipprevedi l-modalitajiet għall-implementazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol multiannwali għall-eżami gradwali tas-sustanzi attivi preżenti fis-suq sentejn wara d-data ta’ notifika tad-Direttiva 91/414. Mill-Anness I ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-glifosat kien jaqa’ taħt l-ewwel stadju ta’ dan il-programm ta’ xogħol. Kien l-Istat Membru relatur li kellu jħejji abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament.

11      Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94, tas-27 ta’ April 1994, li jipprovdi s-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni ta’ pjanti u jawtorizza r-rapporteur tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 3600/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 84), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet innominata bħala Stat Membru relatur għall-glifosat.

12      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 1 u l-Anness I tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/99/KE, tal-20 ta’ Novembru 2001, li temenda l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-glifosat u t-tifensulfuron-metil bħala sustanzi attivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 182), il-glifosat ġie miżjud mal-Anness I tad-Direttiva 91/414, bi skadenza għall-inklużjoni fit-30 ta’ Ġunju 2012. Sussegwentement, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/77/UE, tal-10 ta’ Novembru 2010, li temenda d-Direttiva 91/414 fir-rigward tad-dati ta’ skadenza għall-inklużjoni fl-Anness 1 ta’ ċerti sustanzi attivi (ĠU 2010, L 293, p. 48), estendiet it-tul ta’ żmien għall-inklużjoni tal-glifosat sal-31 ta’ Diċembru 2015.

 Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-emissjonijiet industrijali

13      L-Artikolu 2(3) u (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva,

[…]

3)      ‘stallazzjoni’ għandha tfisser unita teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attivita waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I, u kull attivita oħra direttament assoċjata li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq dak is-sit u li jista’ jkollha effett fuq emissjonijiet u tniġġis;

[…]

5)      ‘emissjoni’ għandha tfisser ir-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn għejun individwali jew diffużi fl-istallazzjoni għal ġo l-arja, l-ilma jew l-art;

[…]”

14      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17):

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati ta’ tniġġis li jinħoloq mill-attivitajiet industrijali. […]”

15      L-Artikolu 3(3) u (4) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)      ‘installazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I jew fil-Parti I tal-Anness VII, u kull attività oħra direttament assoċjata fuq l-istess sit li jkollhom konnessjoni teknika mal-attivitajiet elenkati f’dawk l-Annessi u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis;

4)      ‘emissjoni’ tfisser ir-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn sorsi individwali jew diffużi fl-installazzjoni għal ġewwa l-arja, l-ilma jew l-art;

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Fl-20 ta’ Diċembru 2010, Stichting Greenpeace Nederland (iktar ’il quddiem, “Greenpeace Nederland”) u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) talbu, abbażi kemm tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll tar-Regolament Nru 1367/2006, l-aċċess għal diversi dokumenti marbuta mal-ewwel awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq tal-glifosat bħala sustanza attiva, maħruġa taħt id-Direttiva 91/414.

17      Id-dokumenti mitluba kienu s-segwenti:

–        kopja tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni redatt mill-Istat Membru relatur, jiġifieri r-Repubblika tal-Ġermanja, qabel l-ewwel inklużjoni tal-glifosat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (iktar ’il quddiem l-“abbozz tar-rapport”);

–        lista kompleta tat-testijiet kollha ppreżentati mill-applikanti għall-inklużjoni tal-glifosat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, deċiża permezz tad-Direttiva 2001/99; u

–        id-dokumentazzjoni kompleta, sħiħa u oriġinali tat-testijiet ippreżentata mill-applikanti għall-inklużjoni tal-glifosat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fl-2001, sa fejn din tirrigwarda t-testijiet ta’ tossiċità għal żmien twil, it-testijiet ta’ mutaġeniċità, ta’ karċinoġeniċità, ta’ newrotossiċità u l-istudji fuq ir-riproduzzjoni.

18      Wara li talab il-kunsens minn qabel tal-awtoritajiet Ġermaniżi, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, b’ittra tas-6 ta’ Mejju 2011, ta aċċess għall-abbozz tar-rapport, bl-eċċezzjoni tal-volum 4 tiegħu (iktar ’il quddiem, id-“dokument kontenzjuż”), għall-iżvelar ta’ liema l-imsemmija awtoritajiet kienu qed jopponu ruħhom. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, huwa spjega li l-konsultazzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniża kienet għadha għaddejja u li deċiżjoni kienet ser tittieħed sussegwentement.

19      Bid-deċiżjoni kontenzjuża, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni finalment irrifjuta l-aċċess għad-dokument kontenzjuż, billi bbaża ruħu fuq ir-rifjut espress mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

20      Insostenn ta’ din id-deċiżjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni sostna li dan l-Istat Membru kien qed jopponi ruħu għall-iżvelar ta’ dan id-dokument abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għaliex l-imsemmi dokument kien jinkludi informazzjoni kunfidenzjali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-applikanti għall-inklużjoni tal-glifosat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, jiġifieri l-kompożizzjoni kimika ddettaljata tas-sustanza attiva prodotta minn kull wieħed minnhom, informazzjoni ddettaljata dwar il-proċess ta’ produzzjoni ta’ din is-sustanza, informazzjoni dwar l-impuritajiet, il-kompożizzjoni tal-prodotti lesti u data dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn dawn id-diversi applikanti.

21      Wara li osserva li, skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, l-ebda interess pubbliku superjuri, kif previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kien jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni eżamina jekk tali interess pubbliku setax jiġi invokat fir-rigward tar-Regolament Nru 1367/2006. F’dan ir-rigward, huwa osserva, minn naħa, li l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament imsemmi l-aħħar, skont l-iżvelar huwa meqjus li jippreżenta interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent, ma kienx applikabbli għad-dokument kontenzjuż, għaliex dan ma kienx jinkludi tali informazzjoni.

22      Min-naħa l-oħra, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni enfasizza li l-informazzjoni inkwistjoni kienet tirrigwarda l-proċess ta’ produzzjoni tal-glifosat mill-applikanti għall-inklużjoni ta’ dan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi li għandu jsir, huwa qies li n-neċessità li jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-imsemmija applikanti kienet taqbeż l-interess pubbliku fl-iżvelar tal-informazzjoni. Fil-fatt, dan l-iżvelar f’dan il-każ ippermetta lil impriżi kompetituri li jikkopjaw il-proċess ta’ produzzjoni tal-applikanti għall-inklużjoni tal-glifosat, li wassal għal telf kunsiderevoli għal dawn tal-aħħar, bi ksur tal-interessi kummerċjali tagħhom u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-interess pubbliku fl-iżvelar tal-informazzjoni kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni, peress li l-effetti possibbli tal-emissjonijiet tal-glifosat jirriżultaw minn partijiet oħra tal-abbozz tar-rapport żvelati lill-pubbliku, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-impuritajiet rilevanti u l-metaboliti. Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar l-impuritajiet mhux rilevanti inklużi fid-dokument kontenzjuż, dawn jikkonċernaw elementi li ma jippreżentawx riskji għas-saħħa jew għall-ambjent, iżda li jwasslu sabiex jiġi żvelat il-proċess ta’ produzzjoni ta’ kull prodott.

23      Barra minn hekk, skont is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, mill-proċedura li permezz tagħha l-glifosat kien ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jirriżulta li r-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Nru 1367/2006, għal dak li jirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ informazzjoni dwar l-effetti ta’ din is-sustanza fuq l-ambjent, kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-protezzjoni tal-interessi tal-produtturi ta’ din is-sustanza kellha tipprevali.

24      Minn dan is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni kkonkluda li ma kienx hemm prova tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri favur l-iżvelar.

 Is-sentenza kkontestata

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2011, Greenpeace Nederland u PAN Europe ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Huma qajmu tliet motivi insostenn tar-rikors tagħhom.

26      Bl-ewwel motiv tagħhom, huma kkunsidraw li r-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx jagħti d-dritt ta’ veto lil Stat Membru u li l-Kummissjoni setgħet ma tibbażax ruħha fuq l-opinjoni tiegħu għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Bit-tieni motiv tagħhom, huma sostnew li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess intiża sabiex tipproteġi l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari prevista permezz tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament kellha, f’dan il-każ, tiġi eskluża. Fil-fatt, skont Greenpeace Nederland u PAN Europe, interess pubbliku superjuri kien jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba peress li din kienet tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Fl-aħħar nett, bit-tielet motiv tagħhom, Greenpeace Nederland u PAN Europe sostnew li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx konformi mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u mal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Århus, għaliex il-Kummissjoni ma kinitx evalwat ir-riskju konkret ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali invokati.

27      Il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv tar-rikors u, mingħajr ma ddikjarat ruħha fuq iż-żewġ motivi l-oħra, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tirrifjuta l-aċċess lill-partijiet għad-dokument kontenzjuż li jinkludi informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent, jiġifieri, l-ewwel nett, l-informazzjoni rigward l-identità u l-kwantità tal-impuritajiet kollha inklużi fis-sustanza attiva nnotifikata minn kull operatur, it-tieni nett, id-data li tirrigwarda l-impuritajiet ippreżentata fid-diversi lottijiet, kif ukoll il-kwantità minima, dik medja u dik massima ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet, u, it-tielet nett, l-informazzjoni rigward il-kompożizzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti żviluppati mid-diversi operaturi kkonċernati (iktar ’il quddiem, l-“informazzjoni kontenzjuża”).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

28      Bid-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

29      B’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2015, l-American Chemistry Council Inc. (ACC), il-CropLife America Inc. (iktar ’il quddiem, “CropLife”), il-CropLife International AISBL (CLI), il-European Chemical Industry Council (Cefic), il-European Crop Care Association (ECCA), il-European Crop Protection Association (ECPA) u n-National Association of Manufacturers of the United States of America (NAM) (iktar ’il quddiem, “NAM USA”) ġew ukoll ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

30      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2015, ir-Renju tal-Isvezja ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Greenpeace Nederland u ta’ PAN Europe.

31      Il-Kummissjoni kif ukoll l-ACC, il-CropLife, is-CLI, is-Cefic, l-ECCA, l-ECPA, in-NAM USA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tiddeċiedi hija nnifisha b’mod definittiv fuq l-ewwel u t-tielet motivi mqajma fl-ewwel istanza jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq l-imsemmija motivi, u

–        tikkundanna lil Greenpeace Nederland u lil PAN Europe għall-ispejjeż.

32      Greenpeace Nederland u PAN Europe jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell tal-Kummissjoni u tikkundanna lil din tal-aħħar għall-ispejjeż.

33      Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell tal-Kummissjoni.

 Fuq l-appell

34      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata, mill-Qorti Ġenerali, tal-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

35      Bl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta injorat in-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza “interna” tar-Regolament Nru 1049/2001.

36      Bit-tieni parti tal-imsemmi aggravju, il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolamenti Nri 1049/2001 u 1367/2006, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni s-sistema ta’ informazzjoni stabbilita b’mod speċifiku mil-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

37      Bit-tielet parti tal-istess aggravju, il-Kummissjoni ssostni, ukoll sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, in-neċessità li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tingħata, sa fejn huwa possibbli, interpretazzjoni konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mal-Artikoli 16 u 17 ta’ din, u mal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ, li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

 Fuq l-ewwel parti tal-uniku aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

38      Bl-ewwel parti tal-uniku aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta injorat in-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza “interna” tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 u l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus.

39      Wara li fakkret li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 toħroġ preżunzjoni irribattibbli favur l-iżvelar tal-informazzjoni li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv sabiex ma titneħħiex il-portata kollha tal-interessi msemmija fl-Artikolu 339 TFUE u fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

40      F’kull każ, il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li, sabiex taqa’ taħt l-imsemmi kunċett, l-informazzjoni inkwistjoni għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, tirrigwarda emissjonijiet li ġejjin minn installazzjonijiet bħal fabbriki u impjanti u, min-naħa l-oħra, tirrigwarda emissjonijiet konkreti fl-ambjent.

41      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, invokata wkoll mis-CLI, mis-Cefic, mill-ECPA u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hija tirriżulta mill-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus. Fil-fatt, għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “emissjoni”, l-ewwel edizzjoni ta’ din il-gwida kienet tirreferi għad-Direttiva 96/61. L-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi t-terminu “emissjoni” bħala r-rilaxx dirett jew indirett, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn għejun individwali jew diffużi fl-installazzjoni għal ġol-arja, l-ilma jew l-art, filwaqt li l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi t-terminu “[in]stallazzjoni” bħala unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. Bl-istess mod, it-tieni edizzjoni tal-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus hija redatta fl-istess termini, u tirreferi għad-Direttiva 2010/75, li ssostitwiet id-Direttiva 96/61, filwaqt li tipprovdi l-istess definizzjonijiet tat-termini “emissjoni” u “installazzjoni”. Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 għandu jiġi interpretat bħala limitat għal dawk koperti mid-Direttivi 96/61 u 2010/75.

42      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, is-CLI, is-Cefic u l-ECPA jżidu li din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bl-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament Nru 1367/2006 nnifsu, li jiddistingwixxi l-emissjonijiet mir-rilaxxi u l-iskariki l-oħra. L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali twassal sabiex tiġi eliminata din id-distinzjoni u sabiex jitqies li l-informazzjoni dwar l-ambjent kollha tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent.

43      Rigward it-tieni kundizzjoni, ukoll osservata mis-CLI u mis-Cefic, il-Kummissjoni tqis li ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ. Fil-fatt, id-dokument kontenzjuż ma jinkludix informazzjoni dwar in-natura u l-kwantità tal-emissjonijiet effettivament irrilaxxati fl-ambjent, peress li dawn l-emissjonijiet ivarjaw skont il-kwantitajiet ta’ prodott użati fil-fatt mill-agrikolturi u skont jekk il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jinkludux jew le eżattament l-istess sustanzi bħal dawk evalwati fl-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni.

44      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju adottat mill-Qorti Ġenerali sabiex tqis li informazzjoni hija “konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta “suffiċjentement diretta” bejn l-informazzjoni kkonċernata u l-emissjonijiet fl-ambjent, ma għandu l-ebda bażi legali u li n-natura vaga ta’ dan il-kriterju tikkawża problemi serji f’termini ta’ ċertezza legali, u dan huwa kkonfermat bil-mod li bih il-Qorti Ġenerali applikat dan il-kriterju fis-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punt 71 ta’ din, il-Qorti Ġenerali qieset li l-profil analitiku tal-lottijiet ittestjati, bl-eċċezzjoni tal-formuli strutturali tal-impuritajiet, kien jirrigwarda, b’mod suffiċjentement dirett, emissjonijiet fl-ambjent. Din l-affermazzjoni ma hija sostnuta bl-ebda argument.

45      Greenpeace Nederland u PAN Europe, sostnuti mir-Renju tal-Isvezja, jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

46      Għal dan l-għan, huma jsostnu essenzjalment, qabel kollox, li, peress li l-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-ambjent huwa l-prinċipju, ir-regola prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 u fil-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, skont liema l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar tal-“informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv.

47      Imbagħad, dawn il-partijiet iqisu li l-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus ma tippermettix li wieħed jibbaża ruħu fuq l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” issuġġerita mill-Kummissjoni peress li din il-gwida sempliċement tirreferi għad-definizzjoni ta’ “emissjoni” ipprovduta mid-Direttiva 96/61 bħala eżempju. F’kull każ, ma hemm xejn f’din il-konvenzjoni li jippermetti bażi għal tali interpretazzjoni. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni ma huwiex limitat għall-oqsma tal-ambjent marbuta mal-installazzjonijiet industrijali, iżda japplika, b’mod espliċitu u evidenti, għall-forom kollha ta’ oqsma u ta’ informazzjoni ta’ natura ambjentali.

48      Fl-aħħar nett, skont Greenpeace Nederland u PAN Europe, il-limitazzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” għal dik li tirrigwarda emissjonijiet konkreti għandha wkoll tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward, huma jsostnu, fost l-oħrajn, li l-informazzjoni kontenzjuża hija neċessarja sabiex, minn naħa, isiru magħrufa l-kwantitajiet u l-kwalità tar-rilaxx ta’ glifosat fl-ambjent kif ukoll il-kwantità tal-impuritajiet emessi u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi vverifikat jekk l-effetti tar-rilaxx ta’ din is-sustanza fl-ambjent inkwantu komponent ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ġewx evalwati korrettament. Peress li din l-informazzjoni tikkostitwixxi l-bażi li fuqha jista’ jiġi awtorizzat ir-rilaxx ta’ glifosat fl-ambjent, l-imsemmija informazzjoni tirrigwarda “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” jiġi limitat għal dik li tirrigwarda l-emissjonijiet effettivament irrilaxxati fl-ambjent waqt l-applikazzjoni tal-prodott inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ewwel parti tal-uniku aggravju, għandu jiġi stabbilit, kif tallega l-Kummissjoni, l-ewwel nett, jekk il-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv, it-tieni nett, jekk dan il-kunċett għandux jiġi limitat għall-informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet li ġejjin minn installazzjonijiet industrijali bħalma huma fabbriki u impjanti, it-tielet nett, jekk l-imsemmi kunċett ikoprix biss l-informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet konkreti fl-ambjent u, ir-raba’ nett, jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li biżżejjed li informazzjoni tirrigwarda “b’mod suffiċjentement dirett” l-emissjonijiet fl-ambjent sabiex taqa’ taħt l-istess kunċett.

–       Fuq l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”

50      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv, huwa minnu li għandha tiġi adottata interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett li ma tneħħix l-essenza kollha tal-portata tal-Artikolu 339 TFUE u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn dawn l-artikoli jipproteġu s-sigriet professjonali u l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari. Fil-fatt, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet previst minn dan ir-regolament huwa, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata, suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, fosthom il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari.

51      Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dan il-kunċett ma jistax jingħata interpretazzjoni restrittiva.

52      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, Suède et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 69, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 28). Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 1367/2006 għandu l-għan, kif jipprevedi l-Artikolu 1 tiegħu, li jiggarantixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni u t-tixrid sistematiċi l-iktar wiesa’ possibbli tal-informazzjoni dwar l-ambjent li tkun miżmuma mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni.

53      Għalhekk, huwa biss sa fejn jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għal dawn id-dokumenti billi jirrestrinġu dan l-aċċess, li l-eċċezzjonijiet minn dan il-prinċipju, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandhom, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 73, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 30). In-neċessità ta’ tali interpretazzjoni restrittiva hija, barra minn hekk, ikkonfermata permezz tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006.

54      Min-naħa l-oħra, billi tistabbilixxi preżunzjoni skont liema l-iżvelar tal-“informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, bl-eċċezzjoni ta’ dik rigward investigazzjonijiet, huwa meqjus li jippreżenta interess pubbliku superjuri meta mqabbel mal-interess ibbażat fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, b’tali mod li l-protezzjoni tal-imsemmija interessi kummerċjali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tidderoga effettivament, kif tenfasizza b’mod partikolari s-CLI, mir-regola ta’ bbilanċjar tal-interessi prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, l-imsemmija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tippermetti b’dan il-mod implementazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni, b’tali mod li interpretazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr twettiq ta’ żball ta’ liġi li, fil-punti 49 u 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma adottatx interpretazzjoni restrittiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 u tal-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”.

–       Fuq il-limitazzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” għal dik li tirrigwarda emissjonijiet li ġejjin minn installazzjonijiet industrijali

56      Rigward l-argument tal-Kummissjoni skont liema l-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 għandu jiġi interpretat bħala limitat għall-informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet li ġejjin minn installazzjonijiet industrijali bħalma huma fabbriki u impjanti, għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li, bil-kontra ta’ dak li tallega din l-istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali rrispondiet b’mod espliċitu għal dan l-argument, fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza appellata, qabel ma ċaħditu.

57      Fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, huwa minnu li għandu jiġi osservat li, fil-verżjoni tas-sena 2000, il-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus kienet tipproponi, għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “emissjoni” fis-sens tal-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) ta’ din il-konvenzjoni, li tintuża d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett mogħtija mill-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 96/61, u, fil-verżjoni tagħha tas-sena 2014, issa tirreferi għad-definizzjoni prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2010/75, li tirriproduċi b’mod identiku dik mogħtija mill-ewwel direttiva.

58      Minn dawn id-direttivi jirriżulta essenzjalment li jikkostitwixxu “emissjonijiet” fis-sens ta’ dawn ir-rilaxxi diretti jew indiretti, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn għejun individwali jew diffużi f’ċerti installazzjonijiet industrijali għal ġol-arja, l-ilma jew l-art.

59      Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali osservat ġustament fil-punt 55 tas-sentenza appellata, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk din il-gwida tista’ titqies bħala dokument spjegattiv, li jista’, fejn xieraq, jittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi rilevanti oħra, sabiex tiġi interpretata l-Konvenzjoni ta’ Århus, l-iżviluppi li hija tinkludi ma għandhomx saħħa vinkolanti u ma għandhomx il-portata normattiva marbuta mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Minn naħa, ma hemm xejn fir-Regolament Nru 1367/2006 li jippermetti li jitqies li l-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi ristrett għal dawk li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali, bħalma huma fabbriki u impjanti.

61      Din il-limitazzjoni lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-Konvenzjoni ta’ Århus, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi interpretat ir-Regolament Nru 1367/2006, għaliex, kif jipprevedi l-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jikkontribwixxi għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni billi jistabbilixxi regoli maħsuba biex japplikaw għall-istituzzjonijiet u għall-korpi tal-Unjoni d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni.

62      Bil-kontra, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 72 tas-sentenza ta’ din il-ġurnata, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting (C‑442/14), tali limitazzjoni tmur kontra l-formulazzjoni nnifisha tal-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi żvelata. Issa, informazzjoni dwar emissjonijiet li ġejjin minn sorsi oħrajn għajr installazzjonijiet industrijali, bħalma huma dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq il-pjanti jew fl-art, hija daqstant rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent bħall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ oriġini industrijali.

63      Min-naħa l-oħra, limitazzjoni tal-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 għal dawk li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali, bħalma huma fabbriki u impjanti, tmur kontra l-għan ta’ żvelar l-iktar wiesa’ possibbli tal-informazzjoni dwar l-ambjent segwit permezz ta’ dan ir-regolament (ara, b’mod analogu, is-sentenza ta’ din il-ġurnata, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, punt 73).

64      Mill-bqija, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tali limitazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata bl-għan li tiġi ppreżervata l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari bejn ir-Regolament Nru 1367/2006 u d-Direttivi 96/61 u 2010/75. Fil-fatt, il-limitazzjoni, fid-direttivi msemmija l-aħħar, tal-kunċett ta’ “emissjonijiet” għal dawk li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali hija ġġustifikata bl-għan innifsu tal-imsemmija direttivi li, kif jindika l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/75, huwa preċiżament li jiġu stabbiliti regoli rigward il-prevenzjoni u t-tnaqqis integrati tat-tniġġis li ġej mill-attivitajiet industrijali. Min-naħa l-oħra, tali limitazzjoni ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 1367/2006, li huwa, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni. Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “emissjoni” fid-dritt tal-Unjoni ma huwiex univoku, iżda jvarja skont il-qasam ta’ applikazzjoni previst. B’dan il-mod, id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett mogħtija permezz tad-Direttivi 96/61 u 2010/75 hija differenti minn dik prevista fost l-oħrajn fl-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357) jew inkella minn dik prevista fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 320).

65      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu b’mod partikolari s-CLI, is-Cefic, l-ECPA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tali limitazzjoni lanqas ma għandha bażi fl-Artikolu 2(1)(d)(ii) tar-Regolament Nru 1367/2006.

66      Huwa minnu li din id-dispożizzjoni, li telenka l-fatturi li għandhom mnejn jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “informazzjoni dwar l-ambjent”, tidher, mal-ewwel daqqa t’għajn, li tiddistingwixxi l-kunċett ta’ “emissjonijiet” minn dak ta’ “skariki” u minn dak ta’ “[rilaxx]” fl-ambjent, u minn dan jirriżulta, skont is-CLI, is-Cefic, l-ECPA u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi limitat għall-emissjonijiet li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali, bl-esklużjoni tal-iskariki u r-rilaxxi l-oħra fl-ambjent.

67      Madankollu, minn naħa, distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “emissjonijiet”, ta’ “skariki” u ta’ “rilaxx” ma tagħmilx parti mill-Konvenzjoni ta’ Århus li sempliċement tipprevedi, fil-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tagħha li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni industrijali jew kummerċjali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar ta’ “informazzjoni dwar l-emissjonijiet li tkun rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent” (ara s-sentenza ta’ din il-ġurnata, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, punt 62).

68      Min-naħa l-oħra, tali distinzjoni ma hijiex rilevanti fid-dawl tal-għan ta’ żvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent segwit permezz tar-Regolament Nru 1367/2006 u hija artifiċjali. Barra minn hekk, dawn il-kunċetti huma sovrapposti fil-biċċa l-kbira, kif juri l-użu tal-espressjoni “[rilaxx] ieħor” fl-Artikolu 2(1)(d)(ii) ta’ dan ir-regolament li minnha jirriżulta li l-emissjonijiet u l-iskariki jikkostitwixxu wkoll rilaxx fl-ambjent (ara, b’mod analogu, is-sentenza ta’ din il-ġurnata, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, punti 63 u 65).

69      Għaldaqstant, ma hemmx lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li l-kunċett ta’ “emissjonijiet” jiġi distint minn dak ta’ “skariku” u dak ta’ “rilaxx” fl-ambjent (ara, b’mod analogu, is-sentenza ta’ din il-ġurnata, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, punt 67).

70      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa mingħajr twettiq ta’ żball ta’ liġi li, fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis li l-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat għall-informazzjoni rigward l-emissjonijiet li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali.

–       Fuq il-limitazzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” għal dik li tirrigwarda emissjonijiet konkreti fl-ambjent

71      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni skont liema l-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1), tar-Regolament Nru 1367/2006 jkopri biss l-informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet konkreti fl-ambjent, li ma huwiex il-każ tal-informazzjoni kontenzjuża, għandu fil-fatt jiġi enfasizzat li, bħalma ssostni l-Kummissjoni, dan il-kunċett ma jinkludix l-informazzjoni rigward emissjonijiet ipotetiċi.

72      Fil-fatt, mill-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(d) ta’ dan, jirriżulta essenzjalment li l-għan tal-imsemmi regolament huwa li jiġi ggarantit id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni rigward fatturi, bħall-emissjonijiet, li għandhom jew jista’ jkollhom effetti fuq l-elementi tal-ambjent, b’mod partikolari fuq l-arja, l-ilma u l-art. Issa, mid-definizzjoni tagħhom, dan ma huwiex il-każ ta’ emissjonijiet purament ipotetiċi (ara, b’mod analogu, is-sentenza ta’ din il-ġurnata, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, punt 80).

73      Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dan il-kunċett ma jistax, madankollu, ikun limitat biss għall-informazzjoni li tirrigwarda l-emissjonijiet effettivament irrilaxxati fl-ambjent waqt l-applikazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tas-sustanza attivi fuq il-pjanti jew fl-art, emissjonijiet li jiddependu b’mod partikolari fuq il-kwantitajiet ta’ prodott użati fil-fatt mill-agrikolturi kif ukoll fuq il-kompożizzjoni eżatt tal-prodott finali kkumerċjalizzat.

74      B’dan il-mod, taqa’ wkoll taħt l-imsemmi kunċett l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet prevedibbli tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tas-sustanza attiva inkwistjoni fl-ambjent, f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza li jikkorrispondu għal dawk li għalihom hija mogħtija l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq tal-imsemmi prodott jew tal-imsemmija sustanza attiva u li jipprevalu fiż-żona fejn dan il-prodott jew din is-sustanza huma intiżi li jintużaw (ara, b’mod analogu, is-sentenza ta’ din il-ġurnata, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, punti 78 u 79).

75      Fil-fatt, jekk it-tqegħid fis-suq ta’ prodott jew ta’ sustanza ma huwiex biżżejjed b’mod ġenerali sabiex jitqies li dan il-prodott jew din is-sustanza ser jiġu rrilaxxati neċessarjament fl-ambjent u li l-informazzjoni li tikkonċerna l-imsemmi prodott jew sustanza tirrigwarda “emissjonijiet fl-ambjent”, il-każ huwa differenti fir-rigward ta’ prodott, bħal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u tas-sustanzi li dan il-prodott jinkludi, li huma, fil-kuntest ta’ użu normali, intiżi sabiex jiġu rrilaxxati fl-ambjent minħabba l-funzjoni nnifisha tagħhom. F’dan il-każ, l-emissjonijiet prevedibbli, f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu, tal-prodott inkwistjoni, jew tas-sustanzi li dan il-prodott jinkludi, fl-ambjent ma humiex ipotetiċi u jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 (ara, b’mod analogu, is-sentenza ta’ din il-ġurnata, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, punti 78 u 79).

76      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiżbalja meta ssostni li, meta qieset li d-dokument kontenzjuż kien jinkludi “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi għaliex dan id-dokument ma jinkludix informazzjoni dwar in-natura u l-kwantità tal-emissjonijiet effettivament irrilaxxati fl-ambjent waqt l-applikazzjoni tal-prodott inkwistjoni.

–       Fuq il-kriterju rigward l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn l-informazzjoni u l-emissjonijiet fl-ambjent

77      Fl-aħħar lok, għandu jiġi stabbilit jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, tqis li biżżejjed li informazzjoni tirrigwarda “b’mod suffiċjentement dirett” l-emissjonijiet fl-ambjent sabiex taqa’ taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jew jekk, kif tallega l-Kummissjoni, tali kriterju, rigward l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn l-informazzjoni inkwistjoni u l-emissjonijiet, għandux jiġi eskluż sa fejn ma huwiex fondat fil-liġi.

78      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1), tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, jiġifieri dik li tirrigwarda jew li hija marbuta ma’ tali emissjonijiet, u mhux l-informazzjoni li għandha rabta, diretta jew indiretta, mal-emissjonijiet fl-ambjent. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bil-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus li tirreferi għall-“informazzjoni dwar l-emissjonijiet”.

79      Fir-rigward tal-għan segwit permezz tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 li jiġi ggarantit prinċipju ta’ aċċess għall-“informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi b’mod partikolari d-data li tippermetti lill-pubbliku jkun jaf dak li jiġi effettivament irrilaxxat fl-ambjent, jew dak li ser jiġi rrilaxxat b’mod prevedibbli f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni li jikkorrispondu għal dawk li għalihom ingħatat l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza u li jipprevalu fiż-żona fejn l-imsemmi prodott jew l-imsemmija sustanza huma intiżi li jintużaw. B’dan il-mod, l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat b’mod li jkopri b’mod partikolari l-indikazzjonijiet marbuta man-natura, mal-kompożizzjoni, mal-kwantità, mad-data u mal-post tal-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli, f’tali kundizzjonijiet, tal-imsemmi prodott jew tal-imsemmija sustanza.

80      Għandha wkoll tiġi inkluża fil-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” l-informazzjoni li tippermetti lill-pubbliku jivverifika jekk l-evalwazzjoni tal-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli, li abbażi tagħha l-awtorità kompetenti awtorizzat il-prodott jew is-sustanza inkwistjoni, hijiex korretta, kif ukoll id-data marbuta mal-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-ambjent. Fil-fatt, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta essenzjalment li l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent iggarantit b’dan ir-regolament huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiffavorixxi parteċipazzjoni hija effettiva tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali b’mod li jissaħħaħ l-obbligu tal-korpi kompetenti li jagħtu rendikont fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjoni sabiex isir kontribut għall-kuxjenza pubblika u jiżdied l-appoġġ tal-pubbliku għad-deċiżjonijiet meħuda. Sabiex jiżgura ruħu li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ambjent huma fondati u li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni li tippermettilu jivverifika jekk l-emissjonijiet ġewx evalwati korrettament u għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem raġonevolment il-mod li bih l-ambjent għandu mnejn jiġi affettwat mill-imsemmija emissjonijiet.

81      Min-naħa l-oħra, jekk, hekk kif ġie espost fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, dan il-kunċett ma jistax madankollu jinkludi l-informazzjoni kollha li għandha kwalunkwe rabta, anki diretta, ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fil-fatt, kieku l-imsemmi kunċett kellu jiġi interpretat fis-sens li jkopri tali informazzjoni, huwa jeżawrixxi fil-parti l-kbira l-kunċett ta’ “informazzjoni dwar l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament Nru 1367/2006. Tali interpretazzjoni tneħħi, b’dan il-mod, kull effett utli tal-possibbiltà, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent għar-raġuni, b’mod partikolari, li tali żvelar jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari u jqiegħed f’periklu l-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiżgura bejn l-għan ta’ trasparenza u l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi. Hija tippreġudika wkoll b’mod sproporzjonat il-protezzjoni tas-sigriet professjonali ggarantit permezz tal-Artikolu 339 TFUE.

82      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, meta ddeċidiet, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li huwa biżżejjed li informazzjoni tirrigwarda, b’mod suffiċjentement dirett, emissjonijiet fl-ambjent sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi.

83      Għaldaqstant, peress li l-ewwel parti tal-uniku aggravju hija fondata, għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra tal-uniku aggravju, is-sentenza appellata.

 Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata

84      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

85      F’dan il-każ, is-soluzzjoni tat-tilwima timplika evalwazzjoni ġdida tal-fatti li għandha ssir mill-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 78 sa 80 ta’ din is-sentenza, wara li tkun tat lill-partijiet il-possibbiltà li jesprimu ruħhom. Jekk, wara din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li l-informazzjoni kontenzjuża ma taqax taħt il-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, hija jkollha tiddeċiedi fuq l-ewwel u t-tielet motivi invokati minn Greenpeace Nederland u minn PAN Europe fil-kuntest tar-rikors tagħhom għal annullament.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u, għaldaqstant, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

87      Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Ottubru 2013, Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il-Kummissjoni (T‑545/11, EU:T:2013:523), hija annullata.

2)      Il-Kawża T‑545/11 hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.